31989L0654



Official Journal L 393 , 30/12/1989 P. 0001 - 0012
Finnish special edition: Chapter 5 Volume 4 P. 0170
Swedish special edition: Chapter 5 Volume 4 P. 0170


Id-Direttiva tal-Kunsill

tat-30 ta' Novembru 1989

dwar il-ħtiġiet minimi ta' sigurtà u ta' saħħa fuq il-post tax-xogħol (l-ewwel direttiva individwali fi ħdan it-tifsira ta l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)

(89/654/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 118a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1] ppreżentata wara li ġie kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà, l-Iġjene u l-Protezzjoni tas-Saħħa fuq ix-Xogħol,

B'kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-Artikolu 118a tat-Trattat jipprovdi li l-Kunsill għandu jadotta, permezz ta direttivi, il-ħtiġiet minimi li jinkoraġġixxu titjib, b'mod speċjali fl-ambjent tax-xogħol, sabiex jiżgura livell aħjar ta' protezzjoni, ta' sigurtà u ta' saħħa tal-ħaddiema;

Billi, taħt it-termini ta' dak l-Artikolu, dawk id-direttivi għandhom jevitaw milli jimponu limitazzjonijiet amministrattivi, finanzjarji u legali b'tali mod li kieku joħonqu l-ħolqien u l-iżvilupp ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;

Billi l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-programm tagħha li jikkonċerna s-sigurtà, l-iġjene u s-saħħa fuq ix-xogħol [4] tipprovdi għall-adozzjoni ta direttiva mfassla sabiex tiggarantixxi s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol;

Billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta Diċembru 1987 dwar is-sigurtà, l-iġjene u s-saħħa fuq ix-xogħol [5], il-Kunsill ħa nota ta' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta lill-Kunsill, fil-futur qrib, il-ħtiġiet minimi li jikkonċernaw l-arranġament tal-post tax-xogħol;

Billi l-konformità mal-ħtiġiet minimi mfassla sabiex jiggarantixxu standard aħjar ta' sigurtà u ta' saħħa fuq ix-xogħol hija essenzjali sabiex ikunu żgurati s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema;

Billi din id-Direttiva hija direttiva individwali fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri li jinkoraġġixxu żviluppi fis-sigurtà u s-saħħa ta' ħaddiema fuq ix-xogħol [6]; billi d-dispożizzjonijiet ta' dawn ta' l-aħħar, għalhekk, jgħoddu għal kollox għall-post tax-xogħol mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet aktar stretti u/jew speċifiċi li jinsabu fid-Direttiva preżenti;

Billi din id-Direttiva hija kontribuzzjoni prattika lejn il-ħolqien tad-dimensjoni soċjali tas-suq intern;

Billi, skond id-Deċiżjoni 74/325/KEE [7], kif l-aħħar emendata bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-1985, il-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà, Iġjene u l-Protezzjoni tas-Saħħa fuq ix-Xogħol għandujiġi kkonsultat mill-Kummissjoni dwar l-abbozzar ta' proposti f'dan il-qasam,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

IT-TAQSIMA I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

L-Artikolu 1

Suġġett

1. Din id-Direttiva, li hija l-ewwel direttiva individwali fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE, tistabbilixxi ħtiġiet minimi għas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol, kif iddefinit fl-Artikolu 2.

2. Din id-Direttiva ma għandhiex tgħodd għal:

(a) mezzi ta' trasport użati barra mill-intrapriża u/jew l-istabbiliment, jew il-postijiet tax-xogħol ġewwa mezzi ta trasport;

(b) siti ta xogħol temporanji jew mobbli;

(ċ) industriji ta' estrazzjoni;

(d) dgħajjes tas-sajd;

(e) egħlieqi, boskijiet u artijiet oħra li jifformaw parti minn intrapriża agrikola jew minn intrapriża fil-qasam tal-foresti iżda li jkunu jinsabu 'l bogħod mill-bini ta' l-intrapriża.

3. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/391/KEE jgħoddu għal kollox għall-iskop kollu li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1, mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet aktar ristrettivi u/jew speċifiċi li jinsabu f'din id-Direttiva.

L-Artikolu 2

Definizzjoni

Għall-iskopijiet ta din id-Direttiva, "post tax-xogħol" tfisser post maħsub sabiex iżomm stazzjonijiet tax-xogħol fuq l-art ta' l-intrapriża u/jew ta' l-istabbiliment u fi kwalunkwe post ieħor fiż-żona ta' l-intrapriża u/jew ta' l-istabbiliment li għalih, il-ħaddiem, ikollu aċċess tul l-impjieg tiegħu.

IT-TAQSIMA II

OBBLIGI TAL-ĦADDIEMA

L-Artikolu 3

Postijiet tax-xogħol użati għall-ewwel darba

Postijiet tax-xogħol użati għall-ewwel darba wara l-31 ta' Diċembru 1992 għandhom jissodisfaw il-ħtiġiet minimi ta' sigurtà u ta' saħħa stabbiliti fl-Anness 1.

L-Artikolu 4

Postijiet tax-xogħol li jkunu qegħdin jintużaw diġà

Postijiet tax-xogħol li jkunu qegħdin jintużaw diġà qabel l-1 ta' Jannar 1993 għandhom jissodisfaw il-ħtiġiet minimi ta' sigurtà u saħħa stabbiliti fl-Anness II sa mhux aktar tard minn tliet snin wara dik id-data.

Iżda, fir-rigward tar-Repubblika Portugiża, postijiet tax-xogħol użati qabel l-1 ta' Jannar 1993 għandhom jissodisfaw, l-aktar tard sa erba snin minn dik id-data, il-ħtiġiet minimi ta' sigurtà u saħħa li jidhru fl-Anness II.

L-Artikolu 5

Modifikazzjonijiet għal postijiet tax-xogħol

Meta postijiet tax-xogħol jgħaddu minn modifikazzjonijiet, estensjonijiet u/jew tibdiliet wara l-31 ta' Diċembru 1992, min iħaddem għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li dawk il-modifikazzjonijiet, estensjonijiet u/jew tibdiliet ikunu konformi mal-ħtiġiet minimi korrispondenti stabbiliti fl-Anness I.

