31987D0095

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 Diċembru 1986 dwar l-istandardizzazzjoni fil-qasam tat-teknoloġija ta' l-informatika u tat-telekomunikazzjoni

Official Journal L 036 , 07/02/1987 P. 0031 - 0037
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 16 P. 0105
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 16 P. 0105
CS.ES Chapter 13 Volume 008 P. 236 - 242
ET.ES Chapter 13 Volume 008 P. 236 - 242
HU.ES Chapter 13 Volume 008 P. 236 - 242
LT.ES Chapter 13 Volume 008 P. 236 - 242
LV.ES Chapter 13 Volume 008 P. 236 - 242
MT.ES Chapter 13 Volume 008 P. 236 - 242
PL.ES Chapter 13 Volume 008 P. 236 - 242
SK.ES Chapter 13 Volume 008 P. 236 - 242
SL.ES Chapter 13 Volume 008 P. 236 - 242


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tat-22 Diċembru 1986

dwar l-istandardizzazzjoni fil-qasam tat-teknoloġija ta' l-informatika u tat-telekomunikazzjoni

(87/95/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikulari Artikolu 235 tiegħu,

Waqt li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Billi l-istandards applikabbli fil-qasam tat-teknoloġija ta' l-informatika u l-attivitajiet meħtieġa għall-preparazzjoni tagħhom għandhom, b'mod partikolari, jagħtu kont ta':

- il-komplessità ta' l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-preċiżjoni meħtieġa sabiex jiġi żgurat it-tibdil ta' l-informazzjoni u t-tagħrif u l-operazzjoni kompatibbli tas-sistemi;

- il-ħtieġa li tiġi żgurata l-pubblikazzjoni mgħaġġla ta' l-istandards sabiex dewmien żejjed ma jirriżultax fis-sorpass bikri ta' xi test li jinqabeż mill-ħeffa tal-bidla teknoloġika

- il-ħtieġa li tiġi nkoraġġita l-applikazzjoni ta' l-istandards internazzjonali għat-tibdil ta' informazzjoni u tagħrif fuq bażi li għandu jistabbilixxi l-kredibilità tagħhom mill-aspett ta' l-implimentazzjoni prattika;

- l-importanza ekonomika tar-rwol ta' l-istandardizzazzjoni fil-kontribut biex jinħoloq suq tal-Komunità f'dan il-qasam;

Billi d-Direttiva 83/189/KEE [3] tagħmilha possibbli għall-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta' l-istandards li jiġu nformati bl-intenzjonijiet ta' l-istituzzjonijiet ta' l-istandards li jħejju jew jemendaw standard, u billi, taħt it-termini ta' dik id-Direttiva, il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi termini ta' referenza għal xogħol fuq l-istandardizzazzjoni ta' interess komuni li għandu jsir flimkien u fi stadju bikri;

Billi dik id-Direttiva ma fihiex id-dispożizzjonijiet kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Komunità dwar l-istandardizzazzjoni fil-qasam tat-teknoloġija ta' l-informatika u t-telekomunikazzjoni;

Billi l-ammont dejjem jiżdied ta' punti tekniċi li jikkoinċidu bejn l-oqsma differenti ta' l-istandardizzazzjoni, b'mod partikolari fil-każ tat-teknoloġija ta' l-informatika u t-telekomunikazzjoni, huwa tali li jiġġustifika l-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet ta' l-istandards, li għandhom jikkollaboraw sabiex jittrattaw dawn il-materji ta' interess komuni;

Billi dan l-aħħar ġew konklużi patti ta' ftehim mill-Kummissjoni fi ħdan il-qafas tal-Memorandum ta' Ftehim iffirmat mal-Konferenza Ewropea ta' l-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjoni (CEPT) fil-kuntest tal-linji ta' gwida ġenerali approvati ma' l-organizzazzjoni konġunta ta' l-istandardizzazzjoni l-Kumitat Ewropew għal l-istandardizzazzjoni/il-Kumitat Ewropew għal l-istandardizzazzjoni Elettroteknika (CEN/CENELEC);

Billi d-Direttiva 86/361/KEE [4] tistipula programmi għal xogħol fuq speċifikazzjonijiet tekniċi komuni (li jikkorrispondu għan-Normes Européennes de Télécommunication (NETs)) għal dan il-qasam mill-Konferenza Ewropea ta' l-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjoni f'konsultazzjoni, fejn xieraq, mal-Kumitat Ewropew għall-istandardizzazzjoni u l-Kumitat Ewropew għall-istandardizzazzjoni Elettroteknika;

