31991R1911



Official Journal L 171 , 29/06/1991 P. 0001 - 0004
Finnish special edition: Chapter 14 Volume 1 P. 0004
Swedish special edition: Chapter 14 Volume 1 P. 0004


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1911/91

tas-26 ta’ Ġunju 1991

dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Komunità għall-Gżejjer Kanarji

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Att ta’ Adeżjoni ta’ Spanja u l-Portugall, b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu ta’ Artikolu 25(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra il-proposta emendata mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi, bil-virtu ta’ Artikolu 25 tal-Att ta’ Adeżjoni, it-Trattati u l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej japplikaw għall-Gżejjer Kanarji, soġġetti għad-derogi stabbiliti f’dak Artikolu, f’Artikolu 155 u fil-Protokoll 2 tal-Att imsemmi;

Billi dawn l-arranġamenti jeskludu l-Gżejjer Kanarji b’mod partikolari mit-territorju doganali tal-Komunità u mill-applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni, il-politika agrikola komuni u l-politika komuni tas-sajd; billi madankollu l-esperjenza wriet illi l-iżvilupp tal-Gżejjer Kanarji jkun moqdi aħjar bl-integrazzjoni sħiha tagħhom fil-politika komuni u l-proċess ta’ implimentazzjoni tas-suq intern; billi għalhekk, l-arranġamenti, stabbiliti fl-Att ta’ Adeżjoni għandhom jiġu emendati u l-Gżejjer Kanarji integrati fit-territorju doganali tal-Komunità;

Billi, skond l-ewwel subparagrafu ta’ Artikolu 25(4) tal-Att ta’ Adeżjoni, il-Kunsill, fuq talba ta’ Spanja, waqt li jaġixxi fuq pro posta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew, jista’ jiddeċiedi b’mod unanimu li jinkludi l-Gżejjer Kanarji fit-territorju doganali tal-Komunità u li jiddefinixxi l-miżuri xierqa immirati lejn l-estensjoni għall-Gżejjer Kanarji tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Komunità li huma fis-seħħ; billi Spanja għamlet din it-talba nhar is-7 ta’ Marzu 1990 skond l-Artikolu imsemmi qabel;

Billi l-integrazzjoni tal-Gżejjer Kanarji fil-politika kollha tal-Komunità teħtieġ proċess gradwali fuq perjodu transitorju xieraq, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe miżuri speċjali maħsuba sabiex jagħtu kas tar-restrizzjonijiet speċifiċi li joħorġu mid-distanza remota tal-Gżejjer Kanarji, il-lok tagħhom bħala gżira u l-istorja ekonomika u l-arranġamenti tat-taxxa tagħhom; billi miżuri bħal dawn għandhom ikunu soġġetti għall-programm speċjali ta’għażliet speċifiċi għad-distanza remota u n-natura insulari tal-Gżejjer Kanarji, li għandu jiġi adottat skond dan ir-Regolament;

Billi l-applikazzjoni tal-politika agrikola komuni tal-Gżejjer Kanarji tagħmel il-moviment ħieles ta’ prodotti taħt il-kondizzjonijiet applikabbli għall-pajjiż Spanjol (tmiem tal-perjodu transitorju: 31 ta’ Diċembru 1995) possibbli bl-eċċezzjoni tal-mekkaniżmi kummerċjali supplimentari fir-rigward tal-forniment tal-Gżejjer Kanarji; billi, f’dan il-qafas, għandu jiġi żgurat il-moviment ħieles ta’oġġetti bejn il-Gżejjer Kanarji u l-bqija ta’ Spanja; billi l-applikazzjoni sħiħa tal-politika agrikola komuni hija soġġetta għad-dħul fis-seħħ ta’ arranġamenti ta’ forniment speċifiċi; billi l-applikazzjoni ta’ din il-politika għandha tkun akkumpanjata b’mod addizzjonali b’miżuri speċifiċi li għandhom x’jaqsmu mal-produzzjoni agrikola tal-Gżejjer Kanarji; billi huwa għalhekk meħtieġ li jinżammu d-dispożizzjonijiet tal-Att tas-Adeżjoni dwar l-applikazzjoni tal-politika agrikola komuni għall-Gżejjer Kanarji sad-dħul fis-seħħ ta’dawk l-arranġamenti ta’ forniment bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jirregolaw l-aċċess ta’ prodotti agrikoli li joriġinaw fil-Gżejjer Kanarji għall-partijiet l-oħra tal-Komunità; billi d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 2 dwar il-banana għandhom jibqgħu fis-seħħ;