L-Artikolu 6

Ħtiġijiet ġenerali

Biex jiġu protetti s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, minn jimpjega għandu jara li:

- r-rotot tat-traffiku għall-ħruġ ta' emerġenza u l-ħruġ innifsu jinżammu ħielsa f'kull ħin,

- għandha ssir manutenzjoni teknika tal-post tax-xogħol u tat-tagħmir u ta' l-apparat, u b'mod partikolari ta' dawk li hemm referenza għalihom fl-Annessi I u II, u kwalunkwe difett misjub li jista' jaffettwa is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema għandu jiġi rranġat malajr kemm jista' jkun,

- il-post tax-xogħol u t-tagħmir u l-aġġeġġi, u b'mod partikolari dawk li hemm referenza għalihom fl-Anness I, il-punt 6, u l-Anness II, il-punt 6, għandhom jitnaddfu regolarment għal livell ta' iġjene adekwat,

- tagħmir ta' sigurtà u apparat maħsuba sabiex jipprevjenu jew jeliminaw perikoli, u b'mod partikolari dawk li hemm referenza għalihom fl-Annessi I u II, għandhom ikunu miżmuma tajjeb u kkontrollati regolarment.

L-Artikolu 7

Informazzjoni tal-ħaddiema

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10 tad-Direttiva 89/391/KEE, il-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jiġu informati bil-miżuri kollha li għandhom jittieħdu dwar is-sigurtà u saħħa fuq il-post tax-xogħol.

L-Artikolu 8

Konsultazzjonijiet mal-ħaddiema u parteċipazzjonijiet tal-ħaddiema

Konsultazzjonijiet mal-ħaddiema u parteċipazzjonijiet tal-ħaddiema u/jew tar-rappreżentanti tagħhom għandhom isiru skond l-Artikolu 11 tad-Direttiva 89/391/KEE dwar il-materji koperti b'din id-Direttiva, inkluż l-Annessi magħha.

IT-TAQSIMA III

DISPOŻIZZJONIJIET MIXXELLANJI

L-Artikolu 9

Emendi għall-Annessi

Emendi strettament tekniċi għall-Annessi b'riżultat ta:

- l-adozzjoni ta Direttivi dwar l-armonizzazzjoni teknika u l-istandardizzazzjoni tad-disinn, manifattura jew kostruzzjoni ta' partijiet ta' postijiet tax-xogħol, u/jew

- progress tekniku, bidliet fir-regolamenti jew speċifikazzjonijiet internazzjonali u tagħrif fir-rigward ta' postijiet tax-xogħol, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 89/391/KEE.

L-Artikolu 10

Dispożizzjonijiet finali

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sal-31 ta' Diċembru 1992. Huma għandhom jinfurmaw mill-ewwel lill-Kummissjoni b'dan.

Madankollu, id-data applikabbli għar-Repubblika Ellenika għandha tkun il-31 ta Diċembru 1994.

2. Stati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ta' liġi nazzjonali li huma jkunu diġà adottaw jew jadottaw fil-qasam irregolat b'din id-Direttiva.

3. Stati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni kull ħames snin, l-implimentazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, billi jindikaw l-opinjonijiet min-naħa ta' min iħaddem u ta' l-impjegati.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kunsill Konsultattiv dwar is-Sigurtà, l-Iġjene u l-Protezzjoni tas-Saħħa fuq ix-Xogħol.

4. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta perjodikament lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali rapport dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, billi tagħti każ tal-paragrafi 1 sa 3.

L-Artikolu 11

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-30 ta Novembru 1989.

Għall-Kunsill

Il-President

J. P. Soisson

[1] ĠU C 141, tat-30.5.1988, p. 6,ĠU C 115, tat-8.5.1989, p. 34 uĠU C 284, ta' l-10.11.1989, p. 8,

[2] ĠU C 326, tad-9.12.1988, p. 123 uĠU C 256, tad-9.10.1988, p. 51.

[3] ĠU C 175, ta' l-4.7.1988, p. 28.

[4] ĠU C 28, tat-3.2.1988, p. 3.

[5] ĠU C 28, tat-3.2.1988, p. 1.

[6] ĠU L 183, tad-29.6.1989, p. 1.

[7] ĠU L 185, tad-9.7.1974, p. 15.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

ĦTIĠIET MINIMI TA' SIGURTÀ U TA' SAĦĦA GĦAL POSTIJIET TAX-XOGĦOL UŻATI GĦALL-EWWEL DARBA, KIF HEMM REFERENZA GĦALIHOM FL-ARTIKOLU 3 TAD-DIRETTIVA

1. Nota preliminari

L-obbligi msemmija f'dan l-Anness jgħoddu kull meta jkun hemm bżonn għall-karatteristiċi tal-post tax-xogħol, l-attività, iċ-ċirkostanzi jew il-perikolu.

2. Stabbilità u solidità

Bini li jkun fih postijiet tax-xogħol għandu jkollu struttura u solidità addattata għan-natura ta' l-użu tiegħu.

3. Installazzjonijiet ta' l-elettriku

Installazzjonijiet ta' l-elettriku għandhom ikunu mfassla u mibnija sabiex ma joħolqux perikolu ta' xi nar jew splużjoni; il-persuni għandhom ikunu protetti b'mod adekwat kontra r-riskju ta' aċċidenti kkawżati minn kuntatt dirett jew indirett.

It-tfassil, kostruzzjoni u għażla tal-materjal u apparat ta' protezzjoni għandhom ikunu addattati għall-vultaġġ, kondizzjonijiet esterni u għall-kompetenza tal-persuni bl-aċċess għal partijiet ta' l-installazzjoni.

4. Rotot u ħruġ ta' emerġenza

4.1. Rotot u ħruġ ta' emerġenza għandhom jibqgħu ħielsa u għandhom jagħtu kemm jista' jkun direttament għal żona miftuħa jew għal żona bla perikolu.

4.2. Fil-każ ta' perikolu, għandu jkun possibbli għall-ħaddiema sabiex joħorġu mill-istazzjonijiet ta' xogħol malajr u kemm jista' jkun bla perikolu.

