31991L0628



Official Journal L 340 , 11/12/1991 P. 0017 - 0027


Id-Direttiva Tal-Kunsill

tad-19 ta’ Novembru 1991

dwar il-protezzjoni ta’ l-annimali waqt it-trasport u li temenda d-Direttivi 90/425/KEE u 91/496/KEE

(91/628/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2];

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi skond ir-riżoluzzjoni ta’ l-20 ta’ Frar 1987 dwar il-politika tal-ħarsien ta’ l-annimali [4], il-Parlament Ewropew kien talab lill-Kummissjoni biex tressaq proposti dwar il-protezzjoni ta’ l-annimali matul it-trasport;

Billi sabiex jiġu eliminati l-intoppi tekniċi għall-kummerċ f’annimali ħajjin u biex ikun permess li l-organizzazzjonijiet tas-suq f’dan il-każ jaħdmu bla xkiel, waqt li jkun asigurat livell sodisfaċenti ta’ protezzjoni għall-annimali kkonċernati, il-Komunità addottat regoli f’dan il-qasam;

Billi l-Istati Membri kollha rratifikaw il-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni ta’ l-annimali matul it-trasport internazzjonali u ffirmaw il-protokoll addizzjonali li jippermetti lill-Komunità bħala tali li taċċedi għall-imsemmija Konvenzjoni;

Billi r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3626/82 tat-3 ta’ Diċembru 1982 dwar l-implimentazzjoni fil-Komunità tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ internazzjonali fi speċi pperikolati ta’ fawna u flora ferjali [5], minn hawn ’il quddiem imsejjħa "Cites", jirregola l-kondizzjonijiet tat-trasport ta’ ċerti speċi;

Billi d-Direttiva 77/489/KEE [6] tistabbilixxi regoli għall-protezzjoni ta’ l-annimali matul it-trasport internazzjonali; billi d-Direttiva 81/389/KEE [7] tistabbilixxi miżuri għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 77/489/KEE, u b’mod partikolari introduċiet kontrolli mal-fruntieri interni tal-Komunità;

Billi sabiex jintlaħħqu l-istess skopijiet, u b’mod partikolari l-protezzjoni ta’ l-annimali matul it-trasport, huwa meħtieġ fil-kuntest tat-twaqqif tas-suq intern li jiġu rregolati ir-regoli tad-Direttiva 90/425/KEE [8]inter alia bil-ħsieb ta’ l-armonizzazzjoni ta’ verifiki minn qabel li jirrelataw mal-ħarsien ta’ l-annimali matul it-trasport;

Billi f’dan il-qafas it-trasport ta’ l-annimali ġewwa, lejn u mill-Komunità għandu jkun kopert, u l-verifiki sistematiċi fil-fruntieri interni tal-Komunità għandhom ikunu aboliti;

Billi għal raġunijiet tal-ħarsien ta’ l-annimali it-trasport ta’ l-annimali tul distanzi twal, inklużi annimali għall-qatla, għandu jitnaqqas kemm jista’ jkun possibli;

Billi r-regoli proposti għandhom jassiguraw il-protezzjoni aktar effettiva ta’ l-annimali matul it-trasport;

Billi d-Direttiva 91/496/KEE [9] għandha tkun emendata sabiex tiġa addattata ma’ din id-Direttiva; billi d-Direttivi 77/489/KEE u 81/389/KEE għandhom għalhekk jiġu mħassra,

ADDOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

IL-KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali

L-Artikolu 1

1. Din id-Direttiva tapplika għat-trasport ta’:

(a) solipedi (annimali ta’ difer wieħed) domestiċi u annimali domestiċi ta’ l-ispeċi ta’ annimali tal-fart, tan-nagħaġ, tal-mogħoż u tal-majjali;

(b) tjur, għasafar domestiċi u fniek domestiċi;

(ċ) qtates domestiċi u klieb domestiċi;

(d) mammiferi oħrajn u għasafar;

(e) annimali vertebrati oħrajn u annimali ta’ demm kiesaħ.

2. Din id-Direttiva ma tapplikax għal:

(a) vjaġġaturi li jġorru annimali tad-delizzju bl-iskop li ma jsirx profitt;

(b) mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti, għat-trasport ta’ annimali mwettaq:

- sa distanza ta’ 50 km li jibdew jgħoddu mill-bidu tat-trasport ta’ l-annimali sal-post ta’ destinazzjoni, jew

- minn raħħala jew dawk li jsemmnu li jużaw vetturi agrikoli jew mezzi tat-trasport tagħhom stess fil-każi meta ċ-ċirkostanzi ġeografiċi jitolbu għal transhumance staġjonali li ma jagħmlux profitt ta’ ċerti tipi ta’ annimali.

L-Artikolu 2

1. Għall-skopijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 tad-Direttivi 89/662/KEE [10], 90/425/KEE, 90/675/KEE [11] u d-Direttiva 91/496/KEE għandhom japplikaw kif meħtieġ.

2. B’żieda, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a) "mezzi tat-trasport", dawk il-partijiet ta’ vetturi tat-triq, vaguni tal-ferrovija, vapuri w ajruplani wżati għat-tagħbija u l-ġarr ta’ l-annimali, kif ukoll kontenituri għat-trasport bl-art, bil-baħar jew bl-ajru;

(b) "trasport", kull ċaqlieq ta’ annimali, effettwat permezz ta’ trasport li jinvolvi t-tagħbija u l-ħatt ta’ l-annimali;

(ċ) "punt ta’ waqfien", post fejn ikun interrott il-vjaġġ għall-mistrieħ, jew biex ikunu mitmugħa jew mogħtija l-ilma l-annimali;

(d) "punt ta’ trasferiment", post fejn it-trasport ikun interrott biex jiġu trasferiti l-annimali minn mezz tat-trasport għall-ieħor;

(e) "post tat-tluq", il-post li minnu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 1(2)(b), l-annimal jitgħabba għall-ewwel darba fuq il-mezz tat-trasport, jew kull post fejn l-annimali jkunu ġew maħtuta w akkommodati ta’ l-anqas għal 10 sigħat, mogħtija l-ilma, mitmugħa u, fejn meħtieġ, ikkurati, iżda eskluż kull punt ta’ waqfien jew ta’ trasferiment.

Is-swieq u ċ-ċentri tal-ġbir approvati skond il-leġislazzjoni tal-Komunità jistgħu wkoll jitqiesu bħala l-postijiet tat-tluq:

- meta l-ewwel post tat-tagħbija ta’ l-annimali jkun anqas minn 50 km ’il bogħod mill-imsemmija swieq jew ċentri ta’ ġbir,

- meta, għalkemm id-distanza li hemm referenza dwarha fl-ewwel subinċiż tkun aktar minn 50 km, l-annimali jkollhom tul ta’ perjodu ta’ mistrieħ iddeterminat bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 u jkun ingħataw l-ilma u l-ikel qabel ma jitgħabbew mill-ġdid;

(f) "post tad-destinazzjoni", il-post li fih l-annimal jinħatt għall-aħħar darba mill-mezzi tat-trasport, iżda eskluż punt tal-waqfien jew il-punt tat-trasferiment;

(g) "vjaġġ", it-trasport mill-post tat-tluq sal-post tad-destinazzjoni.

