31989R2219



Official Journal L 211 , 22/07/1989 P. 0004 - 0005
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 9 P. 0088
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 9 P. 0088


Ir-Regolament tal-Kunsill (EEC) Nru 2219/89

tat-18 ta' Lulju 1989

dwar il-kondizzjonijiet speċjali għall-esportazzjoni tal-oġġetti tal-ikel u tal-għalf wara inċident nukleari jew fil-każ ta' kull emerġenza radjoloġika

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkonsidra t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkonsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkonsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi l-Kummissjoni għandha tiġi mgħarrfa dwar kull inċident nukleari jew dwar il-livelli għolja ta' radjoattività mhux tas-soltu, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/600/Euratom tal-14 ta' Diċembru 1987 dwar l-arranġamenti tal-Komunità għall-bdil minn kmieni tat-tagħrif fil-każ ta' emerġenza radjoloġika [2] jew skond il-Konvenzjoni dwar l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (AIEA) tas-26 ta' Settembru 1986 dwar in-Notifika Minn Kmieni ta' Inċident Nukleari;

Billi l-Kunsill addotta r-Regolament (Euratom) Nru 3954/87 tat-22 ta' Diċembru 1987 li jistabilixxi l-livelli massimi permessi ta' kontaminazzjoni radjoattiva fl-oġġetti tal-ikel u fil-għalf wara inċident nukleari jew f'kull każ ieħor ta' emerġenza radjoloġika [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (Euratom) Nru 2218/89 [4];

Billi l-livelli massimi permessi stabbiliti bir-Regolament imsemmi hawn fuq jagħtu każ mistħoqq tal-opinjoni xjentifika internazzjonali l-aktar riċenti u jirriflettu l-ħtieġa li tiġi evitata kull diskrepanza fir-regolament internazzjonali;

Billi r-riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill tat-22 ta' Diċembru 1987, addottata fl-istess waqt mar-Regolament (Euratom) Nru 3954/87, tipprovdi għall-addozzjoni ta' regoli speċifiċi li jirregolaw l-esportazjoni tal-oġġetti tal-ikel;

Billi wara inċident nukleari jew f'kull każ ieħor ta' emerġenza radjoloġika ma jkunx aċċettabli li jitħallew jiġu esportati lejn pajjiżi terzi prodotti b'livelli ta' kontaminazzjoni li jaqbżu l-livelli massimi permessi li jkollhom x'jaqsmu mal-prodotti għall-konsum fil-Komunità; billi f'dawn iċ-ċirkostanzi speċjali jkun diffiċli f'termini prattiċi li jiġu ttrattati l-prodotti b'mod differenti skond id-destinazjoni aħħarija tagħhom;

Billi d-disposizzjiet li jirrigwardaw l-esportazjoni għandhom ukoll ikollhom x'jaqsmu mal-għalf ġaladarba dawn il-prodotti huma koperti bir-Regolament (Euratom) Nru 3945/87 għar-raġunijiet tas-saħħa pubblika;

Billi huwa għalhekk xieraq li jiġu definiti l-kondizzjonijiet speċjali għall-esportazjoni tal-oġġetti tal-ikel u tal-għalf wara inċident nukleari jew kull każ ieħor ta' emerġenza radjoloġika u sabiex jiġu applikati għal dawn il-prodotti l-livelli massini permessi tal-kontaminazzjoni radjoattiva msemmija fir-Regolament (Euratom) Nru 3954/87,

ADDOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Dan ir-Regolament jistabilixxi l-kondizjonijiet għall-esportazzjoni tal-oġġetti tal-ikel u tal-għalf wara inċident nukleari jew kull sitwazzjoni oħra radjoloġika li x'aktarx twassal għal kontaminazjoni radjoloġika sinifikattiva fl-oġġetti tal-ikel u fil-għalf.

2. Għall-għamijiet ta' dan ir-Regolament l-espressjoni "oġġetti tal-ikel" tfisser il-prodotti li jkunu intenzjonati għall-konsum mill-bniedem immedjetament jew wara l-proċessar u l-kelma "għalf" tfisser il-prodotti li jkunu intenzjonati biss bħala nutriment tal-annimali.

Artikolu 2

L-oġġetti tal-ikel u għalf li fihom il-livell ta' kontaminazzjoni radjoattiva taqbeż il-livelli rilevanti massimi permessi stabbiliti b'Artikoli 2 u 3 tar-Regolament (Euratom) Nru 3954/87 ma jistgħux jiġu esportati.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom iwettqu kotrolli sabiex jiżguraw illi jiġu osservati l-livelli massimi permessi riferiti f'Artikolu 2.

Artikolu 4

Kull wieħed mill-Istati Membri għandu jikkomunika lill-Kummissjoni t-tagħrif kollu possibbli dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, u b'mod partikolari kull każ meta jkunu ġew maqbuża l-livelli massimi permessi. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dan it-tagħrif lill-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 5

Ir-regoli sabiex jiġi applikat dan ir-Regolament għandhom jiġu magħmula mill-Kummissjoni skond il-proċedura definita f'Artikolu 7 tar-Regolament (Euratom) Nru 3954/87. Għal dan l-iskop għandu jitwaqqaf Kumitat ad hoc.

Artikolu 6

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum ta' wara l-pubblikazjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, fit-18 ta' Lulju 1989.

Għall-Kunsill

Il-President

R. Dumas

[1] ĠU C 214, tas-16.8.1988, p. 31.

[2] ĠU L 371, tat-30.12.1987, p. 76.

[3] ĠU L 371, tat-30.12.1987, p. 11.

[4] Ara l-paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

--------------------------------------------------