31989L0369



Official Journal L 163 , 14/06/1989 P. 0032 - 0036
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 9 P. 0061
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 9 P. 0061


Id-Direttiva tal-Kunsill

tat-8 ta’ Ġunju 1989

dwar il-prevenzjoni ta’ tniġġis ta’ l-arja minn impjanti ġodda għall-ħruq ta’ skart muniċipali

(89/369/KEE)

IL-Kunsill TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113s ta’ dan,

Wara li kkunsidra il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-programmi ta’ azzjoni tal-Komunità Ewropea 1973 [4], 1977 [5], 1983 [6] u 1987 [7] dwar l-ambjent jagħmlu enfasi fuq l-importanza tal-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-tniġġis ta’ l-arja;

Billi r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 1987 [8] dwar il-programm ta’ azzjoni dwar l-ambjent għall-1987 sal-1992 tgħid illi huwa importanti illi l-azzjoni mill-Komunità tikkonċentra, fost ħwejjeġ oħra, fuq l-implimentazzjoni ta’ kriterji xierqa sabiex ikun żgurat livell għoli ta’ saħħa pubblika u protezzjoni ta’ l-ambjent;

Billi d- Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal-15 ta’ Lulju 1975 dwar l-iskart [9] trid illi l-iskart għandu jkun mormi mingħajr ma titqiegħed fil-periklu s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent; billi, għall-dan l-iskop, l-istess Direttiva tistipula illi kull installazzjoni jew impriża illi titratta l-iskart għandha tikseb permess mill-awtorità kompetenti dwar, fost ħwejjeġ oħra, il-prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu;

Billi d-Direttiva tal-Kunsill 84/360/KEE tat-28 ta’ Ġunju 1984 dwar il-ġlieda kontra t-tniġġis ta’ l-arja minn impjanti industrijali [10] trid illi tkun meħtieġa awtorizazzjoni minn qabel ma jitħaddmu installazzjonijiet industrijali ġodda u partikularment impjanti għall-ħruq ta’ skart; billi din l-awtorizzazzjoni tista’ tinħareġ biss meta jkunu ttieħdu l-miżuri preventivi kollha xierqa kontra t-tniġġis ta’ l-arja, li jinkludu l-applikazzjoni ta’ l-aqwa teknoloġija disponibbli illi ma tkunx tinvolvi spejjeż eċċessivi;

Billi d-Direttiva 84/360/KEE hawn fuq imsemmija tistipula illi l-Kunsill, waqt li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu, jekk ikun meħtieġ, jiffissa limiti ta’ valuri ta’ emissjoni bbażati fuq l-aqwa teknoloġija disponibbli illi ma tkunx tinvolvi spejjeż eċċessivi u tekniki u metodi ta’ kejl adattati;

Billi l-ħruq ta’ skart muniċipali jagħti lok għal emissjonijiet ta’ sustanzi illi jistgħu jikkawżaw tniġġis ta’ l-arja u għalhekk jagħmlu ħsara lis-saħħa pubblika u l-ambjent; billi f’ċerti każijiet dan it-tniġġis jista’ jkollu karatteristiċi illi jaqsmu l-konfini;

Billi t-tekniki sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ ċertu sustanzi li jniġġsu minn impjanti għall-ħruq ta’ iskart muniċipali huma stabbiliti sew; billi huma jistgħu jkunu applikati b’mod ekonomiku raġonevoli f’impjanti ġodda fejn isir il-ħruq; billi dawn jipprovdu mezz sabiex jintlaħqu konċentrazzjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu fil-gassijiet minn kombustjoni illi ma jaqbżux ċerti limiti ta’ valuri;

Billi l-limiti ta’ valuri tal-Komunità għal dijoksini u furans għandhom ikunu ffissati kemm jista’ jkun malajr;

Billi l-Istati Membri kollha għandhom liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-ġlieda kontra t-tniġġis ta’ l-arja minn impjanti stazzjonarji; billi diversi Stati Membri għandhom dispożizzjonijiet speċifiċi dwar impjanti għall-ħruq ta’ skart muniċipali;