IL-KAPITOLU II

Trasport u kontrolli fit-territorju tal-Komunità

L-Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li:

(a) it-trasport ta’ l-annimali fil-, lejn u minn kull Stat membru għandu jkun effettwat skond din id-Direttiva u, fir-rigward ta’ l-annimali li hemm referenza dwarhom fi:

- l-Artikolu 1(a), id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu I ta’ l-Anness,

- l-Artikolu 1(b), id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II ta’ l-Anness,

- l-Artikolu 1(ċ), id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III ta’ l-Anness,

- l-Artikolu 1(d), id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV ta’ l-Anness,

- l-Artikolu 1(e), id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu V ta’ l-Anness;

(b) l-ebda annimal m’għandu jkun ittrasportat sakemm ma jkunx b’saħħtu biżżejjed għall-vjaġġ maħsub u sakemm ma jkunux saru provvedimenti addattati għall-kura tiegħu matul il-vjaġġ u mal-wasla fil-post tad-destinazzjoni. L-annimali li jkunu morda jew imweġġa m’għandhomx jitqiesu li jkunu b’saħħithom biżżejjed għat-trasport. Iżda, din id-dispożizzjoni m’għandhiex tgħodd għal:

(i) l-annimali li jkunu mweġġa’ jew morda ħafif li t-trasport tagħhom ma joħloqx tbatija żejda;

(ii) l-annimali li huma ttrasporatati għall-skopijiet ta’ riċerka xjentifika approvata mill-awtorità kompetenti;

(ċ) l-annimali li jimirdu jew iweġġgħu matul it-trasport għandhom jirċievu l-ewwel għajnuna kemm jista’ jkun malajr; għandhom jingħataw il-kura veterinarja addattata u fejn meħtieġ jinqatlu b’emerġenza b’dak il-mod li ma tiġix ikkawżata lilhom tbatija żejda.

2. Minkejja l-paragrafu 1(b), l-Istati Membri jistgħu jippermettu t-trasport ta’ l-annimali għall-kura veterinarja ta’ emerġenza jew qatla skond il-kondizzjonijiet li ma jkunux b’konformità mal-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li kull trasport bħal dak ikun permissibbli biss meta ma tinħoloq l-ebda tbatija żejda jew trattament ħażin għall-annimali kkonċernati. Jekk meħtieġ, għandhom jiġu addottati regoli speċifiċi għall-applikazzjoni ta’ din il-paragrafu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17.

3. Mingħajr preġudizzju għall-ħtiġiet stabbiliti fil-punti 1(a) u (b) u fl-Anness li jinsab ma’ din id-Direttiva, il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jistabbilixxi l-kondizzjonijiet addizzjonali addattati għat-trasport ta’ ċerti tipi ta’ annimali bħal m’huma solipedi, għasafar selvaġġi, u mammiferi marini biex titħares is-sigurtà tagħhom.

Sakemm jiġu implementati dawn id-dispożizzjonijiet, l-Istati Membri jisgħu, suġġetti għad-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Trattat, japplikaw ir-regoli addizzjonali nazzjonali relevanti.

L-Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-annimali jkunu ddentifikati u rreġistrati matul il-vjaġġ kollu tagħhom bi qbil mal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 90/425/KEE u jkunu akkumpanjati mid-dokumentazzjoni meħtieġa mill-leġislazzjoni tal-Komunità u dik nazzjonali li tippermetti lill-awtorità kompetenti li tivverifika:

- l-oriġini tagħhom u s-sidien tagħhom,

- il-post ta’ minn fejn ikun sar it-tluq u l-post tad-destinazzjoni tagħhom,

- id-data u l-ħin tat-tluq.

L-Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li:

1. kull persuna fiżika jew ġuridika li tittrasporta annimali bi qliegħ:

(a) tkun irreġistrata b’mod li tkun tippermetti lill-awtorità kompetenti li tivverifika li l-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva jkun hemm konformità magħhom;

(b) li jġorr l-annimali koperti b’din id-Direttiva bl-użu ta’ mezzi tat-trasport li jkunu konformi mal-ħtiġiet stabbiliti fl-Anness;

(ċ) li ma jġorrux annimali jew iġiegħelu li jinġarru annimali, b’mod li jistgħu jkorru jew jgħaddu minn tbatija żejda lil-dak l-annimal;

2. il-persuna inkarigata mit-trasport ta’ l-annimali tintrabat li:

(a) tavda t-trasport f’idejn il-personal li għandhom il-kapaċità meħtieġa biex jamministraw kull kura xierqa fuq l-annimali ttrasportati;

(b) tħejji, għal vjaġġi li jeċċedu l-24 siegħa mill-post tat-tluq u wara li jittieħed akkont tal-post tad-destinazzjoni, l-itenerarju — inkluż kull punt ta’ waqfien jew trasferiment — hekk li jista’ jkun assigurat li l-annimali jingħatalhom il-mistrieħ, l-ikel u l-ilma u, fejn meħtieġ, jinħattu u jingħataw akkommodazzjoni bi qbil mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva skond it-tip ta’ l-annimal li jinġarr;

(ċ) tkun tista’, skond l-ispeċi ttrasportat u meta l-vjaġġ jieħu aktar minn 24 siegħa, turi li jkunu ittieħdu passi biex jitħarsu l-ħtiġiet ta’ l-annimali dwar l-ikel u l-ilma matul il-vjaġġ ukoll meta jinbidel il-pjan tar-rotta jew meta jiġi interrott il-vjaġġ għal raġunijiet li ma jkollux kontroll fuqhom;

(d) tassigura li l-annimali jinġarru mingħajr dewmien lejn il-post tad-destinazzjoni tagħhom, minkejja l-perjodu normali ta’ mistrieħ tas-sewwieq;

(e) tassigura li matul il-vjaġġ il-konsenja tkun akkumpanjata mill-pjan tar-rotta oriġinali imsemmi f’(b), biż-żieda tad-data, il-post u l-ħin tat-tluq;

(f) żżomm għall-perjodu stabbilit mill-awtorità kompetenti it-tieni kopja tal-pjan tar-rotta msemmi hawn fuq, li għandu jintbagħat fuq talba lejn l-awtorità kompetenti għall-verifika;

(g) meta l-annimali jkunu jivvjaġġaw waħidhom, tassigura li l-konsenjatur ikun ippreżenthom għat-trasport skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u li l-konsenjatarju jkun ippreparat li jirċevihom;

3. il-punti tal-waqfien, miftiehma minn qabel mill-persuna inkarigata msemmija f’2, ikunu regolarment ivverifikati mill-awtorità kompetenti.

L-Artikolu 6

1. Id-Direttiva 90/425/KEE għandha tiġi emendata kif ġej:

(a) it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 1 għandu jkun mibdul b’dan li ġej:

"Din id-Direttiva m’għandhiex teffettwa l-verifiki mwettqa bħala parti mid-doveri mwettqa b’mod mhux diskriminatorju mill-awtoritajiet responsabbli mill-applikazzjoni tal-liġijiet fi Stat Membru.";

(b) ir-referenza li ġejja għandha tiżdied mat-Taqsima I ta’ l-Anness A:

"Id-Direttiva tal-Kunsill 91/628/KEE tad-19 ta’ Novembru 1991 dwar il-protezzjoni ta’ l-annimali waqt it-trasport u li temenda d-Direttivi 90/425/KEE u 91/496/KEE.

