31986R4056



Official Journal L 378 , 31/12/1986 P. 0004 - 0013


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4056/86

tat-22 ta' Diċembru 1986

li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat għat-trasport marittimu

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 84(2) u 87 tiegħu;

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-Fehma tal-Kumitat Soċjali u Ekonomiku [2],

Billi r-regoli dwar il-kompetizzjoni huma parti mid-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Trattat li japplikaw ukoll għat-trasport marittimu; billi regoli ddettaljati biex jitħaddnu dawk id-dispożizzjonijiet huma mogħtija fil-Kapitolu tat-Trattat li jirrigwarda r-regoli dwar il-kompetizzjoni jew li jridu jiġu stabbiliti mill-proċeduri stipulati fih;

Billi skond ir-Regolament tal-Kunsill Nru 141 [3], ir-Regolament tal-Kunsill Nru 17 [4] ma japplikax għat-trasport; billi r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1017/68 [5] japplika biss għat-trasport intern; billi, minħabba f'hekk, il-Kummissjoni m'għandha l-ebda mezz kif tinvestiga direttament il-każijiet ta' ksur suspettati ta' l-Artikoli 85 u 86 fit-trasport marittimu; billi, barra minn hekk, il-Kummissjoni m'għandhiex dik is-setgħa li tieħu deċiżjonijiet jew li timponi multi kif inhuma meħtieġa biex ittemm il-ksur misjub minnha;

Billi din is-sitwazzjoni teħtieġ l-adozzjoni ta' Regolament li japplika r-regoli tal-kompetizzjoni għat-trasport marittimu; billi r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 954/79 tal-15 ta' Mejju 1979 li jirrigwarda r-ratifika mill-Istati Membri ta', jew l-adeżjoni tagħhom, fil-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar Kodiċi ta' Mġiba għall-Konferenza tal-Liner [6] sejra twassal għall-applikazzjoni tal-Kodiċi ta' Mġiba għal numru konsiderevoli ta' konferenzi li jaqdu lill-Komunità; billi r-Regolament li japplika r-regoli tal-kompetizzjoni għat-trasport marittimu previst fl-aħħar inċiż tar-Regolament (KEE) Nru 954/79 għandu jikkunsidra l-adozzjoni tal-Kodiċi; billi, safejn għandhom x'jaqsmu l-konferenzi soġġetti għall-Kodiċi ta' Mġiba, ir-Regolament għandu jżid mal-Kodiċi jew jagħmilha aktar preċiża;

Billi jidher li jkun aħjar jekk jiġu esklużi servizzi bl-opri tal-baħar tramp mill-iskop ta' dan ir-Regolament, u b'hekk ir-rati għal dawn is-servizzi jkunu jistgħu jiġu nnegozjati b'mod ħieles fuq bażi individwali skond il-kundizzjonijiet tal-provvista u tad-domanda;

Billi dan ir-Regolament għandu jikkunsidra l-ħtieġa, min-naħa waħda li jkun hemm regoli ta' implimentazzjoni li jgħinu lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-kompetizzjoni ma tiġix imxekkla bla bżonn fis-suq komuni, u min-naħa l-oħra sabiex ma jkunx hemm regolamentazzjoni eċċessiva ta' dan is-settur;

Billi dan ir-Regolament għandu jiddefinixxi l-iskop tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat, billi jqis il-karatteristiċi distintivi tat-trasport marittimu; billi l-kummerċ bejn l-Istati Membri jista' jiġi affetwat meta l-prattiki ristrettivi jew l-abbużi jolqtu t-trasport marittimu internazzjonali, inkluż it-trasport intra-Komunitarju, minn jew lejn il-portijiet tal-Komunità; billi dawk il-prattiki ristrettivi jew abbużi jistgħu jaffettwaw il-kompetizzjoni, fl-ewwel lok, bejn il-portijiet fi Stati Membri differenti billi jbiddlu ż-żoni ta' qbid rispettivi tagħhom, u fit-tieni lok, bejn attivitajiet f'dawk iż-żoni ta' qbid, u jfixklu x-xejriet tal-kummerċ ġewwa s-suq komuni;