Billi huwa meħtieġ li l-politika komuni tas-sajd tiġi applikata għall-Gżejjer Kanarji mad-dħul fis-seħħ ta’dan ir-Regolament taħt il-kondizzjonijiet applikabbli għall-pajjiż Spanjol (tmiem tal-perjodu transitorju: 31 ta’ Diċembru 1995), soġġetta għall-miżuri speċifiċi li għandhom jiġu stabbiliti taħt il-leġislazzjoni eżistenti;

Billi r-rikonoxximent storiku tal-istatus ta’ gżira tal-Kanarji ġie rifless fl-arranġamenti ekonomiċi u tat-taxxa speċjali suċċessivi maħsubin biex jikkumpensaw għall-isvantaġġi li joħorġu mill-iżolament ġeografiku tal-arċipelagu;

Billi, f’dan il-kuntest, it-tisħiħ tal-integrazzjoni tal-Gżejjer Kanarji fil-Komunità mhuwiex inkompatibbli maż-żamma tat-tassazzjoni indiretta speċifika għal dawn il-gżejjer, speċjalment l-esklużjoni tal-Gżejjer Kanarji mill-kamp territorjali tal-applikazzjoni tas-sistema komuni tal-VAT skond Artikolu 26 bi qbil ma’ Anness I, V, 2 tal-Att ta’ Adeżjoni, li jemenda Artikolu 3(2) tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE [4] u t-tkomplija tal-esklużjoni tal-Gżejjer Kanarji mill-kamp territorjali tal-applikazzjoni tad-Direttivi dwar it-tabakk fabbrikat skond Artikolu 26 flimkien ma’ Anness I, V, 3 u 4 tal-Att ta’ Adeżjoni;

Billi l-Komunità tieħu nota favorevoli tal-għanijiet tar-riforma mibdija minn Spanja dwar l-aspetti tat-taxxa tal-arranġamenti ekonomiċi u tat-taxxa fil-Gżejjer Kanarji; billi din ir-riforma tipprovdi għall-introduzzjoni gradwali ta’ tassazzjoni indiretta moderna bħala strument tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali u l-iffinanzjar tal-estimi lokali, b’hekk toħloq il-kondizzjonijiet għall-integrazzjoni totali fil-Komunità fit-tmien tal-perjodu transitorju ta’ mhux aktar minn 10 snin;

Billi, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2000, f’żewġ fażijiet ta’ ħames snin bħala parti mill-proċess dinamiku flimkien mad-dħul gradwali tal-Gżejjer Kanarji fl-unjoni doganali, huwa mixtieq li jiġu awtorizzati numru ta’ eżenzjonijiet totali jew parzjali għall-prodotti lokali mill-applikazzjoni ta’ l hekk imsejħa taxxa ġdida’arbitrio sur la production et sur les importations (APIM) (taxxa fuq il-produzzjoni u l-importazzjonijiet), sakemm dawk l-eżenzjonijiet ikunu jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-attivtajiet lokali; billi, iżda, l-applikazzjoni ta’ dan il-ħlas għandu jiġi sospiż għall-prodotti li jiġu taħt il-politika agrikola komuni sal-applikazzjoni ta’ dik il-politika, hija tiġi miftehma li, fejn dawn il-prodotti jiġu mportati mnn pajjiżi mhux membri, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-Gżejjer Kanarji dwar il-kummerċ ma’ dawk il-pajjiżi għandhom jinżammu sal-istess data;

Billi ż-żarmar ta’ din l-imposta għandu jkun akkumpanjat bl-adozzjoni gradwali tat-tariffa komuni doganali sa mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u għall-istess perjodu transitorju, biex tiġi żgurata l-integrazzjoni totali tal-Gżejjer Kanarji fl-unjoni doganali sal-31 ta’ Diċembru 2000;

Billi, iżda, fir-rigward ta’ prodotti li jiġu taħt il-politika agrikola komuni, l-applikazzjoni tat-Tariffa Komuni Doganali wana u dazji oħra ta’ importazzjoni huma dipendenti fuq id-dħul fis-seħħ ta’ miżuri speċifiċi għall-forniment ta’ prodotti essenzjali agrikoli lill-Gżejjer Kanarji; billi f’kull każ l-applikazzjoni gradwali tat-Tariffa Komuni Doganali għall-Gżejjer Kanarji tista’ tkun akkumpanjata, fejn xieraq, b’miżuri speċifiċi ta’ tariffa jew b’derogi mill-politika kummerċjali komuni għal ċerti prodotti sensittivi; billi jistgħu jittieħdu wkoll miżuri bħal dawn dwar l-arranġamenti applikabbli għaż-żoni liberi;