4.3. In-numru, d-distribuzzjoni u d-dimensjonijiet tar-rotot u l-ħruġ ta' emerġenza għandhom jiddependu fuq l-użu, t-tagħmir u d-dimensjonijiet tal-postijiet tax-xogħol u n-numru massimu ta' persuni li jistgħu ikunu preżenti.

4.4. Il-bibien ta' emerġenza għandhom jiftħu 'l barra.

Mhumiex permessi il-bibien li jiżżerzqu jew li jduru jekk ikunu speċifikament maħsuba bħala ħruġ ta' emerġenza.

Il-bibien ta' emerġenza ma għandhomx jissakkru jew jinqaflu b'tali mod li ma jkunux jistgħu jiġu miftuħa faċilment u immedjatament minn kwalunkwe persuna li jista' jkollha bżonn tużahom f' emerġenza.

4.5. Ir-rotot u l-ħruġ ta' emerġenza speċifiċi għandhom ikunu murija b'sinjali skond ir-regolamenti nazzjonali li jibdlu d-Direttiva 77/576/KEE [1] f'liġi.

Is-sinjali bħal dawn għandhom jiġu impoġġija f'pożizzjonijiet xierqa u magħmula biex iservu fit-tul.

4.6. Il-bibien ta' emerġenza ma għandhomx jissakkru.

Ir-rotot u l-ħruġ ta' emerġenza, u r-rotot tat-traffiku u l-bibien li jagħtu aċċess għalihom, għandhom ikunu ħielsa minn ostruzzjonijiet sabiex ikunu jistgħu jiġu użati kull ħin mingħajr xkiel.

4.7. Ir-rotot u l-ħruġ ta' emerġenza li jeħtieġu illuminazzjoni għandhom jiġu pprovduti b'dawl ta' emerġenza ta' intensità adegwata fil-każ li jmur id-dawl.

5. Turija ta' nirien u tifi ta' nirien

5.1. Skond id-dimensjonijiet u l-użu tal-bini, it-tagħmir li jkun fihom, il-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi tas-sustanzi preżenti u n-numru massimu potenzjali ta' nies preżenti, il-postijiet tax-xogħol għandhom ikunu mgħammra b'tagħmir addattat tat-tifi tan-nar u, jekk ikun hemm bżonn, b'detectors tan-nar u b'sistemi ta' alarm.

5.2. Tagħmir tat-tifi tan-nar mhux awtomatiku għandu jkun aċċessibbli faċilment u għandu jkun sempliċi biex jintuża.

It-tagħmir għandu jkun indikat b'sinjali skond ir-regolament nazzjonali li jibdlu d-Direttiva 77/576/KEE f'liġi.

Dawn is-sinjali għandhom jitpoġġew f'pożizzjonijiet addattati u magħmula biex iservu fit-tul.

6. Ventilazzjoni ta' positijiet tax-xogħol magħluqin

6.1. Għandhom jittieħdu miżuri sabiex jaraw li jkun hemm biżżejjed arja friska f'postijiet tax-xogħol magħluqin, billi jingħata każ tal-metodi ta' xogħol u tad-domandi fiżiċi magħmula fuq l-impjegati.

Jekk tkun użata sistema ta' ventilazzjoni forzata, din għandha tinżamm f'kondizzjoni operattiva.

Kwalunkwe ħsara għandha tiġi indikata permezz ta' sistema ta' kontroll fejn din tkun meħtieġa għas-saħħa tal-ħaddiema.

6.2. Jekk jintużaw installazzjonijiet ta' arja kondizzjonata jew ta' ventilazzjoni mekkanika, dawn għandhom jaħdmu b'tali mod li l-ħaddiema ma jkunux esposti għall-kurrenti ta' l-arja li jistgħu jikkawżaw skumdità.

Kwalunkwe depożitu jew ħmieġ li x'aktarx joħloq perikolu immedjat għas-saħħa tal-ħaddiema billi jħammeġ l-atmosfera għandu jitneħħa mingħajr dewmien.

7. Temperatura tal-kamra

7.1. Matul il-ħinijiet tax-xogħol, it-temperatura tal-kmamar ta' dawn il-postijiet tax-xogħol għandha tkun xierqa għall-bnedmin, wara li jiġu kkunsidrati l-metodi ta' xogħol użati u d-domandi fiżiċi magħmula fuq il-ħaddiema.

7.2. It-temperatura f'żoni ta' mistrieħ, fi kmamar għall-persunal fuq xogħol, faċilitajiet sanitarji, canteens, u kmamar ta' l-ewwel għajnuna għandhom ikunu addattati għall-għan partikolari ta' dawn iż-żoni.

7.3. Twieqi, tamboċċi u partitions tal-ħġieġ għandhom jevitaw milli jħallu effetti eċċessivi ta' dawl tax-xemx fil-postijiet ta' xogħol, billi jikkunsidraw in-natura tax-xogħol u tal-post ta' xogħol.

8. Dawl naturali u artifiċjali tal-kamra

8.1. Postijiet tax-xogħol, sakemm ikun possibbli, għandhom jirċievu dawl naturali biżżejjed u jkunu mgħammra b'dawl artifiċjali xieraq għall-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema.

8.2. Installazzjonijiet ta' dawl fi kmamar li jkun fihom postijiet tax-xogħol u fil-kuriduri għandhom ikunu magħmula b'tali mod li ma jkunx hemm riskju ta' aċċident għall-ħaddiema b'riżultat ta' xi tip ta' dawl imwaħħal.

8.3. Postijiet tax-xogħol li fihom il-ħaddiema huma speċjalment esposti għal riskji fil-każ li ma jaħdimx id-dawl artifiċjali, għandhom jiġu pprovduti b'dawl ta' emerġenza ta' intensità xierqa.

9. Artijiet, ħitan, soqfa u bjut ta' kmamar

9.1. L-artijiet ta' postijiet tax-xogħol ma għandhomx ikollhom ħotob, toqob jew żrieżaq perikolużi u għandhom ikunu mwaħħlin, b'mod sod u li ma jiżolqux.