(ĠU L 340, tal-11.12.1991, p. 17)."

2. Iċ-ċertifikati jew id-dokumenti li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 90/425/KEE għandhom ikunu ssupplimentati bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Arikolu 17, sabiex jittieħed akkont tal-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva.

3. L-iskambju ta’ tagħrif bejn l-awtoritajiet b’konformità mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva għandu jkun integrat fis-sistema kompjuterizzata li hemm provvediment dwarha fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 90/425/KEE (Animo) u, fir-rigward ta’ l-importazzjoni minn pajjiżi terzi, fil-proġett Shift, skond l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 91/496/KEE.

Ir-regoli ddettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu għandhom ikunu addottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17.

L-Artikolu 7

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex ma jħallux jew inaqqsu għall-minimu kull dewmien matul it-trasport jew tbatija mill-annimali meta strikes jew ċirkostanzi oħra mhux previsti jimpedixxu l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. B’mod partikolari, għandhom jintgħamlu arranġamenti speċjali fil-portijiet, ajruporti, stazzjonijiet tal-ferrovija, inħawi tal-ġemgħa, u postijiet ta’ spezzjoni mal-fruntiera li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/496/KEE biex jitħaffef it-trasport ta’ l-annimali permezz tal-kondizzjonijiet b’konformità mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva.

2. Mingħajr preġudizzju għall-ħtiġiet tal-Komunità dwar is-saħħa ta’ l-annimali stabiliti band oħra, ebda konsenja ta’ l-annimali m’għandha tinżamm matul it-trasport sakemm ma jkunx strettament meħtieġ għall-ġid ta’ l-annimali. Jekk xi konsenja ta’ l-annimali jkollha tinżamm matul it-trasport għal aktar minn sagħtejn, għandhom isiru l-arranġamenti xierqa għall-kura ta’ l-annimali u, meta meħtieġ, il-ħatt u l-akkommodazzjoni tagħhom.

L-Artikolu 8

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li skond il-prinċipji u r-regoli ta’ kontroll stabbiliti fid-Direttiva 90/425/KEE, li l-awtoritajiet kompetenti jivverifikaw li l-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva jkunu ġew imħarsa, billi jwettqu spezzjonijiet mhux diskriminatorji ta’:

(a) l-mezzi tat-trasport u l-annimali li jaslu fil-post tad-destinazzjoni tagħhom;

(b) il-mezzi tat-trasport u l-annimali fi swieq, fil-post tat-tluq, fil-punti tal-waqfien u fil-punti tat-trasferiment;

(ċ) id-dettalji fuq id-dokumenti li jakkumpanjawhom.

Barra minn hekk, meta l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jkollha tagħrif li jwassalha li tissuspetta xi nuqqas, jistgħu wkoll isiru verifiki matul it-trasport ta’ l-annimali fuq it-territorju tiegħu.

Dan l-Artikolu m’għandux jaffettwa l-verifiki mwettqa bħala parti mid-doveri mwettqa b’mod mhux diskriminatorju mill-awtoritajiet responsabbli mill-applikazzjoni tal-liġijiet fi Stat Membru.

L-Artikolu 9

1. Jekk jinstab matul it-trasport li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ma jkunux ġew imħarsa jew ma jkunx hemm konformità magħhom, l-awtorità kompetenti tal-lokal li fih issir dik is-sejba, għandha teħtieġ li l-persuna inkarigata mill-meżżi tat-trasport, li tieħu kull azzjoni li l-awtorità kompetenti tqis li jkunu meħtieġa sabiex ikun issalvagwardat il-ġid ta’ l-annimali kkonċernati.

Jiddependi miċ-ċirkostanzi ta’ kull każ, dik l-azzjoni tista’ tinkludi:

(a) arranġamenti biex jitkompla l-vjaġġ jew li l-annimali jintbgħatu lura lejn il-post tat-tluq tagħhom b’rotta l-aktar diretta, basta li din l-azzjoni ma toħloqx tbatija żejda għall-annimali;

(b) arranġamenti biex l-annimali jinżammu f’akkommodazzjoni addattata bil-kura approprjata sakemm tissolva l-problema;

(ċ) arranġamenti għall-qtil mingħajr tbatija ta’ l-annimali. Id-destinazzjoni u l-użu tal-karkassi ta’ dawn l-annimali għandha tkun irregolata mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 64/433/KEE [12].

2. Jekk il-persuna inkarigata mill-mezzi tat-trasport tonqos li tkun konformi ma’ l-istruzzjonijiet ta’ l-awtorità kompetenti, din ta’ l-aħħar għandha minnufih iġġiegħel l-miżuri f’dak il-każ ikunu mwettqa u għandha tiġbor lura n-nefqa ta’ dawk il-miżuri b’manjera xieraq.

3. Id-drittijiet ta’ l-appell eżistenti permezz tal-liġijiet fis-seħħ fl-Istati Membri kontra d-deċiżjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti m’għandhomx ikunu affettwati minn din id-Direttiva.

Id-Deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri u r-raġunijiet għal dawk id-deċiżjonijiet għandhom jiġu nnotifikati lejn il-konsenjatur jew lejn ir-rappreżentant tiegħu u lejn l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ dispaċċ.

Jekk il-kunsinnatarju jew ir-rappreżentant tiegħu hekk jitlob, l-imsemmija deċiżjonijiet u raġunijiet għandhom jintbagħtu lilu bil-miktub bid-dettalji tad-drittijiet ta’ l-appell li huma disponibbli għalih permezz tal-liġi fis-seħħ fl-Istat Membru tad-destinazzjoni u bil-proċedura u l-limiti ta’ żmien applikabbli.

Madankollu, fil-każ ta’ xi kwistjoni, iż-żewġ partijiet ikkonċernati jistgħu, jekk hekk jiftiehmu, f’perjodu massimu ta’ xahar, jibgħatu l-kwistjoni għal studju minn espert li ismu jidher fuq il-lista ta’ esperti tal-Komunità li għandha tkun imħejjija mill-Kummissjoni.

Dawk l-esperti għandhom jagħtu l-opinjoni tagħom f’mhux aktar minn 72 siegħa. Il-partijiet għandhom joqgħodu fuq l-opinjoni ta’ l-espert, waqt li jingħata akkont tal-leġislazzjoni veterinerja tal-Komunità.

L-Artikolu 10

1. L-esperti tal-Kummissjoni jistgħu, sal-limitu meħtieġ għall-applikazzjoni uniformi ta’ din id-Direttiva, jwettqu verifiki fuq il-post b’kollaborazzjoni ma’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri. L-Istat Membru li fuq it-territorju tiegħu jitwettqu l-ispezzjonijiet għandu jipprovdi lill-esperti b’kull għajnuna meħtieġa għat-twettieq tax-xogħol tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri bir-riżultati ta’ dawn il-verifiki.

2. Ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dan il-paragrafu għandhom ikunu addottati bil-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17.

