31989L0552



Official Journal L 298 , 17/10/1989 P. 0023 - 0030
Finnish special edition: Chapter 6 Volume 3 P. 0003
Swedish special edition: Chapter 6 Volume 3 P. 0003


Id-Direttiva Tal-Kunsill

tat-3 ta’ Ottubru 1989

dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni

(89/552/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 57(2) u 66 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

B’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-għanijiet tal-Komunità kif stabbiliti fit-Trattat jinkludu l-istabbiliment ta’ unjoni aktar mill-qrib bejn il-popli ta’ l-Ewropa, li jinżammu relazzjonijiet aktar mill-qrib bejn l-Istati li jappartienu għall-Komunità, li jiġu żgurati l-progress ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi tagħha b’azzjoni komuni sabiex jiġu eliminati l-barrieri li jaqsmu l-Ewropa, waqt li jiġi inkoraġġit it-titjib kontinwu tal-kondizzjonijiet ta’ l-għixien tal-popli tagħha kif ukoll li jiġu assigurati l-preservazzjoni u t-tisħiħ tal-paċi u l-libertà;

Billi t-Trattat jipprovdi għall-istabbiliment ta’ suq komuni, inkluża l-abolizzjoni, bejn l-Istati Membri, ta’ l-ostakoli għal-libertà ta’ moviment għal servizzi u l-istabbiliment ta’ sistema li tassigura li ma jkunx hemm tgħawwiġ tal-kompetizzjoni fis-suq komuni;

Billi xandiriet trasmessi tul il-fruntieri permezz ta’ teknoloġiji varji huma wieħed mill-mezzi għat-twettiq ta’ l-objettivi tal-Komunità; billi għandhom jiġu adottati miżuri sabiex jippermettu u jassiguraw it-transizzjoni minn swieq nazzjonali għal suq ta’ programm komuni ta’ produzzjoni u distribuzzjoni u sabiex jiġu stabbiliti kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta mingħajr preġudizzju għar-rwol ta’ l-interess pubbliku li għandu jiġi mwettaq mis-servizzi tax-xandir bit-televiżjoni;

Billi l-Kunsill ta’ l-Ewropa adotta l-Konvenzjoni Ewropea dwar it-Televiżjoni tul il-Fruntieri;

Billi t-Trattat jipprovdi għall-ħruġ ta’ direttivi għall-koordinazzjoni ta’ dispożizzjonijiet sabiex jiġi ffaċilitat il-bidu ta’ l-attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom;

Billi x-xandir bit-televiżjoni jikkostitwixxi, f’ċirkostanzi normali, servizz fis-sens tat-Trattat;

Billi t-Trattat jipprovdi għall-moviment liberu tas-servizzi kollha normalment provduti bi ħlas, mingħajr esklużjoni abbażi tal-kontenut kulturali tagħhom jew kontenut ieħor u mingħajr restrizzjoni għal ċittadini ta’ l-Istati Membri stabbiliti f’ pajjiż Komunitarju ta’ xort’ oħra minn dak tal-persuna li għaliha jkunu ntiżi s-servizzi;

Billi dan id-dritt kif applikat għax-xandir u d-distribuzzjoni ta’ servizzi tat-televiżjoni huwa wkoll manifestazzjoni speċifika fil-liġi Komunitarja ta’ prinċipju aktar ġenerali, jiġifieri l-libertà ta’ l-espressjoni kif tinstab fl-Artikolu 10(1) tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fondamentali rratifikata mill-Istati Membri kollha; billi għal din ir-raġuni il-ħruġ ta’ direttivi dwar ix-xandir u d-distribuzzjoni ta’ programmi tat-televiżjoni għandu jassigura l-moviment liberu tagħhom fid-dawl ta’ l-Artikolu msemmi u soġġett biss għal-limiti stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dak l-Artikolu u bl-Artikolu 56(1) tat-Trattat;

Billi l-liġijiet, ir-regolamenti u l-miżuri amministrattivi fl-Istati Membri li jikkonċernaw it-twettiq ta’ attivitajiet bħala xandara tat-televiżjoni u operaturi tal-cable fihom disparitajiet, li wħud minnhom jistgħu jimpedixxu l-moviment liberu ta’ xandiriet fil-Komunità u jistgħu jgħawġu l-kompetizzjoni fis-suq komuni;

Billi dawn ir-restrizzjonijiet kollha fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tax-xandir fil-Komunità għandhom jiġu aboliti taħt it-Trattat;

Billi din l-abolizzjoni għandha timxi id f’id mal-koordinazzjoni tal-liġijiet applikabbli; billi din il-koordinazzjoni għandha tkun immirata lejn l-iffaċilitar tat-twettiq ta’ l-attivitajiet professjonali kkonċernati u, b’mod aktar ġenerali, il-moviment liberu ta’ informazzjoni u ideat fil-Komunità;

Billi huwa konsegwentement neċessarju u suffiċjenti li x-xandiriet kollha jikkonformaw mal-liġi ta’ l-Istat Membru minn fejn joriġinaw;

Billi din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli minimi meħtieġa biex tiġi garantita l-libertà tat-trasmissjoni fix-xandir; billi, għalhekk, ma tolqotx ir-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri u l-awtoritajiet tagħhom fir-rigward ta’ l-organizzazzjoni — inklużi s-sistemi ta’ liċenzjar, awtorizzazzjoni amministrattiva jew tassazzjoni — l-iffinanzjar u l-kontenut ta’ programmi; billi l-indipendenza ta’ żviluppi kulturali fl-Istati Membri u l-preservazzjoni tad-diversità kulturali fil-Komunità għalhekk jibqgħu mhux milquta;

