31990L0270



Official Journal L 156 , 21/06/1990 P. 0014 - 0018
Finnish special edition: Chapter 5 Volume 4 P. 0203
Swedish special edition: Chapter 5 Volume 4 P. 0203


Id-Direttiva tal-Kunsill

tad-29 ta' Mejju 1990

dwar il-ħtiġijiet minimi ta' saħħa u sigurtà għax-xogħol b'tagħmir li għandu display screen (il-ħames Direttiva individwali fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 87/391/KEE)

(90/270/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 118a,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1] magħmula wara konsultazzjoni mal-Kumitat ta' Konsultazzjoni dwar il-Protezzjoni tas-Sigurtà, l-Iġjene u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol,

B'kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-Artikolu 118a tat-Trattat jipprovdi li l-Kunsill għandu jaddotta, permezz ta' Direttivi, ħtiġijiet minimi li jinkoraġġixxu titjib, speċjalment fl-ambjent tal-post tax-xogħol, sabiex jiżgura livell aħjar ta' protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema;

Billi, taħt it-termini ta' dak l-Artikolu, dawk id-Direttivi għandhom jevitaw li jimponu limiti amministrattivi, finanzjarji u legali, b'mod li jista' jżomm lura l-ħolqien u l-iżvilupp ta' intrapriżi ta' daqs żgħir u medju;

Billi l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-programm tagħha li jikkonċerna s-sigurtà, l-iġjene u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol [4] tipprovdi l-adozzjoni ta' miżuri li għandhom x'jaqsmu ma' teknoloġiji ġodda; billi l-Kunsill ħa nota tagħha fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Diċembru 1987 dwar is-sigurtà, l-iġjene u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol [5];

Billi l-konformità mal-ħtiġijiet minimi li jiżguraw livell aħjar ta' sigurtà fuq workstations b'display screens hija essenzjali sabiex tiżgura s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema;

Billi din id-Direttiva hija waħda individwali fit-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri li jinkoraġġixxu titjib fis-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq ix-xogħol [6]; billi d-dispożizzjonijiet ta' din ta' l-aħħar huma għalhekk applikabbli kollha kemm huma għall-użu mill-ħaddiema ta' tagħmir li għandu display screen, mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet iktar strinġenti u/jew speċifiċi inklużi fid-Direttiva preżenti;

Billi min iħaddem huwa obbligat li jżomm ruħu infurmat dwar l-aħħar avvanzi fis-sejbiet teknoloġiċi u xjentifiċi li jikkonċernaw id-diżinjar ta' workstations sabiex ikun jista' jagħmel il-bidliet neċessarji sabiex ikun jista' jiggarantixxi livell ta' protezzjoni ogħla għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema;

Billi l-aspetti ergonomiċi huma ta' importanza partikolari għal workstation b'tagħmir li għandu display screen;

Billi din id-Direttiva hija kontribuzzjoni prattika lejn il-ħolqien tad-dimensjoni soċjali tas-suq intern;

Billi, skond id-Deċiżjoni 74/325/KEE [7], il-Kumitat ta' Konsultazzjoni dwar il-Protezzjoni tas-Sigurtà, l-Iġjene u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol għandu jkun ikkonsultat mill-Kummissjoni dwar it-tħejjija ta' proposti f'dan il-qasam,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

IT-TAQSIMA I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

L-Artikolu 1

Suġġett

1. Din id-Direttiva, li hija l-ħames Direttiva individwali fit-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE, issemmi ħtiġijiet minimi għas-saħħa u s-sigurtà għal xogħol b'tagħmir li għandu display screen kif definit fl-Artikolu 2.

2. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/391/KEE huma applikabbli kollha kemm huma għall-qasam kollu msemmi fil-paragrafu 1, mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet aktar strinġenti u/jew speċifiċi li jinsabu fid-Direttiva preżenti.

3. Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal:

(a) kabini tax-xufiera jew kabini tal-kontroll għal vetturi jew makkinarju;

(b) sistemi tal-kompjuter abbord mezz tat-trasport;

(ċ) sistemi tal-kompjuter maħsubin prinċipalment għall-użu pubbliku;

(d) sistemi 'portable' użati għal perijodu ta' żmien twil fuq workstation;

(e) kalkulaturi, cash registers, u kull apparat li jkollu display ta' l-informazzjoni jew tal-kejl żgħira meħtieġa għall-użu dirett ta' l-apparat;

(f) magni tal-kitba ta' disinn tradizzjonali, magħrufin bħala "typewriter with window".

