31989R4064



Official Journal L 395 , 30/12/1989 P. 0001 - 0012
Finnish special edition: P. 0082
Swedish special edition: P. 0016


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89

tal-21 ta' Diċembru 1989

dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 87 u 235 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi, biex jinkisbu l-għanijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, l-Artikolu 3(f) jagħti lill-Komunità l-għan li tistitwixxi "sistema li tiżgura li l-kompetittività fis-suq komuni ma tiġix distorta";

Billi din is-sistema hi essenzjali biex jinkiseb is-suq intern sa l-1992 u l-iżvilupp aktar tiegħu;

Billi t-tneħħija ta' fruntieri interni qed tirriżulta u se tibqa' tirriżulta f'riorganizzazzjonijiet maġġuri korporati fil-Komunità, b'mod partikolari fl-għamla ta' konċentrazzjonijiet;

Billi żvilupp bħal dan għandu jintlaqa' bħala wieħed konformi mal-ħtiġijiet ta' kompetizzjoni dinamika u kapaċi jkattar il-kompetittività ta' l-industrija Ewropea, u hekk jitjiebu l-kondizzjonijiet għal tkabbir u t-titjib ta' l-istandard tal-ħajja fil-Komunità;

Billi, madankollu, irid ikun żgurat li l-proċess ta' riorganizzazzjoni ma jirriżultax fi ħsara fit-tul għall-kompetizzjoni; billi l-liġi tal-Komunità għandha għalhekk tinkludi disposizzjonijiet li jirregolaw dawk il-konċentrazzjonijiet li jistgħu jfixklu serjament il-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f'xi parti sinifikanti tiegħu;

Billi l-Artikoli 85 u 86, meta applikabbli, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għal ċerti konċentrazzjonijiet, mhumiex madankollu biżżejjed biex ikopru l-operazzjonijiet kollha li jistgħu jirriżultaw mhux kompatibbli mas-sistema ta' kompetizzjoni mhux distorta kif maħsub fit-Trattat;

Billi għalhekk għandu jinħoloq strument ġdid legali fl-għamla ta' Regolament biex ikun jista' jsir kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet kollha mill-aspett ta' l-effett tagħhom fuq l-istruttura ta' kompetizzjoni fil-Komunità u biex ikun l-uniku strument applikabbli għal konċentrazzjonijiet bħal dawn;

Billi dan ir-Regolament għandu għalhekk ikun bażat mhux biss fuq l-Artikolu 87 imma, l-aktar fuq l-Artikolu 235 tat-Trattat, li bis-saħħa tiegħu l-Komunità tista' tagħti lilha nnifisha setgħat ta' azzjoni addizzjonali meħtieġa għall-kisba ta' l-għanijiet tagħha, u anke dwar konċentrazzjonijiet tas-swieq ta' prodotti agrikoli elenkati fl-Anness II tat-Trattat;

Billi d-disposizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f'dan ir-Regolament għandhom japplikaw għal tibdiliet li l-impatt tagħhom fuq is-suq imur lil hinn mill-fruntieri nazzjonali ta' xi Stat Membru wieħed;

Billi l-iskop ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandu għalhekk jiġi definit skond iż-żona ġeografika ta' attività ta' l-impriżi konċernati u jkun limitat għall-għetiebi kwantitattivi biex ikopri dawk il-konċentrazzjonijiet li għandhom dimensjoni Komunitarja; billi, fl-aħħar ta' fażi inizjali ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, dawn l-għetiebi għandhom jiġu riveduti fid-dawl ta' l-esperjenza miksuba;

Billi konċentrazzjoni b'dimensjoni Komunitarja tkun teżisti meta l-valur tal-bejgħ medju ta' l-impriżi konċernati jkun aktar minn livelli partikolari globali u fil- Komunità kollha u meta mill-inqas tnejn mill-impriżi konċernati jkollhom l-attività waħdanija jew l-oqsma ewlenin ta' l-attivitajiet tagħhom fi Stati Membri differenti jew meta, għalkemm l-impriżi in kwistjoni joperaw prinċipalment fl-istess Stat Membru, mill-inqas wieħed minnhom ikollu attivitajiet sostanzjali mill-inqas fi Stat Membru ieħor; billi dan ukoll ikun il-każ meta l-konċentrazzjonijiet ikunu affettwati minn impriżi li ma jkollhomx l-oqsma ewlenin ta' attivitajiet fil-Komunità imma jkollhom xogħlijiet sostanzjali hemmhekk:

Billi l-arranġamenti li għandhom jidħlu dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet għandhom, bla ħsara għall-Artikolu 90(2) tat-Trattat, iħarsu l-prinċipju li m'għandux ikun hemm diskriminazzjoni bejn il-pubbliku u s-setturi privati; billi, fis-settur pubbliku, kalkolu tal-bejgħ ta' impriża konċernata f'konċentrazzjoni għandu għalhekk iqis impriżi li jiffurmaw unità ekonomika b'setgħa indipendenti ta' deċiżjoni, irrispettivament mill-mod ta' kif qiegħed il-kapital tagħhom jew mir-regoli ta' sorveljanza amministrattiva applikabbli għalihom;

Billi hu meħtieġ li jiġi stabbilit jekk konċentrazzjonijiet b'dimensjoni Komunitarja humiex kompatibbli jew le mas-suq komuni mill-aspett tal-ħtieġa li tinżamm u tiġi żviluppata kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni; billi, meta tagħmel dan, il-Kummissjoni trid tqiegħed l-istima tagħha fil-qafas ġenerali tal-kisba ta' l-għanijiet fundamentali msemmija fl-Artikolu 2 tat-Trattat, inkluż dak tat-tisħiħ ta' l-adeżjoni ekonomika u soċjali tal-Komunità, imsemmija fl-Artikolu 130a;

Billi dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi l-prinċipju li konċentrazzjoni b'dimensjoni Komunitarja li toħloq jew issaħħaħ posizzjoni li b'riżultat tagħha l-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f'xi parti sostanzjali tiegħu tiġi mfixkla sew għandha tiġi dikjarata inkompatibbli fis-suq komuni;

Billi konċentrazzjonijiet illi, minħabba s-sehem limitat tas-suq ta' l-impriżi konċernati, x'aktarx ma jfixklux il-kompetizzjoni effettiva jistgħu jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq komuni billi, bla ħsara għall-Artikoli 85 u 86 tat-trattat, indikazzjoni f'dan is-sens teżisti, b'mod partikolari meta s-sehem tas-suq ta' l-impriżi konċernati ma jkunx aktar minn 25 % la fis-suq komuni u lanqas f'xi parti sostanzjali tiegħu;

Billi l-Kummissjoni għandu jkollha l-kompitu tat-teħid tad-deċiżjonijiet kollha meħtieġa biex jiġi stabbilit jekk il-konċentrazzjonijiet b'dimensjoni Komunitarja humiex kompatibbli jew le mas-suq komuni, kif ukoll deċiżjonijiet bl-għan li jerġgħu idaħħlu kompetizzjoni effettiva;

Billi biex jiġi żgurat kontroll effettiv impriżi għandhom ikunu mġiegħla jagħtu notifikazzjoni minn qabel dwar konċentrazzjonijiet b'dimensjoni Komunitarja u tidħol disposizzjoni għas-sospensjoni ta' konċentrazzjonijiet għal perjodu limitat, u għall-possibbiltà li sospensjoni tiġi mtawla jew titħassar meta meħtieġ; billi fl-interess taċ-ċertezza ġuridika l-validità ta' transazzjonijiet għandha xorta tiġi mħarsa kemm jista' jkun;

Billi għandu jiġi stabbilit perjodu li fih il-Kummissjoni trid tibda proċediment dwar xi konċentrazzjoni notifikata u perjodu li fih għandha tieħu deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà jew inkompatibbiltà mas-suq komuni ta' xi konċentrazzjoni notifikata;

Billi l-impriżi konċernati għandhom jingħataw id-dritt li jinstemgħu mill-Kummissjoni malli jinbeda xi proċediment; billi l-membri ta' organi amministrattivi u ta' sorveljanza u r-rappreżentanti magħrufa tal-ħaddiema fl-impriżi konċernati, flimkien ma' partijiet terzi li juru interess leġittimu, għandhom ukoll jingħataw l-opportunità li jinstemgħu