Billi l-qasam ta' l-ordnijiet għall-akkwist pubbliku huwa mqiegħed tajjeb sabiex jinkoraġġixxi aċċettazzjoni aktar wiesgħa ta' informazzjoni dwar open systems interconnection u l-istandards tat-tibdil ta' tagħrif permezz ta' referenza għalihom fix-xiri;

Billi huwa meħtieġ li jiġi fdat kumitat bix-xogħol li jgħin lill-Kummissjoni fit-tħaddim u t-tmexxija tal-miri u l-attivitajiet stipulati bid-Deċiżjoni,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Għall-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni:

1. ‘speċifikazzjonijiet tekniċi' tfisser speċifikazzjoni li tkun tinsab f'dokument li jistipula l-karatteristiċi meħtieġa ta' prodott, bħal livelli ta' kwalità, esekuzzjoni, sigurezza jew dimensjonijiet, inklużi l-ħtiġiet applikabbli għall-prodott fir-rigward ta' terminoloġija, simboli, ittestjar u metodi ta' ttestjar, imballaġġ, immarkar jew tikkettjar;

2. ‘speċifikazzjoni teknika komuni' tfisser speċifikazzjoni teknika mħejjija bil-għan li jkun hemm applikazzjoni uniformi fl-Istati Membri kollha tal-Komunità;

3. ‘standard' tfisser speċifikazzjoni teknika approvata minn korp rikonoxxut ta' l-istandards għall-applikazzjoni ripetuta jew kontinwa, li l-konformità magħha mhix obbligatorja;

4. ‘standard internazzjonali' tfisser standard adottat minn korp rikonoxxut ta' l-istandards internazzjonali;

5. ‘Abbozz ta' Standard Internazzjonali (DIS)' tfisser abbozz ta' standard adottat minn korp ta' l-istandards rikonoxxut internazzjonali;

6. ‘speċifikazzjoni internazzjonali teknika fit-telekomunikazzjoni' tfisser l-ispeċifikazzjoni teknika tal-karatteristiċi kollha jew uħud minnhom ta' prodott, rakkomandati minn organizzazzjonijiet bħall- Comité international télégraphique et téléphonique (CCITT) jew is-CEPT;

7. ‘Standard Ewropew' tfisser standard li jkun ġie approvat skond l-istatut tal-korpi ta' l-istandards li magħhom il-Komunità tkun ikkonkludiet patti ta' ftehim;

8. ‘Pre-standard Ewropew' tfisser standard li jkun ġie adottat taħt ir-referenza (EPS) skond ir-regoli statutorji tal-korpi ta' l-istandards li magħhom il-Komunità tkun ikkonkludiet patti ta' ftehim;

9. ‘standard funzjonali' tfisser standard maħdum sabiex jirrendi funzjoni kumplessa meħtieġa sabiex jiġi żgurat it-tħaddim bejn sistema u oħra u ġeneralment miksub billi jiġu marbuta flimkien diversi standards ta' referenza eżistenti u jiġu adottati skond ir-regoli statutorji tal-korpi ta' l-istandards;

10. ‘speċifikazzjoni funzjonali': l-ispeċifikazzjoni li tiddefinixxi, fil-qasam tat-telekomunikazzjoni, l-applikazzjoni ta' standards għal sistema miftuha ta' konnessjoni ta' ħaġa ma' oħra b'appoġġ ta' rekwiżit speċifiku għall-komunikazzjoni bejn sistemi ta' teknoloġija ta' l-informatika (standards irrakomandati minn organizzazzjonijiet bħall-‘Comité international télégraphique et téléphonique' (CCITT) jew is-CEPT);

11. ‘regolament tekniku' tfisser l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, nklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi relevanti, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-każ ta' marketing jew l-użu fi Stat Membru jew il-parti l-kbira tiegħu, ħlief dawk stipulati minn awtoritajiet lokali;

12. ‘ċertifikazzjoni ta' konformità' tfisser l-attività li permezz tagħha l-konformità ta' prodott jew servizz ma' standards partikolari jew speċifikazzjonijiet tekniċi oħra tiġi ċertifikata permezz ta' ċertifikat jew marka ta' konformità;