Billi ċerti tipi ta' akkordji tekniċi, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma jistgħu jkunu esklużi mill-projbizzjoni fuq prattiki ristrettivi dejjem jekk, bħala regola ġenerali, ma jirrestrinġux il-kompetizzjoni;

Billi jrid isir provvediment għal eżenzjoni sħiħa tal-konferenzi tal-liner; billi l-konferenzi tal-liner irid ikollhom effett li jagħtu stabbilità, li jiżguraw li s-servizzi huma affidabbli; billi dawn jikkontribwixxu b'mod ġenerali sabiex jagħtu servizzi tat-trasport marittimu skedati li huma adegwati u effiċjenti u li jagħtu każ b'mod ġust ta' l-interessi ta' l-utenti; billi dawk ir-riżultati ma jistgħux jinkisbu mingħajr il-kooperazzjoni li jippromwovu l-kumpaniji tat-tbaħħir fil-konferenzi dwar ir-rati u, fejn jixraq, id-disponibbiltà tal-kapaċità jew l-allokazzjoni tat-tagħbijiet tal-merkanzija għat-tbaħħir, u dħul; billi fil-biċċa l-kbira tal-każijiet il-konferenzi jibqgħu ikunu esposti għal kompetizzjoni effettiva kemm minn servizzi skedati mhux tal-konferenza, minn servizzi tramp u minn modi oħra ta' trasport; billi l-mobilità tal-flotot, li hija karatteristika tad-disponibbiltà fil-qasam tat-tbaħħir, tesponi l-konferenzi għal kompetizzjoni kontinwa li huma bħala regola ma jistgħux jeliminaw fir-rigward ta' parti sostanzjali mis-servizzi tat-tbaħħir inkwistjoni;

Billi, madanakollu, sabiex il-konferenzi jinżammu milli jaħdmu skond prattiki li m'humiex kompatibbli ma' l-Artikolu 85(3) tat-Trattat, ċerti kundizzjonijiet u obbligi jridu jiġu mehmuża ma' l-eżenzjoni;

Billi l-għan tal-kundizzjonijiet irid ikun li jżommu lill-konferenzi milli jimponu restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni li m'humiex indispensabbli sabiex jintlaħqu l-għanijiet li għalihom tingħata l-eżenzjoni; billi, għal dan il-għan, il-konferenzi m'għandhomx, fil-każ ta' rotta partikolari, japplikaw rati u kundizzjonijiet ta' ġarr li huma ddifferenzjati biss b'referenza għall-pajjiż ta' oriġini jew destinazzjoni ta' l-oġġetti ttrasportati u b'hekk joħolqu fil-Komunità tixlif fil-kummerċ li huwa ta' ħsara għal ċerti portijiet, baħħara, dawk li jġorru jew jagħtu servizzi anċillari għat-trasport; billi, barra minn hekk, il-ftehim ta' lealtà jrid ikun permess biss skond ir-regoli li ma jirristrinġux unilateralment il-libertà ta' l-utenti u konsegwentement il-kompetizzjoni fl-industrija tat-tbaħħir, mingħajr preġudizzju, madanakollu, għad-dritt ta' konferenza li timponi multi fuq utenti li jippruvaw b'mezzi mhux xierqa jevadu l-obbligu ta' lealtà meħtieġ bi tpattija għar-rifużjoni, għar-rati tal-ġarr imnaqqsa jew il-commission mogħtija lilhom mill-konferenza; billi l-utenti jridu jkunu liberi sabiex jistabbilixxu liema huma l-impriżi li jkollhom rikors għalihom fil-każ tat-trasport intern jew servizzi mal-moll mhux koperti mill-ħlasijiet fuq il-ġarr jew minn xi ħlasijiet oħra mifitehma mal-linja tat-tbaħħir;