L-Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, it-termini li ġejjin għandhom ikollhom it-tifsir li ġej:

(a) tagħmir tad – display screen: display screen alfanumeriku jew grafiku, ikun xi jkun il-proċess ta' display impjegat;

(b) workstation: numru ta' komponenti li jinkludu tagħmir tad – display screen, li jista' jkollu wkoll keyboard jew apparat biex iddaħħal l-informazzjoni u/jew software li jiddetermina l-interface bejn l-operatur u l-makkinarju, aċċessorji fakoltattivi, tagħmir perferali li jinkludi drive tad-diskette, telefon, modem, stampatriċi, għodda li żżomm id-dokumenti, siġġu tax-xogħol u bank jew wiċċ tax-xogħol, u l-ambjent immedjat tal-post tax-xogħol;

(ċ) ħaddiem: kull ħaddiem kif definit fl-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 89/391/KEE li juża regolarment tagħmir li għandu display screen bħala parti importanti tax-xogħol normali tiegħu.

IT-TAQSIMA II

OBBLIGI TA' MIN IĦADDEM

L-Artikolu 3

Analiżi tal-workstations

1. Min iħaddem għandu l-obbligu li jagħmel analiżi tal-workstations sabiex jivvaluta l-kondizzjonijiet ta' saħħa u sigurtà li dawn iħallu fuq il-ħaddiema tiegħu, partikolarment fejn jidħlu riskji possibbli tal-vista, problemi fisiċi u problemi ta' stress mentali.

2. Min iħaddem għandu jieħu l-miżuri xierqa sabiex jirrimedja r-riskji misjuba, fuq il-bażi tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, waqt li jikkonsidra l-effetti addizzjonali u/jew magħqudin tar-riskji misjuba.

L-Artikolu 4

Workstations imdaħħla fis-servizz għall-ewwel darba

Min iħaddem għandu jieħu l-passi xierqa sabiex jiżgura li workstations imdaħħla fis-servizz għall-ewwel darba wara l-31 ta' Diċembru 1992 ikunu konformi mal-ħtiġijiet minimi msemmija fl-Anness.

L-Artikolu 5

Workstations diġà funzjonanti

Min iħaddem għandu jieħu l-passi xierqa sabiex jiżgura li workstations li diġà qed jintużaw qabel jew fil-31 ta' Diċembru 1992 jiġu adattati sabiex ikunu konformi mal-ħtiġijiet minimi imsemmija fl-Anness mhux aktar tard minn erba' snin wara dik id-data.

L-Artikolu 6

Informazzjoni u taħriġ għall-ħaddiema

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10 tad-Direttiva 89/391/KEE, il-ħaddiema għandhom jirċievu informazzjoni dwar l-aspetti kollha tas-saħħa u s-sigurtà relatati mal-workstation tagħhom, partikolarment informazzjoni dwar dawk il-miżuri applikabbli għal workstations kif implimentati taħt l-Artikoli 3, 7 u 9.

Fil-każi kollha, il-ħaddiema jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jiġu infurmati dwar kull miżura għas-saħħa u s-sigurtà meħuda konformi ma' din id-Direttiva.

2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12 tad-Direttiva 89/391/KEE, kull ħaddiem għandu jirċievi wkoll taħriġ fl-użu tal-workstation qabel ma jibda dan it-tip ta' xogħol u kull meta l-organizzazzjoni tal-workstation tkun sostanzjalment mibdula.

L-Artikolu 7

Rutina tax-xogħol ta' kuljum

Min iħaddem għandu jippjana l-attivitajiet tal-ħaddiema b'mod li xogħol ta' kuljum fuq display screen ikun interrott perjodikament b'ħinijiet ta' mistrieħ jew bi bdil fl-attività li jnaqqsu l-massa ta' xogħol fuq id-display screen.

L-Artikolu 8

Konsultazzjoni mal-ħaddiema u l-parteċipazzjoni tagħhom

Għandu jkun hemm konsultazzjoni mal-ħaddiema u/jew mar-rappreżentanti tagħhom u l-parteċipazzjoni tagħhom skond l-Artikolu 11 tad-Direttiva 89/391/KEE dwar il-kwistjonijiet koperti minn din id-Direttiva, inkluż l-Anness tagħha.

L-Artikolu 9

Protezzjoni ta' l-għajnejn u tal-vista tal-ħaddiema

1. Il-ħaddiema huma intitolati għal test ta' l-għajnejn u tal-vista xieraq magħmul minn persuna bil-kapaċitajiet neċessarji:

- qabel jibdew xogħol ta' display screen,

- f'intervalli regolari minn hemm 'il quddiem, u

- jekk jiltaqgħu ma' diffikultajiet ta' l-għajnejn li jistgħu ikunu minħabba xogħol ta' display screen.

2. Il-ħaddiema huma intitolati għal eżami oftalmoloġiku jekk ir-riżultati tat-test imsemmi fil-paragrafu 1 juri li dan hu neċessarju.