Billi l-imposta magħrufa bħala l-"arbitrio insular — tarifa especial" applikabbli għall-prodotti fornuti minn partijiet oħra tal-Komunità taħt it-termini stabbiliti f’Artikolu 6(3) tal-Protokoll 2 ma għandhiex testendi aktar mill-31 ta’ Diċembru 1992 għajr kif applikata fuq bażi ta’ każ, każ, l-aktar tard, sal-31 ta’ Diċembru, li għandha tiġi deċiża mill-Kunsill; billi l-intaxxar ta’ dan l-imposta fuq prodotti importati fil-Gżejjer Kanarji minn pajjiżi mhux fil-Komunità għandu jitneħħa b’mod gradwali mill-1 ta’ Jannar 1996 sabiex dan jitneħħa għal kollox sal-31 ta’ Diċembru 2000, mingħajr preġudizzju għall-obbligi taħt arranġamenti eżistenti;

Billi għandha ssir dispożizzjoni għall-possibilità li jiġu applikati miżuri ta’ salvagwardja sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1999,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-dispożizzjonijiet tat-Trattati u l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej li fir-rigward tagħhom, l-Att ta’ Adeżjoni jipprovdi għal derogi għandhom japplikaw għall-Gżejjer Kanarji skond it-termini stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 2

1. Mad-dħul fis-seħħ tal-arranġamenti speċjali li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 2, il-politika agrikola komuni għandha tapplika għall-gżejjer Kanarji skond it-termini stabbiliti fil-pajjiż Spanjol. Iżda:

- l-mekkaniżmu ta’ kummerċ supplimentari li għalih hemm provdut fl-Att ta’ Adeżjoni ma għandux japplika għad-dħul tal-prodotti msemmija fil-Gżejjer Kanarji,

- ir-regoli fis-seħħ fil-pajjiż Spanjol għandhom japplikaw għall-prodotti li joriġinaw fil-Gżejjer Kanarji u li jintbagħtu f’partijiet oħra tal-Komunità mad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

2. Applikazzjoni tal-politika agrikola komuni għandha tkun akkompanjata mill-arranġamenti speċifiċi ta’ forniment.

3. Applikazzjoni tal-politika agrikola komuni għandha tagħti kas tal-karatteristiċi speċjali ta’ produzzjoni tal-Gżejjer Kanarji.

Artikolu 3

Il-politika komuni tas-sajd għandha tapplika għall-Gżejjer Kanarji skond it-termini stabbiliti fil-pajjiż Spanjol, sa mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Applikazzjoni tal-politika agrikola komuni għandha tkun akkumpanjata mill-miżuri speċifiċi maħsubin sabiex jagħtu kas, fejn meħtieġ, tal-karatteristiċi speċjali tal-produzzjoni tal-Gżejjer Kanarji.

Artikolu 4

1. Skond Artikolu 26 flimkien ma’ Anness I, V, 2 tal-Att ta’ Adeżjoni li jemenda l-Artikolu 3(2) tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE, it-territorju tal-Gżejjer Kanarji għandu jibqa’ barra l-kamp tal-applikazzjoni tas-sistema komuni tal-VAT.

2. Skond Artikolu 26 flimkien ma’ Anness I, V, 3 u 4 tal-Att ta’ Adeżjoni, Spanja tista’ ma tadottax l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 72/464/KEE [5] u 79/32/KEE [6] għall-Gżejjer Kanarji.

Artikolu 5

1. Għall-perjodu transitorju li ma għandux jestendi aktar mill-31 ta’ Diċembru 2000, l-awtoritajiet Spanjoli huma b’dan il-mezz awtorizzati li jimponu taxxa fuq il-produzzjoni u l-importazzjoni (APIM) fuq il-prodotti kollha li jidħlu jew li huma fabbrikati fil-Gżejjer Kanarji. Iżda, fir-rigward ta’ prodotti li jaqgħu taħt il-politika agrikola komuni din il-possibiltà ma tistax tiġi implimentata qabel id-dħul fis-seħħ tal-arranġameni speċifiċi ta’ forniment li hemm referenza għalihom f’Artikolu 2(2).

2. Sal-31 ta’ Diċembru 1995, ir-rati tat-taxxa għandhom jiġu stabbiliti f’konformità mal-paragrafu 3. Sa mill-1 ta’ Jannar 1996, dawn ir-rati għandhom jiġu mnaqqsin b’20 % kull sena sabiex it-taxxa tisparixxi sat-tmiem tal-perjodu stabbilit fil-paragrafu 1.