Billi huwa neċessarju, fis-suq komuni, li x-xandiriet kollha li joriġinaw minn u huma maħsuba għar-riċezzjoni fil-Komunità u b’mod partikolari dawk maħsuba għar-riċezzjoni fi Stat Membru ieħor, għandhom jirrispettaw il-liġi ta’ l-Istat Membru minn fejn joriġinaw applikabbli għal xandiriet maħsuba għal riċezzjoni mill-pubbliku f’dak l-Istat Membru u d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva;

Billi l-ħtieġa li l-Istat Membru li minnu joriġinaw għandu jivverifika li x-xandiriet jikkonformaw mal-liġi nazzjonali kif ikkoordinata b’din id-Direttiva hija suffiċjenti taħt il-liġi tal-Komunità sabiex tassigura l-moviment liberu ta’ xandiriet mingħajr kontroll sekondarju fuq l-istess bażi fl-Istati Membri li jirċevuhom; billi, madanakollu, l-Istat Membru li jirċevihom jista’eċċezzjonalment u taħt kondizzjonijiet speċifiċi jissospendi proviżorjament it-trasmissjoni mill-ġdid ta’ xandiriet bit-televiżjoni;

Billi huwa essenzjali għall-Istati Membri li jassiguraw il-prevenzjoni ta’ kull att li jista’ jkun ta’ detriment għal-libertà tal-moviment u l-kummerċ fi programmi tat-televiżjoni jew li jistgħu jippromwovu l-ħolqien ta’ pożizzjonijiet dominanti li jwasslu għal restrizzjonijiet fuq il-pluraliżmu u l-libertà ta’ l-informazzjoni bit-televiżjoni u tas-settur ta’ l-informazzjoni kollu kemm hu;

Billi din id-Direttiva, waqt li hija limitata b’mod speċifiku għar-regoli tax-xandir bit-televiżjoni, hija mingħajr preġudizzju għal atti Komunitarji eżistenti jew futuri ta’ armonizzazzjoni, b’mod partikolari sabiex jiġu ssodisfati ħtiġiet obbligatorji li jikkonċernaw il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-ġustizzja ta’ operazzjonijiet kummerċjali u kompetizzjoni;

Billi l-koordinazzjoni hija madankollu meħtieġa sabiex ikun aktar faċli li persuni u industriji li jipproduċu programmi li jkollhom objettiv kulturali jibdew u jwettqu l-attivitajiet tagħhom; Billi l-ħtiġiet minimi fir-rigward tal-programmi kollha pubbliċi u privati tat-televiżjoni tal-Komunità għal produzzjonijiet Ewropej awdjoviżwali kienu mezz biex jippromwovu l-produzzjoni, l-produzzjoni indipendenti u d-distribuzzjoni fl-industriji msemmija hawn fuq u jikkomplementaw strumenti oħrajn li diġà qegħdin jew ser jiġu proposti biex jiffavorixxu l-istess objettiv;

Billi huwa għalhekk neċessarju li jiġu promossi swieq ta’ daqs suffiċjenti għall-produzzjonijiet tat-televiżjoni fl-Istati Membri sabiex jiġu rkuprati investimenti neċessarji mhux biss billi jiġu stabbiliti regoli komuni biex jinfetħu s-swieq nazzjonali iżda wkoll billi jiġi previst għal produzzjonijiet Ewropej meta prattikabbli u b’mezzi approprjati proporzjon ta’ maġġoranza fil-programmi tat-televiżjoni ta’ l-Istati Membri kollha; billi, sabiex ikun possibbli l-monitoraġġ ta’ l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli u t-twettiq ta’ l-objettivi, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni rapport dwar l-applikazzjoni tal-proporzjonijiet riservati għal xogħlijiet Ewropej u produzzjonijiet indipendenti f’din id-Direttiva; billi għall-kalkolu ta’ dawn il-proporzjonijiet għandu jittieħed kont tas-sitwazzjoni speċifika tar-Repubblika Ellenika u r-Repubblika Portugiża; billi l-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħrajn b’dawn ir-rapporti akumpanjati, meta approprjat b’opinjoni li tieħu kont ta’, b’mod partikolari, l-progress akkwistat meta pparagunat mas-snin preċedenti, is-sehem ta’ l-ewwel xandiriet fl-ipprogrammar, iċ-ċirkostanzi partikolari ta’ xandara ġodda tat-televiżjoni u s-sitwazzjoni speċifika ta’ pajjiżi b’kapaċità baxxa ta’ produzzjoni awdjoviżwali jew żona ristretta tal-lingwa;

Billi għal dawn l-iskopijiet "xogħlijiet Ewropej" għandhom jiġu definiti mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri jistabbilixxu definizzjoni aktar dettaljata fir-rigward ta’ xandara tat-televiżjoni taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom skond l-Artikolu 3(1) f’konformità mal-liġi tal-Komunità u waqt li jittieħed kont ta’ l-objettivi ta’ din id-Direttiva; Billi huwa importanti li jiġu mfittxija strumenti u proċeduri approprjati skond il-liġi tal-Komunità sabiex tiġi promossa l-implimentazzjoni ta’ dawn l-objettivi bl-iskop li jiġu adottati miżuri addattati sabiex jinkoraġġixxu l-attività u l-iżvilupp tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni awdjoviżwali Ewropea, partikolarment f’ajjiżi b’kapaċità baxxa għall-produzzjoni awdjoviżwali jew żona ristretta tal-lingwa;