Kmamar tax-xogħol li jkun fihom stazzjonijiet ta' xogħol għandhom ikunu iżolati kontra s-sħana b'mod xieraq, billi jingħata każ tat-tip ta' intrapriża involuta u l-attività fiżika tal-ħaddiema.

9.2. L-uċuħ ta' artijiet, ħitan u soqfa ta' kmamar għandhom ikunu tali li jkunu jistgħu jitnaddfu jew jiġu irranġati għal standard xieraq ta' iġjene.

9.3. Ħitan trasparenti jew trasluċidi, b'mod partikolari il-partitions magħmulin għal kollox mill-ħġieġ, fi kmamar jew fil-viċinanza ta' postijiet tax-xogħol u rotot tat-traffiku għandhom ikunu murija b'mod ċar u magħmulin minn materjal tas-sigurtà jew milqugħin minn postijiet bħal dawn jew rotot tat-traffiku sabiex jipprevjenu ħaddiema milli jiġu f'kuntatt mal-ħitan jew milli jweġġgħu jekk il-ħitan jitfarrku.

9.4. Aċċess għall-bjut magħmul minn materjal li ma jkunx b'saħħtu biżżejjed ma għandux ikun permess sakemm ma jkunx provdut tagħmir li jiżgura li x-xogħol ikun jista' jsir bla perikolu.

10. Twieqi u tamboċċi

10.1. Il-ħaddiema għandhom ikunu jistgħu jiftħu, jagħlqu, jirranġaw jew isakkru twieqi, tamboċċi u ventilaturi bla perikolu. Meta miftuħa, ma għandhomx ikunu f'pożizzjoni li jkunu ta' perikolu għall-ħaddiema.

10.2. Twieqi u tamboċċi għandhom jiġu mfasslin flimkien mat-tagħmir jew inkella jkollhom apparat imwaħħal magħhom li jippermettilhom li jiġu mnaddfa mingħajr riskju għall-ħaddiema li jagħmlu dan ix-xogħol jew għall-ħaddiema preżenti fil-bini jew madwar il-bini.

11. Bibien u gradi

11.1. Il-pożizzjoni, numru u dimensjonijiet ta' bibien u gradi, u l-materjali użati fil-kostruzzjoni tagħhom, għandhom jiġu stabbiliti bin-natura u l-użu tal-kmamar jew żoni.

11.2. Bibien trasparenti għandhom jiġu mmarkati b'mod xieraq f'livell li jkun jidher.

11.3. Bibien u gradi li jitbandlu għandhom ikunu trasparenti jew għandu jkollhom panewijiet li tara minnhom.

11.4. Jekk uċuh trasparenti jew trasluċenti fil-bibien u gradi ma jkunux magħmulin minn materjal ta' sigurtà u jekk ikun hemm il-perikolu li ħaddiema jkunu jistgħu jweġġgħu jekk bieb jinfaqa' jew grada tinkiser, l-uċuħ għandhom ikunu protetti kontra l-ksur.

11.5. Bibien li jiżżerżqu għandu jkollhom apparat ta' sigurtà li ma jħallihomx jaqbżu mil-linji li fuqhom jiġu mżerżqin jew li ma jħallihomx jaqgħu.

11.6. Bibien u gradi li jiftħu 'l fuq għandhom ikollhom mekkaniżmu li jżommhom milli jaqgħu lura.

11.7. Bibien matul rotot ta' sigurezza għandhom ikunu mmarkati b'mod addattat.

Għandhom ikunu jistgħu jinfetħu minn ġewwa kull ħin mingħajr għajnuna speċjali.

Il-bibien għandhom ikunu jistgħu jinfetħu meta l-postijiet tax-xogħol ikunu okkupati.

11.8. Bibien għal persuni mexjin għandhom jiġu pprovduti fil-viċinanza immedjata ta' kwalunkwe gradi maħsuba essenzjalment għat-traffiku ta' vetturi, sakemm dawn ikunu mingħajr perikolu għal min ikun miexi sabiex jgħaddi minnhom; dawn il-bibien għandhom ikunu immarkati b'mod ċar u għandhom jitħallew ħielsa b'mod permanenti.

11.9. Bibien u gradi mekkaniċi għandhom jaħdmu b'tali mod li ma jkun hemm l-bda riskju ta' aċċident għall-ħaddiema.

Għandhom ikunu mgħammra b'apparat ta' għeluq ta' emerġenza li jista' jiġi identifikat u li jkun aċċessibbli u, sakemm ma jiftħux awtomatikament fil-każ li jmur id-dawl, għandhom ikunu jistgħu jiġu miftuħa b'mod manwali ukoll.

12. Rotot tat-traffiku — żoni ta' perikolu

12.1. Rotot tat-traffiku, li jinkludu turġien, slielem imwaħħla u pjattaformi u rampi minn fejn titgħabba tagħbija, għandhom ikunu f'pożizzjoni u ddimensjonati sabiex jiżguraw aċċess faċli, bla perikolu u xieraq għal minn ikun miexi jew għal vejjikoli b'tali mod li ħaddiema impjegati fil-viċinanza ta' dawn ir-rotot tat-traffiku ma jitpoġġewx f'perikolu.

12.2. Rotot użati għal traffiku ta' persuni mexjin u/jew għal traffiku ta' oġġetti għandhom jkunu ddimensjonati skond in-numru ta' nies li jistgħu jużawhom u t-tip ta' intrapriża.

Jekk jiġu użati mezzi ta' trasport fuq rotot tat-traffiku, għandu jkun hemm spazju ta' sigurtà biżżejjed għal min ikun miexi.

12.3. Għandu jkun hemm spazju ta' sigurtà biżżejjed bejn ir-rotot tat-traffiku tal-vetturi u l-bibien, gradi, passaġġi għal min ikun miexi, kuriduri u turġien.

12.4. Fejn l-użu u it-tagħmir ta' kmamar ikun jeħtieġ hekk għall-protezzjoni tal-ħaddiema, ir-rotot tat-traffiku għandhom jiġu identifikati b'mod ċar.