Billi l-Kummissjoni għandha taġixxi b'koperazzjoni mill-qrib u l-ħin kollu ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri li minn għandhom tirċievi l-kummenti u l-informazzjoni:

Billi, għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, u skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni għandha tingħata l-għajnuna ta' l-Istati Membri u għandu anke jkollha s-setgħa li tingħatalha informazzjoni u li tagħmel investigazzjonijiet biex tassessja konċentrazzjonijiet:

Billi konformità ma' dan ir-Regolament tista' tiġi nfurzata permezz ta' multi u pagamenti ta' penali perjodikament; billi l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tingħata ġurisdizzjoni bla limitu f'dak ir-rigward skond l-Artikolu 172 tat-Trattat:

Billi huwa xieraq li wieħed ifisser il-kunċett ta' konċentrazzjoni b'mod li jkopri biss operazzjonijiet li jikkaġunaw bidla fit-tul ta' l-istruttura ta' l-impriżi konċernati; billi huwa għalhekk meħtieġ li jitħallew barra mill-iskop ta' dan ir-Regolament dawk l-operazzjonijiet li jkollhom bħala l-għan jew effett tagħhom il-kordinazzjoni ta' mġiba kompetittiva ta' impriżi indipendenti, ladarba dawn l-operazzjonijiet iridu jiġu eżaminati skond id-disposizzjonijiet approprjati ta' Regolamenti li jimplimentaw l-Artikolu 85 u l-Artikolu 86 tat-Trattat; billi huwa xieraq li ssir din id-distinzjoni speċifikament fil-każ tal-ħolqien ta' intrapriżi konġunti:

Billi m'hemmx kordinazzjoni ta' mġiba kompetittiva fit-tifsira ta' dan ir-Regolament meta żewġ impriżi jew aktar jiftiehmu biex jiksbu kontroll bejniethom ta' impriża jew impriżi bil-għan u l-effett li jaqsmu bejniethom dawn l-impriżi jew l-assi tagħhom:

Billi dan ir-Regolament għandu jibqa' japplika meta l-impriżi konċernati jaċċettaw restrizzjonijiet direttament relatati u meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni;

Billi l-Kummissjoni għandha tingħata kompetenza esklussiva biex tapplika dan ir-Regolament, bla ħsara għal reviżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja;

Billi l-Istati Membri ma jistgħux japplikaw il-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom dwar kompetizzjoni għal konċentrazzjonijet b'dimensjoni Komunitarja, sakemm ir-Regolament ma jiddisponix għal dan; billi l-poteri rilevanti ta' awtoritajiet nazzjonali għandhom ikunu limitati għal każi fejn, fin-nuqqas ta' intervent mill-Kummissjoni, kompetizzjoni effettiva x'aktarx se tiġi mfixkla fit-territorju ta' Stat Membru u meta l-interessi tal-kompetizzjoni f'dak l-Istat Membru ma jistgħux jitħarsu biżżejjed ħlief b'dan ir-Regolament; billi l-Istati Membri konċernati għandhom jieħdu azzjoni mill-ewwel f'każi bħal dawn; billi dan ir-Regolament ma jistax, minħabba d-diversità tal-liġi nazzjonali, jiffissa żmien għall-adozzjoni ta' rimedji

Billi, barra dan, l-applikazzjoni esklussiva ta' dan ir-Regolament għal konċentrazzjonijiet b'dimensjoni Komunitarja hi bla ħsara għall-Artikolu 223 tat-Trattat, u ma żżommx lill-Istati Membri milli jieħdu miżuri xierqa għall-ħarsien ta' interessi leġittimi għajr dawk fil-mira ta' dan ir-Regolament, basta li miżuri bħal dawn ikunu jaqblu mal-prinċipji u disposizzjonijiet oħra tal-liġi tal-Komunità;

Billi konċentrazzjonijiet mhux koperti b'dan ir-Regolament jaqgħu, fil-prinċipju, fil-ġurisdizzjoni ta' l-Istati Membri; billi, madankollu, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tieħu azzjoni, fuq it-talba ta' Stat Membru konċernat, f'każi fejn il-kompetizzjoni effettiva tkun se tiġi mfixkla sew fit-territorju ta' l-Istat Membru;

(30) Billi l-kondizzjonijiet li fihom konċentrazzjonijiet li jinvolvu impriżi tal-Komunità jitwettqu f'pajjiżi mhux membri għandhom jiġu mħarsa, u għandha tidħol disposizzjoni għall-possibbiltà li l-Kunsill jagħti lill-Kummissjoni mandat xieraq għal negozjar bil-ħsieb li jikseb trattament mhux diskriminatorju għal impriżi tal-Komunità;

Billi dan ir-Regolament bl-ebda mod ma jnaqqas mid-drittijiet kollettivi tal-ħaddiema kif magħrufa fl-impriżi konċernati,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Skop

1. Bla ħsara għall-Artikolu 22 dan ir-Regolament għandu japplika għall-konċentrazzjonijiet kollha b'dimensjoni Komunitarja kif imfisser fil-paragrafu 2.

2. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, konċentrazzjoni jkollha dimensjoni Komunitarja meta:

(a) il-valur totali tal-bejgħ globali ta' l-impriżi kollha konċernati jkun aktar minn ECU 5000 miljuni, u

(b) il-valur totali tal-bejgħ fil-Komunità kollha ta' kull wieħed minn għall-inqas żewġ impriżi konċernati jkun aktar minn ECU 250 miljuni,

kemm-il darba kull waħda mill-impriżi konċernati tagħmel aktar minn żewġ terzi tal-bejgħ totali tagħha fil-Komunità fi Stat Membru wieħed.

3. L-għetiebi stabbiliti fil-paragrafu 2 għandhom jiġu riveduti qabel l-aħħar tar-raba' sena wara dik li fiha dan ir-Regolament ikun ġie adottat mill-Kunsill li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni.

Artikolu 2

Assessjar ta' konċentrazzjonijiet

1. Konċentrazzjonijiet fl-ambitu ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu assessjati skond id-disposizzjonijiet li ġejjin bil-ħsieb li jkun stabbilit jekk kienux kompatibbli mas-suq komuni.

Meta tagħmel dan l-assessjar, il-Kummissjoni għandha tqis:

(a) il-bżonn li tippriserva u tiżviluppa kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni bil-ħsieb, fost affarijiet oħra, ta' l-istruttura tas-swieq kollha konċernati u l-kompetizzjoni attwali jew potenzjali minn impriżi oħra fil-Komunità jew barra mill-Komunità;

(b) il-posizzjoni fis-suq ta' l-impriżi konċernati u l-qawwa ekonomika u finanzjarja tagħhom, l-alternattivi disponibbli għall-fornituri u l-utenti tagħhom, l-aċċess tagħhom għal provvisti u swieq, kull ostakli ġuridiċi jew impedimenti oħra għal xejriet ta' dħul, provvista u domanda għall-oġġetti jew servizzi rilevanti, l-interessi tal-konsumaturi intermedjarji u finali, u l-iżvilupp ta' progress tekniku u ekonomiku basta li jkun ta' vantaġġ għall-konsumatur u ma joħloqx tfixkil għall-kompetizzjoni.

2. Konċentrazzjoni li ma toħloqx jew li ma ssaħħaħx posizzjoni dominanti li b'riżultat ta' dan tiġi mfixkla sew il-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f'xi parti sostanzjali tiegħu tiġi dikjarata kompatibbli mas-suq komuni.

3. Konċentrazzjoni li toħloq jew issaħħaħ posizzjoni dominanti li b'riżultat tagħha l-kompetizzjoni effettiva tiġi mfixkla sew fis-suq komuni jew f'xi parti kbira minnu għandha tiġi dikjarata mhix kompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 3

Tifsira ta' konċentrazzjoni

1. Konċentrazzjoni għandha tiġi meqjusa li teżisti meta:

(a) - żewġ impriżi jew aktar li qabel kienu indipendenti jingħaqdu, jew

(b) - persuna jew persuni li jkunu diġà qed jikkontrollaw mill-inqas impriża waħda, jew

- impriża jew impriżi

jiksbu, kemm jekk b'xiri ta' titoli jew assi, b'kuntratt jew b'xi mezz ieħor, kontroll dirett jew indirett ta' impriża waħda jew aktar jew xi partijiet minn dawn l-impriżi.