Billi l-Komunità, meta tiffissa limiti ta’ valuri ta’ emissjoni u kondizzjonijiet oħra għall-prevenzjoni ta’ tniġġis, tgħin iżżid l-effikaċja ta’ l-azzjoni meħuda mill-Istati Membri biex jiġġieldu t-tniġġis ta’ l-arja minn impjanti għall-ħruq ta’ skart muniċipali;

Billi, sabiex tkun żgurata protezzjoni effettiva ta’ l-ambjent għandhom ikunu preskritti ħteġijiet u kondizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni għal kull impjant ġdid għall-ħruq ta’ skart muniċipali; billi dawn il-kondizzjonijiet għandhom jinkludu obbligazzjoni li jkunu osservati l-limiti ta’ valuri ta’ emissjoni għal ċerti sustanzi li jniġġsu u kondizzjonijiet ta’ kombustjoni xierqa, waqt li jkunu kkunsidrati l-karattru tekniku ta’ l-impjant u l-kondizzjonijiet ta’ tħaddim;

Billi għandhom ikunu pprovduti sistemi ta’ kejl u verifiki xierqa fl-impjanti għall-ħruq; billi l-pubbliku għandu jkun mgħarraf bil-kondizzjonijiet imposti u bir-riżultati miksuba;

Billi, minbarra li jkunu stabbiliti limiti ta’ valuri ta’ emissjoni, huwa importanti illi jkun inkoraġġit l-iżvilupp u t-tixrid ta’ tagħrif u l-użu ta’ teknoloġija nadifa bħala parti mill-isforzi preventivi biex ikun miġġieled tniġġis ta’ l-ambjent fil-Komunità, speċjalment dwar rimi ta’ skart;

Billi, skond l-Artikolu 130t tat-Trattat, l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-Komunità bħal dawn ma jżommu l-ebda Stat Membru milli jżomm jew idaħħal miżuri aktar stretti għall-protezzjoni ta’ l-ambjent li jkunu skond it-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Għall-iskop ta’ dan id-Direttiva:

1. "Tniġġis ta’ l-arja" tfisser meta l-bniedem, b’mod dirett jew indirett, jitfa fl-arja sustanzi jew enerġija illi jġibu effetti ta’ ħsara ta’ natura illi jqiegħdu fil-periklu s-saħħa tal-bniedem, jagħmlu ħsara lir-riżorsi bijoloġiċi u l-ekosistemi u l-proprjetà materjali u jikkompromettu jew jippreġudikaw it-tgawdija u xi użu leġittimu ieħor ta’ l-ambjent.

2. "Limitu ta’ valur ta’ emissjoni" tfisser il-konċentrazzjoni u/jew il-massa ta’ sustanzi li jniġġsu illi ma għandhomx jinqabżu f’emissjonijiet minn impjanti matul perjodu speċifikat.

3. "Skart muniċipali" tfisser skart domestiku, kif ukoll skart minn kummerċ jew negozju u skart ieħor illi, minħabba n-natura jew kompożizzjoni tiegħu, ikun jixbah skart domestiku.

4. "Impjant għall-ħruq ta’ skart muniċipali" tfisser kull tagħmir tekniku wżat għat-trattament ta’ skart muniċipali permezz tal-ħruq, ikun hemm jew ma jkunx hemm l-irkupru tas-sħana ġenerata mill-kombustjoni, imma mhux impjanti wżati speċifikament għall-ħruq ta’ tajn tad-dranaġġ, skart kimiku, tossiku u perikoluż, skart mediku minn sptarijiet jew tipi oħra ta’ skart speċjali, fuq l-art jew fil-baħar, ukoll jekk dawn l-impjanti jistgħu jaħarqu skart muniċipali wkoll.