12.5. Jekk il-postijiet tax-xogħol ikun fihom żoni ta' perikolu li fihom, minħabba n-natura tax-xogħol, ikun hemm ir-riskju li jaqa' l-ħaddiem jew li jaqgħu l-oġġetti, il-postijiet għandhom ikunu mgħammra, sa fejn ikun possibbli, b'apparat li ma jħallix ħaddiema mhux awtorizzati milli jidħlu f'dawn iż-żoni.

Għandhom jittieħdu miżuri xierqa sabiex jiġu protetti ħaddiema awtorizzati li jidħlu f'żoni ta' perikolu.

Żoni ta' perikolu għandhom ikunu murija b'mod ċar.

13. Miżuri speċifiċi għal skali mobbli u travelators

Skali mobbli u travelators għandhom jaħdmu mingħajr perikolu.

Għandhom ikunu mgħammra bi kwalunkwe apparat ta' sigurtà meħtieġ.

Għandhom ikunu mgħammra b'apparat ta' għeluq ta' emerġenza aċċessibbli u li jista' jiġi identifikat faċilment.

14. Pjattaformi u rampi minn fejn titgħabba tagħbija

14.1. Pjattaformi u rampi minn fejn titgħabba tagħbija għandhom ikunu xierqa għad-dimensjonijiet tat-tagħbijiet li għandhom jiġu ttrasportati.

14.2. Pjattaformi minn fejn titgħabba tagħbija għandhom ikollhom minn ta' lanqas post wieħed ta' ħruġ.

Fejn teknikament tkun tista' ssir, pjattaformi fuq ċertu tul għandhom ikollhom xi pożizzjoni ta' ħruġ f'kull tarf.

14.3. Rampi minn fejn titgħabba tagħbija għandhom sakemm ikun possibbli jkunu bla perikolu b'tali mod li l-ħaddiema ma jkunux jistgħu jaqgħu minnhom.

15. Id-dimensjonijiet tal-kmamar u spazju miftuħ fil-kmamar — il-libertà tal-moviment fi stazzjon tax-xogħol

15.1. Kmamar tax-xogħol għandhom ikollhom biżżejjed arja, għoli u spazju miftuħ b'tali mod li l-ħaddiema jkunu jistgħu jagħmlu xogħlhom mingħajr riskju għas-sigurtà, saħħa jew stat tajjeb tagħhom.

15.2. Id-dimensjonijiet taż-żona ħielsa mhux okkupata fl-istazzjon tax-xogħol għandhom jiġu maħduma sabiex iħallu biżżejjed spazju ħieles minn fejn ħaddiema jkunu jistgħu jgħaddu biex jagħmlu xogħlhom.

Jekk dan ma jkunx possibbli għal raġunijiet speċifiċi għall-post tax-xogħol, il-ħaddiem għandu jkun ipprovdut b'biżżejjed spazju ħieles minn fejn ikun jista' jgħaddi fejn l-istazzjon tax-xogħol tiegħu.

16. Kmamar għas-serħan

16.1. Fejn is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, b'mod partikolari minħabba t-tip ta' attività mwettqa jew minħabba l-preżenza ta' aktar minn ċertu numru ta' impjegati, jeħtieġu dan, il-ħaddiema għandhom ikunu pprovduti b'kamra tas-serħan aċċessibbli faċilment.

Din id-disposizzjoni ma tgħoddx jekk il-ħaddiema jkunu mpjegati f'uffiċini jew kmamar tax-xogħol simili li jipprovdu serħan ekwivalenti matul il-brejk.

16.2. Il-kmamar tas-serħan għandhom ikunu kbar biżżejjed u mgħammra b'numru addattat ta' mwejjed u siġġijiet bid-dahar għan-numru ta' ħaddiema.

16.3. Fil-kmamar ta' serħan, għandhom jiġu introdotti miżuri xierqa għall-protezzjoni ta' dawk li ma jpejpux kontra l-iskomdità ikkawżata mid-duħħan tat-tipjip tat-tabakk.

16.4. Jekk il-ħinijiet tax- xogħol ikunu interrotti b'mod regolari u ta' sikwit u ma jkunx hemm kamra ta' serħan, għandhom jiġu pprovduti kmamar oħra li fihom il-ħaddiema jkunu jistgħu joqogħdu matul dawn l-interruzzjonijiet, kull meta dan ikun meħtieġ għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema.

Għandhom jittieħdu miżuri xierqa għall-protezzjoni ta' persuni li ma jpejpux kontra l-iskumdità ikkawżata mit-tipjip tat-tabakk.

17. Nisa tqal u ommijiet li jreddgħu

Nisa tqal u ommijiet li jreddgħu għandhom ikunu jistgħu jimteddu sabiex jistrieħu f'kondizzjonijiet xierqa.

18. Tagħmir sanitarju

18.1. Kmamar tat-tbiddil u lockers

18.1.1. Għandhom jiġu pprovduti kmamar tat-tbiddil xierqa għall-ħaddiema jekk dawn għandhom jilbsu ħwejjeġ tax-xogħol speċjali u fejn, għal raġunijiet ta' saħħa jew ta' proprjetà, ma jkunx jista' jiġi mistenni minnhom li jbiddlu f'kamra oħra.

Kmamar ta' tbiddil għandhom ikunu aċċessibbli faċilment, għandhom ikunu jesgħu biżżejjed u għandhom ikunu pprovduti b'postijiet fejn il-ħaddiema jkunu jistgħu ipoġġu.

18.1.2. Kmamar ta' tbiddil għandhom ikunu kbar biżżejjed u għandhom ikollhom il-faċilitajiet sabiex iħallu kull ħaddiem isakkar il-ħwejjeġ tiegħu matul is-sigħat ta' xogħol.

Jekk iċ-ċirkostanzi ikunu jeħtieġu hekk (eż sustanzi perikolużi, umidità, ħmieġ), il-lockers għall-ħwejjeġ tax-xogħol għandhom ikunu separati minn dawk ta' ħwejjeġ ordinarji.

18.1.3. Għandha ssir dispożizzjoni għal kmamar ta' tbiddil separati jew użu separat tal-kmamar ta' tbiddil għall-irġiel u għan-nisa.