Billi ċerti obbligi jridu jkunu marbuta ukoll ma' l-eżenzjoni; billi f'dan il-każ, l-utenti jridu jkunu l-ħin kollu f'pożizzjoni li jiffamiljarizzaw ruħhom mar-rati u l-kundizzjonijiet ta' ġarr applikati mill-membri tal-konferenza, minħabba li fil-każ ta' trasport fil-magħluq organizzat mill-baħħara, dawn ta' l-aħħar jibqgħu ikunu soġġetti għar-Regolament (KEE) Nru 1017/68; billi jridu jsiru provvedimenti sabiex id-deċiżjonijiet mogħtija fl-arbitraġġ u r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-konċiljaturi u aċċettati mill-partijiet jiġu nnotifikati mill-ewwel lill-Kummissjoni sabiex hi tkun tista' tivverifika li l-konferenzi m'humiex b'hekk eżentati mill-kundizzjonijiet mogħtija fir-Regolament u għalhekk ma jiksrux id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 85 u 86;

Billi konsultazzjonijiet bejn utenti jew assoċjazzjonijiet ta' utenti u konferenzi għandhom tendenza li jiżguraw operat aktar effiċjenti tas-servizzi tat-trasport marittimu li jagħtu iktar każ tal-ħtiġiet ta' l-utenti; billi, minħabba f'hekk, ċerti prattiki restrittivi li jistgħu joħorġu minn dawk il-konsultazzjonijiet iridu jkunu eżentati;

Billi ma jistax ikun hemm eżenzjoni jekk il-kundizzjonijiet mogħtija fl-Artikolu 85(3) ma jintlaħqux; billi l-Kummissjoni trid għalhekk ikollha s-setgħa li tieħu l-miżuri approprjati fejn akkordju jew prattika miftiehma minħabba ċirkustanzi speċjali turi li jkollha ċerti effetti inkompatibbli ma' l-Artikolu 85(3); billi, minħabba r-rwol speċifiku li jeżerċitaw il-konferenzi fis-settur tas-servizzi tal-linja, ir-reazzjoni tal-Kummissjoni trid tkun progressiva u proporzjonata; billi l-Kummissjoni għandha minħabba f'hekk ikollha s-setgħa l-ewwel li tindirizza r-rakkomandazzjonijiet, u mbagħad li tieħu deċiżjonijiet;

Billi n-nullità awtomatika msemmija fl-Artikolu 85(3) fil-każ ta' akkordji jew deċiżjonijiet li ma ngħatawx eżenzjoni skond l-Artikolu 85(3) minħabba l-fatturi diskriminatorji tagħhom jew oħrajn tapplika biss għall-elementi ta' l-akkordji koperti bil-projbizzjoni ta' l-Artikolu 85(1) u tapplika għall-akkordju sħiħ biss jekk dawk l-elementi ma jidhrux li huma separati mill-akkordju kollu; billi l-Kummissjoni għandha, għaldaqstant, jekk issib ksur ta' l-eżenzjoni sħiħa, jew tispeċifika liema elementi ta' l-akkordji huma pprojbiti u minħabba f'hekk awtomatikament nulli, jew turi r-raġunijiet għalfejn dawk l-elementi ma jistgħux jiġu sseparati mill-bqija ta' l-akkordji u għaliex l-akkordju huwa għalhekk null fl-intier tiegħu;

Billi, minħabba l-karatteristiċi tat-trasport marittimu internazzjonali, irid jitqies il-fatt li l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għal ċerti prattiki ristrettivi jew abbużi tista' twassal għal kunflitti fil-liġijiet u fir-regoli ta' ċerti pajjiżi oħra u jkun ta' ħsara għall-interessi importanti tal-kummerċ u tat-tbaħħir fil-Komunità; billi l-Kummissjoni għandha tagħmel konsultazzjonijiet u, fejn jixraq, negozjati awtorizzati mill-Kunsill ma' dawk il-pajjiżi skond il-politika tat-trasport marittimu tal-Komunità;

Billi dan ir-Regolament għandu jipprovdi għall-proċeduri, poteri ta' teħid ta' deċiżjonijiet u penalitajiet li huma meħtieġa sabiex jiġi żgurat il-ħarsien tal-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 85(1) u l-Artikolu 86, kif ukoll il-kundizzjonijiet li jirregolaw il-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(3);

