31989R4058



Official Journal L 390 , 30/12/1989 P. 0001 - 0002
Finnish special edition: Chapter 7 Volume 3 P. 0194
Swedish special edition: Chapter 7 Volume 3 P. 0194


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4058/89

tal-21 ta' Diċembru 1989

dwar l-iffissar ta' rati għat-trasport ta' merkanzija bit-triq bejn l-Istati Membri

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 75 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi politika rigward ir-rati tat-trasport tikkostitwixxi aspett importanti tal-politika komuni tat-trasport, li skond it-Trattat għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill;

Billi r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3568/83 ta' l-1 ta' Diċembru 1983 dwar l-iffissar ta' rati għat-trasport ta' merkanzija bit-triq bejn Stati Membri [4], kif emendat mir-Regolament (KEE) Nru 1991/88 [5], jiskadi fil-31 ta' Diċembru 1989 u billi jistipula fl-Artikolu 20 li l-Kunsill irid jiddeċiedi, fuq bażi ta' proposta mill-Kummissjoni, dwar l-arranġamenti sussegwenti applikabbli għar-rati għal dan it-trasport;

Billi l-iffissar ħieles ta' rati għat-trasport ta' merkanzija bit-triq hija s-sistema ta' tariffi l-aktar addattati għall-ħolqien ta' suq tat-trasport ħieles kif iddeċieda l-Kunsill, għall-għanijiet tas-suq intern u għall-ħtieġa ta' sistema ta' tariffi applikata uniformament fil-Komunità kollha; billi din is-sistema ta' tariffi hija addattata sew ukoll għas-sitwazzjoni speċifika tas-settur ikkonċernat;

Billi għandu jkun possibbli li wieħed jissorvelja tendenzi fir-rati tat-trasport,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Dan ir-Regolament għandu japplika għat-trasport ta' merkanzija bit-triq bejn l-Istati Membri għall-kiri jew għal rigal anki jekk, fil-ħin ta' dawn il-ħidmiet ta' trasport, parti mill-vjaġġ issir:

- waqt transitu minn kull pajjiż terz, jew

- permezz ta' kull vettura tat-triq li tinġarr b'mezz ieħor ta' trasport, mingħajr ma' l-merkanzija jerġgħu jitgħabbew fil-frattemp.

L-Artikolu 2

B'effett mill-1 ta' Jannar 1990 ir-rati għall-ħidmiet ta' trasport li għalihom saret referenza fl-Artikolu 1 għandhom jiġu stabbiliti bi ftehim ħieles bejn il-partijiet fil-kuntratt ta' trasport.

L-Artikolu 3

1. Bil-għan ta' l-introduzzjoni tas-sistema definittiva għall-osservanza tas-swieq tat-trasport bl-art, impriżi ta' l-irmunkjar, aġenti li jgħaddu x-xogħol, sensara tal-merkanzija u aġenti oħra tat-trasport huma meħtieġa li jikkomunikaw, lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru tagħhom fuq talba ta' dawn ta' l-aħħar, kull informazzjoni dwar ir-rati imposti għat-trasport internazzjonali ta' merkanzija permezz tat-triq.

2. Informazzjoni miksuba sabiex jiġi implimentat dan ir-Regolament għandha taqa' taħt l-obbligazzjoni ta' segretezza professjonali.

3. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, fuq talba tagħha, kull informazzjoni li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom.

L-Artikolu 4

1. L-Istati Membri għandhom, fi żmien xieraq, jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan.

2. L-Istati Membri għandhom jassistu lil xulxin u lill-Kummissjoni waqt li japplikaw dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fil-21 ta' Diċembru 1989.

Għall-Kunsill

Il-President

E. Cresson

[1] ĠU C 152, ta' l-20.6.1989, p. 8.

[2] ĠU C 323, tas-27.12.1989.

[3] ĠU C 329, tat-30.12.1989.

[4] ĠU L 359, tat-22.12.1983, p. 1.

[5] ĠU L 176, tas-7.7.1988, p. 5.

--------------------------------------------------