2. Biċċa xogħol, inkluża l-ħolqien ta' xi intrapriża bejn tnejn jew aktar, li jkollha bħala l-għan jew effett tagħha l-kordinazzjoni ta' l-imġiba kompetittiva ta' impriżi li jibqgħu indipendenti m'għandhiex tikkostitwixxi konċentrazzjoni fis-sens tal-paragrafu 1 (b).

Il-ħolqien ta' intrapriża bejn tnejn jew aktar li tħaddem fuq bażi fit-tul il-funzjonijiet kollha ta' entità ekonomika awtonoma, li ma toħloqx kordinazzjoni ta' mġiba kompetittiva bejn l-istess partijiet jew bejniethom u l-intrapriża, tikkostitwixxi konċentrazzjoni fis-sens tal-paragrafu 1 (b).

3. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, kontroll għandu jkun magħmul minn drittijiet, kuntratti jew kull mezzi oħra li, jew separatament jew flimkien u f'kunsiderazzjoni tal-fatti jew tal-liġi involuta, jagħtu l-possibbiltà ta' tħaddim ta' influwenza deċisiva lil xi impriża, b'mod partikolari permezz ta':

(a) il-pussess jew id-dritt għall-użu ta' l-assi kollha jew ta' xi parti minnhom ta' l-impriża;

(b) drittijiet jew kuntratti li jagħtu influwenza deċisiva lill-komposizzjoni, votazzjoni jew deċiżjonijiet ta' l-organi ta' impriża.

4. Kontroll jinkiseb minn persuni jew impriżi li:

(a) ikollhom id-drittijiet jew ikunu intitolati għal drittijiet skond il-kuntratti konċernati

(b) waqt li ma jkollhomx drittijiet bħal dawn jew li ma jkunux intitolati għal drittijiet skond dawn il-kuntratti, għandhom is-setgħa jeżerċitaw id-drittijiet li joħorġu minnhom Ma jistax ikun ikkunsidrat li teżisti konċentrazzjoni meta:

5. Konċentrazzjoni n'għandiex tingale neta:

(a) istituzzjonijiet ta' kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji oħra jew kumpaniji ta' assigurazzjoni, li l-attivitajiet normali tagħhom jinkludu transazzjonijiet u negozju ta' titoli akkont tagħhom jew akkont ta' oħrajn, ikollhom f'idejhom fuq bażi temporanja titoli li jkunu kisbu f'impriża bil-ħsieb li jerġgħu jinbiegħu, bil-kondizzjoni li ma jeżerċitawx id-dritt tal-vot tagħhom fir-rigward ta' dawk it-titoli bil-ħsieb li tkun determinata l-imġiba kompetittiva ta' dik l-impriża jew bil-kondizzjoni li jeżerċitaw dawk id-drittijiet għall-vot biss biex iħejju l-bejgħ ta' l-impriża jew ta' xi parti minnha jew ta' l-assi tagħha jew il-bejgħ ta' dawk it-titoli u li kull bejgħ bħal dan isir fi żmien sena mill-akkwist; dak il-perjodu jista' jiġi mtawwal mill-Kummissjoni fuq talba meta istituzzjonijiet jew kumpaniji bħal dawn jiġġustifikaw il-fatt li l-bejgħ ma setax raġonevolment isir fiż-żmien li jkun ingħata;

(b)) il-kontroll ikun inkiseb minn persuna f'kariga uffiċjali skond il-liġi ta' l-Istat Membru dwar likwidazzjoni, għeluq ta' negozju, waqfien ta' ħlasijiet, ħlasijiet miftiehma jew proċedimenti bħal dawn:

(ċ) l-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 (b) jitwettqu mill-kumpaniji f'kontroll ta' l-azjendi msemmija fl-Artikolu 5(3) tar-Raba' Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta' Lulju 1978 dwar il-kontijiet ta' kull sena ta' ċerti tipi ta' kumpaniji [4] kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 84/569/KEE [5], basta, madankollu, li d-drittijiet tal-vot fir-rigward ta' l-azjenda ikunu eżerċitati biss, partikolarment fil-ħatra ta' membri tal-korpi amministrattivi u ta' sorveljanza li fihom ikollhom ishma, biex jinżamm il-valur sħiħ ta' dawk l-investimenti u mhux biex tkun determinata direttament jew indirettament il-kondotta kompetittiva ta' dawk l-impriżi.

Artikolu 4

Notifikazzjoni minn qabel ta' konċentrazzjonijiet

1. Konċentrazzjonijiet b'dimensjoni Komunitarja kif imsemmija f'dan ir-Regolament għandhom ikunu notifikati lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn ġimgħa wara l-konklużjoni tal-ftehim, jew wara l-avviż ta' offerta pubblika, jew l-akkwist ta' interess ta' kontroll. Dik il-ġimgħa tibda meta jseħħ l-ewwel wieħed minn dawk l-avvenimenti.

2. Konċentrazzjoni magħmula minn għaqda fis-sens ta' l-Artikolu 3(1)(a) jew minn akkwist ta' kontroll flimkien fis-sens ta' l-Artikolu 3(1)(b) għandha tiġi notifikata mill-partijiet flimkien li jiffurmaw l-għaqda jew minn dawk li jakkwistaw il-kontroll flimkien skond il-każ.. Fil-każi l-oħra kollha n-notifikazzjoni għandha ssir mill-persuna jew impriża li tkun akkwistat il-kontroll ta' impriża jew impriżi jew xi partijiet minnhom.

3. Meta l-Kummissjoni ssib li konċentrazzjoni notifikata taqa' fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, għandha tippubblika l-fatt ta' din in-notifikazzjoni, u fl-istess ħin tindika l-ismijiet tal-partijiet, l-għamla tal-konċentrazzjoni u s-setturi ekonomiċi involuti. Il-Kummissjoni għandha tqis l-interessi leġittimi ta' impriżi fil-ħarsien tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

Artikolu 5

Kalkolu tal-valur tal-bejgħ

1. Il-valur totali tal-bejgħ fis-sens ta' l-Artikolu 1(2) għandu jkun jikkonsisti fl-ammonti miksuba mill-impriżi konċernati fis-sena finanzjarja ta' qabel mill-bejgħ ta' prodotti u l-għoti ta' servizzi li jagħmlu parti mill-attivitajiet ordinarji ta' l-impriżi wara t-tnaqqis ta' skonti fuq bejgħ u ta' taxxa fuq valur miżjud u taxxi oħra direttament relatati mal-bejgħ. Il-valur tal-bejgħ totali ta' impriża konċernata m'għandux jinkludi l-bejgħ ta' prodotti jew l-għoti ta' servizzi bejn l-impriżi msemmija fil-paragrafu 4.

Il-valur tal-bejgħ, fil-Komunità jew fi Stat Membru, għandu jkun magħmul minn prodotti mibjugħa u servizzi mogħtija lil impriżi jew konsumaturi, fil-Komunità jew f'dak l-Istat Membru skond il-każ.

2. B'deroga mill-paragrafu 1, meta l-konċentrazzjoni tkun tikkonsisti fl-akkwist ta' partijiet, kemm jekk ikunu kostitwiti bħala entitajiet legali u kemm le, ta' impriża waħda jew aktar, il-valur tal-bejgħ biss li għandu x'jaqsam mal-partijiet li jkunu s-suġġett tat-transazzjoni għandu jitqies fir-rigward tal-bejjiegħ jew bejjiegħa.

Madankollu, żewġ transazzjonijiet jew aktar fis-sens ta' l-ewwel subparagrafu li jseħħu fl-ewwel perjodu ta' sentejn bejn l-istess persuni jew impriżi għandhom jitqiesu bħala l-istess konċentrazzjoni waħda li tkun inħolqot fid-data ta' l-aħħar transazzjoni.

3. Minflok valur tal-bejgħ għandu jintuża dan li ġej:

(a) għal istituzzjonijiet ta' kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji oħra, fir-rigward ta' l-Artikolu 1(2)(a), wieħed minn kull għaxra ta' l-assi totali tagħhom.

Dwar l-Artikolu 1(2)(b) u l-aħħar parti ta' l-Artikolu 1(2), il-valur tal-bejgħ totali tal-Komunit_ kollha għandu jiġi sostitwit b'wieħed minn kull għaxra ta' l-assi kollha moltiplikat bil-proporzjon bejn is-self u l-ħlasijiet bil-quddiem lil istituzzjonijiet ta' kreditu u klijenti fi transazzjonijiet ma' residenti tal-Komunità u s-somma totali ta' dak is-self u ħlasijiet bil-quddiem.

