31991R2092



Official Journal L 198 , 22/07/1991 P. 0001 - 0015
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 10 P. 0124
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 10 P. 0124


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2092/91

tal-24 ta' Ġunju 1991

dwar il-produzzjoni organika ta' prodotti agrikoli u l-indikazzjonijiet li jirreferu għalihom fil-prodotti agrikoli u fl-oġġetti ta' l-ikel

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Socjali [3],

Billi t-talba mill-konsumaturi għal prodotti agrikoli u l-oġġetti ta' l-ikel li jkunu gew prodotti fuq bażi organika qiegħda dejjem tiżdied; billi b'hekk qiegħed jinholoq suq gdid għal prodotti agrikoli b'dan il-fenomenu;

Billi l-prezz fis-suq ta' dawn it-tipi ta' prodotti huwa ogħla, waqt li l-metodu li bih ikunu prodotti jinvolvi anqas użu intensiv ta' art; billi, għalhekk, fil-kuntest ta' ri-orjentazzjoni ta' l-istrategija agrikola komuni, din it-tip ta' produzzjoni tista twassal lejn il-kisba ta' bilanc aħjar bejn il-fornitura ta', u t-talba għal, prodotti agrikoli, il-harsien ta' l-ambjent u l-konservazzjoni tal-kampanja;

Billi, bi tweġiba għaż-żieda fit-talba, prodotti agrikoli u oġġetti ta' l-ikel qegħdin jitqiegħdu fis-suq b'indikazzjonijiet li jgħidu lil u jimplikaw għax-xerrejja li dawn kienu gew prodotti organikament jew mingħajr l-użu ta' kimiċi sintetiċi;

Billi uhud mill-Istati Membri diga’ adottaw regoli u arranġamenti ta' spezzjonijiet għall-użu ta' l-indikazzjonijiet bhal dawn;

Billi qafas ta' regoli tal-Komunità dwar il-produzzjoni, twaħħil tat-tikketti u spezzjonar jgħinu halli x-xogħol organiku tar-raba’ jkun imhares sal-limitu li jassiguraw kondizzjonijiet għal kompetizzjoni ġusta bejn il-produtturi tal-prodotti li jkunu juru dawn l-indikazzjonijiet u jagħtu profil aktar distintiv fis-suq ta' prodotti organiċi billi jassiguraw trasparenza fl-istadji kollha tal-produzzjoni u l-ipproċessar, u b'hekk titjieb il-kredibilità ta' dawn il-prodotti f'għajnejn il-konsumaturi;

Billi l-metodi tal-produzzjoni organika joħolqu tip speċifiku ta' produzzjoni fil-livell ta' rziezet; billi, b'konsegwenza ta' dan, għandha ssir dispożizzjoni li, fuq it-tikketti ta' prodotti proċessati, indikazzjonijiet li jirreferu għal metodi ta' produzzjoni organika għandhom jirrelataw għall-ingredjenti li jkunu gew akkwistati b'dan il-metodu;

Billi, għall-implimentazzjoni tal-arranġamenti kkonċernati, għandha ssir dispożizzjoni għal proċeduri flessibbli li bihom certi dettalji jew miżuri tekniċi jistgħu jkunu emendati, amplifikati jew definiti aktar sabiex titqies l-esperjenza miksuba; billi, fi żmien xieraq, dan ir-Regolament għandu jkun issupplimentat b'regoli ekwivalenti li jkopru l-produzzjoni tal-bhejjem;

Billi, fl-interess tal-produtturi u x-xerreja ta' prodotti li jkollhom l-indikazzjonijiet li jirreferu għal metodi ta' produzzjoni organika, il-prinċipji minimi li għandhom jigu mħarsa sabiex dawk il-prodotti li jkunu ppreżentati b'dawn l-indikazzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti;

Billi metodi ta' produzzjoni organika jinvolvu restrizzjonijiet sinifikanti dwar l-użu ta' fertilizzanti u pestiċidi li jistgħu jkollhom effett hażin fuq l-ambjent jew inkella li jirriżultaw fi preżenza ta' residwi fil-prodott agrikolu; billi, f'dan il-kuntest, il-prattiċi aċċettabbli fil-Komunità meta dan ir-Regolament ikun adottat għandhom jiġu osservati skond il-kodiċi ta' prattika użata fil-Komunità meta dan ir-Regolament ikun adottat; billi, aktar minn hekk, fil-futur il-prinċipji li jirregolaw l-awtorizzazzjoni ta' prodotti li jistgħu jintużaw f’dan it-tip ta' xogħol tar-raba għandhom ikunu stabbiliti;

Billi, barra minn hekk, xogħol organiku tar-raba’ jinvolvi diversi prattiċi ta' koltivazzjoni u ta' l-użu limitat ta' fertilizzanti mhux sintetiċi u kondizzjonaturi b'solubilità baxxa; billi dawn il-prattiċi għandhom ikunu spcċifikati u jigu preskritti l-kondizzjonijiet għall-użu ta' ċerti prodotti;

Billi l-proċeduri preskritti jiffaċilitaw, jekk ikun jidher meħtieg, iż-żieda ma’ l-Anness I ta' dispożizzjonijiet aktar speċifiċi li jkollhom il-għan li jevitaw il-preżenza ta' ċerti residwi ta' kimiċi sintetiċi minn sorsi oħrajn għajr dawk agrikoli (kontiminazzjoni ambjentali) fil-prodotti miksuba b'dawn il-metodi ta' produzzjoni;

Billi, biex ikun hemm konformità mar-regoli tal-produzzjoni, l-istadji kollha tal-produzzjoni u tal-marketing għandhom normalment ikunu suggetti għal spezzjoni;

Billi l-operaturi kollha li jipproduċu, iħejju, jimpurtaw jew iqiegħdu fis-suq prodotti b'indikazzjonijiet li jirreferu għal metodi ta' produzzjoni organika għandhom ikunu suġġetti għal sistemi ta' spezzjonar regolari li jkunu jħarsu l-ħtigiet minimi tal-Komunità u li jsiru minn awtoritajiet nominati ta' spezzjonar u/jew minn entitajiet approvati u s-sorveljati; billi għandha ssir dispożizzjoni biex ikun hemm indikazzjoni ta' spezzjoni tal-Komunità qed tidher fuq it-tikketta tal-prodott ikkoncernat,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Kamp ta' applikazzjoni

Artikolu 1

1. Dan ir-Regolament għandu japplika għall-prodotti li ġejjin, meta dawn il-prodotti jkollhom, jew ikun intiżi li jkollhom, indikazzjonijiet li jirreferu għal metodi ta' produzzjoni organika:

(a) prodotti ta' uċuh agrikoli li ma jkunux ipproċessati; ukoll annimali u prodotti minn annimali li ma jkunux ipproċessati, sal-punt li l-prinċipji tal-produzzjoni u r-regoli speċifiċi ta' spezzjonar għal dawn ikunu ntrodotti fl-Annessi I u III;

(b) prodotti intiżi għal konsum uman li jkunu essenzjalment magħmula minn ingredjent wieħed jew aktar ta' oriġini mill-pjanti; u b'żieda ma dan, ma' l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-produzzjoni ta' bhejjem tal-irziezet imsemmijin fi (a), prodotti intiżi għal konsum uman li jkun fihom ingredjenti ta' oriġini mill-annimali.

2. Proposta li tikkonċerna l-prinċipji u l-miżuri speċifiċi ta' kontroll li jirregolaw il-produzzjoni organika ta' l-annimali, prodotti mill-annimali li ma jkunux ipproċessati u prodotti intiżi għal konsum uman li jkun fihom ingredjenti ta' oriġini mill-annimali għandhom jintbagħtu mill-Kummissjoni malajr kemm jista' jkun u qabel l-1 ta' Lulju 1992.

