31990R1186



Official Journal L 119 , 11/05/1990 P. 0032 - 0033
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 32 P. 0157
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 32 P. 0157


Ir-Regolament Tal-Kunsill (KE) Nru 1186/90

tas-7 ta' Mejju 1990

li jestendi l-iskop tal-iskala Komunitarja għall-klassifka tal-karkassi tal-bhejjem adulti tal-fart

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jisatbbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi r-Regolament (KEE) Nru 1208/81 [4] jistabbilixxi skala Komunitarja għall-klassifika tal-karkassi tal-bhejjem adulti tal-fart; billi Artikolu 6 ta' dan ir-Regolament jillimita l-applikazzjoni tal-iskala għalbiex tistabbilixxi l-prezzijiet tas-suq u għalbiex jiġu applikati l-miżuri ta' l-intervent;

Billi l-progress magħmul fl-applikazzjoni ta' l-iskala u l-esperjenza miksuba jgħinu li tiġi kkontemplata l-estensjoni tagħha għall-karkassi kollha mqiegħda fis-suq; billi, għal dan l-iskop, għandha ssir dispożizzjoni sabiex dawn il-prodotti jiġu kklassifikati mill-biċċeriji approvati, li huma biss jistgħu jbigħu fis-suq dawn ta' l-aħħar ġewwa l-Komunità kollha skond id-Direttiva tal-Kunsill 64/433/KEE tas-26 ta' Ġunju 1964 dwar il-problemi tas-saħħa li jaffettwaw il-kummerċ intra-Komunitarju fil-laħam frisk [5], kif l-aħħar emendata bir-Direttiva 88/657/KEE [6];

Billi l-persuna naturali jew legali li twettaq il-qatla għandha tiġi mgħarrfa bir-riżultat tal-klassifika tal-bhejjem ikkunsinnati għall-qatla; billi din il-klassifika minn banda waħda tippermetti illi l-prezz ikun ġustifikat u, mill-banda l-oħra, x'aktarx li twassal għal titjib fil-kwalità u għal titjib fil-grad tal-produzzjoni,

ADOTTA DAN IL-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Mill-1 ta' Jannar 1991, il-biċċeriji approvati skond Artikolu 8 tad-Direttiva 64/433/KEE għandu jkollhom l-obbligu li jieħdu miżuri sabiex jiżguraw illi mhux iktar tard mill-1 ta' Jannar 1992 il-karkassi jew in-nofs-karkassi kollha tal-bhejjem maqtula fil-biċċeriji approvati skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva 64/433/KEE u li jġorru l-marka tas-saħħa kif provdut f'Artikolu 3 ta' din id-Direttiva jiġu klassifikati u identifikati skond l-iskala Komunitarja għall-klassifika tal-karkassi tal-bhejjem adulti tal-fart imdaħħla bir-Regolament (KEE) Nru 1208/81.

2. Mid-data li fiha jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, ir-riżultati tal-klassifika mwettqa skond Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 1208/81 għandhom jiġu komunikati bil-kitba lill-persuna naturali jew legali li tkun wettqet il-qatla.

Artikolu 2

Skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 27 tar-Regolment (KEE) Nru 805/68 [7], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 571/89 [8], il-Kummissjoni għandha tadotta l-arranġamenti sabiex jiġi implimentat dan ir-Regolament u b'mod partikolari dawk li għandhom x’jaqsmu ma’:

(a) is-sistema ta' identifikazzjoni riferita f'Artikolu 1(1);

(b) kull deroga:

- riferita f'Artikolu 5 tad-Direttiva 88/409/KEE [9] għall-biċċeriji li jixtiequ li jirrestrinġu l-produzzjoni għas-suq lokali,

- li tista’ tiġi konċessa lill-Istati Membri li jitolbu din id-deroga għall-biċċeriji li fihom jinqatlu ftit bhejjem tal-fart.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jiġu applikati u li jippenalizzaw kull kontravenzjoni.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu jibda japplika mill-1 ta' Jannar 1991.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel fis-7 ta' Mejju 1990.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Collins

[1] ĠU Ċ 49, tat- 28.2.1990, p. 55.

[2] ĠU Ċ 96, tas- 17.4.1990.

[3] ĠU Ċ 112, tas- 7.5.1990, p. 34.

[4] ĠU Nru L 123, tas-7.5.1981, p. 3.

[5] ĠU Ċ 121, tad- 29.7.1964, p. 2012/64.

[6] ĠU L 382, tal-31.12.1988, p. 3.

[7] ĠU L 148, tat-28.6.1968, p. 24.

[8] ĠU L 61, ta' l-4.3.1989, p. 43.

[9] ĠU L 194, tat-22.7.1988, p. 28.

--------------------------------------------------