31989D0382



Official Journal L 181 , 28/06/1989 P. 0047 - 0047
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 19 P. 0021
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 19 P. 0021


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tad-19 ta’ Ġunju 1989

li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi ta’ l-Istatistiċi tal-Komunitajiet Ewropej

(89/382/KEE, Euratom)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika,

Wara li kkunsidra l-abbozz tad-Deċiżjoni sottomess mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Billi r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Ġunju 1989 dwar l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ azzjonijiet prijoritarji fil-qasam ta’ l-informazzjoni statistika: Il-Programm Statistiku tal-Komunitajiet Ewropej (1989-1992) [2] enfasizzat il-ħtieġa ta’ programm statistiku komprensiv u koerenti biex jappoġġa l-għanijiet tal-Komunitajiet Ewropej;

Billi l-implimentazzjoni tal-Programm Statistiku jsejjaħ għal deċiżjonijiet li jissodisfaw il-ħtiġiet tal-Komunità, it-twaqqif ta’ prijoritajiet u d-dħul ta’ proċeduri biex isaħħu l-kooperazzjoni mill-qrib li teżisti bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni;

Billi, biex isseħħ din il-kooperazzjoni, għandu jiġi stabbilit kumitat li jkollu r-responsabbiltà li jgħin lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-Programmi Statistiċi tal-Komunitajiet Ewropej;

Billi huwa mixtieq li din il-kooperazzjoni tinkludi l-oqsma kollha li jaqgħu taħt il-Programmi Statistiċi tal-Komunitajiet Ewropej,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Kumitat għall-Programmi Statistiċi, hawnhekk iżjed ‘l quddiem imsejjaħ il-Kumitat, huwa b’dan stabbilit u għandu jkun kompost minn rappreżentanti ta’ l-istituzzjonijiet statistiċi ta’ l-Istati Membri taħt il-presidenza ta’ rappresentat tal-Kummissjoni (id-Direttur-Ġenerali ta’ l-Uffiċju ta’ l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej).

Artikolu 2

Il-Kumitat għandu jgħin lill-Kummissjoni fil-koordinazzjoni ġenerali tal-Programmi Statistiċi Multiannwali, sabiex jiżgura li l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu jkunu konsistenti ma’ dawk li jkunu ġew deċiżi fil-programmi statistiċi nazzjonali.

Artikolu 3

Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Kumitat dwar:

(a) il-miżuri li bi ħsiebha twettaq biex tikseb l-għanijiet imsemmija fil-Programmi Statistiċi Multiannwali, u il-mezzi u l-iskedi ta’ żmien biex tiksibhom;

(b) l-iżviluppi fil-Programmi Statistiċi Multiannwali;

(ċ) kull kwistjoni oħra, b’mod partikulari l-kwistjonijiet ta’ metodoloġija, li joħorġu mill-istabbiliment jew mill-implimentazzjoni tal-Programmi Statistiċi li jitqajmu mill-president tiegħu, jew fuq l-inzjattiva tiegħu stess jew fuq it-talba ta’ xi Stat Membru.

Artikolu 4

Barra minn dan, il-Kumitat għandu jeżerċita dawk il-funzjonijiet li huma attribwiti lilu bl-atti tal-Kunsill fil-qasam ta’ l-istatistika, skond il-proċeduri stabbiliti minn dawn id-dispożizzjonijiet, b’konformità mad-Deċiżjoni 87/373/KEE [3].

Artikolu 5

Il-Kumitat għandu jipprepara rapport ta’ kull sena li jkun fih ħarsa lejn ix-xogħol statistiku li huwa responsabbli għalih. Ir-rapport għandu jintbagħat mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 6

Il-Kumitat għandu jfassal ir-regoli ta’ proċedura tiegħu.

Magħmula fil-Lussemburgu, fid-19 ta’ Ġunju 1989.

Għall-Kunsill

Il-President

C. Solchaga catalan

[1] ĠU C 158, tas-6.26.1989.

[2] ĠU C 161, tad-29.6.1989, p. 1.

[3] ĠU L 197, tat-18.7.1987, p. 33.

--------------------------------------------------