Artikolu 2

Ghall-għanijiet ta' dan ir-Regolament prodott għandu jkun meqjus li jkollu indikazzjonijiet li jirreferu għal metodi ta' produzzjoni organika meta, fuq it-tikketta, materjal ta' reklamar jew dokumenti kummerċjali, dak il-prodott jew l-ingredjenti tiegħu ikun deskritt bl-indikazzjonijiet użati f'kull Stat Membru li jissuggerixxu lix-xerrej li l-prodott jew l-ingredjenti tiegħu ikunu ġew akkwistati skond ir-regoli tal-produzzjoni preskritti fl-Artikoli 6 u 7 u partikolarment fit-termini li ġejjin, sakemm dawn it-termini ma jkunux applikati għal prodotti agrikoli fl-oġġetti ta' l-ikel jew bla ebda dubju ma jkollhom l-ebda konnessjoni mal-metodu tal-produzzjoni:

—bl-Ispanjol: | ecológico, |

—bid-Daniż: | oekologisk, |

—bil-Germaniż: | oekologisch, |

—bil-Grieg: | âéïëïãéêue, |

—bil-Ingliż: | organic, |

—bl-Franciż: | biologique, |

—bil-Taljan: | biologico, |

—bit-Olandiż: | biologisch, |

—bl-Portugiż: | biológico. |

—bil-Malti: | organiku |

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu japplika bla hsara għal dispożizzjonijiet l-oħra tal-Komunità li jirregolaw il-produzzjoni, il-preparazzjoni, il-marketing, l-ittikkettjar u l-ispezzjonar tal-prodotti speċifikati fl-Artikolu 1.

Definizzjonijiet

Artikolu 4

Ghall-għan ta' dan ir-Regolament:

1. "tikkettjar" għandha tfisser kull kliem, dettalji, marki tal-fabbrika, ismijiet tal-prodott, materjal pittoresk jew simboli fuq kull tip tal-ippakkjar, dokument, avviż, tikketta, kartonċina jew kullar li jkun ma jew jirreferi għal prodott speċifikat fl-Artikolu 1;

2. "produzzjoni" għandha tfisser l-operazzjonijiet involuti fil-produzzjoni tal-prodotti agrikoli fl-istat li fl-irziezet tiegħu normalment ikunu gew prodotti

3. "preparazzjoni" għandha tfisser l-operazzjoni tal-ipproċessar, l-ippriservar u l-ippakkjar tal-prodotti agrikoli;

4. "marketing" għandu jfisser iż-żamma jew wiri għal bejgħ, l-offerta għal bejgħ, il-bejgħ, it-tqassim jew it-tqegħid fis-suq f'kull xorta ta' għamla oħra;

5. "operatur" għandha tfisser kull persuna naturali jew legali li tipproduċi, tipprepara jew timporta minn xi pajjiż terz, bil-għan ta' marketing sussegwenti tagħhom, prodotti kif imsemmijin fl-Artikolu 1, jew min iqiegħed fis-suq dawn il-prodotti;

6. "ingredjenti" għandha tfisser dawk is-sustanzi, inklużi l-addittivi, użati fil-preparazzjoni tal-prodotti speċifikati fl-Artikolu 1(1)(b) li jkunu għadhom preżenti, għalkemm f'għamla mibdula, fil-prodott finali;

7. "prodotti għall-harsien tal-pjanti" għandhom ifissru dawk il-prodotti kif definiti fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/117/KEE tal-21 ta' Dicembru 1978 li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq u l-użu ta' prodotti għal harsien tal-pjanti li jkun fihom ċerti sustanzi attivi [4], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 89/365/KEE [5];

8. "diterġenti" għandha tfisser sustanzi u preparazzjonijiet, fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 73/404/KEE tat-22 ta' Novembru 1973 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jirrigwardjaw id-diterġenti [6], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 86/94/KEE [7], li huma intiżi għat-tindif ta' ċerti prodotti kif referuri fl-Artikolu 1(1)(a).

Tikkettjar

Artikolu 5

1. L-ittikkettjar u r-reklamar ta' prodott speċifikat fl-Artikolu 1(1)(a) jista' jirreferi għal metodi tal-produzzjoni agrikola biss meta:

(a) indikazzjonijiet bhal dawn juru ċar li jkunu jirreferu għal xi metodu tal-produzzjoni agrikola;

(b) il-prodott ġie prodott skond ir-regoli stabbiliti fl-Artikoli 6 u 7 jew impurtat minn xi pajjiż terz skond l-arrangamenti stabbilit fl-Artikolu 11;

(ċ) il-prodott kien prodott jew impurtat minn operatur li jkun suggett għall-miżuri ta' spezzjoni stabbilit fl-Artikoli 8 u 9.

2. L-ittikkettjar u r-reklamar ta' prodott speċifikat fl-Artikolu 1(1)(b) jista' biss jirreferi għal metodi tal-produzzjoni organika meta dawn l-indikazzjonijiet juru biċ-ċar li huma jirrelataw għal xi metodu ta' produzzjoni agrikola u li jkollhom magħhom referenza għall-produzzjoni agrikola skond il-każ, kif miksub fir-razzett.

3. L-ittikkettjar u r-reklamar ta' prodott speċifikat fl-Artikolu 1(1)(b) jista' jirreferi, fid-deskrizzjoni tal-bejgħ tal-prodott, għal metodi ta' produzzjoni agrikola, biss meta:

(a) l-ingredjenti kollha ta' l-oriġini agrikola tal-prodott ikunu, jew joriġinaw minn, prodotti li jkunu miksuba skond ir-regoli stabbilit fl-Artikoli 6 u 7 jew li jkunu impurtati minn pajjiżi terzi skond il-ftehim stabbilit fl-Artikolu 11;

(b) il-prodott ikun fih biss is-sustanzi li hemm elenkati fl-Anness VI, is-Sezzjoni A, bhala ingredjenti ta' l-oriġini mhux agrikola;

(ċ) il-prodott jew l-ingredjenti tiegħu ma jkunux gew suġġetti, matul it-tħejjija, għal trattamenti li jinvolvu l-użu ta' radjazzjoni jonika jew sustanzi li mhumiex elenkati fl-Anness VI, is-Sezzjoni B;

(d) il-prodott kien ippreparat minn operatur li jkun suġġett għall-miżuri ta' spezzjonar stabbilit fl-Artikoli 8 u 9.

4. B'deroga mill-paragrafu 3 (a), ċerti ingredjenti ta' l-oriġini agrikola li ma jissodisfawx il-htiġiet ta' dak il-paragrafu jistgħu ikunu wżati, fil-limiti tal-livell massimu ta' 5 % tal-ingredjenti ta' l-oriġini agrikola fil-prodott finali, fit-tħejjija tal-prodotti kif stabbilit fl-Artikolu 1(1)(b), sakemm dawn l-ingredjenti:

- ikunu ta' l-oriġini agrikola u ma jkunux ġew prodotti fil-Komunità skond ir-regoli stabbilit fl-Artikoli 6 u 7, jew

- ikunu ta' l-oriġini agrikola u ma jkunux prodotti fi kwantitajiet suffiċjenti fil-Komunità skond ir-regoli stabbilit fl-Artikoli 6 u 7.

5. Matul perjodu transitorju li jeskadi fl-1 ta' Lulju 1994, indikazzjonijiet li jirreferu għal skambju lejn metodi ta' produzzjoni organika jistgħu jingħataw fuq it-tikketta u fir-reklami tal-prodott kif preskritt fl-Artikolu 1(1)(a) jew (b) meta jkun magħmul minn ingredjent wiehed ta' l-oriġini agrikola, sakemm:

(a) il-htiġiet referuti fil-paragrafu 1 jew fil-paragrafu 3 rispettivament ikunu ġew osservati, bl-eċċezzjoni ta' dak li jikkonċerna t-tul tal-perjodu tal-iskambju imsemmi fil-paragrafu 1 tal-Anness I;

(b) perjodu ta' skambju ta' mill-anqas 12-il xhar qabel il-ħsad ikun ġie osservat;

(ċ) l-indikazzjonijiet ikkonċernati ma jiżgwidawx lix-xerrej tal-prodott rigward id-differenza minn prodotti li jissodisfaw il-htiġiet ta' dan ir-Regolament;

(d) il-konformità mal-kondizzjoni preskritta fi (a) u (b) tkun ġiet ikkonfermata mill-organizzazzjoni li tagħmel l-ispezzjoni.