Billi skemi nazzjonali ta’ sostenn għall-iżvilupp tal-produzzjoni Ewropea jistgħu jiġu applikati sa fejn dawn jikkonformaw mal-liġi tal-Komunità;

Billi impenn, meta prattikabbli, għal ċertu proporzjon ta’ xandiriet għal produzzjonijiet indipendenti, maħluqa minn produtturi li huma indipendenti minn xandara, għandu jistimula sorsi ġodda ta’ produzzjoni tat-televiżjoni, speċjalment il-ħolqien ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju; billi joffri opportunitajiet ġodda u żvog għat-tqegħid fis-suq ta’ talenti kreattivi għall-impjieg ta’ professjonijiet kulturali u impjegati fil-qasam tal-kultura; billi d-definizzjoni tal-kunċett ta’ produttur indipendenti mill-Istati Membri għandu jieħu kont ta’ dak l-obbjettiv billi tingħata konsiderazzjoni mistħoqqa lil produtturi żgħar u ta’ daqs medju u jagħmilha possibbli li tiġi awtorizzata parteċipazzjoni finanzjarja mis-sussidjarji tal-koproduzzjoni ta’ l-organizzazzjonijiet tat-televiżjoni;

Billi huma neċessarji miżuri sabiex l-Istati Membri jassiguraw li jgħaddi ċertu perjodu bejn l-ewwel wirja ta’ xogħol fiċ-ċinema u l-ewwel wirja fuq it-televiżjoni;

Billi sabiex ikun hemm lok għal politika attiva favur lingwa speċifika, l-Istati Membri huma liberi li jistabbilixxu regoli aktar dettaljati jew aktar stretti partikolarment skond il-bażi tal-kriterji tal-lingwa, sakemm dawn ir-regoli jkunu konformi mal-liġi tal-Komunità, u b’mod partikolari ma jkunux applikabbli għat-trasmissjoni mill-ġdid ta’ xandiriet li joriġinaw fi Stati Membri oħrajn;

Billi sabiex jiġi żgurat li l-interessi tal-konsumaturi bħala telespettaturi jiġu protetti bis-sħiħ u kif għandu jkun, huwa essenzjali li r-reklamar fuq it-televizjoni jkun soġġett għal ċertu numru ta’ regoli u standards minimi u li l-Istati Membri jżommu d-dritt li jistabbilixxu regoli aktar dettaljati jew aktar stretti u f’ċerti ċirkostanzi li jistabbilixxu kondizzjonijiet differenti għal xandara tat-televiżjoni taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom;

Billi l-Istati Membri, b’attenzjoni dovuta għal-liġi tal-Komunità u fir-rigward ta’ xandiriet maħsuba biss għat-territorju nazzjonali li ma jistgħux jiġu riċevuti, direttament jew indirettament, fi Stat Membru wieħed jew aktar, għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu kondizzjonijiet differenti għall-inserzjoni ta’ reklamar u limiti differenti għall-volum ta’ reklamar sabiex dawn ix-xandiriet partikolari jiġu aktar faċilitati;

Billi huwa neċessarju li jiġi pprojbit ir-reklamar kollu fuq it-televiżjoni li jippromwovi s-sigaretti u prodotti oħrajn tat-tabakk inklużi forom indiretti ta’ reklamar li, waqt li ma jsemmux il-prodott tat-tabakk direttament, ifittxu li jaħarbu l-projbizzjoni fuq ir-reklamar billi jużaw ismijiet tad-ditti, simboli jew karatteristiċi distintivi oħrajn ta’ prodotti tat-tabakk jew ta’ intrapriżi li l-attivitajiet magħrufa jew prinċipali tagħhom jinkludu l-produzzjoni jew il-bejgħ ta’ dawn il-prodotti;

Billi huwa wkoll neċessarju li jiġi pprojbit ir-reklamar kollu fuq it-televiżjoni għal prodotti mediċinali u kura medika disponibbli biss bir-riċetta tat-tabib fl-Istat Membru li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu ix-xandar u li jiġu introdotti kriterji stretti dwar ir-reklamar fuq it-televiżjoni ta’ prodotti alkoħoliċi;

Billi minħabba l-importanza li dejjem qed tikber ta’ l-isponsorship fl-iffinanzjar ta’ programmi, għandhom jiġu stabbiliti regoli approprjati;

Billi huwa, barra minn hekk, neċessarju li jiġu introdotti regoli biex jipproteġu l-iżvilupp fiżiku, mentali u morali ta’ minuri fi programmi u fir-reklamar fuq it-televiżjoni;

Billi għalkemm ix-xandara tat-televiżjoni huma normalment marbuta li jiżguraw li l-programmi jippreżentaw fatti u ġrajjiet b’mod ġust, huwa madankollu importanti li għandhom ikunu soġġetti għal obbligi speċifiċi fir-rigward tad-dritt għal risposta jew rimedji ekwivalenti sabiex kull persuna li l-interessi leġittimi tagħha jkunu ġew danneġġjati b’asserzjoni magħmula waqt ix-xandir ta’ programm tat-televiżjoni tkun tista’teżerċita dan id-dritt jew rimedju b’mod effettiv.

