31987R3170



Official Journal L 301 , 24/10/1987 P. 0023 - 0024


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3170/87

tat-23 ta’ Ottubru 1987

li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-miżuri speċjali dwar l-importazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa li joriġina fit-Tuneżija

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3159/87 tad-19 ta’ Ottubru 1987 li jippreskrivi miżuri speċjali dwar l-importazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa li joriġina mit-Tuneżija [1], u partikolarment Artikoli 1 u 4 tiegħu,

Billi r-Regolament (KEE) Nru 3159/87 jiddisponi għall-applikazzjoni ta’ taxxa mnaqqsa fuq l-importazzjoni ta’ ċerta kwantità ta’ żejt taż-żebbuġa li joriġina mit-Tuneżija; billi, skond Artikolu 1 ta’ dak ir-Regolament, it-taxxa fuq l-importazzjoni applikabbli għal dik il-kwantità trid tkun iffissata f’livell li jqies is-sitwazzjoni tas-suq fil-mument; billi t-taxxa fuq l-importazzjoni għandha tkun stabbilita fil-livell preskritt hawn taħt;

Billi, skond Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 136/66/KEE [2], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) 1915/87 [3], prezz ta’ l-għatba jrid ikun stabbilit mill-1 ta’ Novembru għas-sena ta’ marketing 1987/88; billi dispożizzjoni għandha għalhekk issir li biha t-taxxa speċjali trid tkun aġġustata biex jitqies it-tibdil possibbli li jista’ jsir ‘il quddiem fil-prezz ta’ l-għatba; billi, skond Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament, għandhom jittieħdu miżuri sabiex ikun evitat xi żvijjar ta’ kummerċ u, partikolarment, biex ikun żgurat li t-taxxa applikabbli fil-każ ta’ pajjiżi terzi titħallas jekk iż-żejt ikun rilaxxat għall-konsum fi Spanja jew fil-Portugall;

Billi l-kwantità ta’ żejt importat mit-Tuneżija ma tridx taqbeż dik speċifikata f’Artikolu 1 tar-Regolament (KEE) Nru 3159/87; billi, għalhekk, it-tolleranza prevista f’Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3183/80 tat-3 ta’ Diċembru 1980 li jippreskrivi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ liċenzji ta’ l-importazzjoni u l-esportazzjoni u taċ-ċertifikati dwar l-iffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli [4], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 2082/87 [5], m’għandhiex tkun permessa;

Billi l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għaż-Żjut u x-Xaħmijiet,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

It-taxxa fuq l-importazzjoni msemmija f’Artikolu 1 tar-Regolament (KEE) Nru 3159/87 għandha tkun 16-il EKU għal kull 100 kilogramma.

Madankollu, dwar żejt rilaxxat għaċ-ċirkolazzjoni libera mill-1 ta’ Novembru 1987, it-taxxa għandha tkun aġġustata fid-dawl tal-bidliet, jekk ikun hemm, fil-prezz ta’ l-għatba.

Artikolu 2

1. L-Istati Membri tal-Komunita’, kif kostitwiti fil-31 ta’ Diċembru 1985, li fihom żejt taż-żebbuġa li joriġina fit-Tuneżija jkun rilaxxat għaċ-ċirkolazzjoni libera skond ir-Regolament (KEE) Nru 3159/87 għandhom jintroduċu sistema ta’ kontroll li tkun teħtieġ li, fil-każijiet fejn iż-żejt taż-żebbuġa li jaqa’ taħt is-subintestaturi 15.07 A I a) u b) tat-Tariffa Komuni Doganali u li jinsab f’kontenituri li jesgħu nettament aktar minn ħames litri, jew li jkun sfuż, ikun esportat lejn Spanja jew lejn il-Portugall mit-territorju ta’ dawk l-Istati Membri, l-operatur irid juri għas-sodisfazzjon ta’ dawk l-Istati Membri li ż-żejt ikkonċernat m’huwiex ta’ oriġini Tuneżina. Dik il-ħtieġa għandha tgħodd sal-31 ta’ Awissu 1988, bla ħsara għall-applikazzjoni tal-paragrafu 2.

2. Meta, wara li jkun rilaxxat għaċ-ċirkolazzjoni libera skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, iż-żejt jiġi kunsinnat lil Stat Membru ieħor id-dokument li jafferma l-istatusfil-Komunita’ ta’ l-oġġetti għandu jinkludi wieħed mill-forom ta’ kliem li ġejjin:

- Aceite de oliva importado de Túnez — Reglamento (CEE) no 3159/87

- Olivenolie indfoert fra Tunesien — Forordning (EOEF) nr. 3159/87

- Olivenoel, eingefuehrt aus Tunesien — Verordnung (EWG) Nr. 3159/87

- Elaiólado eisachthén apó tin Tynisía — Kanonismós (EOK) arith 3159/87

- Olive oil imported from Tunisia — Regulation (EEC) No 3159/87

- Huile d’olive importée de Tunisie — Règlement (CEE) no 3159/87

- Olio d’oliva importato dalla Tunisia — Regolamento (CEE) n. 3159/87

- Olijfolie ingevoerd uit Tunesië — Verordening (EEG) nr. 3159/87

- Azeite importado da Tunísia — Regulamento (CEE) nr 3159/87.

3. Minkejja Artikolu 8(4) tar-Regolament (KEE) Nru 3183/80, il-kwantità rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera ma tridx taqbeż dik speċifikata fil-kaxxi 10 u 11 tal-liċenzja ta’ l-importazzjoni. ‘0’ għandu għalhekk jiddaħħal fil-kaxxa numru 22 ta’ dik il-liċenzja.

4. Meta żejt taż-żebbuġa li għalih id-dokument, kif imsemmi fil-paragrafu 2, jafferma l-istatus fil-Komunità ta’ l-oġġetti konċernati, huwa rilaxxat għall-konsum fi Spanja jew fil-Portugall, ammont li jkun daqs id-differenza bejn it-taxxa fl-għatba applikabbli fil-ġurnata li fiha d-dikjarazzjoni tar-rilaxx għall-konsum tkun aċċettata u l-ammont applikabbli skond Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament għandu jitħallas.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-23 ta’ Ottubru 1987.

Għall-Kummissjoni

Frans Andriessen

Viċi-President

[1] Ara paġna 5 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[2] ĠU C 172, tat-30.9.1966, p. 3025/66.

[3] ĠU L 183, tat-3.7.1987, p. 7.

[4] ĠU L 338, tat-13.12.1980, p. 1.

[5] ĠU L 195, tas-16.7.1987, p. 11.

--------------------------------------------------