6. L-ittikkettjar u r-reklamar ta' prodott kif preskritt fl-Artikolu 1(1)(b) imħejji parzjalment minn ingredjenti li ma jissodifawx il-htiġiet tal-paragrafu 3 (a) jistgħu jirreferu għal metodi ta' produzzjoni organika sakemm:

(a) mill-anqas 50 % tal-ingredjenti ta' l-oriġini agrikola jkunu jissodisfaw il-htiġiet tal-paragrafu 3 (a);

(b) il-prodott jissodisfa l-htiġiet tal-paragrafu 3 (b), (c) u (d);

(ċ) l-indikazzjonijiet li jirreferu għal metodi tal-produzzjoni organika:

- jidhru biss fil-lista tal-ingredjenti kif hemm previst fid-Direttiva 79/112/KEE [8], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 89/395/KEE [9],

- jirreferu biċ-ċar biss għal dawk l-ingredjenti miksuba skond ir-regoli referuti fl-Artikoli 6 u 7;

(d) l-ingredjenti u l-livelli relattivi tagħhom jidhru fl-ordni minn fuq għal isfel skond il-piż fil-lista tal-ingredjenti;

(e) indikazzjonijiet fil-lista tal-ingredjenti jidhru fl-istess kulur u bl-istess daqs u stil ta' ittri.

7. Regoli dettaljati li jikkonċernaw l-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu jistgħu ikunu stabbiliti skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 14.

8. Listi limitattivi tas-sustanzi u l-prodotti referuti fil-paragrafu 3 (b) u (c) u fl-ewwel u t-tieni inciżi tal-paragrafu 4 għandhom ikunu stabbiliti fl-Anness VI skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14.

Kondizzjonijiet għall-użu u htiġiet ta' komposizzjoni ta' dawn l-ingredjenti u s-sustanzi jistgħu jkunu speċifikati.

Meta xi Stat Membru jikkunsidra li prodott għandu jkun miżjud mal-listi msemmija hawn fuq jew li emendi għandhom isiru għalihom, dan għandu jassigura li l-inkartament li jagħti r-raġunijiet għall-inklużjoni jew għall-emendi jintbgħat uffiċjalment lill-Istati Membri l-ohrajn u lill-Kummissjoni, li għandha tippreżentah lill Kumitat imsemmi fl-Artikolu 14.

9. Qabel l-1 ta' Lulju 1993, il-Kummissjoni għandha tirrevedi d-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu, u partikolarment il-paragrafi 5 u 6, u tissottometti xi proposta xierqa bl-iskop ta' reviżjoni, jekk ikun il-każ.

Regoli tal-produzzjoni

Artikolu 6

1. Il-metodu tal-produzzjoni organika jimplika li għall-produzzjoni tal-prodotti referuti fl-Artikolu 1(1)(a):

(a) mill-anqas il-htiġiet ta' l-Anness I u, fejn xieraq, ir-regoli dettaljati li jirrelataw għalihom, ikunu gew imħarsa;

(b) prodotti biss li jkunu magħmula minn sustanzi elenkati fl-Annessi I u II jistgħu jintużaw bhala prodotti għall-harsien tal-pjanti, diterġenti, fertilizzanti, jew li jikkondizzjonaw il-ħamrija; jistgħu jintużaw biss skond il-kondizzjonijiet speċifiċi stabbilit fl-Annessi I u II u sakemm l-użu korrispondenti jkun awtorizzat fl-agrikoltura ġenerali fl-Istati Membri kkoncernati skond id-dispożizzjonijiet relevanti tal-Komunità jew tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jkunu konformi mal-liġi tal-Komunità.

2. B'deroga mill-paragrafu 1 (b), żrieragħ li jkunu ġew ittrattati bi prodotti mhux inklużi fl-Anness II u awtorizzati fl-agrikoltura ġenerali fl-Istat Membru kkonċernat, jistgħu jintużaw sakemm dawk li jagħmlu użu minn dawn iż-żrieragħ ikunu jistgħu juru għas-sodisfazzjon ta' l-entità li tagħmel l-ispezzjonijiet, li huma ma setgħux jiksbu mis-suq żrieragħ mhux ittrattati ta' varjeta' xierqa tal-ispeċi f'dan il-każ.

L-Artikolu 7

1. Prodotti li ma jkunux awtorizzati fid-data tal-adozzjoni ta' dan ir-Regolament għal xi għan indikat fl-Artikolu 6(1)(b) jistgħu ikunu nklużi fl-Anness II, basta li dawn il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu mħarsa:

(a) jekk ikunu użati għall-iskop tal-kontroll kontra pesti jew mard tal-pjanti:

- li huma essenzjali għall-kontroll ta' xi organiżmu li jagħmel il-ħsara jew ta' xi mard partikolari li għalih alternattivi oħrajn bijologiċi, kulturali, fiżiċi jew tat-tkattir tal-pjanti, ma jkunx disponibbli, u

- li l-kondizzjonijiet għall-użu tagħhom jipprekludu l-kuntatt dirett maż-żerriegħa, ma’ l-uċuh jew mal-prodotti ta' l-uċuh; b'dankollu, fil-każ ta' uċuħ perenni, jista jseħħ kuntatt dirett, iżda biss mhux fl-istaġun tat-tkabbir tal-partijiet li jittieklu (frott) basta li l-applikazzjoni ma tkunx tirriżulta indirettament fil-preżenza ta' residwi tal-prodott fil-partijiet li jittieklu, u

- li l-użu tagħhom ma jirriżultax fi, jew ma jagħmilx kontribut għal, effetti inaċċettabli fuq, jew kontaminazzjoni ta', l-ambjent;

(b) jekk huma jintużaw għal skopijiet tal-fertilizzazzjoni jew tal-kondizzjonament tal-ħamrija:

- li jkunu essenzjali għal htiġiet speċifiċi tan-nutriment ta' l-uċuh jew għall-iskopijiet speċifiċi tal-kondizzjonament tal-ħamrija li ma jistgħux ikunu imħarsa bil-prattiċi referuti fl-Anness I, u

- li l-użu tagħhom ma jirriżultax f'effetti inaċċettabbli fuq l-ambjent jew li jikkontribwixxu għall-kontaminazzjoni ta' dan.

2. Jekk ikun meħtieġ, dan li ġej jista' jkun speċifikat għal xi prodott li jkun inkluż fl-Anness II:

- id-deskrizzjoni dettaljata tal-prodott,

- il-kondizzjonijiet għall-użu u għall-kompożizzjoni u/jew ħtiġiet ta' solubilità tiegħu, f'dak li għandu x'jaqsam partikolarment mal-ħtiega li tkun assigurata preżenza minima, għal dawn il-prodotti, ta' residwi fil-partijiet li jittieklu tal-wicc tar-raba’ u tal-prodotti ta' l-uċuh li jittieklu kif ukoll l-effett minimu fuq l-ambjent,

- ħtiġiet tal-ittikkettjar partikolari għal prodotti referuti fl-Artikolu I meta dawn il-prodotti jkunu akkwistati bl-għajnuna ta' ċerti prodotti referuti fl-Anness II.

3. Emendi għall-Anness II, dwar iż-żieda jew it-tħassir ta' prodotti referuti fil-paragrafu 1 jew iż-żieda jew l-emendi għall-ispecifikazzjonijiet referuti fil-paragrafu 2, għandhom ikunu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 14.

4. Meta Stat Membru jikkonsidra li xi prodott għandu jkun miżjud ma' l-Anness II jew li emendi għandhom isiru għal dan, hu għandu jassigura li l-inkartamentli jagħti r-raġunijiet għal din iż-żieda jew l-emendi, jintbgħatu uffiċċjalment lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni, li għandha tintroduċi dan l-inkartament lill-kumitat referut fl-Artikolu 14.