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

IL-KAPITOLU I

Definizzjonijiet

L-Artikolu 1

Għall-iskop ta’ din id-Direttiva:

(a) "xandir bit-televiżjoni" tfisser it-trasmissjoni inizjali permezz tal-wajer jew fl-arja, inkluża dik bis-satellita, fil-forma bla code jew bil-code, ta’ programmi tat-televiżjoni maħsuba għar-riċezzjoni mill-pubbliku. Tinkludi l-komunikazzjoni ta’ programmi bejn intrapriżi bl-iskop li dawn jiġu trasmessi lill-pubbliku. Ma tinkludix servizzi ta’ komunikazzjoni li jipprovdu bċejjeċ ta’ informazzjoni jew messaġġi oħrajn dwar talba individwali bħal telecopying, banek ta’ informazzjoni elettronika u servizzi simili oħrajn;

(b) "reklamar fuq it-televiżjoni" tfisser kull forma ta’ tħabbira mxandra bi ħlas jew għal rimunerazzjoni simili minn intrapriża pubblika jew privata inkonnessjoni ma kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni sabiex tiġi promossa l-provvista ta’ oġġetti jew servizzi, inklużi l-proprjetà immobbli, jew drittijiet u obbligi, bi ħlas.

Ħlief għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 18, dan ma jinkludix offerti diretti lill-pubbliku għall-bejgħ, xiri jew kiri ta’ prodotti jew għall-provvista ta’ servizzi bi ħlas;

(ċ) "reklamar bil-moħbi" tfisser ir-rappreżentazzjoni bi kliem jew stampi ta’ oġġetti, servizzi, l-isem, it-trademark jew l-attivitajiet ta’ produttur ta’ l-oġġetti jew wieħed li jipprovdi servizzi fi programmi meta din ir-rappreżentazzjoni tkun maħsuba mix-xandar biex isservi ta’ reklam u tista’ tqarraq lill-pubbliku dwar in-natura tagħha. Din ir-rappreżentazzjoni hija kkunsidrata li tkun intenzjonata b’mod partikolari jekk issir bi ħlas jew għal rimunerazzjoni simili;

(d) "sponsorship" tfisser kull kontribuzzjoni magħmula minn impriża pubblika jew privata li ma tkunx ingaġġata f’attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni jew fil-produzzjoni ta’ xogħlijiet awdjoviżwali, għall-iffinanzjar ta’ programmi tat-televiżjoni bl-iskop li tippromwovi isimha, it-trademark tagħha, id-dehra tagħha, l-attivitajiet tagħha jew il-prodotti tagħha.

IL-KAPITOLU II

Dispożizzjonijiet ġenerali

L-Artikolu 2

1. Kull Stat Membru għandu jassigura li x-xandiriet kollha tat-televiżjoni trasmessi

- minn xandara taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu, jew

- minn xandara li, filwaqt li ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni ta’ xi Stat Membru, jagħmlu użu minn frekwenza jew kapaċità tas-satellita mogħtija minn, jew up-link ma’ satellita li tkun tinstab f’dak l-Istat Membru,

jikkonformaw mal-liġi applikabbli għal xandiriet maħsuba għall-pubbliku f’dak l-Istat Membru.

2. L-Istati Membri għandhom jassiguraw il-libertà tar-riċezzjoni u m’għandhomx jirrestrinġu t-trasmissjoni mill-ġdid fuq it-territorju tagħhom ta’ xandiriet bit-televiżjoni minn Stati Membri oħrajn għal raġunijiet li jaqgħu taħt l-oqsma kkoordinati b’din id-Direttiva. L-Istati Membri jistgħu proviżorjament jissospendu t-trasmissjonijiet mill-ġdid ta’ xandiriet bit-televiżjoni jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati:

(a) xandira bit-televiżjoni li tkun ġejja minn Stat Membru ieħor manifestament, serjament u gravement tikser l-Artikolu 22;

(b) matul it-12-il xahar ta’ qabel, ix-xandar ikun kiser l-istess dispożizzjoni f’mill-inqas żewġ okkażjonijiet qabel;

(ċ) l-Istat Membru kkonċernat ikun innotifika lix-xandar u lill-Kummissjoni bil-miktub bil-ksur allegat tal-liġi u bl-intenzjoni tiegħu li jirrestrinġi t-trasmissjoni mill-ġdid jekk dan il-ksur jerġa’jseħħ;

(d) konsultazzjonijiet ma’l-Istat li jittrasmetti u l-Kummissjoni ma jkunux ipproduċew ftehim amikevoli fi żmien 15-il ġurnata min-notifika prevista fil-punt (ċ), u l-ksur allegat jippersisti.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li s-sospensjoni tkun kompatibbli mal-liġi tal-Komunità. Tista’titlob lill-Istat Membru kkonċernat biex itemm sospensjoni li tmur kontra l-liġi tal-Komunità, bħala kwistjoni ta’ urġenza. Din id-dispożizzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ kull proċedura, rimedju jew sanzjoni għall-ksur tal-liġi inkwistjoni fl-Istat Membru li għandu ġurisdizzjoni fuq ix-xandar ikkonċernat.

3. Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal xandiriet maħsuba esklussivament għar-riċezzjoni fi Stati oħrajn barra mill-Istati Membri, u li mhumiex riċevuti direttament jew indirettament fi Stat Membru wieħed jew aktar.

L-Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom jibqgħu liberi li jeħtieġu li xandara tat-televiżjoni taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom jistabbilixxu regoli aktar dettaljati jew aktar stretti fl-oqsma koperti b’din id-Direttiva.