Dwar l-aħħar parti ta' l-Artikolu 1(2), il-valur ta' bejgħ totali fi Stat Membru wieħed għandu jiġi sostitwit b'wieħed minn kull għaxra ta' l-assi totali moltiplikat bil-proporzjon bejn is-self u l-ħlasijiet bil-quddiem lil istituzzjonijiet ta' kreditu u klijenti fi transazzjonijiet ma' residenti ta' dak l-Istat Membru u s-somma totali ta' dak is-self u l-ħlasijiet bil-quddiem;

(b) dwar impriżi ta' assigurazzjoni, il-valur gross ta' premiums miktuba li għandhom jikkonsistu fl-ammonti kollha riċevuti u li għad iridu jaslu fir-rigward ta' kuntratti ta' assigurazzjoni maħruġa minn jew f'isem impriżi ta' assigurazzjoni, inklużi wkoll ħruġ ta' premiums ta' ri-assigurazzjoni, u wara t-tnaqqis ta' taxxi u kontribuzzjonijiet parafiskali jew imposti mħallsa fuq referenza għall-ammonti ta' premiums individwali jew il-volum totali ta' premiums; dwar l-Artikolu 1(2)(b) u l-aħħar parti ta' l-Artikolu 1(2), premiums grossi li jkunu daħlu minn għand residenti tal-Komunità u minn għand residenti ta' xi Stat Membru rispettivament għandhom jitqiesu.

4. Bla ħsara għall-paragrafu 2, il-valur tal-bejgħ ta' impriża konċernata fis-sens ta' l-Artikolu 1(2) għandu jiġi kalkolat billi wieħed jgħodd flimkien il-valur tal-bejgħ totali rispettiv ta' dawn li ġejjin:

(a) l-impriża konċernata;

(b) dawk l-impriżi li fihom l-impriża konċernata, direttament jew indirettament:

- ikollha aktar min-nofs il-kapital jew l-assi tan-negozju, jew

- ikollha s-setgħa li tuża aktar min-nofs id-drittijiet tal-vot, jew

- ikollha s-setgħa taħtar aktar min-nofs il-membri tal-bord ta' sorveljanza, tal-bord jew bordijiet amministrattivi li legalment jirrappreżentaw l-impriżi, jew

- ikollha d-dritt tamministra l-affarijiet ta' l-impriża;

(ċ) dawk l-impriżi li jkollhom f'impriża konċernata id-drittijiet jew setgħat elenkati f'(b);

(d)) dawk l-impriżi li fihom impriża kif imsemmija f'(ċ) ikollha d-drittijiet jew setgħat elenkati f'(b);

(e) dawk l-impriżi li fihom żewġ impriżi jew aktar kif imsemmija f'(a) sa (d) flimkien għandhom id-drittijiet jew setgħat elenkati f'(b).

5. Meta impriżi konċernati bil-konċentrazzjoni flimkien ikollhom id-drittijiet jew setgħat elenkati fil-paragrafu 4 (b), fil-kalkolu tal-valur tal-bejgħ ta' l-impriżi konċernati għall-finijiet ta' l-Artikolu 1(2):

(a) m'għandu jittieħed ebda kont tal-valur tal-bejgħ li jirriżulta minn bejgħ ta' prodotti jew l-għoti ta' servizzi bejn l-impriża konġunta u kull waħda mill-impriżi konċernati jew xi impriża oħra konnessa ma' xi waħda minnhom, kif preskritt fil-paragrafu 4 (b) sa (e);

(b) għandu jitqies il-valur tal-bejgħ li jirriżulta mill-bejgħ ta' prodotti u l-għoti ta' servizzi bejn l-impriża konġunta u kull impriżi terzi. Dan il-l-valur tal-bejgħ għandu jitqassam l-istess bejn l-impriżi konċernati.

Artikolu 6

Eżami tan-notifikazzjoni u l-bidu ta' proċedimenti

1. Il-Kummissjoni għandha teżamina n-notifikazzjoni malli tirċeviha.

(a) Meta tikkonkludi li l-konċentrazzjoni notifikata ma taqax fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, għandha tirreġistra dan permezz ta' deċiżjoni.

(b) Meta ssib li konċentrazzjoni notifikata, għalkemm taqa' fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, ma toħloqx dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, għandha tiddeċiedi biex ma tmurx kontra tagħha u tiddikjara li hi kompatibbli mas-suq komuni.

(ċ) Jekk, mill-banda l-oħra, issib li l-konċentrazzjoni notifikata taqa' fl-ambitu ta' dan ir-Regolament u toħloq dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, għandha tiddeċiedi li tibda l-proċedimenti.

2. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika d-deċiżjoni tagħha lill-impriżi konċernati u lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri bla telf ta' żmien.

Artikolu 7

Sospensjoni ta' konċentrazzjonijiet

1. Għall-finijiet tal-paragrafu 2 konċentrazzjoni kif imfissra fl-Artikolu 1 m'għandhiex tidħol fis-seħħ qabel in-notifikazzjoni tagħha jew fi żmien tliet ġimgħat wara n-notifikazzjoni tagħha.

2. Meta l-Kummissjoni, wara eżami preliminari tan-notifikazzjoni fil-perjodu previst fil-paragrafu 1, issib li hu meħtieġ li tiġi żgurata l-effettività ta' kull deċiżjoni meħuda aktar tard skond l-Artikolu 8(3) u (4), tista' tiddeċċiedi fuq l-inizjattiva tagħha stess li tkompli s-sospensjoni ta' konċentrazzjoni kollha kemm hi jew parti minnha sakemm tieħu deċiżjoni finali, jew li tieħu miżuri oħra temporanji għal dan il-għan.

3. Il-paragrafi 1 u 2 m'għandhomx ifixklu l-implimentazzjoni ta' offerta pubblika li tkun notifikata lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 4(1) sa d-data li tiġi mħabbra, basta li minn jeħodha ma jeżerċitax id-drittijiet tal-vot li jmorru mat-titoli in kwistjoni jew li dan jagħmlu biss biex jippriserva l-valur sħiħ ta' dawk l-investimenti u fuq il-bażi ta' deroga mogħtija mill-Kummissjoni skond il-paragrafu 4.

4. Il-Kummissjoni tista', fuq talba, tagħti deroga mill-obbligi imposti fil-paragrafi 1, 2 jew 3 biex ma tħallix li ssir ħsara serja lil xi impriża jew impriżi konċernati minn xi konċentrazzjoni jew lil xi parti terza. Dik id-deroga tista' ssir bla ħsara għal xi kondizzjonijiet u obbligi biex ikunu żgurati l-kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni effettiva. Deroga tista' tiġi mitluba jew mogħtija f'kull ħin, anke qabel in-notifikazzjoni jew wara t-transazzjoni.

5. Il-validità ta' kull transazzjoni mwettqa b'kontravenzjoni tal-paragrafi 1 jew 2 għandha tkun tiddependi minn deċiżjoni skond l-Artikolu 6(1)(b) jew 8 (2) jew (3) jew mis-saħħa ta' preżunzjoni stabbilita bl-Artikolu 10(6).

Dan l-Artikolu, madankollu, m'għandu jkollu ebda effett fuq il-validità ta' transazzjonijiet f'titoli inklużi dawk konvertibbli f'titoli oħra aċċettati għal negozju f'suq regolat u sorveljat minn awtoritajiet magħrufa minn korpi pubbliċi, li jiffunzjona regolarment u li jkun aċċessibbli direttament jew indirettament għall-pubbliku, sakemm ix-xerrej u l-bejjiegħ kienu jafu jew misshom kienu jafu li t-transazzjoni kienet imwettqa b'kontravenzjoni tal-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 8

Setgħat ta' deċiżjoni mill-Kummissjoni

1. Bla ħsara għall-Artikolu 9, kull proċediment mibdi skond l-Artikolu 6(1)(ċ) għandu jingħalaq b'deċiżjoni kif previst fil-paragrafi 2 sa 5.

2. Meta l-Kummissjoni ssib li, wara xi tibdil mill-impriżi konċernati jekk meħtieġ, konċentrazzjoni notifikata tissodisfa l-kriterju preskritt bl-Artikolu 2(2), għandha toħroġ deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni.