Sistema ta' l-ispezzjoni

Artikolu 8

1. Kull operatur li jipproduċi, li jipprepara jew li jimporta minn xi pajjiż terz prodotti kif speċifikati fl-Artikolu 1 bl-għan li jqiegħdhom fis-suq għandu:

(a) javża b'din l-attività lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih għandha titwettaq l-attività; dan l-avviż għandu jinkludi l-informazzjoni kif speċifikata fl-Anness IV;

(b) jibgħat l-impenn tiegħu għas-sistema tal-ispezzjonar referut fl-Artikolu 9.

2. L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtorità jew il-korp biex jirċievi din l-informazzjoni.

L-Istati Membri jistgħu jagħmlu dispożizzjoni għat-twassil tat-tagħrif ta' xi informazzjoni addizzjonali li jikkunsidraw meħtieġa għas-sorveljanza effettiva ta' l-operaturi kkonċernati.

3. L-awtorità kompetenti għandha tassigura li l-lista aġġornata bl-ismijiet u l-indirizzi ta' l-operaturi li jkunu suġġetti għas-sistema tal-ispezzjonar tkun disponibbli għal partijiet interessati.

Artikolu 9

1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta' spezzjonijiet li tkun imħaddma minn xi awtorità nominata, waħda jew aktar, u/jew minn entitajiet privati approvati li għalihom, l-operaturi li jipproduċu jew iħejju l-prodotti referuti fl-Artikolu 1, għandhom ikunu suġġetti.

2. L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li l-operatur ikun konformi mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u jhallas il-kontribuzzjoni tiegħu għall-ispejjeż tal-ispezzjonjiet ikollu aċċess għas-sistema ta' spezzjoni.

3. Is-sistema tal-ispezzjoni għandha tinkludi mill-anqas l-applikazzjoni tal-miżuri ta' prekwazjoni u ta' spezzjoni speċifikati fl-Anness III.

4. Dwar l-applikazzjoni tas-sistema tal-ispezzjonijiet li tkun imħaddma minn organizzazzjonijiet privati, l-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtorità responsabbli għall-approvazzjoni u s-sorveljanza ta' dawn l-organizzazzjonijiet.

5. Ghall-approvazzjoni ta' l-organizzazzjoni privata tal-ispezzjonijiet, għandu jitqies dan li ġej:

(a) il-proċedura normali tal-ispezzjonijiet li għandha tintuża, li tkun tinkludi deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri dwar l-ispezzjonijiet u l-prekwazjonijiet li l-organizzazzjoni tintrabat li timponi fuq l-operaturi li jkunu suġġetti għall-ispezzjoni minnha;

(b) il-penali li l-organizzazzjoni tkun bi ħsiebha timponi meta jinstabu xi irregolaritajiet;

(ċ) id-disponabbiltà ta' riżorsi xierqa f'dak li huma nies kwalifikati, faċilitajiet amministrattivi u tekniċi, esperjenza fl-ispezzjonijiet u kredibilità;

(d) l-oġġettività tal-organizzazzjoni tal-ispezzjonijiet vis-a-vis l-operaturi li jkunu suġġetti għall-ispezzjoni minnha.

6. Wara li organizzazzjoni tal-ispezzjonijiet tkun approvata, l-awtorità kompetenti għandha:

(a) tassigura li l-ispezzjonijiet li jsiru mill-organizzazzjoni tal-ispezzjonijiet ikunu oġġettivi;

(b) tivverifika l-effettività tal-ispezzjonijiet tagħha;

(ċ) tieħu nota ta' xi nuqqasijiet li jinstabu u l-penali li jkunu imposti;

(d) tirtira l-approvazzjoni tal-organizzazzjoni tal-ispezzjonijet meta din tonqos milli tħares il-htiġiet referuti fi (a) u (b) jew ma tibqax tħares il-kriterji indikati fil-paragrafu 5 jew tonqos milli tħares il-ħtiġiet stabbiliti fil-paragrafi 7, 8 u 9.

7. L-awtorità tal-ispezzjonijiet u l-organizzazzjonijiet approvati tal-ispezzjonijiet referuri fil-paragrafu 1 għandhom:

(a) jassiguraw li mill-anqas il-miżuri dwar l-ispezzjonijiet u l-prekawzjonijiet speċifikati fl-Anness III jkunu applikati għal dawk l-impriżi li jkunu suġġetti għall-ispezzjonijiet minnhom;

(b) ma jiżvelawx informazzjoni u d-dettaljili jakkwistaw mill-attività tal-ispezzjonijiet tagħhom lil xi persuni apparti milli dik il-persuna li tkun risponsabbli għall-azjenda kkonċernata u lill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti.

8. Organizzazzjonijiet approvati tal-ispezzjonijiet għandhom:

(a) jagħtu lill-awtorità kompetenti, għall-għan tal-ispezzjonijiet, aċċess għall-uffiċċji u l-faċilitajiet tagħhom, flimkien ma' xi informazzjoni u għajnuna meqjusa bħala meħtie2a mill-awtorità kompetenti għat-twettiq ta' l-obbligazzjonijiet tagħha skond dan ir-Regolament;

(b) jibagħtu lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru sal-31 ta' Jannar ta' kull sena lista ta' l-operaturi li jkunu suġġetti għall-ispezzjoni minnhom fil-31 ta' Diċembru tas-sena preċedenti u jippreżentaw lill-imsemmija awtorità rapport annwali fil-qosor.

9. L-awtorità tal-ispezzjonar u l-organizzazzjonijiet tal-ispezzjonar referuti fil-paragrafu 1 għandhom:

(a) jassiguraw li, meta tinstab xi irregolarità rigward l-implimentazzjoni ta' l-Artikoli 5, 6 u 7 jew tal-miżuri referuti fl-Anness III, l-indikazzjonijiet previsti fl-Artikolu 2 li jirreferu għall-metodu tal-produzzjoni organika jiġu mneħħija kompletament mill-lott kollu jew mill-lott ta' produzzjoni li jkun affettwat mill-irregolarità kkonċernata;

(b) meta jinstab li jkun hemm xi nuqqas jew nuqqas li jkollu effetti fit-tul, jipprojbixxu lill-operatur ikkonċernat milli jqiegħed fis-suq il-prodotti b’indikazzjonijiet li jirreferu għal metodu tal-produzzjoni organika għall-perjodu li jkun miftihem ma l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru.

10. Dawn li ġejjin jistgħu jkunu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14:

(a) regoli dettaljati dwar il-ħtiġiet indikati fil-paragrafu 5 u l-miżuri elenkati fil-paragrafu 6;

(b) miżuri ta' l-implimentazzjoni dwar id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 9.

Indikazzjoni li l-prodotti jkunu koperti mill-iskema ta' l-ispezzjonijiet

Artikolu 10

1. L-indikazzjoni li l-prodotti jkunu koperti minn skema speċifika tal-spezzjonijiet, murija fl-Anness V, tista’ biss tidher fuq it-tikketta tal-prodotti referuti fl-Artikolu 1 meta dawn il-prodotti:

(a) jissodisfaw il-ħtiġiet ta' l-Artikolu 5(1), (2), (3) u (4) u l-Artikoli 6 u 7, kif ukoll kull dispożizzjonijiet li jkunu adottati skond dawn l-Artikoli;

(b) ikunu suġġetti għall-arranġamenti tal-ispezzjonijiet referuti fl-Artikolu 9(3) matul l-istadji kollha tal-produzzjoni u t-tħejjija;

(ċ) kienu ġew prodotti jew imħejjija minn operaturi li l-impriżi tagħhom ikunu suġġetti għall-spezzjonijiet mill-awtorità tal-ispezzjonijiet jew minn organizzazzjoni tal-ispezzjonijiet kif imsemmi fl-Artikolu 9(1) u li jkunu ingħataw id-dritt mill-awtorità jew l-organizzazzjoni li jużaw l-indikazzjoni murija fl-Anness V;

(d) ikunu ppakkjati u ttrasportati sal-post tal-bejgħ bl-imnut f'ippakkjar magħluq;

(e) juru fuq it-tikketti l-isem u xi marka reġistrata tal-organizzazzjoni tal-ispezzjonijiet, l-isem u l-indirizz tal-produttur jew ta' dak li jagħmel il-processs u, meta d-Direttiva 79/112/KEE tkun tapplika, l-indikazzjonijiet meħtieġa minnha.

