31991L0174



Official Journal L 085 , 05/04/1991 P. 0037 - 0038
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 36 P. 0232
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 36 P. 0232


Id-Direttiva Tal-Kunsill

tal-25 Marzu 1991

li tistabbilixxi l-ħtiġiet żootekniċi u tar-razza għall-marketing ta’ l-annimali ta’ razza pura u li temenda d-Direttivi 77/504/KEE u 90/425/KEE

(91/174/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-annimali ta’ razza pura, minħabba li huma "annimali ħajjin", huma inklużi fil-lista fl-Anness II tat-Trattat;

Billi l-annimali ta’ razza pura huma ġeneralment imrobbija fil-kuntest ta’ l-attivitajiet tal-biedja; billi t-trobbija ta’ dawn l-annimali tikkostitwixxi sors ta’ dħul għal parti mill-populazzjoni agrikola u għandha għalhekk tiġi inkoraġġita;

Billi ġew stabbiliti r-regoli speċifiċi sabiex tiġi armonizzata l-leġislazzjoni żooteknika fil-livell Komunitarju għall-bhejjem tal-fart, il-ħnieżer, in-nagħaġ, il-mogħoż u l-equidae;

Billi, sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp razzjonali tat-trobbija ta’ l-annimali ta’ razza pura u b’hekk tiżdied il-produttività f’dan is-settur, għandhom jiġu stabbiliti r-regoli għall-bejgħ ta’ dawn l-annimali fil-livell Komunitarju;

Billi, fil-prinċipju, il-kummerċ intra-Komunitarju ma għandux jiġi pprojbit, ristrett jew imfixkel;

Billi huwa xieraq illi d-dispożizzjonijiet li japplikaw għat-trobbija tal-bhejjem tal-fart ta’ razza pura għandhom jiġu estiżi għat-trobbija tal-buflu ta’ razza pura u li bħala riżultat ta’ dan id-Direttiva 77/504/KEE [4] għandha tiġi emendata;

Billi għandu jiġi stabbilit illi d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 90/425/KEE [5] japplikaw għal dan is-settur;

Billi għandhom jiġu introdotti dispożizzjonijiet li ma jippermettux illi l-annimali ta’ razza pura jiġu importati minn pajjiżi terzi fuq kondizzjonijiet li jkunu aktar favorevoli minn dawk li japplikaw fil-Komunità,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva "annimali ta’ razza pura" għandha tfisser kull annimal għat-tagħmir kopert bl-Anness II tat-Trattat li l-kummerċ fih għadu ma kienx bla ħsara għal-leġislazzjoni żooteknika aktar speċifika tal-Komunità u li jkun imdaħħal jew irreġistrat f’reġistru jew f’reġistru tar-razza miżmumin minn organizzazzjoni jew assoċjazzjoni rrikonoxxuti ta’ dawk li jrabbu.

L-Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi:

- l-marketing fis-suq ta’ l-annimali ta’ razza pura u tas-semen, l-ova u l-embriju tagħhom ma jiġix ipprojbit, ristrett jew imfixkel għal raġunijiet żootekniċi jew tar-razza,

- sabiex jiġi żgurat illi l-ħtieġa pprovduta fl-ewwel inċiż tiġi ssodisfatta, għandhom jiġu stabbiliti b’mod mhux diskriminatorju l-kriterji għall-approvazzjoni u r-rikonoxximent ta’ l-organizzazzjonijiet jew l-assoċjazzjonijiet ta’ dawk li jrabbu, il-kriterji għad-dħul jew ir-reġistrazzjoni fir-reġistrazzjonijiet jew ir-reġistri tar-razza, il-kriterji għall-approvazzjoni tar-riproduzzjoni ta’ l-annimali ta’ razza pura u għall-użu tas-semen, l-ova u l-embriji tagħhom, u ċ-ċertifikat li jkun meħtieġ għall-bejgħ tagħhom, b’qies xieraq għall-prinċipji stabbilti mill-organizzazzjoni jew l-assoċjazzjoni li jżommu r-reġistru jew ir-reġistrazzjoni tar-razza fil-kwistjoni.

Sakemm jiġu implimentati r-regoli ddettaljati għall-applikazzjoni kif ipprovvdut fl-Artikolu 6, il-liġijiet nazzjonali għandhom jibqgħu japplikaw b’konsiderazzjoni xierqa għad-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Trattat.

L-Artikolu 3

Fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 77/504/EEC il-kliem, "inkluż il-buflu" għandu jiġi mdaħħal wara t-terminu "speċi ta’ bhejjem tal-fart".

L-Artikolu 4

It-test li ġej għandu jiġi miżjud fit-Taqsima II ta’ l-Anness A mad-Direttiva 90/425/KEE:

"Id-Direttiva tal-Kunsill 91/174/KEE tal-25 Marzu 1991 li tistabbilixxi l-ħtiġiet żootekniċi u tar-razza għall-bejgħ ta’ l-annimali ta’ razza pura

ĠU L 85, tad-9.4.1991, p. 37

."

L-Artikolu 5

Sakemm jiġu implimentati r-regoli Komunitarji dwar is-suġġett, il-kondizzjonijiet li japplikaw għall-importazzjonijiet ta’ l-annimali ta’ razza pura u tas-semen, l-ova u l-embriji tagħhom minn pajjiżi terzi ma għandhomx ikunu aktar favorevoli minn dawk li jirregolaw il-kummerċ intra-Komunitarju.

L-Artikolu 6

Ir-regoli ddettaljati sabiex tiġi applikata din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 88/661/KEE [6].

L-Artikolu 7

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel l-1 ta’ Jannar 1992. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dan minnufih.

Meta l-miżuri msemmija jiġu adottati mill-Istati Membri, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi sabiex issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

L-Artikolu 8

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fil-25 ta’ Marzu 1991.

Għall-Kummissjoni

R. Steichen

Il-President

[1] ĠU C 304, tad-29.11.1988, p. 6.

[2] ĠU C 12, tas-16.1.1989, p. 365.

[3] ĠU C 56, tas-6.3.1989, p. 25.

[4] ĠU L 206, tat-12.8.1977, p. 8. Direttiva kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KEE) 3768/85 (ĠU L 362, tal-31.12.1985, p. 8).

[5] ĠU L 224, tat-18.8.1990, p. 29. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 90/675/KEE (ĠU L 373, tal-31.12.1990, p. 1).

[6] ĠU L 382, tal-31.12.1988, p. 36.

--------------------------------------------------