18.1.4. Jekk taħt 18.1.1, il-kmamar ta' tbiddil ma jkunux meħtieġa, kull ħaddiem għandu jiġi pprovdut b'post fejn ipoġġi ħwejġu.

18.2. Showers u sinkijiet

18.2.1. Għandhom jiġu provduti showers adegwati u xierqa għall-ħaddiema jekk ikunu meħtieġa minħabba n-natura tax-xogħol jew minħabba raġunijiet ta' saħħa.

Għandha ssir dispożizzjoni għal kmamar tax-shower separati jew użu separat tal-kmamar tax-shower għall-irġiel u għan-nisa.

18.2.2. Il-kmamar tax-shower għandhom ikunu kbar biżżejjed b'tali mod li kull ħaddiem ikun jista' jinħasel mingħajr xkiel f'kondizzjonijiet ta' standard xieraq ta' iġjene.

Is-showers għandhom ikunu mgħammra b'ilma mill-vit sħun u kiesaħ.

18.2.3. Fejn taħt l-ewwel subparagrafu ta' 18.2.1, ix-showers ma jkunux meħtieġa, għandhom jiġu pprovduti sinkijiet adegwati u xierqa b'ilma tal-vit (ilma sħun jekk ikun hemm bżonn) fil-viċinanza ta' l-istazzjonijiet ta' xogħol u tal-kmamar ta' tbiddil.

Dawn is-sinkijiet għandhom ikunu separati għal, jew għandhom jintużaw separatament minn, irġiel u nisa meta meħtieġ għal raġunijiet ta' proprjetà.

18.2.4. Fejn il-kmamar li jkun fihom is-showers u s-sinkijiet ikunu separati mill-kmamar ta' tbiddil, għandu jkun hemm komunikazzjoni faċli bejn it-tnejn.

18.3. Lokijiet u sinkijiet

Għandhom jiġu pprovduti faċilitajiet separati fil-viċinanza ta' l-istazzjonijiet ta' xogħol, kmamar ta' mistrieħ, kmamar ta' tbiddil u kmamar li fihom showers jew sinkijiet, b'numru xieraq ta' lokijiet u sinkijiet.

Għandha ssir dispożizzjoni għal lokijiet separati jew għal użu separat ta' lokijiet għall-irġiel u għan-nisa.

19. Kmamar ta' l-ewwel għajnuna

19.1. Għandha tiġi pprovduta kamra ta' l-ewwel għajnuna jew iżjed fejn id-daqs tal-bini, tip ta' attività mwettqa u frekwenza ta' inċidenti jiddettaw hekk.

19.2. Kmamar ta' l-ewwel għajnuna għandhom ikunu mgħammra b'installazzjonijiet u tagħmir essenzjali ta' l-ewwel għajnuna u għandhom ikunu aċċessibbli faċilment għal stretchers.

Għandhom jiġu mmarkati skond ir-regolamenti nazzjonali li jibdlu d-Direttiva 77/576/KEE f'liġi.

19.3. Barra minn hekk, it-tagħmir ta' l-ewwel għajnuna għandu jkun disponibbli fil-postijiet kollha fejn il-kondizzjonijiet ta' xogħol ikunu jeħtieġu dan.

Dan it-tagħmir għandu jiġi mmarkat b'mod xieraq u għandu jkun aċċessibbli faċilment.

20. Ħaddiema b'disabilità

Postijiet tax-xogħol għandhom ikunu organizzati sabiex jagħtu każ ta' ħaddiema b'disabilità, jekk ikun hemm bżonn.

Din il-dispożizzjoni tgħodd b'mod partikolari għal bibien, kuriduri, turġien, showers, sinkijiet, lokijiet u stazzjonijiet tax-xogħol użati jew direttament okkupati minn persuni b'disabilità.

21. Postijiet tax-xogħol barra (dispożizzjonijiet speċjali)

21.1. Stazzjonijiet tax-xogħol, rotot tat-traffiku u żoni oħra jew installazzjonijiet barra, li jintużaw jew ikunu okkupati mill-ħaddiema fil-kors ta' l-attività tagħhom għandhom ikunu organizzati b'tali mod li min ikun miexi u l-vejjikoli ikunu jistgħu jiċċirkolaw bla perikolu.

It-Taqsimiet 12, 13 u 14 jgħoddu wkoll għal rotot prinċipali tat-traffiku fuq is-sit ta' l-intrapriża (rotot tat-traffiku li jagħtu għal stazzjonijiet ta' xogħol fissi), għal rotot tat-traffiku użati għall-manutenzjoni regolari u superviżjoni ta' l-installazzjonijiet ta' l-intrapriża u għall-pjattaformi minn fejn titgħabba tagħbija.

It-Taqsima 12 tgħodd ukoll għal postijiet ta' xogħol barra.

21.2. Postijiet ta' xogħol barra għandhom ikunu mdawla b'mod xieraq b'dawl artifiċjali jekk id-dawl tal-ġurnata ma jkunx biżżejjed.

21.3. Meta ħaddiema jkunu impjegati fi stazzjonijiet ta' xogħol barra, dawn l-istazzjonijiet ta' xogħol għandhom sa fejn ikun possibbli jiġu rranġati biex ħaddiema:

(a) ikunu protetti kontra kondizzjonijiet koroh tat-temp u jekk ikun hemm bżonn kontra oġġetti li jaqgħu;

(b) ma jkunux esposti la għal livelli ta' ħoss ta' ħsara u lanqas għal influwenzi fil-beraħ ta' ħsara bħal gassijiet, fwar jew trab;

(ċ) ikunu jistgħu jitilqu l-istazzjon tax- xogħol tagħhom malajr fil-każ ta' xi perikolu jew ikunu jistgħu jiġu megħjuna malajr;

(d) ma jkunux jistgħu jiżolqu jew jaqgħu.

[1] ĠU L 229, tas-7.9.1977, p. 12.