2. L-ebda pretensjoni ma tista tintwera fuq it-tikketta jew fuq il-materjal tar-reklamar li tissuġerixxi lix-xerrej li l-indikazzjoni murija fl-Anness V tikkostitwixxi xi garanzija ta' kwalità superjuri organolettika, nutrijenti jew ta' ġid għas-saħħa.

3. L-awtorità tal-ispezzjonijiet jew l-organizzazzjonijiet tal-ispezzjonijiet referuti fl-Artikolu 9(1) għandhom:

(a) jassiguraw li, meta tinstab xi irregolarità skond l-Artikoli 5, 6 u 7 jew tal-miżuri referuti fl-Anness III, l-indikazzjoni murija fl-Anness V titneħħa mil-lott kollu jew mil-lott tal-produzzjoni affettwat mill-irregolarità kkoncernata;

(b) meta jinstab xi nuqqas ċar, jew nuqqas li jkollu effett fit-tul, li jċaħħdu lill-operatur ikkonċernat id-dritt li juża l-indikazzjoni murija fl-Anness V għal perjodu li jkun irid jiġi miftiehem ma l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru.

4. Regoli dwar l-irtirar ta' l-indikazzjoni murija fl-Anness V meta ċertu ksur ta' l-Artikoli 5, 6 u 7 jew tal-ħtiġiet u l-miżuri fl-Anness III ikunu ġew skoperti, jistgħu jkunu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14.

5. Meta xi Stat Membru jsib, fi prodott li jkun ġej minn Stat Membru ieħor u li jkollu l-indikazzjoni murija fl-Artikolu 2 u/jew fl-Anness V, irregolaritajiet fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, dan għandu jinforma lill-Istat Membru li jkun approva l-organizzazzjoni tal-ispezzjonijiet u lill-Kummissjoni dwar dan.

6. L-Istati Membri għandhom jiehdu kull azzjoni li tista tkun meħtieġa biex ma jħallux l-użu b'qerq ta' l-indikazzjoni murija fl-Artikolu 2 u/jew fl-Anness V.

7. Il-Kummissjoni għandha, qabel l-1 ta' Lulju 1993, tirrevedi l-Artikolu 10, u partikolarment dwar il-possibiltà li tagħmel l-indikazzjoni msemmija fl-Anness V mandatorja u għandha tibgħat proposti xierqa għal reviżjoni ta' dan, jekk ikun il-każ.

Importazzjoni minn pajjiżi terzi

Artikolu 11

1. Bla hsara għall-Artikolu 5, prodotti kif speċifikati fl-Artikolu 1 li jkunu mpurtati minn xi pajjiż terz jistgħu biss jitqiegħdu fis-suq meta:

(a) joriġinaw minn pajjiż terz li jidher fil-lista li trid tiġi mfassla b'deċiżjoni tal-Kummissjoni skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 14 u li kienu ġew prodotti f'reġjun jew f'unità ta' produzzjoni u taħt l-ispezzjoni ta' l-organizzazzjoni speċifikata tal-ispezzjonijiet, meta xieraq, fid-deċiżjoni li tikkonċerna l-pajjiż terz f'dan il-każ;

(b) l-awtorità jew l-organizzazzjoni kompetenti fil-pajjiż terz tkun ħarġet ċertifikat tal-ispezzjoni li jiddikjara li l-lott indikat fiċ-ċertifikat:

- kien miksub bis-saħħa ta' sistema ta' produzzjoni li tapplika regoli ekwivalenti għal dawk stabbilit fl-Artikoli 6 u 7, u

- kien suġġett għal sistema tal-ispezzjoni rikonoxxuta bħala ekwivalenti skond il-paragrafu 2 (b).

2. Ghall-iskop li jkun deċiż jekk, għal ċerti prodotti kif speċifikati fl-Artikolu 1, il-pajjiż terz jista' jitlob li jkun inkluż fil-lista referuta fil-paragrafu 1 (a), dan li ġej għandu jkun ikkunsidrat u partikolarment:

(a) il-garanziji li l-pajjiż terz jista' joffri, għall-anqas f'dak li għandu x'jaqsam mal-produzzjoni għall-esportazzjoni lejn il-Komunità, dwar regoli ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikoli 6 u 7;

(b) l-effettività tal-miżuri dwar l-ispezzjonijiet applikati, li, għall-anqas f'dak li għandu x'jaqsam mal-produzzjoni għall-esportazzjoni lejn il-Komunità, għandha tkun ekwivalenti għal miżuri tal-ispezzjonijiet referuti fl-Artikoli 8 u 9 halli jassiguraw osservanza tar-regoli referuti fi (a).

Fuq il-bażi ta' din l-informazzjoni, ir-reġjuni jew l-unitajiet tal-produzzjoni ta' l-oriġini, jew l-organizzazzjonijiet li l-ispezzjonijiet tagħhom ikunu meqjusa bhala ekwivalenti, jistgħu ikunu speċifikati fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

3. Iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 1 (b) għandu:

(a) jakkompanja l-oġġetti, fil-kopja oriġinali, lejn l-imħażen ta' l-ewwel kunsinnatarju; wara dan l-importatur għandu jżomm iċ-ċertifkat għad-dispożizzjoni ta' l-awtoritajiet tal-ispezzjoni għal mhux anqas minn sentejn;

(b) ikun imħejji skond il-proċeduri u mudell li għandu jkun adottat skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 14.

4. Regoli dettaljati dwar l-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu jistgħu jkunu ddeterminati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14.

5. Meta tkun teżamina talba minn pajjiż terz, il-Kummissjoni għandha titlob li tingħata l-informazzjoni kollha meħtieġa; hi tista’ wkoll tqabbad esperti bir-responsabbiltà li jwettqu, taħt l-awtorità tagħha, eżami fil-lokalità proprja tar-regoli tal-produzzjoni u l-miżuri tal-ispezzjoni li jkunu attwalment applikati fil-pajjiż terz f'dak il-każ.

Moviment liberu fil-Komunità

Artikolu 12

L-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet relatati mal-metodu tal-produzzjoni, mal-ittikkettjar jew mal-preżentazzjoni ta' dak il-metodu, jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-marketing tal-prodotti li huma speċifikati fl-Artikolu 1 li jissodisfaw il-ħtiġiet ta' dan ir-Regolament.

Dispożizzjonijiet amministrattivi u ta' l-implimentazzjoni

Artikolu 13

Dawn li ġejjin jistgħu jkunu adottati skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 14:

- emendi għall-Annessi I, II, III, IV u VI,

- regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' l-Annessi I u III.

Artikolu 14

Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri u taħt il-presidenza ta' rappreżentant tal-Kummissjoni.

Meta l-proċedura preskritta f'dan l-Artikolu għandha tkun segwita, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jibgħat lill-kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu.

Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz fi żmien limitat li l-president jista’ jippreskrivi skond l-urġenza tal-każ. L-opinjoni għandha tingħata mill-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat. Il-voti tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fi hdan il-Kumitat għandhom ikunu mwieżna skond kif stabbilit f'dak l-Artikolu. Il-president m'għandux jivvota.

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri intiżi jekk dawn ikunu skond l-opinjoni tal-kumitat.

Jekk il-miżuri intiżi ma jkunux skond l-opinjoni tal-kumitat, jew jekk l-ebda opinjoni ma tingħata, il-Kummissjoni għandha, bla dewmien, tibgħat lill-Kunsill proposta dwar il-miżuri li għandhom jittiehdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maggoranza kwalifikata.

Jekk, meta jiskadi l-perjodu ta' tlett xhur mid-data li fiha s-suġġett ikun ġie riferit lejh, il-Kunsill ikun għandu ma aġixxix, il-miżuri proposti għandhom ikunu adottati mill-Kummissjoni.

