31991L0371



Official Journal L 205 , 27/07/1991 P. 0048 - 0048
Finnish special edition: Chapter 11 Volume 17 P. 0050
Swedish special edition: Chapter 11 Volume 17 P. 0050


Id-Direttiva Tal-Kunsill

ta’ l-20 ta’ Ġunju 1991

dwar l-implementazzjoni ta’ Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Konfederazzjoni ta’ l-Isvizzera li tikkonċerna l-assigurazzjoni diretta apparti mill-assigurazzjoni fuq il-ħajja

(91/371/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 57(2) u l-Artikolu 235 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

B’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku w Soċjali [3],

Billi Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Konfederazzjoni ta’ l-Isvizzera jikkonċerna l-assigurazzjoni diretta apparti mill-assigurazzjoni fuq il-ħajja kien ġie ffirmat fil-Lussemburgu fl-10 ta’ Ottubru 1989;

Billi wieħed mill-effetti ta’ dak il-Ftehim huwa li jimponi, fir-rigward ta’ l-impriżi ta’ l-assigurazzjoni li jkollhom l-uffiċini ewlenija tagħhom fl-Isvizzera, regoli legali differenti minn dawk applikabbli, taħt it-Titolu III tad-Direttiva tal-Kunsill 73/239/KEE ta’ l-24 ta’ Lulju 1973 dwar il-koordinament tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardjaw il-bidu u l-insegwiment ta’ negozju ta’ l-assigurazzjoni diretta apparti mill-assigurazzjoni fuq il-ħajja [4], għal aġenziji u friegħi stabbiliti fil-Komunità ta’ l-impriżi li l-uffiċini ewlenija tagħhom huma barra mill-Komunità;

Billi r-regoli ta’ koordinament li jirrigwardjaw l-insegwiment ta’ dawn l-attivitajiet fil-Komunità mill-impriżi Svizzeri suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi Ftehim għandu jkollu effett fl-istess jum fl-Istati Membri kollha fil-Komunità; billi dak il-Ftehim ma jidħolx b’effett sa l-ewwel jum tas-sena finanzjarja ta’ wara d-data li fiha l-istrumenti ta’ approvazzjoni jkunu skambjati,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

L-Istati Membri għandhom jemendaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom biex ikunu konformi mal-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Konfederazzjoni ta’ l-Isvizzera fi żmien perijodu ta’ 24 xahar wara n-notifika ta’ din id-Direttiva. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi biex jagħmlu referenza bħal din għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

L-Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw fid-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom li dawk l-emendi dwarhom magħmula bis-saħħa tal-Ftehim m’għandhomx jidħlu b’effett ħlief mad-data li fiha l-Ftehim jidħol b’effett.

L-Artikolu 3

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fl-20 ta’ Ġunju 1991.

Għall-Kunsill

Il-President

R. Goebbels

[1] ĠU C 53, tal-5.3.1990, p. 45.

[2] ĠU C 72, tat-18.3.1991, p. 175 u d-Deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 1991 (li għandha ma ġietx ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU C 56, tas-7.3.1990, p. 27.

[4] ĠU L 228, tas-16.8.1973, p. 3.

--------------------------------------------------