13. ‘teknoloġija ta' l-informatika' tfisser is-sistemi, apparat, komponenti u programmi tal-kompjuter meħtieġa sabiex jiġi żgurat l-irkupru, l-ipproċessar u l-ħażna ta' l-informazzjoni fiċ-ċentri kollha ta' l-attività umana (d-dar, l-ufficcju, l-fabbrika, eċċ.), li l-applikazzjoni tagħhom ġeneralment tkun teħtieġ l-użu ta' l-elettronika jew teknoloġija simili;

14. ‘ordnijiet ta' akkwist pubbliku' tfisser dawk:

- definiti f'Artikolu 1 tad-Direttiva 77/62/KEE [5];

- konklużi għall-provista ta' apparat li għandu x'jaqsam mat-teknoloġija ta' l-informatika u t-telekomunikazzjoni, jkun xi jkun is-settur ta' l-attività ta' l-awtorità li tikkontratta;

15. ‘awtoritajiet tat-telekomunikazzjoni' tfisser awtoritajiet rikonoxxuti jew entrapriżi privati fil-Komunità li jipprovdu servizzi pubbliċi tat-telekomunikazzjoni.

Artikolu 2

Sabiex tiġi promossa l-istandardizzazzjoni fl-Ewropa u l-preparazzjoni u l-applikazzjoni ta' standards fil-qasam tat-teknoloġija ta' l-informatika u speċifikazzjonijiet funzjonali fil-qasam tat-telekomunikazzjoni, il-miżuri li ġejjin, bla ħsara għal Artikolu 3(2) u Artikolu 4, għandhom jiġu implimentati fil-livell tal-Komunità:

(a) id-determinazzjoni regolari, ta' l-inqas kull sena, skond il-bażi ta' standards internazzjonali, abbozzi ta' standards internazzjonali jew dokumenti ekwivalenti, tal-priorità tal-ħtiġiet ta' l-istandardizzazzjoni bil-għan li jiġu ppreparati l-programmi tax-xogħol u l-ikkummissjonar ta' dawk l-istandards Ewropej u speċifikazzjonijiet funzjonali li jistgħu jiġu meqjusa meħtieġa sabiex jiġi żgurat il-bdil ta' l-informazzjoni u tagħrif u t-tħaddim bejn is-sistemi;

(b) skond il-bażi ta' l-attivitajiet internazzjonali ta' l-istandardizzazzjoni:

- l-istituzzjonijiet ta' l-istandards Ewropej u l-korpi tekniċi speċjalizzati fis-settur tat-teknoloġija ta' l-informatika u tat-telekomunikazzjoni għandhom jiġu mistiedna biex jistabbilixxu standards Ewropej, pre-standards Ewropej jew speċifikazzjonijiet funzjonali tat-telekomunikazzjoni li jkollhom rikors, jekk ikun meħtieġ, għall-abbozzar ta' standards funzjonali, sabiex tiġi żgurata l-preċiżjoni meħtieġa minn utenti għall-bdil ta' l-informazzjoni u tagħrif u t-tħaddim bejn is-sistemi. Korpi bħal dawk għandhom jibbażaw ix-xogħol tagħhom fuq standards internazzjonali, abbozzi ta' standards internazzjonali jew speċifikazzjonijiet tekniċi internazzjonali fit-telekomunikazzjoni. Fejn standard internazzjonali, abbozz ta' standard internazzjonali jew speċifikazzjoni teknika internazzjonali fit-telekomunikazzjoni toffri dispożizzjoni ċara li tippermetti l-applikazzjoni uniformi tagħha, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu adottati mingħajr bidliet fl-istandard Ewropew, il-pre-standard Ewropew, jew l-ispeċifikazzjoni funzjonali tat-telekomunikazzjoni. Biss fejn dispożizzjonijiet ċari bħal dawk ma jeżistux fli-standard internazzjonali, abbozz ta' standard internazzjonali jew speċifikazzjoni teknika fit-telekomunikazzjoni, li-standard Ewropew, il-pre-standard Ewropew, jew l-ispeċifikazzjoni funzjonali tat-telekomunikazzjoni għandhom jiġu miktuba sabiex jiġi ċċarat jew, fejn ikun meħtieġ, jissupplimentaw l-istandard internazzjonali, l-abbozz ta' li-standard internazzjonali jew l-ispeċifikazzjoni teknika internazzjonali fit-telekomunikazzjoni filwaqt li tiġi evitata d-diverġenza minnha;