Tista' mad-deċiżjoni tagħha tehmeż kondizzjonijiet u obbligi biex tiżgura li l-impriżi konċernati jħarsu l-impenji li jkunu daħlu għalihom vis-à-vis l-Kummissjoni bil-ħsieb li jinbidel il-pjan oriġinali tal-konċentrazzjoni. Id-deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli għandha tkopri wkoll restrizzjonijiet relatati direttament ma', u meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni.

3. Meta l-Kummissjoni ssib li konċentrazzjoni tissodisfa l-kriterji preskritti fl-Artikolu 2(3), għandha toħroġ deċiżjoni li tiddikjara li l-konċentrazzjoni hi inkompatibbli mas-suq komuni.

4. Meta konċentrazzjoni tkun diġà implimentata, il-Kummissjoni tista', b'deċiżjoni skond il-paragrafu 3 jew b'deċiżjoni għaliha, teħtieġ li l-impriżi jew assi miġjuba flimkien jiġu separati jew li jintemm il-kontroll konġunt jew kull azzjoni oħra li tista' tkun xierqa biex jerġa' jkun hemm kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni effettiva.

5. Il-Kummissjoni tista' tħassar id-deċiżjoni li tkun ħadet skond il-paragrafu 2 meta:

(a) id-dikjarazzjoni ta' inkompatibbiltà tkun bażata fuq informazzjoni mhux korretta li għaliha kienet responsabbli waħda mill-impriżi konċernati jew li tkun inkisbet b'qerq, jew

(b) l-impriżi konċernati jkunu kisru xi obbligu mehmuż mad-deċiżjoni.

6. Fil-każi msemmija fil-paragrafu 5, il-Kummissjoni tista' tieħu deċiżjoni skond il-paragrafu 3, mingħajr ma tkun marbuta biż-żmien imsemmi fl-Artikolu 10(3).

Artikolu 9

Referiment lejn l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri

1. Il-Kummissjoni tista', permezz ta' deċiżjoni notifikata bla telf ta' żmien lill-impriżi konċernati u lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri l-oħra, tirreferi konċentrazzjoni notifikata lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru konċernat fiċ-ċirkostanzi li ġejjin.

2. Fi żmien tliet ġimgħat mid-data li tkun waslitlu l-kopja tan-notifikazzjoni Stat Membru jista' jinforma lill-Kummissjoni li għandha tinforma lill-impriżi konċernati li xi konċentrazzjoni qed thedded li toħloq jew issaħħaħ posizzjoni dominanti li b'riżultat ta' dan il-kompetizzjoni effettiva se tkun imfixkla serjament f'suq, f'dak l-Istat Membru, li għandu l-karatteristiċi kollha ta' suq għalih, kemm jekk hu parti sostanzjali tas-suq komuni kemm jekk le.

3. Jekk il-Kummissjoni jidhrilha illi, wara li tkun ikkunsidrat is-suq għal prodotti jew servizzi in kwistjoni u s-suq referenzjali ġeografiku fis-sens tal-paragrafu 7, hemm dan is-suq għalih u li theddida bħal din teżisti, jew:

(a) tittratta l-każ hi stess biex iżżomm jew iġġib lura l-kompetizzjoni effettiva fis-suq konċernat, jew

(b) tirreferi l-każ lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru konċernat bil-ħsieb li tiġi applikata l-liġi nazzjonali ta' dak l-Istat.

Jekk, madankollu, il-Kummissjoni jidhrilha li suq jew theddida distinti bħal dawn ma jkunux jeżistu għandha tadotta deċiżjoni f'dak is-sens li għandha tindirizzaha lill-Istat Membru konċernat.

4. Deċiżjoni biex tirreferi jew ma tirreferix skond il-paragrafu 3 għandha tittieħed meta:

(a) bħala regola ġenerali fil-perjodu ta' sitt ġimgħat previst fl-Artikolu 10(1), it-tieni subparagrafu, meta l-Kummissjoni ma tkunx bdiet proċedimenti skond l-Artikolu 6(1)(b), jew

(b) fi żmien tliet xhur l-aktar min-notifikazzjoni konċernata meta l-Kummissjoni tkun bdiet proċedimenti skond l-Artikolu 6(1)(ċ), bla ma tkun ħadet il-passi ta' tħejjija biex tadotta l-miżuri meħtieġa skond l-Artikolu 8(2), it-tieni subparagrafu, (3) jew (4) biex iżżomm jew iġġib lura l-kompetizzjoni effettiva fis-suq konċernat.

5. Jekk fiż-żmien ta' tliet xhur imsemmi fil-paragrafu 4 (b) il-Kummissjoni, minkejja nota li tfakkar mill-Istat Membru konċernat, ma tkun ħadet ebda deċiżjoni dwar referiment skond il-paragrafu 3 jew ma tkunx ħadet il-passi ta' tħejjija msemmija fil-paragrafu 4 (b), tiġi meqjusa li tkun ħadet deċiżjoni biex tirreferi l-każ lill-Istat Membru konċernat skond il-paragrafu 3 (b).

6. Il-pubblikazzjoni ta' kull rapport jew it-tħabbir tas-sejbiet ta' l-eżami tal-konċentrazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru konċernat għandhom jidħlu fis-seħħ mhux aktar tard minn erba' xhur wara r-referiment tal-Kummissjoni.

7. Is-suq referenzjali ġeografiku għandu jkun magħmul miż-żona li fiha l-impriżi konċernati jkunu involuti fil-provvista ta' prodotti jew servizzi, li fihom il-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni huma omoġenji biżżejjed u li jkunu distinti minn żoni ġirien minħabba, b'mod partikolari, li l-kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni huma sostanzjalment differenti f'dawk iż-żoni. Din l-istima għandha tqis b'mod partikolari n-natura u l-karatteristiċi tal-prodotti u s-servizzi konċernati, ta' l-eżistenza ta' ostakli għad-dħul jew ta' preferenzi tal-konsumatur, ta' differenzi sostanzjali ta' l-ishma tas-suq ta' l-impriżi bejn żoni ġirien jew ta' differenzi sostanzjali fil-prezzijiet.

8. Fl-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet ta' dan l-Artikolu, l-Istat Membru konċernat jista' jieħu biss il-miżuri strettament meħtieġa biex iħares jew iġib lura l-kompetizzjoni effettiva fis-suq konċernat.

9. Skond id-disposizzjonijiet rilevanti tat-Trattat, kull Stat Membru jista jagħmel appell lill-Qorti tal-Ġustizzja, u b'mod partikolari jista' jitlob għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 186, għall-finijiet ta' l-applikazzjoni tal-liġi tiegħu dwar kompetizzjoni nazzjonali.

10. Dan l-Artikolu għandu jiġi rivedut qabel l-aħħar tar-raba' sena wara dik li fiha jkun adottat dan ir-Regolament.

Artikolu 10

Limiti ta' żmien dwar il-bidu ta' proċedimenti u deċiżjonijiet

1. Id-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6(1) iridu jittieħdu fi żmien xahar l-aktar tard. Dak il-perjodu jibda fil-jum wara li tkun waslet in-notifikazzjoni jew, jekk l-informazzjoni mogħtija man-notifikazzjoni ma' tkunx kompleta, fil-jum wara li tkun waslet l-informazzjoni kollha.

Dak il-perjodu jiżdied b'sitt ġimgħat jekk il-Kummissjoni tirċievi talba minn għand Stat Membru skond l-Artikolu 9(2).

2. Deċiżjonijiet skond l-Artikolu 8(2) dwar konċentrazzjonijiet notifikati għandhom jittieħdu malli jkun jidher li d-dubji serji msemmija fl-Artikolu 6(1)(ċ) ikunu tneħħew, partikolarment b'riżultat ta' tibdiliet magħmula mill-konċentrazzjonijiet konċernati, u l-aktar tard saż-żmien stabbilit fil-paragrafu 3.

3. Bla ħsara għall-Artikolu 8(6), deċiżjonijiet skond l-Artikolu 8(3) dwar konċentrazzjonijiet notifikati għandhom jittieħdu mhux aktar tard minn erba' xhur mid-data li jkunu nbdew il-proċedimenti.

4. Il-perjodu stabbilit fil-paragrafu 3 għandu jkun eċċezzjonalment sospiż meta, minħabba ċirkostanzi li għalihom waħda mill-konċentrazzjonijiet tkun responsabbli, il-Kummissjoni kellha titlob informazzjoni b'deċiżjoni skond l-Artikolu 11 jew tordna investigazzjoni b'deċiżjoni skond l-Artikolu 13.

5. Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti sentenza li tħassar deċiżjoni jew xi parti minnha meħuda skond dan ir-Regolament, il-perjodu stabbilit f'dan ir-Regolament għandu jerġa' jibda mid-data tas-Sentenza.

6. Meta l-Kummissjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni skond l-Artikolu 6(1)(b) jew (ċ) jew l-Artikolu 8(2) jew (3) fiż-żminijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 3 rispettivament, il-konċentrazzjoni għandha tiġi meqjusa kompatibbli mas-suq komuni, bla ħsara għall-Artikolu 9.

Artikolu 11

Talbiet għal informazzjoni

1. Fit-twettiq tad-dmirijiet mgħoddija lilha b'dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' tikseb l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-gvernijiet u l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, mill-persuni msemmija fl-Artikolu 3(1)(b), u minn konċentrazzjonijiet u assoċjazzjonijiet ta' konċentrazzjonijiet.

2. Meta tibgħat talba għal informazzjoni lil xi persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta' impriżi, il-Kummissjoni għandha fl-istess ħin tibgħat kopja tat-talba lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun toqgħod il-persuna jew tkun tinsab is-sede ta' l-impriża jew assoċjazzjoni ta' impriżi.

3. Fit-talba tagħha l-Kummissjoni għandha tgħid il-bażi legali u l-għan tat-talba kif ukoll il-penali previsti fl-Artikolu 14(1)(b) meta tingħata informazzjoni mhux korretta.

4. L-informazzjoni mitluba għandha tingħata, fil-każ ta' impriżi, mis-sidien jew rappreżentanti tagħhom u, fil-każ ta' persuni ġuridiċi, mill-kumpaniji jew ditti, jew minn assoċjazzjonijiet mingħajr personalità ġuridika, mill-persuni awtorizzati biex jirrappreżentawhom bil-liġi jew skond l-istatuti tagħhom.

5. Meta persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta' impriżi ma' jagħtux l-informazzjoni mitluba fiż-żmien stabbilit mill-Kummissjoni jew jagħtu informazzjoni mhux kompleta, il-Kummissjoni għandha, b'deċiżjoni, tordnali l-informazzjoni tingħata. Id-deċiżjoni trid tispeċifika liema informazzjoni hi meħtieġa, tiffissa perjodu xieraq li fih trid tingħata u ssemmi l-penali previsti fl-Artikoli 14(1) (b) u 15 (1) (a) u d-dritt għal reviżjoni tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

6. Fl-istess ħin il-Kummissjoni għandha tibgħat kopja tad-deċiżjoni tagħha lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab ir-residenza tal-persuna jew is-sede ta' l-impriża jew assoċjazzjoni ta' impriżi.

Artikolu 12

Investigazz jonijiet ta' l-awtoritajiet mill-Istati Membri

1. Fuq talba tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom iwettqu l-investigazzjonijiet li l-Kummissjoni jidhrilha meħtieġa skond l-Artikolu 13(3)). L-uffiċjali ta' l-Istati Membri responsabbli biex imexxu dawk l-invstigazzjonijiet għandhom jeżerċitaw il-poteri tagħhom fuq il-preżentazzjoni ta' awtorizzazzjoni bil-miktub maħruġa mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha ssir l-investigazzjoni. Din l-awtorizzazzjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-għan ta' l-investigazzjoni.

2. Jekk ikun mitlub mill-Kummissjoni jew mill-awtorità kompetenti ta' Stat Membru li fit-territorju tiegħu tkun ser issir l-investigazzjoni, uffiċjali tal-Kummissjoni jistgħu jgħinu lill-uffiċjali ta' dik l-awtorità fil-qadi tad-dmirijiet tagħhom.

Artikolu 13

Poteri investigattivi tal-Kummissjoni

1. Fil-qadi tad-dmirijiet assenjati lilha b'dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' twettaq l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa f'impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi.

Għal dak il-għan l-uffiċjali awtorizzati mill-Kummissjoni għandu jkollhom is-setgħa:

(a) li jeżaminaw il-kotba u rekords oħra tan-negozju:

(b) li jieħdu jew jitolbu kopji ta' siltiet minn kotba u rekords tan-negozju:

(ċ) li jitolbu spjegi bil-fomm fuq il-post;

(d) li jidħlu f'bini, art jew mezzi ta' trasport ta' impriżi.

2. L-uffiċjali tal-Kummissjoni awtorizzati biex iwettqu investigazzjonijiet għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom fuq preżentazzjoni ta' awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-għan ta' l-investigazzjoni u l-penali previsti fl-Artikolu 14(1)(ċ) f'każi fejn il-preżentazzjoni mitluba tal-kotba jew rekords oħra tan-negozju ma tkunx kompleta. Fi żmien xieraq qabel l-investigazzjoni, il-Kummissjoni għandha tinforma, bil-miktub, lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha ssir l-investigazzjoni bl-investigazzjoni u bl-identitajiet ta' l-uffiċjali awtorizzati.

3. Impriżi u assoċjazzjonijiet ta' impriżi għandhom joqogħdu għal investigazzjonijiet ordnati b'deċiżjoni tal-Kummissjoni. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-għan ta' l-investigazzjoni, tiffissa d-data li fiha trid tinbeda u ssemmi l-penali previsti fl-Artikolu 14(1)(ċ) u 15 (1) (b) u d-dritt li d-deċiżjoni tiġi riveduta mill-Qorti tal-Ġustizzja.

4. Il-Kummissjoni għandha fi żmien xieraq u bil-miktub tinforma lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha ssir l-investigazzjoni bil-ħsieb tagħha li tieħu deċiżjoni skond il-paragrafu3.

5. Uffiċjali ta' l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha ssir l-investigazzjoni jistgħu, fuq talba ta' dik l-awtorità jew tal-Kummissjoni, jgħinu lill-uffiċjali tal-Kummissjoni fil-qadi ta' dmirijiethom.

6. Meta impriża jew assoċjazzjoni ta' impriżi jopponu investigazzjoni ordnata skond dan l-Artikolu, l-Istat Membru konċernat għandu jagħti l-għajnuna meħtieġa lill-uffiċjali awtorizzati mill-Kummissjoni biex dawn ikunu jistgħu iwettqu l-investigazzjoni. Għal dan il-għan l-Istat Membru għandu, wara li jikkonsulta lill-Kummissjoni, jieħu l-miżuri meħtieġa fi żmien sena mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 14

Multi

1. Il-Kummissjoni tista' b'deċiżjoni twaħħal lill-persuni msemmija fl-Artikolu 3(1)(b), impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi multi minn ECU 1000 sa 50000 meta bil-ħsieb jew traskuraġni:

(a) jonqsu milli jinnotifikaw konċentrazzjoni skond l-Artikolu 4;

(b) jagħtu informazzjoni mhux korretta jew qarrieqa f'notifikazzjoni skond l-Artikolu 4;

(ċ) jagħtu informazzjoni mhux korretta bi tweġiba għal talba magħmula skond l-Artikolu 11 jew jonqsu milli jagħtu informazzjoni fiż-żmien stabbilit b'deċiżjoni meħuda skond l-Artikolu 11;

(d) jippreżentaw il-kotba jew rekords oħra tan-negozju mitluba f'għamla mhux kompleta waqt investigazzjonijiet skond l-Artikoli 12 jew 13, jew jirrifjutaw li joqogħdu għal investigazzjoni ordnata b'deċiżjoni meħuda skond l-Artikolu 13.

2. Il-Kummissjoni tista' b'deċiżjoni twaħħal multi ta' mhux aktar minn 10 % tal-valur tal-bejgħ kollu ta' l-impriżi konċernati fis-sens ta' l-Artikolu 5 lil persuni jew impriżi konċernati meta, jew bil-ħsieb jew bi traskuraġni, huma:

(a) jonqsu milli jikkonformaw ma' xi obbligu impost b'deċiżjoni skond l-Artikolu 7(4) jew 8 (2), it-tieni subparagrafu:

(b) idaħħlu fis-seħħ konċentrazzjoni bi ksur ta' l-Artikolu 7(1) jew jinjoraw deċiżjoni meħuda skond l-Artikolu 7(2);

(ċ) idaħħlu fis-seħħ konċentrazzjoni dikjarata inkompatibbli mas-suq komuni b'deċiżjoni skond l-Artikolu 8(3) jew ma jiħdux il-miżuri ordnati b'deċiżjoni skond l-Artikolu 8(4).