Artikolu 15

Qabel l-1 ta' Lulju ta' kull sena, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill Kummissjoni bil-miżuri meħuda fis-sena preċedenti għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u partikolarment għandhom iwasslu:

- lista ta' l-operaturi li, fil-31 ta' Diċembru tas-sena preċedenti, kienu taw avviż skond l-Artikolu 8(1)(a) u li huma suġġetti għas-sistema tal-ispezzjonijiet referuti fl-Artikolu 9,

- rapport dwar is-sorveljanza skond l-Artikolu 9(6).

Apparti minn hekk, sal-31 ta' Diċembru ta' kull sena, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-lista ta' l-organizzazzjonijiet tal-ispezzjonijiet approvati sal-31 ta' Diċembru tas-sena preċedenti, l-istruttura legali u operattiva tagħhom, il-procedura standard tagħhom dwar l-ispezzjonijiet, l-arranġamenti għal penali u, fejn xieraq, il-marka tagħhom.

Il-Kummissjoni għandha ta' kull sena tippubblika, fis-serje "C" tal-Gurnal Ufficjali tal-Komunitajiet Ewropej, listi ta' organizzazzjonijiet approvati li jkunu ġew innotifikati lilha fil-limiti ta' żmien stabbilit fis-subparagrafu preċedenti.

Artikolu 16

1. Dan ir-Regolament għandu jidhol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Gurnal Ufficjali tal-Komunitajiet Ewropej.

2. Fi żmien disa xhur mid-dhul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw l-Artikoli 8 u 9.

3. L-Artikoli 5, 8 (1) u 11 (1) għandhom japplikaw b'effett minn 12-il xhar wara d-dhul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14, id-data ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 11(1) tista’ tigi differita għal perjodu speċifikat għall-importazzjoni minn pajjiż terz meta, wara talba tal-pajjiż terz, l-istadju milhuq fl-ezami tas-suggett ma jkunx jippermetti deċiżjoni rigward l-inklużjoni tal-pajjiż ikkonċernat fil-lista stabbilita fl-Artikolu 11(1)(a) qabel ma jeskadi l-perjodu referut fl-ewwel subparagrafu.

Ghall-iskopijiet ta' konformità mal-perjodu ta' tibdil imsemmi fil-paragrafu 1 ta' l-Anness I, il-perjodu li jkun skada qabel id-dhul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament għandu jkun ikkunsidrat meta l-operatur ikun jista’ juri għas-sodisfazzjon ta' l-organizzazzjoni tal-ispezzjonijiet li matul dak il-perjodu hu kien qed jipproduċi skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ jew, fin-nuqqas ta' dan, skond in-normi internazzjonali magħrufa dwar il-produzzjoni organika.

4. Ghal 12-il xhar wara d-dhul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu, b'deroga mill-Artikolu 6(1), jawtorizzaw l-użu fit-territorju tagħhom ta' prodotti li jkun fihom sustanzi li ma jkunux elenkati fl-Anness II, meta huma jikkunsidraw li l-ħtiġiet ta' l-Artikolu 7(1) huma mħarsa.

5. Ghal perjodu li jeskadi 12-il xhar wara l-istabbiliment ta' l-Anness VI skond l-Artikolu 5(7), l-Istati Membri jistgħu jibqgħu jawtorizzaw, skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom, l-użu ta' sustanzi li ma jkunux elenkati fl-imsemmi l-Anness VI.

6. Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Istati Membri l-ohrajn u lill-Kummissjoni bis-sustanzi awtorizzati skond il-paragrafi 4 u 5.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fl-24 ta' Ġunju 1991.

Ghall-Kunsill

Il-President

J.-C. Juncker

[1] ĠU C 4, tad-9.1.1990, p. 4; uĠU C 101, tat-18.4.1991, p. 13.

[2] ĠU C 106, tat-22.4.1991, p. 27.

[3] ĠU C 182, tat-23.7.1990, p. 12.

[4] ĠU L 33, tat-8.2.1979, p. 36.

[5] ĠU L 159, ta' l-10.6.1989, p. 58.

[6] ĠU L 347, tas-17.12.1973, p. 51.

[7] ĠU L 80, tal-25.3.1986, p. 51.

[8] ĠU L 33, tat-8.2.1979, p. 1.

[9] ĠU L 186, tat-30.6.1989, p. 17.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

PRINĊIPJI TAL-PRODUZZJONI ORGANIKA FUQ LIVELL TA’ RZIEZET

Pjanti u prodotti mill-pjanti

1. Il-prinċipji stabbilit f’dan l-Anness normalment għandhom ikunu applikati fuq pakketti matul perjodu ta’ kambjament ta’ mill-anqas sentejn qabel iż-żriegħ jew, fil-każ ta’ uċuh perenni tar-raba’ apparti milli art mimlija bil-haxix, mill-anqas tlett snin qabel l-ewwel ħsad tal-prodotti referuri fl-Artikolu 1(1)(a). L-organizzazzjoni tal-ispezzjonijiet tista’, bl-approvazzjoni ta’ l-awtorità kompetenti, tiddeċiedi, f’ċerti każi, li ttawwal jew tnaqqas dak il-perjodu, wara li tkun ikkunsidrat l-użu preċedenti dwar il-pakketti.

2. Il-fertilità u l-attività bijoloġika tal-ħamrija għandha tinżamm jew tiżdied, meta jkun xieraq, bil-:

(a) kultivazzjoni ta’ legumi, demel aħdar jew pjanti b’għeruq fondi fi programm indikat ta’ rotazzjoni multi-annwali;

(b) l-inkorporazzjoni fil-ħamrija ta’ materjal organiku, mdemmel u mhux, minn azjendi li jipproduċu skond ir-regoli ta’ dan ir-Regolament. Sakemm ikunu adottati regoli komuni tekniċi dwar il-produzzjoni organika ta’ bhejjem, prodotti sekondarji mit-trobbija tal-bhejjem, bhal ma hu demel tal-irziezet, jista’ jintuża jekk ikun gej minn azjendi ta’ bhejjem li jkunu jirrispettaw ir-regoli nazzjonali jew, fin-nuqqas ta’ dan, ta’ prattiċi aċċettati internazzjonalment dwar il-produzzjoni organika ta’ bhejjem.

Fertilizzanti oħrajn organiċi jew minerali, referuti fl-Anness II, jistgħu jkunu applikati biss sakemm in-nutriment adekwat ta’ l-uċuh bin-newba jew ta’ kondizzjonament tal-ħamrija ma jkunx possibbli bil-metodi stabbiliti taħt (a) u (b) tas-subparagrafu preċedenti.

Ghall-attivazzjoni tad-demel, mikro-organiżmi indikati jew preparazzjonijiet ibbażati fuq pjanti (preparazzjonijiet bijodinamiċi) jistgħu jintużaw.

3. Pesti, mard u haxix hażin għandhom ikunu kkontrollati b’għaqda tal-miżuri li gejjin:

- għażla ta’ speċi u varjetajiet kif indikata,

- programm ta’ newba kif indikat,

- proċeduri ta’ kultivazzjoni mekkanika,

- protezzjoni ta’ l-għedewwa naturali għall-annimali u l-insetti li jagħmlu l-ħsara permezz ta’ dispożizzjonijiet favorevoli għalihom (e.g. diviżjonijiet tal-ħaxix bejn l-għelieqi, postijiet fejn ibejtu l-għasafar, rilaxx ta’ predaturi),

- ħruq ta’ ħaxix ħażin.

F’dawk il-każi biss meta jkun hemm theddida immedjata għall-uċuh ikun jista’ jsir użu minn prodotti referuti fl-Anness II.