- l-istess korpi għandhom jiġu mistiedna sabiex jippreparaw speċifikazzjonijiet tekniċi li jistgħu jifformaw il-bażi ta' standards Ewropej jew pre-standards Ewropej fl-assenza ta', jew bħala kontribuzzjoni għall-produzzjoni ta', standards internazzjonali miftehema għall-bdil ta' l-informazzjoni u t-tagħrif u t-tħaddim bejn is-sistemi;

(c) miżuri sabiex issir aktar faċli l-applikazzjoni ta' l-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali, b'mod partikolari permezz tal-koordinazzjoni ta' l-attivitajiet ta' l-Istati Membri fi:

- il-verifikazzjoni tal-konformità ta' prodotti u servizzi ma' l-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali skond il-bażi ta' ħtiġiet ta' testijiet speċifikati;

- iċ-ċertifikazzjoni ta' konformità ma' standards u speċifikazzjonijiet funzjonali skond proċeduri armonizzati kif għandu jkun.

(d) il-promozzjoni ta' l-applikazzjoni ta' standards u speċifikazzjoni funzjonali li għandhom x'jaqsmu mat-teknoloġija ta' l-informatika f'ordnijiet tas-settur pubbliku u regolamenti tekniċi.

Artikolu 3

1. Il-miri speċifiki tal-miżuri proposti huma deskritti fl-Anness li jinsab ma' din id-Deċiżjoni.

2. Din id-Deċiżjoni għandha tkopri:

- standards fil-qasam tat-Teknoloġija ta' l-Informatika kif stipulati f'Artikolu 5

- speċifikazzjonijiet funzjonali għas-servizzi speċifikament offruti fuq sistemi pubbliċi tat-telekomunikazzjoni għat-tibdil ta' informazzjoni u tagħrif bejn sistemi ta' teknoloġija ta' l-informatika.

3. Din id-Deċiżjoni m'għandhiex tkopri:

- speċifikazzjonijiet tekniċi komuni għall-apparat ta' terminali mqabbda ma' sistemi pubbliċi ta' telekomunikazzjoni, li huma koperti bid-Direttiva 86/361/KEE

- speċifikazzjonijiet għall-apparat li jifforma xi parti minn-networks ta' telekomunikazzjoni nnifishom.

Artikolu 4

Meta jiġu stabbiliti l-ħtiġiet fir-rigward ta' l-istandardizzazzjoni u meta jitfassal il-programm ta' xogħol għal l-istandardizzazzjoni u l-preparazzjoni ta' l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali, l-Kummissjoni għandha tirreferi b'mod partikolari għall-informazzjoni li tkun ġiet ikkomunikata lilha skond id-Direttiva 83/189/KEE.

Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta mal-Kumitat li hemm provdut dwaru f'Artikolu 7, għandha tafda x-xogħol tekniku lill-organizzazzjonijiet kompetenti ta' l-istandards Ewropej jew korpi tekniċi speċjalizzati (CEN, CENELEC u CEPT) waqt li titlobhom, jekk ikun meħtieġ, li jħejju standards Ewropej jew speċifikazzjonijiet funzjonali li jikkorrispondu. Il-mandati li għandhom jingħataw lil dawn l-organizzazzjonijiet għandhom jiġu riferuti għall-qbil tal-Kumitat li hemm provdut dwaru f'Artikolu 5 tad-Direttiva 83/189/KEE skond il-proċeduri ta' l-imsemmija Direttiva. Ebda mandat m'għandu jinħareġ li jikkoinċidi ma' xi parti mill-programmi ta' xogħol mibdija jew imħejjija taħt id-Direttiva 86/361/KEE.

Artikolu 5

1. Waqt li jingħata kont tad-differenzi bejn il-proċeduri nazzjonali eżistenti, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw li ssir referenza għal:

- l-istandards Ewropej u l-pre-standards Ewropej kif deskritti f'Artikolu 2(b);

- l-istandards internazzjonali meta jiġu aċċettati fil-pajjiż ta' l-awtorità li tikkontratta;

f'ordnijiet ta' akkwist pubbliku fir-rigward ta' teknoloġija ta' l-informatika sabiex dawk l-istandards jiġu wżati bħala l-bażi għat-tibdil ta' l-informazzjoni u tagħrif għat-tħaddim bejn is-sistemi.

2. Sabiex jipprovdu kompatibilità minn tarf sa tarf, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-amministrazzjonijiet tat-telekomunikazzjoni tagħhom jużaw speċifikazzjonijiet funzjonali għall-mezzi ta' aċċess għas-sistemi pubbliċi ta' telekomunikazzjoni għal dawk is-servizzi speċifikament intiżi għall-bdil ta' informazzjoni u tagħrif bejn sistemi ta' teknoloġija ta' l-informatika li huma stess jużaw l-istandards imsemmija fil-paragrafu 1.