IL-KAPITOLU III

Importazzjoni minn pajjiżi terzi

L-Artikolu 11

1. Ir-regoli stabbiliti bid-Direttiva 91/496/KEE għandhom japplikaw, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-organizzazzjoni ta’ u t-twettieq tal-verifiki.

2. L-importazzjoni, t-transitu u t-trasport fi jew mit-territorju tal-Komunità ta’ l-annimali ħajjin koperti b’din id-Direttiva li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi għandhom ikunu awtorizzati biss jekk l-esportatur u/jew l-importatur jintrabtu bil-miktub li jkunu konformi mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva u jkunu għamlu l-arranġamenti biex ikunu konformi magħhom.

3. B’effett mill-1 ta’ Jannar 1993, l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(2)(d) tad-Direttiva 91/496/KE għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

"(d) il-verifika tal-konformità mal-ħtiġiet tad-Direttiva tal-Kunsill 91/628/KEE tad-19 ta’ Novembru 1991 dwar il-protezzjoni ta’ l-annimali matul it-trasport u li temenda d-Direttivi 90/425/KEE u 91/496/KEE. [13]

.

4. Iċ-ċertifikati jew id-dokumenti li hemm provvediment dwarhom fit-tielet subinċiż ta’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/496/KEE għandhom ikunu ssupplimentati bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Arikolu 17, sabiex jingħata akkont tal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva.

Sakemm jiġu addottati dawn id-dispożizzjonijiet, ir-regoli nazzjonali relevanti għandhom japplikaw, suġġetti għar-regoli ġenerali stabbiliti fit-Trattat.

IL-KAPITOLU IV

Dispożizzjonijiet finali

L-Artikolu 12

Ir-regoli u l-proċeduri ta’ l-informazzjoni stabiliti fid-Direttiva 89/608/KEE [14] għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-skopijiet ta’ din id-Direttiva

L-Artikolu 13

1. Qabel l-1 ta’ Lulju 1992, il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport imħejji fuq il-bażi ta’ l-opinjoni mill-Kumitat Veterinarju Xjentifiku, possibilment akkumpanjat bi proposti, dwar:

- il-kwistjoni ta’ l-iffissar tal-ħinijiet massimi ta’ vjaġġ għal annimali ta’ ċerti tipi;

- l-intervalli stabiliti fl-Kapitolu I, A(2)(d) ta’ l-Anness;

- it-tul tal-mistrieħ li hemm provvediment dwaru fl-Artikolu 5(2)(b);

- in-normi tad-densità tat-tagħbija applikabbli għat-trasport ta’ ċerti tipi ta’ annimali;

- in-normi li għandhom jitħarsu fil-mezzi tat-trasport fir-rigward tat-trasport ta’ ċerti tipi ta’ annimali.

Il-Kunsill għandu jaġixxi fuq dawn il-proposti b’maġġoranza kwalifikata.

2. Skond il-proċedura stabilita fl-Artikolu 17 u wara li tikkonsulta l-Kumitat Veterinarju Xjentifiku, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-kriterji tal-Komunità li għandhom jitħarsu mill-punti ta’ waqfien fir-rigward tat-tmigħ, l-għoti ta’ l-ilma, tat-tagħbija, tal-ħatt u, meta japplika, l-akkommodazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ annimali.

3. Tliet snin wara l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tibgħat lejn il-Kunsill rapport dwar l-esperjenza miksuba mill-Istati Membri, partikolarment, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li hemm referenza dwarhom fil-paragrafi 1 u 2, possibilment akkumpanjat bi proposta għall-emenda ta’ dawk ir-regoli, li dwarha l-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata.

4. Sakemm ikunu implementati d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, ir-regoli nazzjonali relevanti għandhom japplikaw, bla ħsara għar-regoli ġenerali stabbiliti fit-Trattat.

L-Artikolu 14

L-Annessi li jinsabu ma’ din id-Direttiva għandhom jiġu emendati mill-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, bl-iskop partikolari ta’ l-adattament tagħhom għall-progress teknoloġiku u tekniku.

L-Artikolu 15

Skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17, iċ-ċertifikati jew id-dokumenti li jakkumpanjaw li hemm provvediment dwarhom fir-regolamenti tal-Komunità għat-trasport ta’ l-annimali li hemm referenza dwaru fl-Artikolu 1 għandhom jiġu supplimentati b’konfermazzjoni mill-awtorità kompetenti bi qbil mat-tifsira ta’ l-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 90/425/KEE li tiċċertifika li l-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva jkun hemm konformità magħhom.

L-Artikolu 16

Ir-regoli li jirigwardaw il-qagħda ta’ l-annimali matul it-trasport applikabbli għaċ-ċaqlieq ta’ l-annimali f’ċerti partijiet tat-territorji li hemm referenza dwarhom fl-Anness I li jinsab mad-Direttiva 90/675/KEE, inkluż, għar-Renju ta’ Spanja, il-Gżejjer tal-Kanarja, biex jittieħed akkont tal-limiti naturali speċifiċi għal dawk it-territorji, b’mod partikolari il-bogħod tagħhom mill-parti ta’ l-art prinċipali tat-territorju tal-Komunità, għandhom jiġu addottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17, fuq il-bażi tat-tagħrif stabbilit fit-tieni subparagrafu.

Għal dak l-iskop, sa’ l-1 ta’ Lulju 1992 l-aktar tard, l-Istati Membri konċernati għandhom jibgħatu lejn il-Kummissjoni r-regoli speċifiċi li jrid ikun hemm konformità magħhom fir-rigward tal-qagħda ta’ l-annimali matul it-trasport meta l-annimali jkunu mċaqalqa ġewwa r-reġjuni konċernati, waqt li jingħata akkont għall-limiti speċifiċi ta’ dawk it-territorji.

L-Artikolu 17

1. Meta l-proċedura stabbilita f’dan l-Artikolu trid tkun użata, il-kwistjonijiet għandhom mingħajr dewmien jiġu rriferuti mill-President, jew fuq l-inizjattiva tiegħu jew fuq it-talba ta’ rappreżentant ta’ xi Stat Membru, lejn il-Kumitat Veterinarju Permanenti (hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjaħ il-"Kumitat") stabbilit bid-Deċiżjoni 68/361/KEE [15].

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jibgħat lejn il-Kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz, fil-limitu ta’ żmien li l-President jista’ jistabbilixxi skond l-urġenza tal-każ. L-opinjoni għandha tingħata bil-maġġoranza stabilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta’ deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun meħtieġ li jaddotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat għandhom ikunu mwieżna bil-mod stabilit f’dak l-Artikolu. Il-President m’għandux jivvota.

3. Il-Kummissjoni għandha taddotta l-miżuri maħsuba jekk ikunu skond l-opinjoni tal-Kumitat.

4. Jekk il-miżuri maħsuba ma jkunux skond l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk l-ebda opinjoni ma tingħata, il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tibgħat lejn il-Kunsill proposta li tirrigwardja l-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata.

Jekk, wara li jiskadi l-perjodu ta’ tliet xhur mid-data tar-referenza lejn il-Kunsill, il-Kunsill ma jkunx aġixxa, il-miżuri proposti għandhom ikunu addottati mill-Kummissjoni, barra meta l-Kunsill ikun iddeċieda kontra l-imsemmija miżuri b’maġġoranza sempliċi.