Billi f'dan ir-rigward għandhom jiġu meqjusa d-dispożizzjonijiet proċedurali tar-Regolament (KEE) Nru 1017/68 li japplika għall-operazzjonijiet tat-trasport intern u għandhom jiġu kkunsidrati ċerti karatteristiċi distintivi ta' l-operazzjonijiet tat-trasport b'mod ġenerali;

Billi, b'mod partikolari, minħabba l-karatteristiċi speċjali tat-trasport marittimu, hija r-responsabbiltà ewlenija ta' l-impriżi li jaraw li l-akkordju tagħhom, id-deċiżjonijiet u l-prattiki miftiehma jaqblu mar-regoli dwar il-kompetizzjoni, u minħabba f'hekk in-notifika tagħhom lill-Kummissjoni m'hemmx għalfejn tkun obbligatorja;

Billi f'ċerti ċirkostanzi l-impriżi jistgħu, madanakollu, jkunu jixtiequ japplikaw lill-Kummissjoni għal konferma li l-akkordju, id-deċiżjonijiet u l-prattiki miftiehma tagħhom huma skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ; billi għandha tiġi stabbilita proċedura ssimplifikata għal dawn il-każijiet,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

IT-TAQSIMA I

L-Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament

1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati għal-applikazzjoni ta' l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat għas-servizzi tat-trasport marittimu.

2. Għandu japplika biss għas-servizzi tat-trasport marittimu internazzjonali minn port wieħed jew aktar tal-Komunità, barra s-servizzi bil-bastimenti tramp.

3. Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament:

(a) "servizzi bil-bastimenti tramp" tfisser il-ġarr ta' oġġetti bil-grossa jew partijiet kbar f'bastiment mikri totalment jew parzjalment lil baħħar wieħed jew iżjed fuq il-bażi ta' vjaġġ jew l-iskeda taż-żmien jew xi forma oħra ta' kuntratt għal tbaħħir li m'huwiex skedat regolarment jew li m'huwiex irreklamat regolarment meta r-rati tal-ġarr tal-merkanzija huma nnegozjati b'mod ħieles każ b'każ skond il-kundizzjonijiet tal-provvista u tad-domanda;

(b) "konferenza tal-linja" tfisser grupp ta' żewġ trasportaturi li jopera bastiment jew iżjed li jipprovdi servizzi internazzjonali tal-linja għall-ġarr ta' tagħbijiet ta' merkanzija fuq rotta jew rotot partikolari f'żoni ġeografiċi speċifikati u li għandu ftehim jew arranġament, ta' kwalunkwe tip, fi ħdan il-qafas li jopera fih skond rati uniformi jew jew komuni tal-ġarr ta' merkanzija u xi kundizzjonijiet oħra miftiehma fil-każ ta' l-għoti ta' servizzi tal-liner;

(ċ) "utent tat-trasport" tfisser impriża (eż. baħħara, destinatarji, dawk li jgħaddu lill-oħrajn, eċċ.) sakemm tkun daħlet għal kuntratt jew arranġament ieħor jew turi l-intenzjoni li tagħmel dan ma' konferenza jew linja tat-tbaħħir għat-trasport bil-baħar ta' merkanzija, jew xi assoċjazzjoni ta' baħħara.

L-Artikolu 2

Akkordji tekniċi

1. Il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 85(1) tat-Trattat m'għandhiex tapplika għall-akkordji, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma li l-għan uniku u l-effett tagħhom huwa li jintlaħaq it-titjib tekniku jew il-kooperazzjoni permezz ta':

(a) l-introduzzjoni jew l-applikazzjoni uniformi ta' standards jew tipi fil-każ ta' bastimenti jew mezzi oħra ta' trasport, apparat, provvisti jew installazzjonijiet fissi;

(b) l-iskambju jew il-pooling bl-iskop li jitħaddmu s-servizzi ta' trasport, ta' bastimenti, spazju fuq il-bastimenti jew allokazzjonijiet u mezzi oħra ta' trasport, ħaddiema, tagħmir jew installazzjonijiet fissi;

(ċ) l-organizzazzjoni u l-eżekuzzjoni ta' operazzjonijiet suċċessivi jew supplimentari ta' trasport marittimu u l-istabbiliment jew l-applikazzjoni ta' rati inklużivi u kundizzjonijiet għal dawk l-operazzjonijiet;

(d) il-koordinazzjoni ta' skedi bil-ħinijiet tat-trasport għar-rotot ta' konnessjoni;

(e) il-konsolidazzjoni ta' kunsinni individwali;

(f) l-istabbiliment jew l-applikazzjoni ta' regoli uniformi fir-rigward ta' l-istruttura u l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-applikazzjoni tat-tariffi tat-trasport.