3. L-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu għandu jagħti kont ta' ċirkostanzi speċjali kif imsemmija hawn taħt li jistgħu jiġġustifikaw l-użu ta' standards u speċifikazzjonijiet li m'humiex dawk li hemm provdut dwarhom f'din id-Deċiżjoni:

- il-ħtieġa għall-kontinwità operazzjonali f'sistemi eżistenti, iżda biss bħala parti minn strateġiji definiti b'mod ċar u mniżżla għal transizzjoni sussegwenti għal standards jew speċifikazzjonijiet funzjonali internazzjonali jew Ewropej;

- il-ġenwinità tan-natura innovattiva ta' ċerti proġetti;

- fejn li-standard jew l-ispeċifikazzjoni funzjonali in kwistjoni hija teknikament mhux adegwata għall-iskop tagħha minħabba li ma tipprovdix il-mezz xieraq għall-ksib ta' informazzjoni u l-bdil ta' tagħrif jew tħaddim bejn is-sistemi, jew li l-mezzi (inkluż l-ittestjar) ma jeżistux biex jistabbilixxu b'mod sodisfaċenti l-konformità ta' prodott ma dak li-standard jew speċifikazzjoni funzjonali jew fejn, fil-każ ta' Pre-Standards Ewropej, dawn ikun jonqoshom l-istabbilità meħtieġa għall-applikazzjoni. Għandu jkun f'idejn l-Istati Membri l-oħra biex juru lill-Kumitat li ssir referenza għalih f'Artikolu 7 li l-apparat li jkun komformi ma' l-istandard ikun ġie wżat b'mod sodisfaċenti, u li l-użu ta' din ir-rinunzja ma kienx ġustifikat;

- fejn, wara konsultazzjoni akkurata tas-suq, jinstab li raġunijiet importanti li għandhom x'jaqsmu ma' effikaċja tal-prezz jagħmlu l-użu ta' li-standard jew l-ispeċifikazzjoni funzjonali in kwistjoni mhux xieraq. Għandu jkun f'idejn l-Istati Membri l-oħra biex juru lill-Kumitat li ssir referenza għalih f'Artikolu 7 apparat li jkun konformi ma' dak li-standard ikun ġie użat b'mod sodisfaċenti fuq bażi mhux kummerċjali, u li l-użu ta' din ir-rinunzja ma kienx ġustifikat.

4. B'żieda, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu referenza, skond l-istess bażi bħal fil-paragrafu 1, għat-taħżiż ta' standards internazzjonali.

5. Awtoritajiet li jagħmlu l-kuntratt li joqgħodu fuq il-paragrafu 3 għandhom jagħmlu nota tar-raġunijiet tagħhom biex jagħmlu dan, jekk ikun possibbli, fid-dokumenti ta' l-offerti tal-bidu maħruġa fir-rigward tal-ksib, u fil-każijiet kollha għandhom jinnotaw dawk ir-raġunijiet fid-dokumentazzjoni interna tagħhom u għandhom jipprovdu dik l-informazzjoni meta jiġu mitluba lill-kumpaniji li jitfgħu l-offerta u lill-Kumitat li ssir referenza għalih f'Artikolu 7 filwaqt li jirrispettaw il-konfidenzjalità kummerċjali. Għandu wkoll ikun possibbli li lmenti dwar l-użu ta' derogi li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 3 jsiru direttament lill-Kummissjoni.

6. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li d-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu jiġu applikati fil-każ tal-proġetti u l-programmi kollha tal-Komunità, inklużi ordnijiet ta' akkwist pubbliku finanzjati mill-estimi tal-Komunità.

7. L-awtoritàjiet li jgħamlu l-kuntratt, jekk iqisu li jkun meħtieġ, jistgħu japplikaw speċifikazzjonijiet oħra għal kuntratti ta' valur aktar baxx minn 100000 ECU, sakemm dan ix-xiri ma jżommx l-użu ta' l-istandards imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 f'kull kuntratt ta' valur akbar mill-ammont imsemmi f'dan il-paragrafu. Il-ħtieġa għad-deroga jew il-livell tal-limitu stabbilit f'dan il-paragrafu għandu jiġi rivedut fi żmien tlett snin mid-dħul fl-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 6

Meta jkunu qed jiġu abbozzati jew emendati regolamenti tekniċi f'oqsma koperti b'din id-Deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jirreferu għall-istandards li ssir referenza għalihom f'Artikolu 5 kull meta dawn jilħqu b'mod xieraq l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa tar-regolament.