3. Ir-rati applkabbli jistgħu jvarjaw skond il-kategorija tal-prodott bejn 0,1 u 5 %; dawn ir-rati jistgħu, iżda, jitilgħu sa’ 15 % fil-każ ta’ tabakk fabbrikat (Kodiċi NM 24021000 u 24022000). Taħt ebda ċirkostanza ma jistgħu jiġu miżjudin b’aktar minn 15 % tar-rata tal-bidu. Din il-varjazzjoni fir-rati ma għandha, f’ebda każ, tkun tali li tagħti lok għal diskriminazzjoni kontra prodotti ta’ oriġini tal-Komunità.

4. Matul il-perjodu transitorju li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1, minħabba s-sitwazzjoni speċifika tal-Gżejjer Kanarji u l-prospett tal-integrazzjoni sħiħa tagħhom fl-unjoni doganali, eżenzjonijiet mit-taxxa, kemm parzjali kif ukoll totali, skond il-ħtiġiet ekonomiċi, jistgħu jiġu awtorizzati għall-prodotti lokali sal-31 ta’ Diċembru 1995. Dawk l-eżenzjonijiet għandhom ikunu jagħmlu parti mill-istrateġija tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Gżejjer Kanarji, filwaqt li jingħata kas tal-qafas ta’ sostenn tal-Komunità, u għandhom jgħinu sabiex jiġu promossi attivitajiet lokali, għalkemm m’għandhomx ikunu tali li jbiddlu l-kondizzjonijiet kummerċjali b’mod li jkun kuntrarju għall-interess komuni.

5. L-arranġamenti għall-eżenzjonijiet adottati mill-awtoritajiet kompetenti skond il-paragrafu 4 għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni, li għandha tavża lill-Istati Membri bihom u huma għandhom xahrejn biex jistmaw l-konformità tagħhom mal-għanijiet definiti f’dak il-paragrafu. Jekk il-Kummissjoni ma tkunx ikkummentat fi żmien dak il-perjodu, l-arranġament għandu jitqies li jkun ġie approvat.

6. Matul l-1995, il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-awtoritajiet Spanjoli, għandha teżamina l-impatt tal-miżuri meħuda fuq l-ekonomija tal-Gżejjer Kanarji u l-prospetti għall-integrazzjoni tagħhom fit-territorji doganali tal-Komunità. Fuq il-bażi ta’ dawn l-eżamijiet, l-awtoritajiet Spanjoli jistgħu jiġu awtorizzati, skond il-kriterji fil-paragrafu 4 u l-proċedura fil-paragrafu 5, li jżommu l-eżenzjonijiet fis-seħħ, kollha kemm huma jew parti minnhom, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2000.

Artikolu 6

1. Għall-perjodu transitorju, li ma għandux jestendi aktar mill-31 ta’ Diċembru 2000, it-Tariffa Komuni doganali (TKD) għandha tiġi introdotta b’mod progressiv skond l-iskeda li ġejja:

- sal-31 ta’ Diċembru 1992, ir-rati ta’ dazju applikabbli għandhom ikunu ugwali għal 30 % tar-rati tat-TKD; mill-1 ta’ Jannar 1993, dawn ir-rati għandhom ikunu ugwali għal 35 % tar-rati tat-TKD, u għandhom jitilgħu għal 40 % tar-rati tat-TKD mill-1 ta’ Jannar 1994 u għal 50 % tagħhom mill-1 ta’ Jannar 1995;

- mill-1 ta’ Jannar 1996 ’l quddiem, dawn ir-rati għandhom jiżdiedu b’10 % kull sena biex it-TKD tkun applikabbli fit-totalità tagħha fil-Gżejjer Kanarji fit-tmiem tal-perjodu transitorju.

2. Iżda, l-applikazzjoni tat-TKD u dazji ta’ importazzjoni oħra applikabbli taħt il-politika agrikola komuni għandha tkun sospiża sad-dħul fis-seħħ tal-arranġamenti speċifiċi ta’ forniment li hemm referenza għalihom f’Artikolu 2(2).

3. L-applikazzjoni tat-TKD fil-Gżejjer Kanarji għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-miżuri speċifiċi ta’ tariffa jew derogi mill-politika kummerċjali komuni, jekk ikun hemm il-bżonn, dwar ċerti prodotti sensittivi. Jistgħu jittieħdu wkoll miżuri doganali dwar l-arranġamenti applikabbli għal żoni liberi.