2. L-Istati Membri għandhom, b’mezzi approprjati, jiżguraw, fil-qafas tal-leġislazzjoni tagħhom, li x-xandara tat-televiżjoni taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

IL-KAPITOLU III

Promozzjoni tad-distribuzzjoni u l-produzzjoni ta’ programmi tat-televiżjoni

L-Artikolu 4

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw meta prattikabbli u b’mezzi approprjati, li x-xandara jirriservaw għal xogħlijiet Ewropej, fis-sens ta’ l-Artikolu 6, proporzjon ta’ maġġoranza tal-ħin ta’ trasmissjoni tagħhom, eskluż il-ħin appuntat għal aħbarijiet, avvenimenti sportivi, logħob, reklamar u servizzi tat-teletext. Dan il-proporzjon, waqt li jikkunsidra r-responsabbiltajiet tax-xandar dwar informazzjoni, edukazzjoni, kultura u divertiment lejn il-pubbliku li jsegwih, għandu jinkiseb progressivament, skond il-bażi ta’ kriterji xierqa.

2. Meta l-proporzjon stabbilit fil-paragrafu 1 ma jistax jintlaħaq, m’għandux ikun aktar baxx mill-medja għall-1988 fl-Istat Membru kkonċernat.

Madanakollu, fir-rigward tar-Repubblika Ellenika u r-Repubblika Portugiża, is-sena 1988 għandha tiġi sostitwita bis-sena 1990.

3. Mit-3 ta’ Ottubru 1991, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni kull sentejn b’rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 5.

Dak ir-rapport għandu b’mod partikolari jinkludi dikjarazzjoni statistika dwar il-kisba tal-proporzjon imsemmi f’dan l-Artikolu u l-Artikolu 5 għal kull wieħed mill-programmi tat-televiżjoni li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ l-Istat Membru kkonċernat, ir-raġunijiet, f’kull każ, għan-nuqqas li jintlaħaq dak il-proporzjon u l-miżuri adottati jew previsti sabiex jinkiseb.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Parlament Ewropew bir-rapporti, li għandu jkollhom magħhom, meta approprjat, opinjoni. Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 5 skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat. Il-Kummissjoni tista’ tieħu kont fl-opinjoni tagħha, b’mod partikolari, tal-progress miksub meta mqabbel mas-snin ta’ qabel, is-sehem fl-ipprogrammar ta’ xogħlijiet imxandra għall-ewwel darba, iċ-ċirkostanzi partikolari ta’ xandara ġodda tat-televiżjoni u s-sitwazzjoni speċifika ta’ pajjiżi b’kapaċità baxxa ta’ produzzjoni awdjoviżwali jew żona ristretta tal-lingwa.

4. Il-Kunsill għandu jirrevedi l-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu skond il-bażi ta’ rapport mill-Kummissjoni akkumpanjat b’kull proposta għal reviżjoni li jista jqis approprjata sa mhux aktar tard mit-tmiem tal-ħames sena mill-adozzjoni tad-Direttiva.

Għal dak l-iskop, ir-rapport tal-Kummissjoni għandu, fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri taħt il-paragrafu 3, jieħu kont b’mod partikolari ta’ żviluppi fis-suq tal-Komunità u tal-kuntest internazzjonali.

L-Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom jiżguraw, meta prattikabbli u b’mezzi approprjati, li x-xandara jirriservaw mill-inqas 10 % tal-ħin tat-trasmissjoni tagħhom eskluż il-ħin appuntat għal aħbarijiet, avvenimenti sportivi, logħob, reklamar u servizzi tat-teletext, jew alternattivament, għad-diskrezzjoni ta’ l-Istat Membru, mill-inqas 10 % tal-budget ta’ l-ipprogrammar tagħhom, għal xogħlijiet Ewropej maħluqa minn produtturi li huma indipendenti minn xandara. Dan il-proporzjon, waqt li jikkunsidra r-responsabbiltajiet tax-xandara dwar informazzjoni, edukazzjoni, kultura u divertiment lejn il-pubbliku li jsegwih, għandu jintlaħaq progressivament, skond il-bażi ta’ kriterji xierqa; għandu jintlaħaq billi jiġi assenjat proporzjon adegwat għal xogħlijiet riċenti, jiġifieri xogħlijiet trasmessi fi żmien ħames snin mill-produzzjoni tagħhom.

L-Artikolu 6

1. Fis-sens ta’ dan il-Kapitolu, "xogħlijiet Ewropej" ifisser dan li ġej:

(a) xogħlijiet li joriġinaw mill-Istati Membri tal-Komunità u, fir-rigward ta’ xandara tat-televiżjoni li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, xogħlijiet mit-territorji tal-Ġermanja meta l-Liġi Bażika ma tapplikax u li jissodisfaw il-kondizzjonijiet tal-paragrafu 2;

(b) xogħlijiet li joriġinaw minn Stati terzi Ewropej partijiet għall-Konvenzjoni Ewropea dwar it-Televiżjoni bejn il-Fruntieri tal-Kunsill ta’ l-Ewropa u li jissodisfaw il-kondizzjonijiet tal-paragrafu 2;

(ċ) xogħlijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi Ewropej oħrajn u li jissodisfaw il-kondizzjonijiet tal-paragrafu 3.

2. Ix-xogħlijiet imsemmija fil-paragrafu 1 (a) u (b) huma xogħlijiet l-aktar magħmula b’ awturi u ħaddiema li joqogħdu fi Stat wieħed jew aktar imsemmija fil-paragrafu 1 (a) u (b) sakemm jikkonformaw ma waħda mit-tliet kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) ikunu saru minn produttur wieħed jew aktar stabbiliti f’wieħed jew aktar minn dawk l-Istati; jew

(b) il-produzzjoni tax-xogħlijiet hija sorveljata u effettivament ikkontrollata minn produttur wieħed jew aktar stabbiliti f’wieħed jew aktar minn dawk l-Istati; jew

(ċ) il-kontribuzzjoni tal-ko-produtturi ta’ dawk l-Istati għall-ispejjeż tal-ko-produzzjoni hija preponderanti u l-koproduzzjoni m’hijiex ikkontrollata minn produttur wieħed jew aktar stabbiliti barra dawk l-Istati.