2. Il-Kummissjoni għandha, jekk ikun meħtieġ, tressaq proposti quddiem il-Kunsill sabiex tiġi emendata l-lista li tinsab fil-paragrafu 1.

L-Artikolu 3

Eżenzjoni għall-akkordji bejn it-trasportaturi fir-rigward ta' l-operazzjoni ta' servizzi ta' trasport marittimu skedati

L-akkordji, id-deċiżjonijiet u l-prattiki miftiehma tal-membri kollha jew ta' parti mill-membri ta' konferenza tal-liner waħda jew iktar huma hawnhekk eżentati mill-projbizzjoni fl-Artikolu 85(1) tat-Trattat, mingħajr preġudizzju għall-kundizzjoni imposta mill-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament, meta jkollhom bħala l-objettiv tagħhom l-iffissar ta' rati u kundizzjonijiet ta' ġarr, u, skond ma jkun il-każ, wieħed jew iżjed mill-objettivi li ġejjin:

(a) il-koordinazzjoni ta' l-iskedi tal-ħin tat-tbaħħir, id-dati tat-tbaħħir jew id-dati tal-wasliet;

(b) li tiġi stabbilita l-frekwenza tat-tbaħħir jew tal-wasliet;

(ċ) il-koordinazzjoni jew l-allokazzjoni ta' tbaħħir jew wasliet fost il-membri tal-konferenza;

(d) li tiġi rregolata l-kapaċità ta' ġarr offruta minn kull membru;

(e) l-allokazzjoni ta' tagħbija ta' merkanzija jew tad-dħul fost il-membri.

L-Artikolu 4

Kondizzjoni marbuta ma' l-eżenzjoni

L-eżenzjoni msemmija fl-Artikoli 3 u 6 għandha tingħata bil-kundizzjoni li l-akkordju, deċiżjoni jew prattiki miftiehma, fi ħdan is-suq komuni, ma jkunux ta' detriment għal ċerti portijiet, utenti tat-trasport jew trasportaturi billi japplikaw għall-ġarr ta' l-istess oġġetti u fl-istess żona koperta mill-akkordji, deċiżjonijiet jew prattiki miftiehma, rati u kundizzjonijiet tal-ġarr li huma differenti skond il-pajjiż ta' l-oriġini jew destinazzjoni jew il-port fejn issir it-tagħbija jew il-ħatt, kemm-il darba dawk ir-rati jew kundizzjonijiet jistgħu jiġu ġġustifikati ekonomikament.

Kull akkordju jew deċiżjoni jew, jekk huma separati, xi parti minn dak l-akkordju jew deċiżjoni li ma taqbilx mal-paragrafu preċedenti għandhom ikunu awtomatikament nulli skond l-Artikolu 85(2) tat-Trattat.

L-Artikolu 5

Obbligi marbuta ma' l-eżenzjoni

Dawn l-obbligi li ġejjin għandhom ikunu marbuta ma' l-eżenzjoni pprovduta fl-Artikolu 3:

1. Konsultazzjonijiet

2. Ftehim ta' lealtà

Il-ftehim ta' lealtà jrid jikkonforma mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) Kull konferenza trid toffri lill-utenti tat-trasport sistema ta' rifużjonijiet immedjati jew għażla bejn dik is-sistema u s-sistema ta' rifużjonijiet diferiti:

- taħt is-sistema ta' rifużjonijiet immedjati kull waħda mill-partijiet għandha tkun intitolata li tittermina l-ftehim ta' lealtà fi kwalunkwe żmien mingħajr multa u b'perjodu ta' avviż ta' mhux aktar minn sitt xhur; dan il-perjodu għandu jiġi mnaqqas għal tliet xhur meta r-rata tal-konferenza tkun is-suġġett ta' tilwima;

- taħt is-sistema ta' rifużjonijiet diferiti la l-perjodu ta' lealtà li fuq il-bażi tiegħu hija kkalkulata r-rifużjoni u lanqas il-perjodu ta' lealtà sussegwenti meħtieġ qabel il-ħlas tar-rifużjoni ma jista' jkun ta' aktar minn sitt xhur; dan il-perjodu għandu jitnaqqas għal tliet xhur meta r-rata tal-konferenza tkun is-suġġett ta' tilwima.

(b) Il-konferenza għandha, wara li tikkonsulta lill-utenti tat-trasport ikkonċernati, tistabbilixxi:

(i) lista ta' tagħbijiet ta' merkanzija u kull porzjon ta' merkanzija miftiehem ma' l-utenti tat-trasport li hu speċifikament eskluż mill-iskop tal-ftehim ta' lealtà; ftehim ta' lealtà ta' 100 % jista' jiġi offrut imma ma jistax jiġi impost unilateralment;

(ii) lista taċ-ċirkostanzi li fihom l-utenti tat-trasport huma meħlusa mill-obbligu tagħhom ta' lealtà; dawn għandhom jinkludu:

- ċirkustanzi li fihom il-kunsinni jintbagħtu minn jew lejn port fiż-żona koperta mill-konferenza iżda mhux irreklamati u meta t-talba għal rinunzja tista' tkun iġġustifikata, u

- dawk li fihom il-ħin ta' stennija ġewwa port jaqbeż il-perjodu li jrid jiġi stabbilit għal kull port u għal kull komodità jew grupp ta' komoditajiet wara konsultazzjoni ma' l-utenti tat-trasport direttament ikkonċernati bl-għoti ta' servizzi xierqa fil-port.

Il-konferenza għandha, madanakollu, tiġi mgħarrfa bil-quddiem mill-utent tat-trasport, fi żmien speċifikat, bl-intenzjoni tiegħu li jibgħat il-kunsinna minn port mhux irreklamat mill-konferenza jew li jagħmel użu minn bastiment mhux tal-konferenza f'port moqdi mill-konferenza hekk kif ikun jista' jistabbilixxi mill-iskeda ppubblikata tat-tbaħħir li l-perjodu massimu ta' stennija sejjer jinqabeż.

3. Servizzi mhux milquta mill-ħlasijiet għall-ġarr ta' merkanzija

4. Disponibbiltà ta' tariffi

5. Notifika lill-Kummissjoni dwar deċiżjonijiet ta' arbitraġġ u rakkomandazzjonijiet

L-Artikolu 6

L-eżenzjoni minn akkordji bejn l-utenti tat-trasport u l-konferenzi li jirrigwardaw l-użu ta' servizzi skedati ta' trasport marittimu

L-akkordji, id-deċiżjonijiet u l-prattiki miftiehma bejn l-utenti tat-trasport, min-naħa waħda, u l-konferenzi, min-naħa l-oħra, u ftehim bejn utenti tat-trasport li jista' jkun meħtieġ għal dak il-għan, li jirrigwardaw ir-rati, il-kondizzjonijiet u l-kwalità tas-servizzi tal-linja, sakemm huma pprovduti fl-Artikolu 5(1) u (2) huma hawnhekk eżentati mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 85(1) tat-Trattat.

L-Artikolu 7

Sorveljanza ta' l-akkordji eżentati

1. Ksur ta' obbligu

Meta l-persuni kkonċernati jiksru obbligu li, skond l-Artikolu 5, huwa marbut ma' l-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 3, il-Kummissjoni tista', sabiex ittemm dak il-ksur u skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima II:

- tindirizza r-rakkomandazzjonijiet lill-persuni kkonċernati;

- f'każ li dawk il-persuni jonqsu milli josservaw dawk ir-rakkomandazzjonijiet u skond il-gravità tal-ksur ikkonċernat, tadotta deċiżjoni li jew ma tħallihomx iwetttqu jew iġġiegħlhom iwettqu xi atti speċifiċi jew, filwaqt li tirtira l-benefiċċju ta' eżenzjoni sħiħa li gawdew minnha, tagħtihom eżenzjoni individwali skond l-Artikolu 11(4) jew tirtira l-benefiċċju ta' eżenzjoni sħiħa li gawdew minnha.