3. Jekk ir-riżultati tat-test imsemmi fil-paragrafu 1 jew ta' l-eżami msemmija fil-paragrafu 2 juru li hu neċessarju u jekk strumenti korrettivi normali ma jistgħux jintużaw, il-ħaddiema għandhom jiġu pprovduti bi strumenti korrettivi speċjali xierqa għax-xogħol ikkonċernat.

4. Miżuri meħuda skond dan l-Artikolu ma jistgħu fl-ebda ċirkostanza jinvolvu l-ħaddiema fi spejjeż finanzjarji addizzjonali.

5. Il-protezzjoni ta' għajnejn u tal-vista tal-ħaddiema tista' tkun ipprovduta bħala parti minn sistema tas-saħħa nazzjonali.

IT-TAQSIMA III

DISPOŻIZZJONIJIET VARJI

L-Artikolu 10

Adattamenti għall-Anness

L-adattamenti strettament tekniċi għall-Anness sabiex ikun ikkonsidrat il-progress tekniku, l-iżviluppi ta' regolamenti internazzjonali u l-ispeċifikazzjonijiet u l-għarfien fil-qasam ta' tagħmir li għandu display screen għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 89/391/KEE.

L-Artikolu 11

Dispożizzjonijiet finali

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sal-31 ta' Diċembru 1992.

Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni d'dan minnufih.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw, jew li diġà adottaw, fil-qasam li jaqa' taħt din id-Direttiva.

3. L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni kull erba' snin dwar l-implimentazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, u jindikaw l-opinjonijiet ta' min iħaddem u tal-ħaddiema.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat Konsultattiv dwar il-Protezzjoni tas-Sigurtà, l-Iġjene u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol.

4. Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva kull tant żmien lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, waqt li tikkonsidra l-paragrafi 1, 2 u 3.

L-Artikolu 12

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fid-29 ta' Mejju 1990

Għall-Kunsill

Il-President

B. Ahern

[1] ĠU C 113, tad-29.4.1988, p. 7 u ĠU C 130, tas-26.5.1989, p. 5

[2] ĠU C 12, tas-16.1.1989, p. 92 u ĠU C 113, tas-7.5.1990

[3] ĠU C 318, tat-12.12.1988, p. 32

[4] ĠU C 28, tat-3.2.1988, p. 3

[5] ĠU C 28, tat-3.2.1988, p. 1

[6] ĠU L 183, tad-29.6.1989, p. 1

[7] ĠU L 185, tad-9.7.1974, p. 15.

--------------------------------------------------

L-Anness

ĦTIĠIJIET MINIMI

(L-Artikoli 4 u 5)

Rimarka Preliminari

L-obbligi msemmija f'dan l-Anness għandhom japplikaw sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' din id-Direttiva u sakemm, l-ewwelnett, il-komponenti kkonċernati huma preżenti fuq il-workstation, u t-tininett, sakemm il-ħtiġijiet jew karatteristiċi inerenti fill-biċċa xogħol ma jipprekluduhiex.

1. TAGĦMIR

(a) Kumment Ġenerali

L-użu nnifsu tat-tagħmir m'għandux ikun sors ta' riskju għall-ħaddiema.

(b) Display screen

Il-karattri fuq l-iskrin għandhom ikunu definiti tajjeb u ffurmati b'mod ċar, ta' daqs adegwat u bi spazji adegwati bejn il-karattri u l-linji.

L-immaġni fuq l-iskrin għandha tkun stabbli, mingħajr ċaqliq jew forom oħra ta' instabbilità.

Il-luminożità u/jew il-kuntrast bejn il-karattri u l-isfond għandha tkun waħda li tista' tiġi aġġustata b'mod faċli għall-kondizzjonijiet ambjentali.

L-iskrin għandu jkun jiċċaqlaq 'il fuq u 'l isfel u minn naħa għal oħra b'mod faċli u liberu sabiex jissodisfa l-bżonnijiet tal-ħaddiem.

Għandu jkun possibbli li tintuża bażi separata għall-iskrin jew mejda aġġustabbli.

L-iskrin għandu jkun liberu minn dija riflessiva u riflessjonijiet li jistgħu jikkawżaw skumdità għall-utent.

(c) Keyboard

Il-keyboard għandha tkun tiċċaqlaq 'il fuq u 'l isfel u separata mill-iskrin sabiex tħalli lill-ħaddiem isib pożizzjoni komda biex jaħdem u jevita l-għajja fid-dirgħajn u fl-idejn.

L-ispazju quddiem il-keyboard għandu jkun biżżejjed sabiex ikun ta' appoġġ għall-idejn u d-dirgħajn ta' l-operatur.

Il-keyboard għandu jkollha wiċċ matt sabiex jiġi evitat dawl riflessiv.

L-arranġament tal-keyboard u l-karatteristiċi tal-keys għandhom jiffaċilitaw l-użu tal-keyboard.