4. L-imposta magħrufa bħala l-"arbitrio insular — tarifa especial" tal-Gżejjer Kanarji għandha tiġi applikata għall-prodotti fornuti minn partijiet oħra tal-Komunità skond it-termini stabbiliti f’Artikolu 6(3) tal-Protokoll 2 tal-Att ta’ Adeżjoni, għalkemm ma tistax titkompla wara l-31 ta’ Diċembru 1992. Iżda, fuq bażi ta’ każ b’każ, il-Kunsill jista’, fuq talba minn Spanja u skond il-proċedura li hemm referenza għaliha f’Artikolu 6(3) tal-Protokoll 2, jawtorizza l-applikazzjoni ta’ din l-imposta għal ċerti prodotti sensittivi sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2000. Mingħajr preġudizzju għall-obbligi li joħorġu minn arranġamenti eżistenti, l-intaxxar ta’ dan l-imposta fuq prodotti mportati li jkunu joriġinaw f’pajjiżi mhux tal-Komunità għandu jintemm b’mod gradwali mill-1 ta’ Jannar 1996 sabiex jiġi eliminat għal kollox sal-31 ta’ Diċembru 2000.

5. Fejn jinstab li l-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu twassal għall-tgħawwiġ fil-kummerċ, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li d-differenza bejn id-dazji ta’ importazzjoni għandha tiġi ntaxxata fuq oġġetti f’ċirkolazzjoni libera fil-Gżejjer Kanarji meta dawn jiġu introdotti fil-partijiet l-oħra tat-territorju doganali tal-Komunità.

Artikolu 7

Il-politika kummerċjali komuni għandha tapplika għall-Gżejjer Kanarji skond it-termini stabbiliti għal-Spanja fl-Att ta’ Adeżjoni mingħajr preġudizzju għall-miżuri speċifiċi li hemm referenza għalihom f’Artikoli 2(2), 6 (3) u 10 (3) ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri xierqa biex timpedixxi kull moviment spekulattiv jew tgħawwiġ fil-kummerċ li jista’ jirriżulta mill-emendi tal-arranġamenti kummerċjali applikabbli għall-Gżejjer Kanarji.

Artikolu 9

Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandu jadotta programm ta’ għażliet speċifiku għan-natura remota u insulari tal-Gżejjer Kanarji. Il-programm għandu jkun jinkludi l-miżuri speċifiċi li hemm referenza għalihom f’Artikolu 2(2) u (3), Artikolu 3 u Artikolu 6(3). Dan il-programm multi-settorali ta’ operazzjonijiet li jinkludi miżuri leġislattivi u impenni finanzjarji dwar l-applikazzjoni tal-politika komuni sabiex tirrifletti l-limitazzjonijiet speċifiċi tal-Gżejjer Kanarji, għandu jingħata effett qabel il-31 ta’ Diċembru 1992 bl-adozzjoni mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, skond il-każ, tal-atti legali meħtieġa, skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

Artikolu 10

1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1991.

2. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament dwar l-applikazzjoni tal-politika agrikola komuni għandhom japplikaw mid-dħul fis-seħħ tal-arranġamenti speċifiċi ta’ forniment li għalihom hemm provdut f’Artikolu 2(2). Dawk l-arranġamenti għandhom jidħlu fis-seħħ mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 1992. Iżda, d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 2 tal-Att ta’ Adeżjoni dwar l-aċċess għall-prodotti li joriġinaw mill-Gżejjer Kanarji għall-bqija tal-Komunità għandu jiskadi mad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, soġġett għall-paragrafu 3.

3. Id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 2 tal-Att ta’ Adeżjoni dwar il-banana għandhom jibqgħu applikabbli.

Artikolu 11

Il-miżuri ta’ salvagward li hemm provdut għalihom f’Artikolu 379 tal-Att ta’ Adeżjoni għandhom japplikaw, fl-eventwalitajiet li hemm provdut għalihom f’dak l-Artikolu, għal kull settur affettwat bl-arranġamenti l-ġodda li jintegraw il-Gżejjer Kanarji fil-Komunità, iżda sal-31 ta’ Diċembru 1999 biss.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul il-Lussemburgu, 26 ta’ Ġunju 1991

Għall-Kunsill

Il-President

R. Steichen

[1] ĠU C 67, tal-15.3.1991, p. 8.

[2] ĠU C 158, tas-17.6.1991.

[3] Opinjoni mogħtija fit-30 ta’ Mejju 1991 (għadha mhux ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[4] ĠU L 145, tat-13.6.1977, p. 1.

[5] ĠU L 303, tal-31.12.1972, p. 1.

[6] ĠU L 10, tas-16.1.1979, p. 8.

--------------------------------------------------