Artikolu 7

1. Kumitat ta' konsultazzjoni, msejjaħ il-‘Grupp ta' Uffiċjali Anzjani dwar l-istandardizzazzjoni fil-qasam tat-Teknoloġija ta' l-Informatika' għandu jgħin lill-Kummissjoni fit-tħaddim tal-miri u l-amministrazzjoni ta' l-attivitajiet stipulati bid-Deċiżjoni. Għandu jkun magħmul minn rappresentanti appuntati mill-Istati Membri, li jistgħu jitolbu l-għajnuna ta' esperti jew konsulenti: il-president tiegħu għandu jkun rappresentant tal-Kummissjoni. Għal kwistjonijiet ta' telekomunikazzjoni l-kumitat kompetenti huwa l-‘Grupp ta' Uffiċjali Anzjani għat-Telekomunikazzjoni' li hemm provdut dwaru f'Artikolu 5 tad-Direttiva 86/361/KEE.

2. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-Kumitat meta tistabbilixxi prijoritajiet tal-Komunità, timplimenta l-miżuri li ssir referenza għalihom fl-Anness, meta tittratta kwistjonijiet li għandhom x' jaqsmu mal-verifika ta' konformità ma' standards, l-osservazzjoni mill-qrib ta' l-implimentazzjoni ta' Artikolu 5 u kwistjonijiet oħra li għandhom x'jaqsmu ma' l-istandardizzazzjoni fil-qasam tat-teknoloġija ta' l-informatika u t-telekomunikazzjoni, jew oqsma oħra li dawn jikkoinċidu magħhom. Għandha wkoll tikkonsulta mal-Kumitat dwar ir-rapport li ssir referenza għalih f'Artikolu 8.

3. Il-Kummissjoni għandha tikkoordina l-attivitajiet ta' dawn il-Kumitati mal-Kumitat li hemm provdut dwaru f'Artikolu 5 tad-Direttiva 83/189/KEE b'mod partikolari fejn ikun hemm koinċidenza potenzjali fil-ħruġ ta' talbiet lill-istituzzjonijiet Ewropej ta' l-istandards taħt din id-Deċiżjoni u dik id-Direttiva.

4. Il-mistoqsijiet kollha dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni jistgħu jiġu preżentati lill-Kumitat fuq it-talba tal-President jew ta' Stat Membru.

5. Il-Kumitat għandu jiltaqa' mill-inqas darbtejn fis-sena.

6. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu stess.

7. Is-Segretarjat tal-Kumitat għandu jiġi provdut mill-Kummissjoni.

Artikolu 8

Kull sentejn il-Kummissjoni għandha tippresenta rapport ta' progress lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-attivitajiet ta' l-istandardizzazzjoni fis-settur tat-teknoloġija ta' l-informatika. Dan ir-rapport għandu jirreferi għall-arranġamenti li jimplimentaw adottati fi ħdan l-Komunità, ir-riżultati miksuba, l-applikazzjoni ta' dawk ir-riżultati f'kuntratti ta' akkwist pubbliku u regolamenti tekniċi nazzjonali, u, b'mod partikolari, s-sinjifikat prattiku tagħhom għaċ-ċertifikazzjoni.

Artikolu 9

Din id-Deċiżjoni m'għandhiex tippreġudika l-applikazzjoni tad-Direttiva 83/189/KEE u d-Direttiva 86/361/KEE.

Artikolu 10

Din id-Deċiżjoni għandha tiddaħħal fl-applikazzjoni fi żmien sena mid-data tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 11

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, it-22 Diċembru 1986.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Shaw

[1] ĠU C 36, tas-17.2.1986, p. 55.

[2] ĠU C 303, tal-25.11.1985, p. 2.

[3] ĠU L 109, tas-26.4.1983, p. 8.

[4] ĠU L 217, tal-5.8.1986, p. 21.

[5] ĠU L 13, tal-15.1.1977, p. 1.