L-Artikolu 18

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri speċifiċi xierqa biex jippenalizzaw kull ksur ta’ din id-Direttiva minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi.

2. Fil-każ ta’ ksur ripetut ta’ din id-Direttiva, jew ta’ ksur li jirriżulta minn tbatija kbira għall-annimali, l-Istat Membru jista’ mingajr preġudizzjnu għal sanzjonijiet oħra imposti, jieħu l-miżuri meħtieġa biex jikkoreġi n-nuqqas innutat.

L-Artikolu 19

Din id-Direttiva għandha tkun tapplika mingħajr preġudizzju għall-obbligi li joħorġu mill-leġislazzjoni doganali.

L-Artikolu 20

Id-Direttivi 77/489/KEE u 81/389/KEE għandhom jitħassru mhux aktar tard mid-data li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 21.

L-Artikolu 21

1. L-Istati Membri għandhom idaħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma’ din id-Direttiva qabel l-1 ta’ Jannar 1993. Għandhom minnufih javżaw b’dan lill-Kummissjoni.

2. Meta l-Istati Membri jaddottaw dawn il-dispożizzjonijiet, għandhom jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’dik ir-referenza fl-okkażżjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif issir dik ir-referenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

L-Artikolu 22

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussel, fid-9 ta’ Novembru 1991.

Għall-Kunsill

Il-President

P. Bukman

[1] ĠU C 214, tal-21.8.1989, p. 36 u ĠU C 154, tat-23.6.1990, p. 7.

[2] ĠU C 113, tas-7.5.1990, p. 206.

[3] ĠU C 56, tas-7.3.1990, p. 29.

[4] ĠU C 76, tas-7.3.1987, p. 185.

[5] ĠU L 384, tal-31.12.1982, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni KEE Nru 197/90 (ĠU L 29, tal-31.1.1990, p. 1).

[6] ĠU L 200, tat-8.8.1977, p. 10.

[7] ĠU L 150, tas-6.6.1981, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bir-Regolament KEE Nru 3768/85 (ĠU L 362, tal-31.12.1985, p. 8).

[8] ĠU L 224, tat-18.8.1990, p. 29. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 91/496/KEE (ĠU L 268, ta’ l-24.9.1991, p. 56).

[9] ĠU L 268, ta’ l-24.9.1991, p. 56.

[10] ĠU L 395, tat-30.12.1989, p. 13. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 91/496/KEE (ĠU L 268, ta’ l-24.9.1991, p. 56).

[11] ĠU L 373, tal-31.12.1990, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 91/496/KEE (ĠU L 268, ta’ l-24.9.1991, p. 56).

[12] Kif emendat u kkonsolidat bid-Direttiva 91/497/KEE (ĠU L 268, ta’ l-24.9.1991, p. 68).

[13] ĠU L 340, tal-11.12.1991, p. 17"

[14] ĠU L 351, tat-2.12.1989, p. 34.

[15] ĠU L 225, tat-18.10.1968, p. 23.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

IL-KAPITOLU I

SOLIPEDI (B’DIFER WIEĦED) DOMESTIĊI U ANNIMALI DOMESTIĊI TA’ L-ISPEĊI TAL-FART, NAGĦAĠ, MOGĦOŻ U MAJJALI;

A. Dispożizzjonijiet ġenerali

1. Annimali tqal li x’aktarx iweldu matul it-traspost jew annimali li jkunu weldu matul it-48 ta’ qabel, u annimali li jkunu għadhom kif twieldu li ż-żokra tagħhom tkun għada ma fieqitx għal kollox, m’għandhomx jitqiesu bħala b’saħħithom biżżejjed biex jinġarru.

2. (a) L-annimali għandhom ikunu pprovduti bi spazju biżżejjed biex joqgħodu bil-wieqfa fil-pożizzjoni naturali tagħhom u, fejn meħtieġ, b’diviżjonijiet biex jipproteġu lill-annimali miċ-ċaqlieq matul it-trasport. Sakemm kondizzjonijiet speċjali għall-protezzjoni ta’ l-annimali ma jeħtieġux xort’oħra, għandu jkun ipprovdut spazju biex dawn ikunu jistgħu jimteddu.

(b) Il-mezzi tat-trasport u l-kontenituri għandhom ikunu magħmula u mħaddma sabiex jipproteġu lill-annimali kontra temp ħażin u d-differenzi kbar fil-kondizzjonijiet klimatiċi. Il-ventilazzjoni u l-ispazju ta’ l-arja għandhom ikunu bi qbil mal-kondizzjonijiet tat-trasport u addattati għall-ispeċi ta’ l-annimali li jkunu jinġarru.

(ċ) Il-mezzi tat-trasport u l-kontenituri għandhom ikunu jistgħu jitnaddfu malajr, li l-animali ma jistgħux jaħarbu minnhom u għandhom ikunu hekk mibnija u operati li jipprevjenu l-korriment u t-tbatija bla bżonn ta’ l-annimali u li tiġi assigurata s-sigurtà tagħhom matul it-trasport. Il-kontenituri li fihom jinġarru l-annimali għandhom ikunu mmarkati b’simbolu li jindika l-preżenza ta’ l-annimali ħajjin u b’sinjal li jindika l-pożizzjoni wieqfa ta’ l-annimali. Għandhom jippermettu għall-ispezzjoni u l-kura ta’ l-annimali u għandhom ikunu maħżuna b’dak il-mod li ma jfixkux il-ventilazzjoni. Matul it-trasport u l-immaniġġar, il-kontenituri għandhom dejjem jinżammu f’pożizzjoni wieqfa u m’għandhomx jiġu esposti għal skossi jew tregħid.

(d) matul it-trasport l-annimali għandhom jirċievu l-ilma u l-ikel xieraq f’intervalli addattati. Dawn l-intervalli m’għandhomx jeċċedu l-24 siegħa sakemm ma tkunx meħtieġa estensjoni ta’ dan il-perjodu f’każi speċifiċi fl-interess ta’ l-annimali minħabba b’mod partikolari l-ispeċi li jkunu qed jinġarru, il-mezzi tat-trasport użati, u l-prossimità tal-post tal-ħatt.

(e) Is-solipedi għandhom jilbsu kappestru matul it-trasport. Din id-dispożizzjoni m’għandhiex tiġi applikata għalxi felu mhux miftum jew għall-annimali li jinġarru f’kaxxi individwali.

(f) Meta l-annimali jkunu marbuta, il-ħbula jew irbit l-ieħor użat għandu jkun b’saħħtu biżżejjed li ma jinqatax matul il-kondizzjonijiet normali tat-trasport, u twal biżżejjed biex ikunu jippermettu lill-annimali, fejn meħtieġ, li jimteddu u li jieklu u jixorbu, u għandhom ikunu ddisinjati b’dak il-mod li jiġi eliminat kull perikolu ta’ tgħalliq jew korriment. L-annimali m’għandhomx jintrabtu mill-qrun jew miċ-ċirku ma’ l-imnieħer.