Din it-tifsira tkopri s-sit u l-installazzjoni kollha magħmula mill-inċineratur, l-iskart tiegħu, il-kombustibbli u s-sistemi ta’ provvista ta’ l-arja kif ukoll l-istrumenti u s-sistemi użati għall-verifika ta’ l-operazzjonijiet ta’ ħruq u għar-reġistrazzjoni u s-sorveljanza tal-kondizzjonijiet tal-ħruq matul il-ħin kollu.

5. "Impjant ġdid għall-ħruq ta’ skart muniċipali" tfisser impjant għall-ħruq ta’ skart muniċipali li għalih tkun ingħatat awtorizzazzjoni biex jitħaddem mid-data speċifikata fl-Artikolu 12(1).

6. "Kapaċità nominali" ta’ l-impjant għall-ħruq tfisser is-somma tal-kapaċitajiet ta’ ħruq ta’ l-ifran li minnhom ikun magħmul l-impjant, kif speċifikata mill-kostruttur u kkonfermata mill-operatur, waqt li jkun ikkunsidrat kif jixraq, b’mod partikulari, il-valur kalorifiku ta’ l-iskart, espress bħala l-kwantità ta’ skart maħruq f’siegħa.

Artikolu 2

Bla ħsara għall-Artikolu 4 tad-Direttiva 84/360/KEE, l-Istati Membri jridu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw illi l-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikoli 3 sa 10 ta’ din id-Direttiva jkunu mehmuża ma’ l-awtorizzazzjoni meħtieġa qabel ma jitħaddmu l-impjanti ġodda kollha għall-ħruq ta’ skart muniċipali skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva 84/360/KEE u skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva 75/442/KEE.

Artikolu 3

1. Il-limiti ta’ valuri ta’ emissjoni li ġejjin, standardizzati skond il-kondizzjonijiet li ġejjin: temperatura 273 K, pressjoni 101,3 kPa, 11 % ossiġnu jew 9 % CO2, gass xott, għandhom japplikaw għall-impjanti ġodda għall-ħruq ta’ skart muniċipali:

Limiti ta’ valuri ta’ emissjoni f’mg/nm 3 bħala funzjoni tal-kapaċità nominali ta’ l-impjant għall-ħruq

Sustanza li tniġġes | Inqas minn tunnellatametrika fis-siegħa | Tunnellata metrika jew aktar iżda anqas minn 3 tunnellati metriċi fis-siegħa | 3 tunnellati metriċi fis-siegħa jew aktar |

Trab totali | 200 | 100 | 30 |

Metalli tqal | | | |

— Pb + Cr + Cu + Mn | — | 5 | 5 |

— Ni + As | — | 1 | 1 |

— Cd u Hg | — | 0,2 | 0,2 |

Aċidu Idrokloriku (HCI) | 250 | 100 | 50 |

Aċidu Idrofluworiku (HF) | — | 4 | 2 |

Diossidu tal-kubrit SO2 | — | 300 | 300 |

2. Rigward l-impjanti b’kapaċitaà ta’ anqas minn tunnellata metrika fis-siegħa, il-limiti ta’ valuri ta’ emissjoni jistgħu jirreferu għal livell ta’ ossiġnu ta’ 17 %. F’dan il-każ, il-valuri ta’ konċentrazzjoni ma jistgħux jaqbżu dawk preskritti fil-paragrafu 1, diviżi bi 2,5.

3. B’deroga minn paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jagħtu awtorizzazzjoni għal impjanti b’kapaċità nominali ta’ inqas minn tunnellata metrika fis-siegħa fejn kondizzjonijiet lokali speċjali jitolbu hekk, sakemm dawn jikkonformaw ma’ limitu ta’ valur ta’ 500 mg/nm 3 ta’ trab totali u mad-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva 84/360/KEE. L-Istat Membru kkonċernat għandu jgħarraf lill-Kummissjoni b’dawn il-każijiet, li dwarhom irid jikkonsulta ruħu magħha. Il-Kummissjoni għandha wara tgħarraf b’dan lill-Istati Membri.

4. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jippreskrivu limiti ta’ valuri ta’ emissjoni għall-sustanzi li jniġġsu minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 1 meta huma jikkunsidraw li hekk ikun jixraq minħabba l-kompożizzjoni ta’ l-iskart li jkun ser jinħaraq u l-karatteristiċi ta’ l-impjant għall-ħruq. Bil-għan li jkunu preskritti dawn il-limiti ta’ valuri ta’ emissjoni, l-awtoritajiet għandhom jikkunsidraw il-ħsara li jistgħu jagħmlu dawn is-sustanzi li jniġġsu fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent u l-aqwa teknoloġija disponnibli li ma tinvolvix spejjeż eċċessivi. B’mod partikulari, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiffissaw limiti ta’ valuri ta’ emissjoni għal dijoksini u furans sakemm tkun adotta direttiva tal-Komunità dwar din il-kwistjoni speċifika.

Artikolu 4

1. L-impjanti ġodda kollha għall-ħruq ta’ skart muniċipali għandhom ikunu ppjanati, mgħammra u mħaddma b’mod illi l-gass li jirriżulta mill-kombustjoni ta’ l-iskart jittalla’, wara l-aħħar injezzjoni ta’ arja ta’ kombustjoni, b’mod ikkontrollat u omoġenju u wkoll fl-aktar kondizzjonijiet żvantaġġużi, sa temperatura ta’ mill-inqas 850 oC għal mhux inqas minn żewġ sekondi fil-preżenza ta’ mill-inqas 6 % ossiġnu.

2. L-impjanti ġodda kollha għall-ħruq ta’ skart muniċipali għandhom waqt it-tħaddim josservaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) il-konċentrazzjoni ta’ ossidu tal-karbonju (CO) fil-gassijiet mill-kombustjoni m’ għandhiex taqbeż il-100 mg/nm3;

(b) il-konċentrazzjoni ta’ taħlitiet organiċi (espressi bħala karbonju totali) fil-gassijiet mill-kombustjoni m’għandhiex taqbeż l-20 mg/nm3.

Il-limiti stipulati taħt (a) u (b) hawn fuq għandhom ikunu standardizzati skond il-kondizzjonijiet li ġejjin: temperatura 273 K, pressjoni 101,3 kPa, 11 % ossiġnu jew 9 % CO2, gass xott.

3. Jistgħu jkunu awtorizzati kondizzjonijiet differenti minn dawk preskritti fil-paragrafu1 jekk tekniki adattati jintużaw fil-fran ta’ l-inċineraturi jew fit-tagħmir għat-trattament ta’ gass minn kombustjoni, sakemm l-awtoritajiet kompetenti jkunu ssodisfaw ruħhom illi, bl-użu ta’ dawn it-tekniki, il-livelli ta’ polychlorinated dibenzodioxins (PCDDs) u ta’ polychlorinated dibenzofurans (DCDFs) mormija jkunu ekwivalenti għal dawk miksuba bil-kondizzjonijiet tekniċi preskritti fil-paragrafu 1 jew anqas minnhom.

Id-deċiżjonijiet meħuda skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu u r-riżultati tal-verifiki magħmula għandhom ikunu mgħoddija lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet kompetenti nominati għal dan l-iskop mill-Istati Membri.

4. L-impjanti ġodda kollha għall-ħruq ta’ skart muniċipali għandhom ikunu ppjanati, mgħammra u mħaddma b’ mod li ma jħallux emissjonijiet fl-arja jkunu kawża ta’ tniġġis ta’ l-arja f’livell ta’ l-art; b’mod partikulari, gassijiet minn skart għandhom jintefgħu barra b’mod ikkontrollat permezz ta’ ċumnija.

l-awtorità kompetenti għandha tiżgura illi l-għoli taċ-ċumnija jkun ikkalkulat hekk illi jipproteġi is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.

Artikolu 5

1. It-temperaturi u l-kontenut ta’ l-ossiġnu preskritti fl-Artikolu 4 huma l-inqas valuri li jridu jkunu osservati l-ħin kollu meta l-impjant ikun qed jitħaddem.