--------------------------------------------------

ANNESS

MIŻURI GĦALL-ISTANDARDIZZAZZJONI FIL-QASAM TAT-TEKNOLOĠIJA TA' L-INFORMATIKA U T-TELEKOMUNIKAZZJONI

1. Għanijiet

(a) li ssir kontribuzzjoni għall-integrazzjoni tas-suq intern tal-Komunità fis-settur tat-teknoloġija ta' l-informatika u t-telekomunikazzjoni;

(b) li tiġi mtejjba l-kompetittività internazzjonali ta' manifatturi tal-Komunità billi tiġi meqjusa l-istima akbar mis-suq fil-Komunità għal apparat manifatturat skond standards rikonoxxuti Ewropej u internazzjonali;

(c) li jiġi faċilitat il-bdil ta' l-informazzjoni fil-Komunità kollha, billi jitnaqqsu l-ostakoli maħluqa minn inkompatibilitajiet li joħorġu minn-nuqqas ta' standards jew in-nuqqas ta' preċiżjoni tagħhom;

(d) li jiġi żgurat li l-ħtiġiet ta' l-utent jingħata kont tagħhom billi l-utenti jingħataw aktar libertà biex jarmaw is-sistemi tagħhom b'mod li jiggarantixxi l-kompatibilità fl-operazzjoni u, konsegwentement, l-eżekuzzjoni mtejjba bi prezz irħas;

(e) il-promozzjoni ta' l-applikazzjoni ta' standards u speċifikazzjonijiet funzjonali f'ordnijiet tas-settur pubbliku.

2. Deskrizzjoni tal-miżuri u l-attivitajiet li għandhom isiru

2.1 Preparazzjoni ta' programmi ta' xogħol u definizzjoni ta' prioritajiet

It-tħejjija ta' programmi ta' xogħol u l-assenjazzjoni ta' prioritajiet waqt li jingħata kont tal-ħtiġijiet tal-Komunità u l-impatt ekonomiku ta' dawn l-attivitajiet mill-aspett ta' l-utenti, l-produtturi u l-amministrazzjonijiet tat-telekomunikazzjoni. Ix-xogħol li għandu jsir f'dan il-livell jista' jinkludi, b'mod partikolari:

2.1.1. il-ġbir ta' informazzjoni dettaljata skond il-bażi ta' programmi nazzjonali u internazzjonali, l-preżentazzjoni ta' dik l-informazzjoni f'forma li tiffaċilita l-analiżi komparattiva u l-preparazzjoni tas-sommarji meħtieġa għax-xogħol tal-Kumitat;

2.1.2. It-tqassim ta' dik l-informazzjoni, l-eżami tal-ħtiġiet u l-konsultazzjoni tal-partijiet interessati;

2.1.3 is-sinkronizzazzjoni tal-programmi ta' xogħol ma' l-attivitajiet internazzjonali ta' l-istandardizzazzjoni;

2.1.4 it-tmexxija tal-programmi ta' xogħol;

2.1.5 il-preparazzjoni ta' rapporti li jiddeskrivu l-esekuzzjoni ta' l-attivitajiet u r-riżultati prattiċi ta' l-implimentazzjoni tagħhom.

2.2 L-esekuzzjoni ta' l-attivitajiet ta' l-istandardizzazzjoni fil-qasam tat-teknoloġija ta' l-informatika

L-esekuzzjoni tal-programmi ta' xogħol titlob l-implimentazzjoni ta' serje ta' attivitajiet, li r-responsabilità għalihom hija ġeneralment fdata lis-CEN/CENELE u lis-CEPT u li jikkorrispondu ma' l-istadji differenti ta' l-attività li għandhom jitlestew sabiex tiġi żgurata l-kredibilita ta' l-istandards.

Dawn l-attivitajiet jinkludu:

2.2.1. ir-raffinar ta' l-istandards internazzjonali fi sforz biex jitneħħew l-ambigwitajiet u l-għażliet li jgħawwġu l-funzjoni ta' l-istandards imfassla biex jiggarantixxu l-bdil ta' l-informazzjoni u kompatibilità ta' l-operazzjoni tas-sistemi;

2.2.2. l-abbozzar ta' pre-standards f'każijiet ġustifikati bid-dewmien esaġerat ta' proċeduri ta' l-istandardizzazzjoni internazzjonali, jew ta' standards meħtieġa fil-kuntest tal-Komunità fin-nuqqas ta' l-istandards internazzjonali;

2.2.3. id-definizzjoni tal-kondizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex tiġi stabbilita konformita sħiħa ma' standard;

2.2.4. il-preparazzjoni ta' standards ta' testijiet jew speċifikazzjoni ta' testijiet inklużi fl-istandards u l-organizzazzjoni ta' proċeduri u strutturi biex jippermettu l-laboratorji tat-testijiet li jivverifikaw il-konformità ma' dawk l-istandards fuq bażi armonizzata kif għandha tkun.