3. Ix-xogħlijiet imsemmija fil-paragrafu 1(ċ) huma xogħlijiet magħmula esklussivament jew f’ko-produzzjoni ma’produtturi stabbiliti fi Stat Membru wieħed jew aktar minn produtturi stabbiliti f’pajjiż terz Ewropew wieħed jew aktar li magħhom il-Komunità tikkonkludi ftehim skond il-proċeduri tat-Trattat, jekk dawk ix-xogħlijiet huma magħmula l-aktar b’awturi u ħaddiema li joqogħdu fi Stat Ewropew wieħed jew aktar.

4. Xogħlijiet li m’humiex xogħlijiet Ewropei fis-sens tal-paragrafu 1, iżda huma magħmula l-aktar b’awturi u ħaddiema li joqgħodu fi Stat Membru wieħed jew aktar, għandhom jiġu meqjusa bħala xogħlijiet Ewropej sal-punt li jikkorrispondi mal-proporzjon tal-kontribuzzjoni tal-ko-produtturi tal-Komunità għall-ispejjeż totali tal-produzzjoni.

L-Artikolu 7

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li x-xandara tat-televiżjoni taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom ma jxandrux xogħol ċinematografiku, sakemm ma jkunx ġie miftiehem mod ieħor bejn id-detenturi tad-drittijiet u x-xandar, qabel ma jkunu għaddew sentejn minn meta x-xogħol ikun intwera l-ewwel darba fiċ-ċinema f’wieħed mill-Istati Membri tal-Komunità; fil-każ ta’ xogħlijiet ċinematografiċi ko-prodotti mix-xandar, dan il-perjodu għandu jkun ta’ sena.

L-Artikolu 8

Meta jikkunsidraw li jkun neċessarju għall-iskopijiet ta’ politika tal-lingwa, l-Istati Membri, filwaqt li josservaw il-liġi tal-Komunità, jistgħu fir-rigward ta’ xi wħud jew il-programmi kollha ta’ xandara tat-televiżjoni taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, jistipulaw regoli aktar dettaljati jew aktar stretti partikolarment fuq il-bażi ta’ kriterji tal-lingwa.

L-Artikolu 9

Dan il-Kapitolu m’għandux japplika għal xandiriet lokali bit-televiżjoni li ma jifformawx parti minn network nazzjonali.

IL-KAPITOLU IV

Reklamar fuq it-televiżjoni u l-isponsorship

L-Artikolu 10

1. Ir-reklamar fuq it-televiżjoni għandu jkun jista’jiġi rikonoxxut mill-ewwel bħala tali u jinżamm separat sew minn partijiet oħrajn tas-servizz ta’ programmi permezz ta’ mezzi ottiċi u/jew akustiċi.

2. Spots ta’ reklamar iżolati għandhom jibqgħu l-eċċezzjoni.

3. Ir-reklamar m’għandux juża metodi ta’ teknika subliminali.

4. Ir-reklamar bil-moħbi għandu jiġi pprojbit.

L-Artikolu 11

1. Ir-reklami għandhom jiġu iseriti bejn il-programmi. Sakemm il-kondizzjonijiet li jinsabu fil-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu jiġu ssodisfati, ir-reklami jistgħu wkoll jiġu inseriti waqt programmi b’tali mod li l-integrità u l-valur tal-programm, waqt li jittieħed kont ta’ waqfiet naturali fil-programm u t-tul u n-natura tiegħu, u d-drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet mhumiex preġudikati.

2. Fi programmi li jikkonsistu f’partijiet awtonomi, jew fi programmi ta’ l-isports u avvenimenti strutturati b’mod simili u rappreżentazzjonijiet li jkun fihom intervalli, ir-reklami għandhom jiġu inseriti biss bejn il-partijiet jew fl-intervalli.

3. It-trasmissjoni ta’ xogħlijiet awdjoviżwali bħal feature films u films magħmula għat-televiżjoni (esklużi serje, sensiliet, programmi ta’ divertiment ħafif u dokumentarji), sakemm it-tul programmat tagħhom ikun aktar minn 45 minuta, jistgħu jiġu interrotti darba għal kull perjodu sħiħ ta’ 45 minuta. Interruzzjoni oħra hija permessa jekk it-tul programmat tagħhom ikun mill-inqas 20 minuta itwal minn żewġ perjodi sħaħ jew aktar ta’ 45 minuta.

4. Meta programmi, barra minn dawk koperti bil-paragrafu 2, jiġu interrotti bir-reklami, perjodu ta’ mill-inqas 20 minuta għandu jgħaddi bejn kull waqfa suċċessiva għar-reklami fil-programm.

5. Ir-reklami m’għandhomx jiġu inseriti f’xi xandira ta’ servizz reliġjuż. L-aħbarijiet u programmi dwar ġrajjiet kurrenti, dokumentarji, programmi reliġjużi, u programmi tat-tfal, meta t-tul programmat tagħhom ikun inqas minn 30 minuta m’għandhomx jiġu interrotti bir-reklami. Jekk it-tul programmat tagħhom ikun ta’ 30 minuta jew aktar, id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi preċedenti għandhom japplikaw.