2. Il-konċentrazzjoni ta’ monossidu tal-karbonju (CO) preskritta fl-Artikolu 4(2)(a) hija l-limitu ta’ valur għall-medja ta’ siegħa għall-impjanti kollha Barra dan, fil-każ ta’ impjanti b’kapaċità nominali ta’ tunnellata metrika fis-siegħa jew aktar, ta’ l-inqas 90 % tal-kejl kollu meħud f’kull perjodu ta’ 24 siegħa għandu jkun anqas minn 150 mg/nm3. Dawk il-medji għandhom ikunu kkalkulati billi jiġu kkunsidrati biss is-sigħat li matulhom l-impjant ikun qiegħed effettivament jitħaddem, magħduda l-perjodi li jittieħdu biex jitqabbad u biex jintefa.

3. Fil-każ ta’ sustanzi oħra li jridu jkunu sorveljati kontinwament skond l-Artikolu 6:

(a) l-ebda medja mobbli fuq sebat ijiem tal-kejl ta’ valuri ta’ konċentrazzjoni għal dawn is-sustanzi ma tista’ taqbeż il-limiti ta’ valuri li jikkorrespondu;

(b) l-ebda medja ta’ kuljum tal-valuri ta’ konċentrazzjoni imkejla għal dawn is-sustanzi ma tista’ taqbeż il-limiti ta’ valuri b’aktar minn 30 %.

Biex ikunu kkalkulati l-valuri medji msemmija hawn fuq, għandhom ikunu kkunsidrati biss il-perjodi li fihom l-impjant ikun effettivament qiegħed jitħaddem, magħduda l-perjodi li jittieħdu biex jitqabbad u biex jintefa.

4. Meta jkun meħtieġ biss kejl mhux kontinwu, għandu jitqies illi l-limiti ta’ valuri ta’ emissjoni ġew osservati kemm-il darba r-riżultati ta’ kull waħda mis-serje ta’ kejl imfissra u deċiżi skond ir-regoli preskritti mill-awtoritajiet kompetenti skond l-Artikoli 6(3), (4) u (5) ma jaqbżux il-limiti ta’ valuri ta’ emissjoni.

L-Artikolu 6

1. Il-kejl li ġej għandu jittieħed fl-impjanti ġodda għall-ħruq ta’ skart muniċipali:

(a) il-konċentrazzjoni ta’ ċerti sustanzi fil-gassijiet mill-kombustjoni:

(i) il-konċentrazzjoni ta’ trab totali, CO, ossiġnu u HCl għandhom ikunu mkejla kontinwament, u rreġistrati fil-każ ta’ impjanti b’kapaċitaà nominali ta’ tunnellata metrika fis-siegħa, jew akbar;

(ii) dawn li ġejjin għandhom ikunu mkejla kull tant żmien:

- il-konċentrazzjonijiet ta’ metalli tqal li għalihom jirreferi l-Artikolu 3(1), ta’ HF, u ta’ SO2, fil-każ ta’ impjant b’kapaċità nominali ta’ tunnellata fis-siegħa, jew akbar,

- il-konċentrazzjonijiet ta’ trab totali, ta’ HCl, ta’ CO u ta’ ossiġnu fil-każ ta’ impjanti b’kapaċità nominali ta’ anqas minn tunellata metrika fis-siegħa,

- il-konċentrazzjonijiet ta’ taħlitiet organiċi (espressi bħala karbonju totali) b’mod ġenerali;

(b) il-parameteri ta’ tħaddim:

(i) it-temperaturi ta’ gassijiet fiz-zona fejn il-kondizzjonijiet imposti minn l-Artikolu 4(1) jkunu sodisfatti u l-kontenut ta’ fwar ta’ l-ilma tal-gassijiet mill-kombustjoni għandhom jitkejlu u jkunu reġistrati kontinwament. Ma jkunx hemm bżonn li jitkejjel kontinwament il-kontenut ta’ fwar ta’ l-ilma sakemm il-gass mill-kombustjoni jitnixxef qabel ma’ l-emissjonijiet ikunu analizzati;

(ii) iż-żmien li fih il-gassijiet mill-kombustjoni jibqgħu fit-temperatura minima ta’ 850 oC speċifikata fl-Artikolu 4(1) għandu jkun suġġett ta’ verifiki xierqa għall-inqas darba meta l-impjant għall-ħruq jibda jitħaddem għall-ewwel darba u taħt il-kondizzjonijiet ta’ tħaddim l-aktar żvantaġġużi li wieħed jista’ jipprevedi.