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

ĦTIĠIET MINIMI TAS-SAĦĦA U TAS-SIGURTÀ GĦAL POSTIJIET TAX- XOGĦOL LI JKUNU QEGĦDIN JINTUŻAW DIĠÀ, KIF HEMM REFERENZA GĦALIHOM FL-ARTIKOLU 4 TAD-DIRETTIVA

1. Nota preliminari

L-obbligi stabbiliti f'dan l-Anness jgħoddu kull fejn meħtieġ mill-karatteristiċi tal-post tax-xogħol, l-attività, iċ-ċirkostanzi jew perikolu.

2. Stabilità u solidità

Bini li jkun fih postijiet tax- xogħol għandu jkollu struttura u solidità xierqa għan-natura ta' l-użu tagħhom.

3. Installazzjonijiet ta' l-elettriku

Installazzjonijiet ta' l-elettriku għandhom ikunu mfassla u mibnija sabiex ma jippreżentawx perikolu ta' nirien jew splużjoni; persuni għandhom ikunu protetti bix-xieraq kontra r-riskju ta' inċidenti kkawżati minn kuntatt dirett jew indirett.

Installazzjonijiet ta' l-elettriku u apparat ta' protezzjoni għandhom ikunu xierqa għall-vultaġġ, kundizzjonijiet esterni u l-kompetenza ta' persuni b'aċċess għall-partijiet ta' l-installazzjoni.

4. Rotot u ħruġ ta' emerġenza

4.1. Ir-rotot u ħruġ ta' emerġenza għandhom jibqgħu ħielsa u jagħtu kemm jista jkun dirett għall-apert jew għal żona bla perikolu.

4.2. Fil-każ ta' perikolu, il-ħaddiema għandhom ikunu jistgħu jevakwaw l-istazzjonijiet tax-xogħol kollha malajr u kemm jista' jkun bla perikolu.

4.3. Għandu jkun hemm numru biżżejjed ta' rotot ta' sigurezza u ħruġ ta' emerġenza.

4.4. Bibien ta' ħruġ ta' emerġenza għandhom jiftħu l-barra.

Bibien li jiżżerzqu jew li jduru ma humiex permessi jekk ikunu speċifikament maħsuba bħala ħruġ ta' emerġenza.

Bibien ta' emerġenza ma għandhomx jissakkru jew jinqaflu b'tali mod li ma jkunux jistgħu jinfetħu faċilment u immedjatament minn persuna li tkun teħtieġ tużahom f'emerġenza.

4.5. Rotot u ħruġ ta' emerġenza speċifiċi għandhom ikunu indikati b'sinjali skond ir-regolamenti nazzjonali li jibdlu d-Direttiva 77/576/KEE f'liġi.

Dawn is-sinjali għandhom jitpoġġew f'pożizzjonijiet addattati u għandhom ikunu magħmula biex iservu fit-tul.

4.6. Bibien ta' emerġenza ma għandhomx jissakkru.

Ir-rotot u ħruġ ta' emerġenza, u r-rotot u l-bibien tat-traffiku li jagħtu aċċess għalihom, għandhom ikunu ħielsa minn ostruzzjonijiet sabiex ikunu jistgħu jiġu użati f'kull ħin mingħajr xkiel.

4.7. Rotot u ħruġ ta' emerġenza li jeħtieġu lluminazzjoni għandhom ikunu pprovduti b'dawl ta' emerġenza ta' intensità xierqa fil-każ li jmur d-dawl.

5. Sejba ta' nirien u tifi tan-nirien

5.1. Skond id-dimensjonijiet u l-użu tal-bini, it-tagħmir li fihom, il-karatteristiċi fiżiċi u kimikali tas-sustanzi preżenti u n-numru potenzjali ta' nies preżenti, il-postijiet tax-xogħol għandhom ikunu mgħammra b'tagħmir xieraq ta' kontra n-nirien, u, jekk ikun hemm bżonn, b'detectors tan-nar u sistema ta' alarm.

5.2. Tagħmir ta' tifi tan-nirien mhux awtomatiku għandu jkun aċċessibbli faċilment u sempliċi biex jintuża.

Għandu jkun muri b'sinjali skond ir-regolament nazzjonali li jibdel d-Direttiva 77/576/KEE f'liġi.

Sinjali bħal dawn għandhom jitpoġġew f'pożizzjonijiet xierqa u magħmula biex iservu fit-tul.

6. Ventilazzjoni ta' postijiet tax-xogħol magħluqin

Għandhom jittieħdu passi sabiex ikun hemm biżżejjed arja friska f'postijiet tax- xogħol magħluqin, jingħata każ tal-metodi ta' xogħol użati u tad-domandi fiżiċi mqiegħda fuq il-ħaddiema.

Jekk tkun użata sistema ta' ventilazzjoni forzata, din għandha tinżamm f'kondizzjoni operattiva.

Kwalunkwe ħsara għandha tiġi murija b'sistema ta' kontroll fejn din tkun meħtieġa għas-saħħa tal-ħaddiema.

7. Temperatura tal-kamra

7.1. Matul il-ħinijiet tax-xogħol, it-temperatura fil-kmamar li jkun fihom postijiet ta' xogħol għandha tkun addattata għall-bnedmin, billi jingħata każ tal-metodi ta' xogħol użati u tad-domandi fiżiċi mqiegħda fuq il-ħaddiema.

7.2. It-temperatura fiż-żoni ta' mistrieħ, kmamar għall-persunal fuq xogħol, faċilitajiet sanitarji, canteens u kmamar ta' l-ewwel għajnuna għandha tkun xierqa għall-iskop partikolari ta' żoni bħal dawn.

8. Dawl naturali u artifiċjali tal-kamra

8.1. Postijiet tax-xogħol għandhom kemm jista' jkun, jirċievu dawl naturali biżżejjed u jkunu mgħammra b'dawl artifiċjali xieraq għas-sigurtà u għas-saħħa tal-ħaddiema.

8.2. Postijiet tax-xogħol li fihom il-ħaddiema jkunu b'mod speċjali esposti għal riskji fil-każ li d-dawl artifiċjali ma jaħdimx għandhom ikunu pprovduti b'dawl ta' emerġenza ta' intensita xierqa.