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

A. PRODOTTI GĦALL-UŻU FIL-FERTILIZZAZZJONI U L-KUNDIZZJONAR TAL-ĦAMRIJA

Isem | Deskrizzjoni, Ħtiġiet għall-kompożizzjoni u Kundizzjonijiet għall-Użu |

Demel mill-irziezet u mit-tjur | – |

£ama’ tad-demel u awrina | – |

Tiben | – |

Peat | – |

Komposti minn faqiegħ moħlija u minn substrati vermikulturali | – |

Komposti minn żibel organiku mid-djar | – |

Komposti minn residwi tal-pjanti | – |

Prodotti mill-annimali pproċessati mill-biċċeriji jew mill-industriji tal-ħut | – |

Prodotti sekondarji organiċi ta' oġġetti ta' l-ikel u ta' l-industrija tat-tessuti | – |

Alka tal-baħar u prodotti ta' l-alka | – |

Serratura, ċana u skart ta' l-injam | – |

Irmied ta' l-injam | – |

Blat fosfat naturali | – |

Blat fosfat bl-aluminju kkaċfinat | – |

Kagazza bażika | – |

Putassa tal-blat | – |

Putassa tas-sulfat | Il-Htiega rikonoxxuta mill-korp kontrollatur |

Ġebel tal-ġir | – |

Ġibs | – |

Blat tal-manjeżju | – |

Blat tal-manjeżu kalkarinizzat | – |

Mluħa epsom (sulfat tal-manjeżja) | – |

Ġipsum (sulfat tal-kalċju) | – |

Elementi traċċa (boron, ramm, ħadid, manganiż, molibdenum, żinguà | Il-Htiega rikonoxxuta mill-korp kontrollatur |

Kubrit | Il-Htiega rikonoxxuta mill-korp kontrollatur |

Smida tal-ġebel | – |

Tafal (bentonite, perlite) | – |

B. PRODOTTI GĦALL-KONTROLL TAL-PESTIĊIDI U MARD TAL-PJANTI

Isem | Deskrizzjoni, Ħtiġiet għall-kompożizzjoni u l-Kondizzjonijiet għall-Użu |

Preparazzjonijiet fuq il-bażi ta' piretrini estratti mill-Chriysamthemum, cinerariaefolium, li possibiliment ikun fihom sinerġist | |

Preparazzjonijiet minn Derris elliptica | |

Preparazzjonijiet minn Quassia amara | |

Preparazzjonijiet minn Ryania speciosa | |

Propolis | |

Ħamrija dijatomaċeja | |

Smida tal-ġebel | |

Preparazzjonijiet fuq il-bażi ta' metalldeħid li jkun fih repellant ta' speċi għola ta' l-annimali f'dak li jikkonċerna t-tip applikat fin-nasses | |

Kubrit | |

Taħlita Boreaux | |

Taħlita Burgundy | |

Silikat tas-sodju | |

Bikarbonat tas-sodju | |

Sapun tal-putassa (sapun artab) | |

Preparazzjonijiet feromoni | |

Preparazzjonijiet Bacillus thuringiensis | |

Preparazzjonijiet tal-virus Granulożi | |

Żjut mill-pjanti u mill-annimali | |

Żejt tal-parafin | |

C. PRODOTTI OĦRAJN

--------------------------------------------------

L-ANNESS III

HTIĠIET MINIMI GĦALL-ISPEZZJONIJIET U L-MIŻURI TA’ PREKAWZJONI SKOND L-ISKEMA TA’ L-ISPEZZJONIJIET IMSEMMIJA FL-ARTIKOLI 8 U 9

A. Irziezet li jipproduċu pjanti u prodotti mill-pjanti

1. Il-produzzjoni għandha titwettaq f’unitajiet li l-oqsma ta’ l-art u l-produzzjoni u l-lokalità tal-hażna tagħhom ikunu separati b’mod ċar minn dawk ta’ xi unità ohra li ma tkunx tipproduċi skond ir-regoli kif stabbilit f’dan ir-Regolament; l-ipproċessar u/jew il-hwienet tax-xogħol fejn isir l-ippakkjar ikunu jistgħu jiffurmaw parti minn dik l-unità, meta din l-attività tkun limitata għall-ipproċessar u l-ippakkjar tal-prodotti agrikoli tagħha stess.

2. Meta l-arranġamenti għall-ispezzjonijiet ikunu implimentati l-ewwel darba, il-produttur u l-organizzazzjoni tal-ispezzjonijiet għandhom iħejju:

- deskrizzjoni sħiħa ta’ l-unità, li turi l-imħażen u l-postijiet tal-produzzjoni u, meta applikabbli, il-bini li fih isir ċertu processar u/jew xogħol tal-ippakkjar,

- il-miżuri prattiċi kollha li għandhom jittiehdu fil-livell tal-unità biex jassiguraw konformità ma’ dan ir-Regolament.

Din id-deskrizzjoni u l-miżuri konċernati għandhom jiffurmaw parti minn rapport tal-ispezzjoni li jkun iffirmat ukoll mill-persuna responsabbli ta’ l-unità.

Barra dan, ir-rapport għandu jispeċifika:

- id-data tal-aħħar applikazzjoni fuq l-oqsma ta’ l-art ikkonċernati li jkunu intużaw għal prodotti li ma jkunux kompatibbli ma’ l-Artikoli 6(1)(b) u 7,

- impenn mill-produttur li jwettaq l-operazzjonijiet skond l-Artikoli 5, 6 u 7 u li jaċċetta, fil-każ ta’ nuqqasijiet, il-miżuri ta’ l-implimentazzjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 9(9).

3. Kull sena, qabel id-data indikata mill-organizzazzjoni tal-ispezzjonijiet, il-produttur għandu jinnotifika lill-organizzazzjoni bl-iskeda tal-produzzjoni tal-prodotti ta’ l-uċuħ, waqt li jagħti dettalji separati għal kull qasam ta’ l-art.

4. Ghandhom jinżammu kontijiet bil-miktub u/jew dokumentati li jippermettu lill-organizzazzjoni li tagħmel l-ispezzjonijiet issib l-oriġini, in-natura u l-kwantitajiet tal-materja prima kollha mixtrija, u l-użu ta’ dan il-materjal; barra hekk, għandhom jinżammu kontijiet bil-miktub jew dokumentati dwar in-natura, il-kwantitajiet u l-kunsinnatarji tal-prodotti agrikoli kollha mibjugħa. Kwantitajiet li jkunu mibjugħa direttament lill-konsumatur finali għandhom jitniżżlu ta’ kull jum.

5. Il-hażna, fl-unità, ta’ prodotti li jkunu daħlu apparti minn dawk li l-użu tagħhom ikun kumpatibbli ma’ l-Artikoli 6(1)(b) u 7 hija pprojbita.

6. Barra minn żjarat ta’ spezzjoni li jsiru għall-għarrieda, l-organizzazzjoni tal-ispezzjonijiet għandha tagħmel spezzjoni fiżika ta’ l-unità mill-anqas darba kull sena. Jistgħu jittieħdu kampjuni għat-testijiet tal-prodotti mhux awtorizzati b’dan ir-Regolament. B’dankollu, dawn il-kampjuni għandhom jittieħdu meta jkun hemm suspett ta’ xi użu ta’ prodotti mhux awtorizzati. Rapport dwar l-ispezzjoni għandu jitħejja wara kull żjara, li jkun iffirmat ukoll mill-persuna responsabbli ta’ l-unità.

7. Il-produttur għandi jagħti access lill-organizzazzjoni tal-ispezzjonijiet, għall-iskopijiet ta’ spezzjoni, għall-postijiet ta’ hażna u produzzjoni u għal dawk l-oqsma ta’ l-art, kif ukoll għall-kontijiet u d-dokumenti relevanti li jkun hemm magħhom. Hu għandu jagħti lill-organizzazzjoni tal-ispezzjonijiet kull informazzjoni meqjusa bhala meħtieġa għall-iskopijiet tal-ispezzjoni.

8. Prodotti kif referuti fl-Artikolu 1 li ma jkunux fl-ippakkjar tagħhom għall-konsumatur finali jistgħu biss jinġarru lejn unitajiet l-ohrajn f’ippakkjar jew kontenituri addattati magħluqa b’mod li ma jippermettix it-tibdil tal-kontenut tagħhom u li jkollhom tikketta li turi, bla ħsara għal xi indikazzjonijiet oħrajn meħtieġa bil-liġi:

- l-isem u l-indirizz tal-persuna responsabbli għall-produzzjoni jew għall-preparazzjoni tal-prodott,

- l-isem tal-prodott,

- li l-prodott ikun kopert minn arrangamenti tal-ispezzjonar kif stabbilit f’dan ir-Regolament.