(g) Is-solipedi għandhom jinġarru f’kontenituri jew f’kaxxi individwali li huma maħsuba biex jipproteġu lill-annimali kontra l-iskossi. Iżda, annimali bħal dawk jistgħu jinġarru fi gruppi; f’dak il-każ, għandha tingħata kura biex jiġi assigurat li l-annimali li huma ostili lejn xulxin ma jinġarrux flimkien jew meta jinġarru flimkien, ikollhom id-dwiefer ta’ wara mhux imniegħla.

(h) Is-solipedi m’għandhomx jinġarru f’vetturi ta’ aktar minn sular wieħed.

3. (a) Meta annimali ta’ speċi differenti jivvjaġġaw fl-istes mezzi ta’ trasport għandhom jiġu ssegregati skond l-ispeċi, ħlief fil-każ ta’ annimali kumpanji fejn is-separazzjoni tista’ toħloq tbatija. Aktar minn hekk, għandhom jittieħdu miżuri speċjali biex jiġu evitati reazzjonijiet kuntrarji li jistgħu jirriżultaw mit-trasport fl-istess kunsinna ta’ annimali naturalment ostili għal xulxin. Meta annimali ta’ etajiet differenti jinġarru fl-istess trasport, l-adulti u ż-żgħar għandhom jinżammu separati; din ir-restrizzjoni m’għandhiex, iżda, tgħodd għall-nisa li jivvjaġġaw maż-żgħar tagħhom li jkunu jreddu. L-irġiel adulti mhux kastrati għandhom jinżammu separati minn majjali femminili selvaġġi. Adulti tat-tgħammir għandhom jinżammu separati minn xulxin. Dan għandu jkun jgħodd ukoll għaż-żwiemel. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw biss sal-limitu li l-annimali ma jkunux trabbew fi gruppi kompatibbli jew ma jkunux imdorija ma xulxin.

(b) Fil-kompartimenti li fihom jinġarru l-annimali, m’għandhomx jinġarru oġġetti li jistgħu jippreġudikaw il-qagħda ta’ l-annimali.

4. Għandu jintuża apparat addattat għat-tagħbija u l-ħatt ta’ l-annimali, bħal pontijiet, rampi jew skali. L-art ta’ dan l-apparat għandha tkun mibnija b’dak il-mod li ma tkunx tiżloq, u l-apparat għandu jiġi pprovdut bi protezzjoni laterali meta hekk ikun meħtieġ. Matul it-trasport l-annimali m’għandhomx jiddendlu b’mezzi mekkaniċi, lanqas merfugħa jew imkaxkra minn rashom, mil-qrun, minn saqajhom, minn denbhom jew mill-pil. B’żieda, l-użu ta’ niġġieża elettriċi għandu jiġi evitat sa fejn hu possibbli.

5. L-art tal-mezzi tat-trasport jew tal-kontenitur għandha tkun b’saħħitha biżżejjed li tkun tiflaħ għall-piż ta’ l-annimali li jkunu qed jinġarru. Għandha tkun ta’ disinn li ma tiżloqx; jekk ikun hemm xi spazji jew perforazzjonijiet dawn għandhom ikunu kompletament lixxi biex jevitaw xi korriment ta’ l-annimali. L-art għandha tkun mgħottija b’materjal biżżejjed li jassorbi l-ħmieġ sakemm dan ma jkunx jista’ jiġi ttrattat xort’oħra li ta’ l-anqas tkun tofri l-istess vantaġġi jew sakemm il-ħmieġ ma jitneħħiex regolarment.

6. Sabiex tkun assigurata l-kura meħtieġa ta’ l-annimali matul it-trasport, kunsennji ta’ merħliet għandhom ikunu akkumpanjati minn lavrant, ħlief fil-każijiet li ġejjin.

(a) meta l-annimali jinġarru f’kontenituri li jkunu maqfula, ivventilati kif imiss u, fejn meħtieġ, li jkun fihom ikel u ilma biżżejjed, f’kontenituri li ma jistgħux jinqalbu, matul vjaġġ li jkun ta’ tul id-doppju ta’ dak mistenni;

(b) meta t-trasportatur jaqdi l-funzjonijiet ta’ lavrant;

(ċ) meta l-konsenjatur ikun ħatar aġent biex jieħu ħsieb l-annimali fil-punti xierqa ta’ waqfien.

7. (a) Il-lavrant jew l-aġent tal-konsenjatur għandu jieħu ħsieb l-annimali, jitmagħhom u jtihom l-ilma u, fejn meħtieġ, jaħlibhom.

(b) Baqar bil-ħalib għandhom jinħalbu f’intervalli ta’ xi 12-il siegħa imma li ma jeċċedux il-15-il siegħa.

(ċ) biex il-lavrant ikun jista’ jagħti din il-kura, għandu, fejn meħtieġ, ikollu disponibbli mezzi addattati tad-dawl.

8. L-annimali għandhom jitgħabbew biss f’mezzi tat-trasport li jkun ġew imnaddfa sewwa u fejn xieraq, iddisinfettati. Annimali mejta, skart u ħmieġ għandhom jitneħħew kemm jista’ jkun malajr.

B. Dispożizzjonijiet speċjali għat-trasport bil-ferrovija

9. Kull vagun tal-ferrovija wżat fit-trasport ta’ l-annimali għandu jiġi mmarkat b’simbolu li jindika l-preżenza ta’ l-annimali ħajjin, sakemm l-annimali ma jkunux qed jinġarru f’kontenituri. Jekk ma jkunux jistgħu jiġu akkwistati vaguni speċjalment addatati għat-trasport ta’ l-annimali, l-annimali għandhom jinġarru f’vaguni mgħottija li huma kapaċi li jigu misjuqa b’veloċità għolja u li jkunu pprovduti b’ventilaturi kbar għall-arja jew b’sistema ta’ ventilazzjoni li tkun effettiva wkoll f’veloċità baxxa. Il-ħitan ta’ ġewwa tal-vaguni għandhom ikunu ta’ l-injam jew xi materjal addattat ieħor, kompletament lixx u mgħammra bi ċrieki jew vireg, f’għoli addatat, li magħhom ikunu jistgħu jintrabtu l-annimali.

10. Meta ma jinġarrux f’kaxxi individwali, is-solipedi għandhom jiġu marbuta b’dak il-mod li jkunu kollha jħarsu lejn l-istess ġenb tal-vettura jew marbuta jħarsu lejn xulxin. Iżda, l-felu u l-annimali mhux miftuma m’għandhomx jintrabtu.

11. L-annimali l-kbar għandhom jitgħabbew b’dak il-mod li jkun jippermetti lill-lavrant li jidħol bejnithom.

12. Meta, skond il-punt 3(a), tkun meħtieġa s-segregazzjoni ta’ l-annimali, dan jista’ jsir jew billi jintrabtu f’partijiet separati tal-vagun, jekk l-ispazju jkun jippermetti, jew bil-mezz ta’ diviżjonijiet addattati.

13. Meta jkun qed jintramaw il-ferroviji jew matul kull ċaqliq ieħor tal-vaguni għandha tittieħed kull prekawzjoni biex jiġi evitat kull tip ta’ skoss tal-vaguni li jkun fihom l-annimali.