9. Bibien u gradi

9.1. Bibien trasparent għandhom ikunu mmarkati b'mod xieraq f'livell li jidher.

9.2. Bibien u gradi li jduru għandhom ikunu trasparent jew għandu jkollhom panewijiet li jidher minnhom.

10. Żoni ta' perikolu

Jekk il-postijiet tax-xogħol ikun fihom żoni ta' perikolu li fihom, minħabba n-natura tax-xogħol, ikun hemm riskju li jaqgħu il-ħaddiem jew l-oġġetti, il-postijiet għandhom ikunu mgħammra, kemm jista' jkun, b'apparat li ma jħallix ħaddiema mhux awtorizzati milli jidħlu f'dawk iż-żoni.

Għandhom jittieħdu miżuri xierqa sabiex jipproteġu ħaddiema awtorizzati jidħlu f'żoni ta' perikolu.

Żoni ta' perikolu għandhom ikunu indikati b'mod ċar.

11. Kmamar ta' serħan u żoni ta' serħan

11.1. Fejn is-sigurtà jew is-saħħa ta' ħaddiema, b'mod partikolari minħabba t-tip ta' attività magħmula jew minħabba l-preżenza ta' aktar minn ċertu numru ta' impjegati, hekk teħtieġ, ħaddiema għandhom jiġu pprovduti b'kamra ta' serħan aċċessibbli faċilment jew żona ta' serħan xierqa.

Din id-disposizzjoni ma tapplikax jekk il-ħaddiema jkunu impjegati fl-uffiċini jew kmamar tax-xogħol simili li jipprovdu serħan ekwivalenti matul il-breaks.

11.2. Kmamar ta' serħan u żoni ta' serħan għandhom ikunu mgħammra b'imwejjed u siġġijiet bid-dahar.

11.3. F'kmamar ta' serħan u żoni ta' serħan, għandhom jiġu introdotti miżuri xierqa għall-protezzjoni ta' min ma jpejjipx kontra l-iskomdità ikkawżata mid-duħħan tat-tipjip tat-tabakk.

12. Nisa tqal u ommijiet li jreddgħu

Nisa tqal u ommijiet li jreddgħu għandhom ikunu jistgħu jimteddu biex jistrieħu f'kondizzjonijiet xierqa.

13. Tagħmir sanitarju

13.1. Kmamar ta' tbiddil u lockers

13.1.1. Għandhom jiġu pprovduti kmamar ta' tbiddil xierqa għall-ħaddiema jekk ikollhom jilbsu ħwejjeġ speċjali għax-xogħol u fejn, għal raġunijiet ta' saħħa jew proprjetà, ma jistax ikun mistenni minnhom li jbiddlu f'kamra oħra.

Il-kmamar ta' tbiddil għandhom ikunu aċċessibbli faċilment u jkunu jesgħu biżżejjed.

13.1.2. Il-kmamar ta' tbiddil għandhom ikollhom faċilitajiet biex kull ħaddiem ikun jista' jsakkar il-ħwejjeġ tiegħu matul il-ħinijiet tax-xogħol.

Jekk iċ-ċirkostanzi hekk jeħtieġu (eż sustanzi perikolużi, umidità, ħmieġ), lockers għall-ħwejjeġ tax- xogħol għandhom ikunu separati minn dawk għal ħwejjeġ ordinarji.

13.1.3. Għandha ssir dispożizzjoni għal kmamar ta' tbiddil separati jew għal użu separat ta' kmamar ta' tbiddil għall-irġiel u għan-nisa.

13.2. Showers, lokijiet u sinkijiet

13.2.1. Postijiet tax-xogħol għandhom ikunu magħmula b'tali mod li l-ħaddiema jkollhom fil-viċinanzi tagħhom:

- showers, jekk meħtieġa min-natura tax-xogħol tagħhom,

- faċilitajiet speċjali mgħammra b'numru xieraq ta' lokijiet u sinkijiet.

13.2.2. Ix-showers u s-sinkijiet għandhom ikunu mgħammra b'ilma tal-vit (ilma sħun jekk hemm bżonn).

13.2.3. Għandha ssir dispożizzjoni għal showers separati jew għal użu separat ta' showers għall-irġiel u għan-nisa.

Għandha ssir dispożizzjoni għal tojlits separati jew għal użu separat ta' tojlits għall-irġiel u għan-nisa.

14. Tagħmir ta' l-ewwel għajnuna

Postijiet tax-xogħol għandhom ikollhom tagħmir ta' l-ewwel għajnuna.

It-tagħmir għandu jkun immarkat b'mod xieraq u aċċessibbli faċilment.

15. Ħaddiema b'disabilità

Postijiet tax-xogħol għandhom ikunu organizzati biex jagħtu każ ta' ħaddiema b'disabilità, jekk hemm bżonn.

Din id-dispożizzjoni tgħodd b'mod partikolari għal bibien, kuriduri, turġien, showers, sinkijiet, tojlits u stazzjonijiet tax-xogħol użati jew okkupati direttament minn persuni b'disabilità.

16. Moviment ta' persuni mexjin u vejjikoli

Postijiet tax-xogħol barra u ġewwa jridu jkunu organizzati b'tali mod li min jimxi u vetturi jistgħu jiċċirkolaw b'mod sigur.

17. Postijiet tax-xogħol barra (dispożizzjonijiet speċjali)

Meta ħaddiema jkunu impjegati fi stazzjonijiet tax-xogħol barra, dawn l-istazzjonijiet tax-xogħol għandhom sa fejn ikun possibbli jkunu organizzati biex ħaddiema:

(a) jkunu protetti kontra kondizzjonijiet ħżiena tat-temp u jekk hemm bżonn kontra oġġetti li jaqgħu;

(b) ma jkunux esposti għal livelli ta' ħoss ta' ħsara u lanqas għal influwenzi fil-beraħ ta' ħsara bħal gassijiet, fwar jew trab;

(ċ) ikunu jistgħu jitilqu mill-istazzjonijiet tax-xogħol tagħhom malajr fil-każ ta' perikolu jew ikunu jistgħu jiġu megħjuna malajr;

(d) ma jkunux jistgħu jiżolqu jew jaqgħu.

--------------------------------------------------