9. Meta operatur ikun ihaddem diversi unitajiet ta’ produzzjoni fl-istess żona, unitajiet fiż-żona li tipproduċi uċuħ jew prodotti ta’ uċuħ li ma jkunux koperti bl-Artikolu 1 għandhom ukoll ikunu suġġetti għall-arrangamenti tal-ispezzjonar f’dak li jirrigwarda l-ewwel subparagrafu tal-punt 2 u tal-punti 3, 4 u 5. Xtieli ta’ l-istess varjetà li jkunu mkabbra fl-unità referuta fil-punt 1 ma jistgħux ikunu prodotti f’dawn l-unitajiet.

B. Unitajiet tal-ipproċessar u l-ippakkjar għal prodotti minn xtieli u oġġetti ta’ l-ikel magħmula essenzjalment minn prodotti tal-ħxejjex

1. Meta l-arranġamenti għall-ispezzjonijiet ikunu implimentati għall-ewwel darba, il-produttur u l-organizzazzjoni tal-ispezzjonijiet għandhom iħejju:

- deskrizzjoni sħiħa ta’ l-unità, li turi l-faċilitajiet użati għall-ipprocessar, l-ippakkjar u l-ħażna tal-prodotti agrikoli qabel u wara l-operazzjonijiet li jkunu jikkonċernawhom,

- il-miżuri prattiċi kollha li għandhom jittieħdu fil-livell ta’ l-unità biex jassiguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament.

Din id-deskrizzjoni u l-miżuri kkonċernati għandhom jiffurmaw parti mir-rapport tal-ispezzjoni li għandu jkun iffirmat ukoll mill-persuna responsabbli mill-unità.

Barra dan, ir-rapport għandu jinkludi impenn mill-operatur li jwettaq l-operazzjonijiet b’mod konformi ma’ l-Artikolu 5 u li jaċċetta, fil-każ ta’ nuqqasijiet, l-implimentazzjoni tal-miżuri stabbilit fl-Artikolu 9(9).

2. Ghandhom jinżammu kontijiet bil-miktub li jippermettu l-organizzazzjoni tal-ispezzjonijiet biex tkun tista ssib:

- l-oriġini, in-natura u l-kwantitajiet ta’ prodotti agrikoli referuti fl-Artikolu 1 li jkunu ġew ikkunsinnati lill-unità,

- in-natura, il-kwantitajiet u l-kunsinnatarji kif referuti fl-Artikolu 1 li jkunu hallew l-unità,

- kull informazzjoni oħra, bhal ma hija l-oriġini, in-natura u l-kwantitajiet tal-ingredjenti, addittivi u l-għajnuniet għall-manifattura li jkunu ġew kunsinnati lill-unità u l-komposizzjoni tal-prodotti pprocessati, li tkun meħtieġa mill-organizzazzjoni tal-ispezzjonijiet għall-iskopijiet ta’ spezzjonijiet xierqa tal-operazzjonijiet.

3. Meta prodotti mhux referuti fl-Artikolu 1 ikunu wkoll ipproċessati, ippakkjati jew maħżuna fl-unità kkonċernata:

- l-unità għandha jkollha żoni separati fil-bini tagħha għall-ħażna tal-prodotti referuti fl-Artikolu 1, qabel u wara l-operazzjonijiet,

- l-operazzjonijiet għandhom jitwettqu kontinwament sa kemm tkun ġiet koperta l-produzzjoni kollha, maqtugħin mill-post u bil-hin minn operazzjonijiet simili fuq prodotti li ma jkunux koperti mill-Artikolu 1,

- jekk dawn l-operazzjonijiet ma jitwettqux ta’ spiss, dawn għandhom ikunu avżati bil-quddiem, b’limiti ta’ żmien li jkun hemm ftehim dwarhom ma’ l-organizzazzjoni tal-ispezzjonijiet,

- għandhom jittieħdu l-miżuri kollha biex il-lottijiet ikunu jistgħu jingħarfu u biex ma jsirx taħlit ma prodotti li ma jkunux gew akkwistati skond ir-regoli stabbilit f’dan ir-Regolament.

4. Barra minn zjarat tal-ispezzjonijiet għall-għarrieda, l-organizzazzjoni tal-ispezzjonijiet għandha twettaq spezzjoni fiżika, mill-anqas darba kull sena, ta’ l-unità. Jistgħu jittieħdu kampjuni għall-ittestjar tal-prodotti li ma jkunux awtorizzati b’dan ir-Regolament. B’ dankollu, dawn għandhom jittiehdu meta jkun issuspettat l-użu ta’ xi prodotti mhux awtorizzati. Rapport tal-ispezzjoni għandu jitħejja wara kull zjara u dan għandu jkun ukoll iffirmat mill-persuna responsabbli għall-unità li tkun ġiet spezzjonata.

5. L-operatur għandu jagħti lill-organizzazzjoni tal-ispezzjonijiet, għal skopijiet tal-ispezzjoni, aċċess għall-unità u għall-kontijiet bil-miktub u għad-dokumenti l-oħra relevanti. Hu għandu jagħti lill-organizzazzjoni tal-ispezzjonijiet kull informazzjoni meħtiega għall-iskopijiet tal-ispezzjoni.

6. Il-ħtiġiet rigward it-trasport stabbilit fil-punt 8 tal-Parti A huma applikabbli.

--------------------------------------------------

L-ANNESS IV

INFORMAZZJONI LI GĦANDHA TKUN NOTIFIKATA KIF STABBILIT Fl-ARTIKOLU 8(1)(a)

(a) L-isem u l-indirizz ta’ l-operatur;

(b) Lokalità tal-fondi u, meta xieraq, l-oqsma ta’ l-art (informazzjoni mir-reġistru ta’ l-artijiet) fejn jitwettqu l-operazzjonijiet;

(ċ) In-natura ta’ l-operazzjonijiet u l-prodotti;

(d) Impenn mill-operatur li jwettaq l-operazzjonijiet skond l-Artikoli 5, 6, 7 u/jew 11;

(e) Fil-każ ta’ azjenda agrikola, id-data li fiha l-operatur ma baqgħax japplika prodotti li l-użu tagħhom ma jkunux kompatibbli ma’ l-Artikoli 6(1)(6) u 7 fl-oqsma ta’ l-art ikkonċernati;

(f) L-isem ta’ l-organizzazzjoni approvata li l-operatur ikun ħalla f’idejha l-ispezzjoni tax-xogħol tiegħu, meta l-Istat Membru jkun implimenta s-sistema tal-ispezzjonijiet bl-approvazzjoni ta’ dawn l-organizzazzjonijiet.

--------------------------------------------------

L-ANNESS V

INDIKAZZJONI LI L-PRODOTTI JKUNU KOPERTI BI SKEMA TA' L-ISPEZZJONIJIET

L-indikazzjoni li prodott ikun kopert bi skema taL-ispezzjonijiet għandha tintwera bl-istess lingwa jew lingwi użati fuq it-tikketta.

ES : Agricultura Biológica — Sistema de control CEE

DK : ØkologiskLandbrug — EF Kontrolordning

D : Biologische Agrarwirtschaft — EWG-Kontrollsystem

GR : Βιολογική Γεωργία — Σύστημα Ελέγχου ΕΟΚ

EN : Organic Farming — EEC Control System

F : Agriculture biologique — Système de contrôle CEE

I : Agricoltura Biologica — Regime di controllo CEE

NL : Biologische landbouw — EEG-controlesysteem

P : Agricultura Biológica — Systema de Controlo CEE

--------------------------------------------------

L-ANNESS VI

A. Sustanzi aċċettati bhala ingredjenti ta' l-oriġini mhux agrikola (l-Artikolu 5(3)(b)):

B. Sustanzi aċċettati għall-użu waqt il-preparazzjoni (l-Artikolu 5(3)(c)):

C. Ingredjenti ta' l-oriġini agrikola (l-Artikolu 5(4)):

--------------------------------------------------