Ċ. Dispożizzjonijiet speċjali għat-trasport bl-art

14. Il-vetturi għandhom ikunu b’dak il-mod li l-annimali ma jkunux jistgħu jaħarbu minnhom u hekk mibnija li tiġi assigurata s-sigurtà ta’ l-annimali u għandhom ikunu mgħammra b’saqaf biex tkun assigurata l-protezzjoni kontra t-temp.

15. Faċilitajiet għall-irbit għandhom jiġu pprovduti fil-vetturi wżati għat-trasport ta’ l-annimali kbar li normalment ikun hemm il-ħtieġa li jiġu marbuta. Meta jkun meħtieġ li l-vetturi jkunu sub-diviżi, id-diviżjonijiet għandhom ikunu ta’ kostruzzjoni riġida.

16. Il-vetturi għandhom iġorru l-apparat addattat li jkun konformi mal-ħtiġiet tal-paragrafu 4.

D. Dispożizzjonijiet speċjali għat-trasport fuq l-ilma

17. L-aċċessorji tal-vapuri għandhom ikunu tali li l-annimali jkunu jistgħu jiġu trasportati mingħajr ma jkorru jew tbatija bla bżonn.

18. L-annimali m’għandhomx jinġarru fuq gvieret miftuħa sakemm ma jkunux f’kontenituri marbuta kif imiss jew strutturi oħra, approvati mill-awtorità kompetenti u li jagħtu protezzjoni xierqa kontra l-baħar u l-maltemp.

19. L-annimali għandhom jintrabtu jew jiġu akkomodati kif imiss f’mandri jew f’kontenituri.

20. Għandu jkun hemm passaġġi adekwati li jagħtu aċċess għal mandri, kontenituri jew vetturi li jakkomodaw lill-annimali. Għandu jkun hemm disponibbli faċilitajiet adekwati ta’ dawl.

21. Għandu jiġi pprovdut numru biżżejjed ta’ lavranti billi jittieħed akkont tan-numru ta’ l-annimali ttrasportati u t-tul tal-vjaġġ.

22. Il-partijiet kollha tal-vaput ta’ fejn ikunu akkomodati l-annimali għandhom ikunu pprovduti bi dranaġġ u għandhom jinżammu f’kondizzjoni sanitarja.

23. Għandu jinġarr tip ta’ strument approvat mill-awtorità kompetenti għall-qatla ta’ l-annimali jekk hekk ikun meħtieġ.

24. Il-vapuri wżati fit-trasport ta’ l-annimali għandhom, qabel ma jbaħħru, jiġu pprovduti bi provvista biżżejjed ta’ ilma tax-xorb — meta ma jkunux armati b’sistema addattata li tipprovdi l-produzzjoni tiegħu — u għalf xieraq, wara li jingħata akkont ta’ l-ispeċi u n-numru ta’ l-annimali li jkunu qed jinġarru kif ukoll għat-tul tal-vjaġġ.

25. Għandhom isiru dispożizzjonijiet biex ikunu iżolati annimali li jimirdu jew ikorru matul il-vjaġġ u biex tingħata l-ewwel għajnuna, fejn meħtieġ.

26. (a) Meta l-annimali jinġarru f’vaguni tal-ferrovija abbord vapur, għandha tingħata kura speċjali biex jiġi assigurat li tkun ipprovduta ventilazzjoni xierqa għall-annimali matul il-vjaġġ kollu. Il-paragrafi 17 sa 19 m’għandhomx japplikaw għat-trasport ta’ l-annimali mgħobbija f’vaguni tal-ferrovija jew fuq vetturi tat-triq abbord laneċ jew vapuri simili.

(b) Meta l-annimali jinġarru f’vetturi tat-triq abbord vapuri, il-miżuri li ġejjin għandhom japplikaw:

(i) il-kompartimenti ta’ l-annimali għandhom ikunu mwaħħla sewwa mal-vettura; il-vettura u l-kompartimenti ta’ l-annimali għandhom ikunu mgħammra b’faċilitajiet adekwati ta’ rbit li jkunu jippermettu li jiġu marbuta sew mal-bastiment. Fuq il-gverta mgħottija ta’ bastiment roll-on/roll-off, għandha tinżamm ventilazzjoni suffiċjenti għan-numru ta’ vetturi ttrasportati. Fejn possibbli, vettura għat-trasport ta’ l-annimali għandha titqiegħed viċin dħul ta’ l-arja friska.

(ii) il-kompartiment ta’ l-annimali għandu jkollhom numru suffiċjenti ta’ ventilaturi jew mezzi oħra biex jiġi assigurat li jkun ventilat kif xieraq, waqt li jingħata akkont li l-kurrenti ta’ l-arja huma ristretti fl-ispazju magħluq ta’ l-istiva tal-vapur għall-vetturi. Għandu jkun hemm spazju biżżejjed gewwa l-kompartiment ta’ l-annimali u f’kull wieħed mill-livelli tiegħu biex ikun assigurat li jkun hemm ventilazzjoni biżżejjed fuq l-annimali meta jkun bil-wieqfa fil-pożizzjoni naturali;

(iii) għandu jiġi provdut aċċess dirett għal kull parti tal-kompartiment ta’ l-annimali sabiex l-annimali jkunu jistgħu, fejn meħtieġ, jiġu kkurati, mitmugħa u mogħtija l-ilma matul il-vjaġġ.

E. Dispożizzjonijiet speċjali għat-trasport bl-ajru

27. L-annimali għandhom jiġu trasportati f’kontenituri, f’maqjel jew fi stalel addattati għall-ispeċi, li jkunu konformi mill-anqas mar-regolamenti l-aktar riċenti ta’ l-IATA dwar annimali ħajjin.

28. Għandhom jittieħdu prekawzjonijiet biex jiġu evitati temperaturi għoljin ħafna jew baxxi ħafna abbord, wara li jingħata akkont ta’ l-ispeċi ta’ l-annimali. B’żieda, differenzi kbar fil-pressjoni ta’ l-arja għandhom jiġu evitati.

29. Fl-ajruplani tat-tagħbija għandu jinġarr strument approvat mill-awtorità kompetenti għall-qatla ta’ l-annimali meta hekk ikun meħtieġ.

IL-KAPITOLU II

TJUR, GĦASAFAR DOMESTIĊI U FNIEK DOMESTIĊI

30. Id-dispożizzjonijiet li ġejjin tal-Kapitolu I għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-ġarr ta’ tjur, għasafar domestiċi u fniek domestiċi: il-paragrafi 2(a), (b) u (c), 3, 5, 6, 8, 9, 13, 17 sa 22 inklużi, 24 u 26 sa 29 inklużi.

31. Għandu jkun disponibbli ikel u xorb addattat fi kwantitajiet biżżejjed, ħlief fil-każ ta’:

(i) vjaġġi li jdumu anqas minn 12-il siegħa, mingħajr ma jingħata akkont tal-ħin tat-tagħbija u l-ħatt;

(ii) vjaġġi li jdumu anqas minn 24 siegħa għall-flieles ta’ kull speċi, basta li jintemmu fi żmien 72 siegħa wara li jfaqqsu.