2.3. Attivitajiet li jaffettwaw is-settur tat-telekomunikazzjoni

Il-miżuri ta' standardisation li jolqtu s-settur tat-telekomunikazzjoni jinkludu żewġ tipi ta' attivitajiet:

- l-abbozzar ta' speċifikazzjonijiet funzjonali, bbażati fuq standards/speċifikazzjonijiet Ewropej fejn dawn jeżistu, għall-mezzi ta' aċċess għal sistemi pubbliċi ta' telekomunikazzjoni għal dawk is-servizzi speċifikament maħsuba għall-bdil ta' informazzjoni u tagħrif bejn sistemi tat-teknoloġija ta' l-informatika. Dan ix-xogħol tekniku jaqa' taħt l-attivitajiet ta' armonizzazzjoni mwettqa fil-qasam tat-telekomunikazzjoni u huwa fdat lis-CEPT wara l-proċeduri deskritti fid-Direttiva 86/361/EEC,

- ix-xogħol li għandu jsir fil-qasam komuni għat-teknoloġija ta' l-informatika u tat-telekomunikazzjoni jeħtieġ aktar kooperazzjoni bejn il-korpi tekniċi kompetenti (i.e. CEN/CENELEC/CEPT). Għandu jgħolli l-grad ta' konverġenza sabiex l-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali jkunu jistgħu jiġu applikati bl-akbar numru ta' modi possibbli u b'manjiera armonizzata skond il-proċeduri deskritti fid-Direttiva 83/189/KEE.

2.4. Miżuri komplementari

Din il-parti tal-programm tkopri l-miżuri li ġejjin:

2.4.1. attivitajiet speċifiċi meteoroloġiċi li għandhom x'jaqsmu ma':

- l-promozzjoni ta' l-iżvilupp ta' l-istrumenti ta' l-ittestjar u validazzjoni u metodi ta' teknika ta' deskrizzjoni formali,

- appoġġ għall-każ ta' referenzi, b'mod partikolari fil-każ ta' l-applikazzjonijiet li jkunu jeħtieġu l-użu ta' standards funzjonali bbażati fuq numru ta' standards maqgħudin flimkien;

2.4.2. il-promozzjoni tal-preparazzjoni ta' manwali li jagħtu pariri dwar l-applikazzjoni ta' l-istandards għall-utent ta' l-aħħar;

2.4.3. il-promozzjoni ta' demostrazzjonijiet fir-rigward tal-kompatibilità ta' tħaddim miksuba bħala riżultat ta' l-applikazzjoni ta' standard. L-iskop ewlieni għal din l-azzjoni għandu jkun li l-istrumenti tat-test u dawk meteoroloġiċi definiti f' 2.4.1. isiru disponibbli għall-użu fi proġetti differenti u sabiex jiġi żgurat li jsiru esperimenti bi standards ta' l-iżvilupp

2.4.4. il-promozzjoni ta' l-arranġamenti li jmorru ‘l hinn mill-qafas ta' l-istandardizzazzjoni industrijali, tiddependi fuq patti ta' ftehim konklużi f'oqsma partikolari ta' attività professjonali u jikkontribwixxu għall-bdil effiċjenti ta' informazzjoni (transazzjonijiet ta' aġenziji ta' l-ivjaġġar, awtomazzjoni ta' transazzjonijiet ta' flus, komputerizzazzjoni ta' dokumenti doganali, l-użu tar-robots fil-manifattura, l-awtomazzjoni fl-uffiċċju, xogħol bil-mikrokompjuter, eċċ.);

2.4.5. studji w proġetti li għandhom x'jaqsmu speċifikament ma' l-istandardizzazzjoni fil-qasam tat-teknoloġija ta' l-informatika.

3. Miżuri li għandhom x'jaqsmu ma' l-applikazzjoni ta' standards fis-settur tal-akkwist pubbliku

Li jiġu stabbiliti l-aktar metodi effiċjenti biex tiġi żgurata l-applikazzjoni mgħaġġla ta' l-istandards u speċifikazzjonijiet tekniċi fil-kuntest tad-Deċiżjoni preżenti waqt li jiġi assigurat tagħqid xieraq ma' attivitajiet li jiddependu fuq id-Direttiva 77/62/KEE [1].

[1] ĠU L 13, tal-15.1.1977, p. 1.

--------------------------------------------------