3. Fl-iffissar ta' l-ammont ta' multa, għandhom ikunu kkunsidrati n-natura u s-serjetà tal-ksur.

4. Deċiżjonijiet meħuda skond il-paragrafi 1 u 2 m'għandhomx ikunu ta' natura ta' liġi kriminali.

Artikolu 15

Ħlasijiet perjodiċi ta' penali

1. Il-Kummissjoni tista' b'deċiżjoni timponi fuq il-persuni msemmija fl-Artikolu 3(1)(b), impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi konċernati ħlasijiet perjodiċi ta' penali sa ECU 25000 għal kull ġurnata ta' dewmien ikkalkolat mid-data stabbilita bid-deċiżjoni, biex iġġiegħlhom:

(a) jagħtu informazzjoni sħiħa u korretta li tkun talbet b'deċiżjoni skond l-Artikolu 11;

(b) joqogħdu għal investigazzjoni li hi tkun ordnat skond l-Artikolu 13.

2. Il-Kummissjoni tista' b'deċiżjoni timponi fuq il-persuni msemmija fl-Artikolu 3(1)(b) jew fuq impriżi ħlasijiet perjodiċi ta' penali sa ECU 100000 għal kull ġurnata tad-dewmien kalkolat mid-data stabbilita fid-deċiżjoni, biex iġġiegħlhom:

(a) iħarsu xi obbligu impost fuqhom b'deċiżjoni skond l-Artikolu 7(4) jew 8 (2), it-tieni subparagrafu, jew

(b) japplikaw il-miżuri ordnati b'deċiżjoni skond l-Artikolu 8 (4).

3. Meta l-persuni msemmija fl-Artikolu 3(1)(b), impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi ikunu ssodisfaw l-obbligu li għalih ikun ġie nfurzat il-ħlas ta' penali perjodiċi, il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi t-total ta' l-ammont tal-ħlasijiet perjodiċi ta' penali għal ċifra li tkun inqas minn dik li tirriżulta mid-deċiżjoni oriġinali.

Artikolu 16

Reviżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni bla limiti fis-sens ta' l-Artikolu 172 tat-Trattat biex tirrevedi deċiżjonijiet li bihom il-Kummissjoni tkun stabbilixxiet multa jew ħlasijiet perjodiċi ta' penali tista' tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-ħlas perjodiku ta' penali imposti.

Artikolu 17

Segretezza professjonali

1. Informazzjoni miksuba b'riżultat ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 11, 12, 13 u 18 għandha tintuża biss għall-finijiet tat-talba, investigazzjoniji jew udjenza rilevanti.

2. Bla ħsara għall-Artikoli 4 (13), 18 u 20, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, l-uffiċjali tagħhom u impjegati oħra m'għandhomx jikxfu l-informazzjoni li jkunu kisbu mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament tat-tip koperta mill-obbligu ta' segretezza professjonali.

3. Il-paragrafi 1 u 2 m'għandhomx iżommu l-pubblikazzjoni ta' informazzjoni ġenerali jew stħarriġ li ma jkunx fihom informazzjoni dwar impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi partikolari.

Artikolu 18

Seduti biex jinstemgħu il-partijiet u terzi persuni

1. Qabel tieħu kull deċiżjoni prevista fl-Artikoli 7(2) u 8 (2), it-tieni subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-persuni, impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi konċernati l-opportunità f'kull stadju tal-proċedura sal-konsultazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv, li jagħtu l-veduti tagħhom dwar l-oġġezzjonijiet kontra tagħhom,

2. B'deroga mill-paragrafu 1, deċiżjoni biex titkompla s-sospensjoni ta' konċentrazzjoni jew biex tingħata deroga mis-sospensjoni kif imsemmi fl-Artikolu 7(2) jew (4) tista' tittieħed provviżjorjament, mingħajr ma l-persuni, impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi jkunu ngħataw l-opportunità li jagħtu l-veduti tagħhom minn qabel, basta li l-Kummissjoni tagħtihom dik l-opportunità kemm jista' jkun malajr wara li tkun ħadet id-deċiżjoni tagħha.

3. Il-Kummissjoni għandha tibbaża d-deċiżjoni tagħha biss fuq oġġezzjonijiet li dwarhom il-partijiet setgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Id-drittijiet ta' difiża għandhom jiġu mħarsa waqt il-proċedimenti. Aċċess għall-inkartament għandu jkun miftuħ mill-inqas għall-partijiet direttament involuti, bla ħsara għall-interess leġittimu ta' impriżi fil-ħarsien tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

4. Safejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jidhrilhom meħtieġ, jistgħu ukoll jisimgħu persuni oħra naturali jew ġuridiċi. Persuni naturali jew ġuridiċi li juru li għandhom interess leġittimu u speċjalment membri ta' l-organi amministrattivi jew tat-tmexxija ta' l-impriżi konċernati jew rappreżentanti magħrufa tal-ħaddiema ta' dawk l-impriżi għandu jkollhom id-dritt, wara applikazzjoni, li jinstemgħu.

Artikolu 19

Koperazzjoni ma' l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri

1. Il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri kopji tan-notifikazzjonijiet fi żmien tlett ijiem tax-xogħol u, kemm jista' jkun malajr, kopji ta' l-aktar dokumenti importanti mibgħuta lill-jew maħruġa mill-Kummissjoni skond dan ir-Regolament.

2. Il-Kummissjoni għandha twettaq il-proċeduri stabbiliti b'dan ir-Regolament f'koperazzjoni mill-qrib u kostanti ma' l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri, li jistgħu jagħtu l-veduti tagħhom dwar dawk il-proċeduri. Għall-finijiet ta' l-Artikolu 9 għandha tikseb informazzjoni mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta' dak l-Artikolu u tagħtiha l-opportunità li tagħti l-veduti tagħha f'kull stadju tal-proċedura sa l-adozzjoni ta' deċiżjoni skond il-paragrafu 3 ta' dak l-Artikolu; għal dak il-għan għandha tagħti aċċess għall-inkartament.

3. Kumitat Konsultattiv dwar konċentrazzjonijiet għandu jiġi konsultat qabel tittieħed kull deċiżjoni skond l-Artikoli 8(2) sa (5), 14 jew 15, jew xi disposizzjonijiet adottati skond l-Artikolu 23.

4. Il-Kumitat Konsultattiv ikun magħmul minn rappreżentanti ta' l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri. Kull Stat Membru għandu jaħtar rappreżentant jew tnejn; jekk ma jkunux jistgħu jattendu, jistgħu jiġu sostitwiti minn rappreżentanti oħra. Għall-inqas wieħed mir-rappreżentanti ta' Stat Membru għandu jkun kompetenti f'dak li jirrigwarda prattiċi restrittivi u posizzjonijiet dominanti.

5. Konsultazzjoni għandha ssir f'laqgħa konġunta msejħa fuq stedina ta' u preseduta mill-Kummissjoni. Ġabra fil-qosor tal-każ, flimkien ma' l-aktar dokumenti importanti u abbozz preliminari tad-deċiżjoni li trid tittieħed għal kull każ li jkun qed jiġi kkunsidrat, għandhom jintbagħtu ma' l-istedina. Il-laqgħa għandha ssir mhux aktar tard minn 14-il ġurnata wara li tkun intbagħtet l-istedina. Il-Kummissjoni tista' f'każi eċċezzjonali tqassar dak il-perjodu kif xieraq biex tevita li ssir xi ħsara serja li xi impriża jew impriżi konċernati minn konċentrazzjoni.

6. Il-Kumitat Konsultattiv għandu jagħti opinjoni dwar l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, jekk hemm bżonn billi jittieħed vot. Il-Kumitat Konsultattiv jista' jagħti opinjoni anke jekk xi membri ma jkunux preżenti u lanqas rappreżentati. L-opinjoni għandha tingħata bil-miktub u tinhemeż ma' l-abbozz tad-deċiżjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħti l-akbar konsiderazzjoni għall-opinjoni mogħtija mill-Kumitat. Għandha tavża lill-Kumitat bil-mod li bih tkun ingħatat konsiderazzjoni ta' l-opinjoni tiegħu.