2. Ir-riżultati tal-kejl li għalih jirreferi l-paragrafu 1 għandhom ikunu standardizzati skond il-kondizzjonijiet li ġejjin:

temperatura 273 K, pressjoni 101,3 kPa, 11 % ossiġnu jew 9 % CO2, gass xott.

Meta jkun applikat l-Artikolu 3(2), madankollu, dawn jistgħu jkunu standardizzati skond il-kondizzjonijiet li ġejjin:

temperatura 273 K, pressjoni 101,3 kPa, 17 % ossiġnu, gass xott.

3. Ir-riżultati kollha tal-kejl għandhom ikunu rreġistrati, ipproċessati u ppreżentati b’mod xieraq sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jivverifikaw li huma konformi mal-kondizzjonijiet preskritti, skond il-proċeduri li dwarhom jiddeċiedu dawk l-awtoritajiet.

4. It-teħid ta’ kampjuni u l-proċeduri ta’ kejl wżati biex jissodisfaw l-obbligazzjonijiet imposti minn paragrafu 1 u fejn jittieħdu l-kampjuni jew meta jsir il-kejl ikollhom bżonn l-approvazzjoni minn qabel ta’ l-awtoritajiet kompetenti.

5. Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ kejl perjodiku, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jippreskrivu programmi ta’ kejl xierqa biex jiżguraw illi r-riżultati jkunu rappreżentattivi tal-livell normali ta’ emissjonijiet tas-sustanzi kkonċernati.

Ir-riżultati miksuba għandhom jippermettu li jkun ivverifikat illi l-limiti ta’ valuri applikabbli ġew osservati.

Artikolu 7

L-impjanti ġodda kollha għall-ħruq ta’ skart muniċipali għandhom ikunu mgħammra b’burners awżiljarji. Dawn il-burners iridu jinxtegħlu awtomatikament meta t-temperatura tal-gassijiet mill-kombustjoni tinżel taħt 850 oC. Huma għandhom jintużaw ukoll matul iż-żmien li l-impjant ikun qed jitqabbad u jintefa sabiex ikun żgurat illi tinżamm l-inqas t-temperatura msemmija hawn fuq matul il-ħin kollu ta’ dawn l-operazzjonijiet u sakemm l-iskart ikun fil-kamra tal-kombustjoni.

Artikolu 8

1. Jekk il-kejl meħud juri li nqabżu l-limiti ta’ valuri preskritti f’din id-Direttiva, l-awtoritàa kompetenti għandha tkun mgħarrfa mill-aktar fis possibli. Din għandha tiżgura illi l-impjant ikkonċernat ma jkomplix jaħdem sakemm dan jibqa’ ma josservax l-istandards ta’ emissjoni u għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiżgura li jkun modifikat jew li ma jitħaddimx aktar.

2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jippreskrivu l-perjodu massimu permissibbli ta’ kull waqfien ta’ l-istrumenti ta’ purifikazzjoni illi ma jistax jiġi evitat teknikament u li matulu l-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi mitfugħa fl-arja illi dawn l-istrumenti ikunu maħsuba li jnaqqsu jaqbżu l-limiti ta’ valuri preskritti. F’każ ta’ ħsara, l-operatur għandu jnaqqas jew jagħlaq l-operazzjonijiet malli jkun prattikabbli u sakemm l-operazzjonijiet jistgħu jinġiebu għan-normal. Taħt l-ebda ċirkustanza l-impjant ma jista’ jibqa jaħdem għal aktar minn tmien sigħat bla waqfien; barra minn hekk, il-ħin kumulattiv fuq sena ta’ tħaddim f’kondizzjonijiet bħal dawn għandu jkun anqas minn 96 siegħa.