2. Effetti li m'humiex kompatibbli ma' l-Artikolu 85(3)

(a) Meta, minħabba ċirkustanzi speċjali kif deskritti hawn taħt, l-akkordji, id-deċiżjonijiet u l-prattiki miftiehma li jikkwalifikaw għall-eżenzjoni li hemm fl-Artikoli 3 u 6 madanakollu jkollhom effetti li m'humiex kompatibbli mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 85(3) tat-Trattat, il-Kummissjoni, malli tirċievi kwerela jew fuq inizjattiva tagħha stess, skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima II, trid tieħu l-miżuri deskritti f'(ċ) hawn taħt. Is-severità ta' dawn il-miżuri trid tkun proporzjonata mal-gravità tas-sitwazzjoni.

(b) Iċ-ċirkustanzi speċjali jinħolqu meta inter alia:

(i) atti ta' konferenzi jew bidla fil-kundizzjonijiet tas-suq f'kummerċ partikolari jirriżultaw fin-nuqqas jew fl-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni attwali jew potenzjali, bħal per eżempju prattiki restrittivi li bihom il-kummerċ ma jkunx espost għall-kompetizzjoni; jew

(ii) atti ta' konferenza li jistgħu jipprevjenu l-progress tekniku jew ekonomiku jew il-parteċipazzjoni ta' l-utent fil-benefiċċji;

(iii) atti ta' pajjiżi terzi li:

- jipprevjenu l-operat ta' barranin f'kummerċ,

- jimponu tariffi inġusti fuq il-membri tal-konferenza,

- jimponu arranġamenti li b'xi mod ieħor ifixklu l-progress tekniku jew ekonomiku (qsim tal-merkanzija, limitazzjonijiet fuq tipi ta' bastimenti).

(ċ) (i) Jekk il-kompetizzjoni attwali jew potetenzjali hija nieqsa jew tista' tiġi eliminata b'riżultat ta' azzjoni minn pajjiż terz, il-Kummissjoni trid tidħol f'konsultazzjonijiet ma' l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz ikkonċernat, u jekk ikun meħtieġ dawn għandhom jiġu segwiti minn negozjati taħt direttivi li jridu jingħataw mill-Kunsill sabiex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni.

Jekk iċ-ċirkustanzi speċjali jirriżultaw fin-nuqqas jew fl-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni attwali jew potenzjali b'mod li jista' jmur kontra l-Artikolu 85(3)(b) tat-Trattat il-Kummissjoni għandha tirtira l-benefiċċju ta' eżenzjoni sħiħa. Fl-istess ħin hi għandha tiddeċiedi jekk għandhiex tingħata eżenzjoni individwali lill-akkordji tal-konferenza relevanti bil-għan li, fost affarijiet oħrajn, jinkiseb aċċess għas-suq tal-linji mhux tal-konferenzi u, jekk dan iseħħ, taħt liema kundizzjonijiet u obbligi addizzjonali għandu jsir dan;

(ii) Jekk, minħabba ċ-ċirkustanzi speċjali kif stabbiliti f'(b), ikun hemm effetti oħra barra dawk imsemmija f'(i) hawnhekk, il-Kummissjoni trid tieħu waħda mill-miżuri deskritti fil-paragrafu 1 jew aktar minn waħda.

L-Artikolu 8

Effetti li m'humiex kompatibbli ma' l-Artikolu 86 tat-Trattat

1. L-abbuż ta' pożizzjoni dominanti skond it-tifsira ta' l-Artikolu 86 tat-Trattat hija pprojbita, u m'hijiex meħtieġa deċiżjoni preċedenti li jkollha dan l-effett.