7. Il-Kumitat Konsultattiv jista' jirrakkomanda l-pubblikazzjoni ta' l-opinjoni. Il-Kummissjoni tista' oħroġ din il-pubblikazzjoni. Id-deċiżjoni li tippubblika għandha tqis l-interess leġittimu ta' l-impriżi dwar il-ħarsien tas-sigrieti kummerċjali tagħhom u l-interess ta' l-impriżi konċernati fil-pubblikazzjoni li tkun qed isseħħ.

Artikolu 20

Pubblikazzjoni ta' deċiżjonijiet

1. Il-Kummissjoni għandha tippubblika d-deċiżjonijiet li tieħu skond l-Artikolu 8(2), meta kondizzjonijiet u obbligi jkunu marbutin magħhom, u skond l-Artikolu 8(2) sa (5) fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

2. Il-pubblikazzjoni għandha ssemmi l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni; għandha tikkunsidra l-interess leġittimu ta' l-impriżi fil-ħarsien tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

Artikolu 21

Ġurisdizzjoni

1. Bla ħsara għal reviżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni għandu jkollha l-kompetenza esklussiva li tieħu deċiżjonijiet previsti f'dan ir-Regolament.

2. L-ebda Stat Membru m'għandu japplika l-liġi nazzjonali tiegħu dwar il-kompetizzjoni għal kull konċentrazzjoni li għandha dimensjoni Komunitarja.

L-ewwel subparagrafu għandu jkun bla ħsara għas-setgħat ta' kull Stat Membru li jagħmel kull inkjesta meħtieġa għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 9(2) jew wara referiment, skond l-Artikolu 9(3), l-ewwel subparagrafu, inċiż (b), jew (5), biex jieħu miżuri strettament meħtieġa għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 9(8)).

3. Minkejja l-paragrafi 1 u 2, Stati Membri jistgħu jieħdu miżuri xierqa biex iħarsu interessi leġittimi għajr dawk ikkunsidrati b'dan ir-Regolament u kompatibbli mal-prinċipji ġenerali u disposizzjonijiet oħra tal-liġi Komunitarja.

Sigurtà pubblika, pluralità fil-mezzi tax-xandir u regoli prudenti għandhom jitqiesu bħala interessi leġittimi fis-sens ta' l-ewwel subparagrafu.

Kull interess pubbliku ieħor għandu jiġi komunikat lill-Kummissjoni mill-Istat Membru konċernat u għandu jiġi rikonoxxut mill-Kummissjoni wara stima tal-kompatibbiltà tiegħu mal-prinċipji ġenerali u disposizzjonijiet oħra tal-liġi Komunitarja qabel jittieħdu l-miżuri msemmijin hawn fuq. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru konċernat bid-deċiżjoni tagħha fi żmien xahar minn dik il-komunikazzjoni.

Artikolu 22

Applikazzjoni tar-Regolament

1. Dan ir-Regolament biss għandu japplika għal konċentrazzjonijiet kif imfissra fl-Artikolu 3.

2. Ir-Regolamenti Nru 17 [6], (KEE) Nru 1017/68 [7], (KEE) Nru 4056/86 [8] u (KEE) Nru 3975/87 [9] m'għandhomx japplikaw għal konċentrazzjonijiet kif imfissra fl-Artikolu 3.

3. Jekk il-Kummissjoni ssib, fuq talba ta' Stat Membru, li konċentrazzjoni kif imfissra fl-Artikolu 3 li m'għandhiex dimensjoni Komunitarja fis-sens ta' l-Artikolu 1 toħloq jew issaħħaħ posizzjoni dominanti li b'riżultat ta' hekk il-kompetizzjoni effettiva tiġi mfixkla sew fit-territorju ta' l-Istat Membru konċernat tista', safejn il-konċentrazzjoni taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, tadotta d-deċiżjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2), it-tieni subparagrafu, (3) u (4).

4. L-Artikoli 2(1)(a) u (b), 5, 6, 8, u 10 sa 20 għandhom japplikaw. Il-perjodu li fih il-proċedimenti mfissra fl-Artikolu 10(1) jistgħu jinbdew għandhom jibdew fid-data li tasal it-talba mill-Istat Membru. It-talba għandha ssir l-aktar tard fi żmien xahar mid-data li fiha l-konċentrazzjoni ġiet mgħarrfa lill-Istat Membru jew li daħlet fis-seħħ. Dan il-perjodu għandu jibda mid-data ta' l-ewwel minn dawn l-avvenimenti.

5. Skond il-paragrafu 3 il-Kummissjoni għandha tieħu biss il-miżuri meħtieġa biex tinżamm jew tinġieb lura l-kompetizzjoni [10]effettiva fit-territorju ta' l-Istat Membru li jkun talab l-intervent tagħha.

6. Il-paragrafi 3 sa 5 għandhom jibqgħu japplikaw sakemm l-għetiebi msemmija fl-Artikoli 1(2) jkunu ġew riveduti.

Artikolu 23

Disposizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni

Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta d-disposizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni li jirrigwardaw l-għamla, il-kontenut u dettalji oħra ta' notifikazzjonijiet skond l-Artikolu 4, il-perjodi ta' żmien skond l-Artikolu 10, is-seduti għal smigħ skond l-Artikolu 18.

Artikolu 24

Relazzjonijiet ma' pajjiżi mhux membri

1. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'kull diffikultajiet ġenerali li jkunu sabu l-impriżi tagħhom ma' konċentrazzjonijiet kif imfissra fl-Artikolu 3 f'pajjiż mhux membru.

2. Għall-bidu mhux aktar tard minn sena wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament imbagħad perjodikament il-Kummissjoni għandha tħejji rapport li jeżamina t-trattament mogħti lill-impriżi Komunitarji, fit-termini msemmija fil-paragrafi 3 u 4, dwar konċentrazzjonijiet f'pajjiżi mhux membri. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dawn ir-rapporti lill-Kunsill, flimkien ma' rakkomandazzjonijiet oħra.

3. Kull meta l-Kummissjoni jkun jidhrilha, jew fuq il-bażi tar-rapporti msemmija fil-paragrafu 2 jew fuq il-bażi ta' informazzjoni oħra, li pajjiż mhux membru ma jkunx qed jagħti trattament lill-impriżi tal-Komunità paragunabbli ma' dak li l-Komunità tagħti lill-impriżi minn dak il-pajjiż mhux membru, il-Kummissjoni tista' tibgħat proposti lill-Kunsill għal mandat approprjat għal negozjar bil-ħsieb li jinkiseb trattament paragunabbli għal impriżi tal-Komunità.

4. Miżuri meħuda skond dan l-Artikolu għandhom ikunu jaqblu ma' l-obbligi tal-Komunità jew ta' l-Istati Membri, bla ħsara għall-Artikolu 234 tat-Trattat, skond ftehim internazzjonali, kemm bilaterali kif ukoll multilaterali.

Artikolu 25

Dħul fis-seħħ

1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-21 ta' Settembru 1990.

2. Dan ir-Regolament m'għandux japplika għal kull konċentrazzjoni li kienet is-suġġett ta' ftehim jew dikjarazzjoni jew meta kontroll ikun inkiseb fis-sens ta' l-Artikolu 4(1) qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u fl-ebda ċirkostanza m'għandu japplika għal xi konċentrazzjoni li dwarha jkunu nbdew proċedimenti qabel dik id-data minn xi awtorità ta' Stat Membru responsabbli għall-kompetizzjoni.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fil-21 ta' Diċembru 1989.

Għall-Kunsill

Il-President

E. Cresson

[1] ĠU C 130, tad-19.5.1988, pġ. 4.

[2] ĠU C 309, tal-5.12.1988, pġ. 55.

[3] ĠU C 208, tat-8.8.1988, pġ. 11.

[4] ĠU L 222, ta' l-14.8.1978, pġ. 11.

[5] ĠU L 314, ta' l-4.12.1984, pġ. 28.

[6] ĠU C 13, tal-21.2.1962, pġ. 204/62.

[7] ĠU L 175, tat-23.7.1968, pġ. 1.

[8] ĠU L 378, tal-31.12.1986, pġ. 4.

[9] ĠU L 374, tal-31.12.1987, pġ. 1.

[10] Nota:L-istq arrijiet tal-Kunsill relatati na' dan ir-Regolament se jiġu ppublikati iżjed tard fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

--------------------------------------------------