L-Artikolu 12

Ir-reklamar fuq it-televiżjoni m’għandux:

(a) jippreġudika r-rispett għad-dinjità umana;

(b) jinkludi xi diskriminazzjoni fuq bażi ta’ razza, sess jew ċittadinanza;

(ċ) ikun offensiv għat-twemmin reliġjuż jew politiku;

(d) iħeġġeġ imġieba li tkun ta’ preġudizzju għas-saħħa jew għas-sigurtà;

(e) jinkoraġġixxi mġieba li tkun ta’ preġudizzju għall-ħarsien ta’ l-ambjent.

L-Artikolu 13

Il-forom kollha ta’ reklamar fuq it-televiżjoni għal sigaretti u prodotti oħrajn tat-tabakk għandhom jiġu pprojbiti.

L-Artikolu 14

Ir-reklamar fuq it-televiżjoni għal prodotti mediċinali u kura medika disponibbli biss bir-riċetta tat-tabib fl-Istat Membru li jaqa’taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu ix-xandar għandu jiġi pprojbit.

L-Artikolu 15

Ir-reklamar fuq it-televiżjoni għal xorb alkoħoliku għandu jikkonforma mal-kriterji li ġejjin:

(a) ma jistax ikun immirat speċifikament għall-minuri jew, b’mod partikolari, juri l-minuri waq li tjikkonsmaw dan ix-xorb;

(b) m’għandux jgħaqqad il-konsum ta’ l-alkoħol ma l-eżekuzzjoni fiżika mtejba jew mas-sewqan;

(ċ) m’għandux joħloq l-impressjoni li l-konsum ta’ l-alkoħol jikkontribwixxi għas-suċċess soċjali jew sesswali;

(d) m’għandux isostni li l-alkoħol għandu kwalitajiet terapewtiċi jew li huwa stimulant, kalmant jew mod biex wieħed isolvi l-konflitti personali;

(e) m’għandux jinkoraġġixxi konsum immoderat ta’ l-alkoħol jew jippreżenta l-astinenza jew il-moderazzjoni f’dawl negattiv;

(f) m’għandux iqiegħed enfasi fuq il-kontenut alkoħoliku għoli bħala kwalità pożittiva tax-xorb.

L-Artikolu 16

Ir-reklamar fuq it-televiżjoni m’għandux jikkawża detriment morali jew fiżiku għall-minuri, u għandu għalhekk jikkonforma mal-kriterji li ġejjin għall-protezzjoni tagħhom:

(a) m’għandux direttament jeżorta lill-minuri biex jixtru prodott jew servizz billi jesplojta n-nuqqas ta’ esperjenza tagħhom jew il-kredulità tagħhom;

(b) m’għandux direttament jinkoraġġixxi lill-minuri biex jipperswadu lill-ġenituri tagħhom jew oħrajn li jixtru l-oġġetti jew is-servizzi li qed jiġu reklamati;

(ċ) m’għandux jesplojta l-fiduċja speċjali li l-minuri iqiegħdu fil-ġenituri, fl-għalliema jew f’persuni oħrajn;

(d) m’għandux mingħajr raġuni juri lill-minuri f’sitwazzjonijiet perikolużi.

L-Artikolu 17

1. Programmi tat-televiżjoni sponsorjati għandhom ikunu konformi mal-ħtiġiet li ġejjin:

(a) il-kontenut u l-iskedar ta’ programmi sponsorjati ma jistgħu f’ebda ċirkostanza jiġu influwenzati mill-isponsor b’tali mod li jaffettwa r-responsabbiltà u l-indipendenza editorjali tax-xandar fir-rigward tal-programmi;

(b) għandhom ikun identifikati b’mod ċar bħala tali permezz ta’ l-isem u/jew il-logo ta’ l-isponsor fil-bidu u/jew fit-tmiem tal-programmi;

(ċ) m’għandhomx jinkoraġġixxu x-xiri jew il-kiri tal-prodotti jew tas-servizzi ta’ l-isponsor jew ta’ parti terzi, b’mod partikolari billi jagħmlu riferenzi speċjali promozzjonali għal dawk il-prodotti jew servizzi.

2. Programmi tat-televiżjoni ma jistgħux ikunu sponsorjati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li l-attività prinċipali tagħhom hija l-fabbrikazzjoni jew il-bejgħ ta’ prodotti, jew il-provvista ta’ servizzi, li r-reklamar tagħhom huwa pprojbit mill-Artikolu 13 jew 14.

3. Aħbarijiet u programmi ta’ ġrajjiet kurrenti ma jistgħux jiġu sponsorjati.

Artikolu 18

1. L-ammont ta’ reklamar m’għandux jeċċedi l-15 % tal-ħin ta’ trasmissjoni ta’ kuljum. Madankollu, dan il-perċentwali jista’jiżdied għal 20 % biex jinkludi forom ta’ reklamar bħal offerti diretti lill-pubbliku għall-bejgħ, ix-xiri jew il-kiri ta’ prodotti jew għall-provvista ta’ servizzi, sakemm l-ammont ta’ spots ta’ reklami ma jeċċedix il-15 %.

2. L-ammont ta’ spots ta’ reklami matul perjodu partikolari ta’ siegħa m’għandux jeċċedi l-20 %.

3. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, forom ta’ reklamar bħal offerti diretti lill-pubbliku għall-bejgħ, ix-xiri jew il-kiri ta’ prodotti jew għall-provvista ta’ servizzi m’għandhomx jeċċedu siegħa kuljum.