Is-simboli fuq il-keys għandhom jikkuntrastaw adegwatament u jkun leġibbli mill-pożizzjoni tax-xogħol.

(d) Il-bank jew il-wiċċ tal-post tax-xogħol

Il-bank jew il-wiċċ tax-xogħol għandu jkollu wiċċ kbir biżżejjed u li ma tantx jirrifletti u li jħalli arranġament flessibbli ta' l-iskrin, il-keyboard, id-dokumenti u l-apparat relatat.

L-għodda li żżomm id-dokumenti għandha tkun stabbli u aġġustabbli u għandha tkun impoġġija b'mod li tnaqqas il-bżonn ta' ċaqliq skomdu tar-ras u ta' l-għajnejn.

Għandu jkun hemm spazju adegwat għall-ħaddiema sabiex isibu pożizzjoni komda.

(e) Siġġu tax-xogħol

Is-siġġu tax-xogħol għandu jkun stabbli u jħalli l-ħaddiem libertà tal-moviment faċli u pożizzjoni komda.

Is-siġġu għandu jkun aġġustabbli mill-għoli.

Id-dahar tas-siġġu għandu jkun aġġustabbli kemm għall-għoli kif ukoll għaċ-ċaqliq 'il fuq u 'l isfel.

Għal min jixtieq għandu jkun hemm post disponibbli fejn wieħed iserraħ saqajh.

2. AMBJENT

(a) Ħtiġijiet ta' spazju

Il-workstation għandu jkun dimensjonat u ddisinjat b'mod li jħalli spazju biżżejjed lill-utent sabiex jibdel il-pożizzjoni u jvarja l-movimenti.

(b) Dawl

Id-dawl tal-kamra u/jew id-dawl tal-lampi għandu jiżgura kondizzjonijiet ta' dawl sodisfaċenti u kuntrast xieraq bejn l-iskrin u l-isfond ambjentali, skond it-tip ta' xogħol u l-bżonnijiet viżivi ta' l-utent.

Dija u riflessjonijiet fuq l-iskrin jew apparat ieħor li jistgħu jiddisturbaw m'għandhomx jitħallew billi wieħed jikkoordina l-post tax-xogħol u l-arranġament tal-workstation ma' l-ippożizzjonar u l-karatteristiċi tekniċi tas-sorsi tad-dawl artifiċjali.

(ċ) Riflessjonijiet u dija

Il-workstations għandhom ikunu ddisinjati b'mod li s-sorsi tad-dawl, bħal twieqi jew fetħiet oħra, ħitan trasparenti jew li jgħaddi d-dawl minnhom, u tagħmir imwaħħal jew ħitan ikkuluriti jgħajtu ma jikkawżawx dija diretta u, kemm jista' jkun, lanqas riflessjonijiet fuq l-iskrin.

It-twieqi għandhom ikunu mgħammra b'sistema tajba ta' għatu aġġustabbli sabiex innaqqas id-dawl tal-ġurnata minn fuq il-workstation.

(d) Storbju

Storbju li joħroġ mill-apparat tal-workstation(s) għandu jitqies meta workstation ikun qiegħed jiġi mgħammar, partikolarment sabiex ma jtellifx l-attenzjoni jew jiddisturba d-diskors.

(e) Sħana

Tagħmir li jagħmel parti mill-workstation(s) m'għandux jipproduċi sħana eċċessiva li tista' tikkawża skomfort lill-ħaddiema.

(f) Radjazzjoni

Ir-radjazzjoni kollha bl-eċċezzjoni tal-parti viżiva ta' l-ispettru elettromanjetiku għandha titnaqqas għal livelli negliġibbli mill-perspettiva tal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.

(g) Umdità

Għandu jiġi stabbilit u miżmum livell adegwat ta' umdità.

3. INTERFACE BEJN L-OPERATUR U L-KOMPJUTER

Fit-tfassil, l-għażla, il-kuntrattar u l-modifika tas-software, u fit-tfassil tax-xogħol li juża tagħmir tad-display screen, min iħaddem għandu jikkunsidra l-prinċipji li ġejjin:

(a) is-software għandu jkun adattat għal dak ix-xogħol;

(b) is-software għandu jkun faċli biex tużah u, fejn hu xieraq, adattabbli għal-livell ta' għarfien u esperjenza tal-ħaddiem; l-ebda faċilità ta' kontroll kwantitattiv jew kwalitattiv ma tista' tintuża mingħajr l-għarfien tal-ħaddiema;

(ċ) is-sistemi għandhom jipprovdu feedback lill-ħaddiema dwar il-prestazzjoni tagħhom;

(d) is-sistemi għandhom juru informazzjoni f'format u b'pass li huma adattati għall-ħaddiem;

(e) il-prinċipji ta' ergonomija tas-software għandhom japplikaw, partikolarment għall-ipproċessar ta' data umana.

--------------------------------------------------