Il-kontenut ta’ trab li jintefa ’fl-arja m’għandux taħt l-ebda ċirkustanza jaqbeż is-600 mg/nm3 matul il-perjodi li għalihom jirreferi s-subparagrafu ta’ qabel dan u l-kondizzjonijiet l-oħra kollha, partikularment il-kondizzjonijiet dwar kombustjoni, għandhom ikunu osservati.

Artikolu 9

It-tagħrif mitlub skond l-Artikolu 9 tad-Direttiva 84/360/KEE kif ukoll, skond proċeduri xierqa u l-forma deċiża mill-awtoritajiet kompetenti, ir-riżultati tal-kontrolli li għalihom jipprovdu l-Artikoli 5 u 6 għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku, sakemm jibqgħu rispettati d-dispożizzjonijiet applikabbli dwar is-segretezza kummerċjali.

Artikolu 10

B’eċċezzjoni, l-Istati Membri jistgħu jagħtu deroga minn xi wħud mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva fil-każ ta’ impjanti li jkunu ppjanati speċifikament biex jaħarqu kombustibbli meħuda minn skart (i.e. kombustibbli magħmula mill-parti li tieħu n-nar ta’ skart muniċipali permezz ta’ proċessi mekaniċi avanzati ppjanati biex jilħqu l-massimu tal-potenzjal ta’ riċiklaġġ ta’ skart bħal dan u li ma jkunx fihom aktar minn 15 % ta’ rmied qabel kull żjieda ta’ sustanzi biex jikbru l-proprjetajiet tal-kombustibbli) meta biex ikunu osservati dispożizzjonijiet bħal dawn ikun jinvolvi spejjeż eċessivi jew jekk, minħabba il-karatteristiċi tekniċi ta’ l-impjanti li ssemmew, dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux adatti mill-aspett tekniku, sakemm:

- dawk l-impjanti ma jaħarqux skart għajr dak definit hawn fuq (barra minn kombustibbli ta’ riserva wżati biex jinbdew l-operazzjonijiet),

- id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 84/360/KEE ikunu osservati.

Artikolu 11

1. Fil-kwadru tal-verifika mitluba mill-Artikolu 11 tad-Direttiva 84/360/KEE u b’relazzjoni ma’ l-Artikolu 4 ta’ dik id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-kondizzjonijiet dwar impjanti ġodda għall-ħruq skond din id-Direttiva jkunu vverifikati mill-awtoritajiet kompetenti.

2. Din id-Direttiva tkun bla ħsara għall-kondizzjoni ta’ l-Artikolu 12 tad-Direttiva 84/360/KEE li titlob lill-Istati Membri biex jirrevedu, meta jkun meħtieġ, il-kondizzjonijiet imposti fl-awtorizzazzjoni mogħtija lil xi impjant għall-ħruq.

Artikolu 12

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel l-1 ta’ Diċembru 1990. Huma għandhom minnufih jgħarrfu b’dan lill-Kummissjoni.

2. L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni it-testi tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva.

Artikolu 13

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Ġunju 1989.

Għall-Kunsill

Il-President

J. L. Saenz Cosculluela

[1] ĠU C 75, tat-23.3.1988, p. 4.

[2] ĠU C 69, ta’ l-20.3.1989, p. 219.

[3] ĠU J Nru C 318, 12.3.12, p. 15.

[4] ĠU C 112, ta’ l-20.12.1973, p. 1.

[5] ĠU C 139, tat-13.6.1977, p. 1.

[6] ĠU C 46, tas-17.2.1983, p. 1.

[7] ĠU C 328, tas-7.12.1987, p. 1.

[8] ĠU C 328, tas-7.12.1987, p. 1.

[9] ĠU L 194, tal-25.7.1975, p. 39.

[10] ĠU L 188, tas-16.7.1984, p. 20.

--------------------------------------------------