L-Artikolu 19

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli aktar stretti minn dawk fl-Artikolu 18 għall-ħin ta’ l-ipprogrammar u l-proċeduri għax-xandir bit-televiżjoni għal xandara tat-televiżjoni taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, sabiex jirrikonċiljaw it-talba għal reklamar fuq it-televiżjoni ma’ l-interess pubbliku, waqt li jieħdu kont b’mod partikolari:

(a) tar-rwol tat-televiżjoni li jipprovdi informazzjoni, edukazzjoni, kultura u divertiment;

(b) tal-protezzjoni tal-pluraliżmu ta’ l-informazzjoni u tal-media.

L-Artikolu 20

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3, l-Istati Membri jistgħu, b’attenzjoni dovuta għal-liġi tal-Komunità, jistipulaw kondizzjonijiet ta’ xort’oħra barra dawk stabbiliti fl-Artikolu 11(2) sa (5) u fl-Artikolu 18 fir-rigward ta’ xandiriet maħsuba biss għat-territorju nazzjonali li ma jistgħux jiġu riċevuti, direttament jew indirettament, fi Stat Membru wieħed jew aktar.

L-Artikolu 21

L-Istati Membri għandhom, fil-qafas tal-liġijiet tagħhom, jiżguraw li fil-każ ta’ xandiriet bit-televiżjoni li ma jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu, jiġu applikati miżuri approprjati sabiex tiġi assigurata konformità ma’dawn id-dispożizzjonijiet.

IL-KAPITOLU V

Protezzjoni tal-minuri

L-Artikolu 22

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri approprjati sabiex jiżguraw illi x-xandiriet bit-televiżjoni minn xandara taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom ma jinkludux programmi li jistgħu serjament jiddanneġġaw l-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tal-minuri, b’mod partikolari dawk li jinvolvu pornografija jew vjolenza gratwita. Din id-disposżzzjoni għandha testendi għal programmi oħrajn li x’aktarx li jiddanneġġaw l-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tal-minuri, ħlief meta jiġi żgurat, billi jintgħażel il-ħin tax-xandira jew b’xi miżura teknika, li l-minuri fiż-żona tat-trasmissjoni normalment ma jisimgħux jew ma jarawx dawn ix-xandiriet.

L-Istati Membri għandhom ukoll jiżguraw illi x-xandiriet ma jkunx fihom xi tixwix għall-mibegħda fuq bażi ta’ razza, sess, reliġjon jew ċittadinanza.

IL-KAPITOLU VI

Dritt għal tweġiba

L-Artikolu 23

1. Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħrajn adottati mill-Istati Membri taħt il-liġi ċivili, amministrattiva jew kriminali, kullpersuna fiżika jew ġuridika, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħha, li l-interessi leġittimi tagħha, partikolarment ir-reputazzjoni u l-isem tajjeb, ikunu ġew danneġġati b’asserzjoni ta’ fatti inkorretti waqt programm tat-televiżjoni għandu jkollha d-dritt għal tweġiba jew rimedji ekwivalenti.

2. Id-dritt għal tweġiba jew rimedji ekwivalenti għandu jeżisti fir-rigward tax-xandara kollha taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru.

3. L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jistabbilixxu d-dritt għal tweġiba jew ir-rimedji ekwivalenti u għandhom jistabbilixxu l-proċedura li għandha tiġi segwita għall-eżerċizzju tagħhom. B’mod partikolari, għandhom jiżguraw li jitħalla jgħaddi biżżejjed żmien u li l-proċeduri jkunu tali li d-dritt jew rimedji ekwivalenti jistgħu jiġu eżerċitati b’mod approprjat minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi residenti jew stabbiliti fi Stati Membri oħrajn.

4. Applikazzjoni għall-eżerċizzju tad-dritt għal tweġiba jew għar-rimedji ekwivalenti tista’tiġi miċħuda jekk din it-tweġiba ma tkunx iġġustifikata skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, kienet tinvolvi att punibbli, kienet tissoġġetta lix-xandar għal proċeduri legali ċivili jew kienet tikser l-istandards tad-diċenza pubblika.

5. Għandha ssir dispożizzjoni għal proċeduri li permezz tagħhom disputazzjonijiet dwar l-eżerċizzju tad-dritt għal tweġiba jew ir-rimedji ekwivalenti jistgħu ikunu soġġetti għal reviżjoni ġudizzjarja.

IL-KAPITOLU VII

Dispożizzjonijiet finali

L-Artikolu 24

F’oqsma fejn din id-Direttiva ma tikkoordinax, m’għandhiex taffettwa d-drittijiet u l-obbligi ta’ l-Istati Membri li jirriżultaw minn konvenzjonijiet eżistenti li jittrattaw telekomunikazzjonijiet jew xandir.

L-Artikolu 25

1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-3 ta’ Ottubru 1991. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni bihom.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fl-oqsma rregolati b’din id-Direttiva.

L-Artikolu 26

Sa mhux aktar tard minn tmiem il-ħames sena wara d-data ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u kull sentejn minn dak in-nhar’il quddiem, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u, jekk neċessarju, tagħmel proposti oħrajn sabiex taddattaha għall-iżviluppi fil-qasam tax-xandir bit-televiżjoni.

L-Artikolu 27

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fit-3 ta’ Ottubru 1989.

Għall-Kunsill

Il-President

R. Dumas

[1] ĠU C 179, tas-17. 7. 1986, p. 4.

[2] ĠU C 49, tat-22. 2. 1988, p. 53, u ĠU C 158, tas-26. 6. 1989.

[3] ĠU C 232, tal-31. 8. 1987, p. 29.

--------------------------------------------------