IL-KAPITOLU III

KLIEB DOMESTIĊI U QTATES DOMESTIĊI

32. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 1(2)(a), id-dispożizzjonijiet li ġejjin tal-Kapitolu I għandhom japplikaw mutatis mutandis għat-trasport tal-klieb domestiċi u tal-qtates domestiċi: il-paragrafu 1, il-paragrafu 2(a), (b) u (ċ), il-paragrafi 3, 5, 6, il-paragrafu 7(a) u (ċ), il-paragrafi 8, 9, 12, 13, 15 u 17 sa 29 inklużi.

33. L-annimali li jkun qed jinġarru għandhom jiġu mitmugħa f’intervalli ta’ mhux aktar minn 24 siegħa u mogħtija l-ilma f’intervalli ta’ mhux aktar minn 12-il siegħa. Għandu jkun hemm istruzzjonijiet ċari bil-miktub dwar it-tmiegħ u l-għoti ta’ l-ilma. Nisa fl-oestrus għandhom jiġu separati mill-irġiel.

IL-KAPITOLU IV

MAMMIFERI OĦRA U GĦASAFAR

34. (a) Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu għandhom japplikaw għat-trasport ta’ dawk il-mammiferi u l-għasafar li mhumiex diġa koperti bid-dispożizzjonijiet tal-kapitoli ta’ qabel.

(b) Id-dispożizzjonijiet li ġejjin tal-Kapitolu I għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-ġarr ta’ l-ispeċi kkonċernati f’dan il-Kapitolu: il-paragrafu 1, il-paragrafu 2(a), (b) u (ċ), il-paragrafi 3(b), 4, 5, 6, il-paragrafu 7(a) u (ċ), il-paragrafi 3(b), 4, 5, 6, il-paragrafu 7(a) u (ċ), il-paragrafi 8, 9, u 13 sa 29 inklużi.

35. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3(1)(b), annimali biss li huma addattati għat-trasport u li jkunu fi stat tajjeb ta’ saħħa għandhom jiġu ttrasportati. Annimali li jkunu fi stat ovvju avanzat ta’ tqala jew annimali li jkunu weldu riċentement, kif ukoll annimal tat-twelid li ma jkunux kapaċi li jieklu waħidhom u li ma jkunux akkumpanjati minn ommhom, m’għandhomx jitqiesu bħala li jkunu fi stat tajjeb għat-trasport. Dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu eżentati f’każijiet eċċezzjonali jekk ikun meħtieġ fl-interess ta’ l-annimali li jivvjaġġaw għall-post fejn tkun tista’ tingħata l-kura meħtieġa.

36. M’għandux jingħata loppju jekk mhux f’ċirkostanzi eċċezzjonali u allura biss taħt is-superviżjoni diretta ta’ veterinarju. Id-dettalji tal-loppju għandhom jakkumpanjaw lill-annimal sad-destinazzjoni tiegħu.

37. L-annimali għandhom jiġu trasportati biss f’mezzi tat-trasport mibnija kif imiss, li fuqhom, fejn meħtieġ, għandu jitwaħħal avviż li juri li l-annimali fihom ikunu selvaġġi, timidi jew perikolużi. B’żieda, għandhom jakkumpanjaw lill-annimali struzzjonijiet ċari bil-miktub dwar it-tmiegħ u l-għoti ta’ l-ilma u dwar xi kura speċjali meħtieġa.

L-annimali koperti bis-Cites għandhom jiġu ttrasportati skond id-dispożizzjonijiet l-aħtar riċenti tal-linji ta’ gwida Cites għat-trasport u t-tħejjija bil-baħar ta’ annimali ħajjin u pjanti ferjali. Fil-każ ta’ ġarr bl-ajru, għandhom ikunu ttrasportati skond ir-regoli l-aktar riċenti ta’ l-IATA li jirregolaw mal-ġarr ta’ annimali ħajjin. Għandhom jitwasslu sad-destinazzjoni tagħhom kemm jista’ jkun malajr.

38. L-annimali koperti b’dan il-Kapitolu għandhom jiġu kkurati skond l-istruzzjonijiet u l-linji ta’ gwida li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 37.

39. Għandu jkun hemm perjodu xieraq għaż-żamma u l-ikkondizzjonar ta’ l-annimali qabel ma jintbagħtu bil-baħar li matulu għandhom, jekk meħtieġ, jiddaħħlu gradwalment fil-kontenituri tagħhom.

40. Annimali ta’ speċi differenti m’għandhomx jitqegħdu fl-istess kontenitur. Apparti minn hekk, l-annimali ta’ l-istess speċi m’għandhomx jitqegħdu fl-istess kontenitur sakamm ma jkunx magħruf li jkunu kompatibbli ma xulxin.

41. Annimali tar-razza taċ-ċriev m’għandhomx jinġarru waqt li l-qrun taċ-ċerv ikunu bellusin.

42. L-għasafar għandhom jinġarru f’nofs dlam.

43. Mingħajr preġudizzju għall-miżuri speċjali li għandhom jittieħdu bi qbil mal-Artikolu 3(3), il-mammiferi marini għandu jkollhom l-attenzjoni kontinwa ta’ lavrant ikkwalifikat. Il-kontenituri m’għandhomx jitgħabbew fuq xulxin.

44. (a) Għandu jkun hemm ventilazzjoni addizzjonali permezz ta’ toqob ta’ daqs addatat fil-ħitan kollha tal-kontenitur biex jiġi assigurat li jkun hemm kurrenti addattati ta’ arja f’kull waqt. Dawn it-toqob għandhom ikun ta’ daqs li ma jippermettux lill-annimali li jiġu f’kuntatt mal-persuni li jimmaniġġaw il-kontenitur jew milli jweġġu lilhom infushom.

(b) Vireġ spazjati ta’ daqs adekwat għandhom ikunu mwaħħla mal-ħitan kollha, is-soqfa u l-bażi tal-kontenituri biex ikun assigurat li jkun hemm kurrent ħieles ta’ l-arja għall-annimali fil-każ ta’ tagħbija fuq xulxin jew ħażna viċina tal-merkanzija.

45. L-annimali m’għandhomx jitqegħdu viċin ta’ l-ikel jew f’postijiet li għalihom ikollhom aċċess persuni mhux awtorizzati.

IL-KAPITOLU V

ANNIMALI OĦRA VERTEBRATI U ANNIMALI TA’ DEMMHOM KIESAĦ

46. Annimali vertebrati u annimali ta’ demmhom kiesaħ oħrajn għandhom jinġarru f’tali kontenituri, permezz ta’ kondizzjonijiet tali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ spazju, ventilazzjoni, temperatura u sigurezza, u b’dik il-provvista ta’ l-ilma u l-ossiġenu adattati għall-ispeċi kkonċernata. L-annimali koperti mis-Cites għandhom ikunu ttrasportati bi qbil mad-dispożizzjonijiet l-aktar riċenti tal-linji ta’ gwida Cites għat-trasport u t-tħejjija bil-baħar ta’ annimali ħajjin u pjanti ferjali. Fil-każ ta’ ġarr bl-ajru, għandhom ikunu ttrasportati bi qbil mar-regoli l-aktar riċenti ta’ l-IATA li jirregolaw il-ġarr ta’ annimali ħajjin. Għandhom jitwasslu sad-destinazzjoni tagħhom kemm jista’ jkun malajr.

--------------------------------------------------