2. Meta l-Kummissjoni, jew fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta' Stat Membru jew ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jippretendu interess leġittimu, issib li f'xi każ partikulari l-imġiba tal-konferenzi li qegħdin igawdu mill-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 3 xorta waħda għandha effetti li huma inkompatibbli ma' l-Artikolu 86 tat-Trattat, hija tista' tirtira l-benefiċċju sħiħu tieħ u, skond l-Artikolu 10, il-miżuri xierqa kollha bl-iskop li ttemm il-ksur ta' l-Artikolu 86 tat-Trattat.

3. Qabel ma tieħu deċiżjoni skond il-paragrafu 2, il-Kummissjoni tista' tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-konferenza biex jintemm il-ksur.

L-Artikolu 9

Kunflitti tad-dritt internazzjonali

1. Meta l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għal ċerti prattiki jew klawżoli restrittivi tkun aktarx sejra tmur kontra d-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-liġi, minn regolamenti jew azzjoni amministrattiva ta' ċerti pajjiżi terzi li jistgħu jikkompromettu l-interessi importanti tal-Komunità fil-kummerċ u t-tbaħħir, il-Kummissjoni għandha, ma' l-ewwel ċans li jkollha, tidħol f'konsultazzjonijiet ma' l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi kkonċernati, immirati lejn sabiex tintlaħaq rikonċiljazzjoni dwar l-interess imsemmi hawn fuq b'osservanza tal-liġi tal-Komunità. Il-Kummissjoni trid tgħarraf lill-Kumitat Konsultattiv li għalih issir referenza fl-Artikolu 15 bl-eżitu ta' dawn il-konsultazzjonijiet.

2. Meta jkun hemm bżonn li jiġi nnegozjat ftehim ma' pajjiżi terzi, il-Kummissjoni għandha tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, li għandu jawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tibda n-negozjati meħtieġa.

Il-Kummissjoni għandha tmexxi dawn in-negozjati b'konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv kif imsemmi fl-Artikolu 15 u fi ħdan il-qafas ta' dawk id-Direttivi li l-Kunsill joħorġilha.

3. Waqt li jeżerċita l-poteri mogħtija lilu permezz ta' dan l-Artikolu, il-Kunsill għandu jaġixxi skond il-proċedura ta' teħid ta' deċiżjonijiet stabbilita fl-Artikolu 84(2) tat-Trattat.

IT-TAQSIMA II

REGOLI TA' PROĊEDURA

L-Artikolu 10

Proċeduri li jinbdew bi kwerela jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni

Waqt li taġixxi fuq kwerela li tkun irċeviet jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni trid tibda l-proċeduri biex ittemm kull ksur tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 85(1) jew 86 tat-Trattat jew biex tinforza l-Artikolu 7 ta' dan ir-Regolament.

Il-kwereli jistgħu jsiru minn:

(a) Stati Membri;

(b) persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jippretendu interess leġittimu.

L-Artikolu 11

Riżultat tal-proċeduri li jinbdew bi kwerela jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess

1. Meta l-Kummissjoni ssib li kien hemm ksur ta' l-Artikolu 85(1) jew 86 tat-Trattat, hija tista' permezz ta' deċiżjoni titlob lill-impriżi jew lill-assoċjazzjonijiet ta' l-impriżi kkonċernati biex ittemmu dak il-ksur.

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħrajn ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista', qabel ma tieħu deċiżjoni skond is-subparagrafu preċedenti, tindirizza lill-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi kkonċernati rakkomandazzjonijiet biex jintemm il-ksur.

2. Il-paragrafu 1 għandu japplika ukoll għall-każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 7 ta' dan ir-Regolament.

3. Jekk il-Kummissjoni, meta taġixxi fuq xi kwerela li tkun irċeviet, tasal għall-konklużjoni li skond il-provi li jkollha quddiemha m'hemmx raġunijiet għal intervent skond l-Artikoli 85(1) jew 86 tat-Trattat jew l-Artikolu 7 ta' dan ir-Regolament, fir-rigward ta' xi akkordji, deċiżjoni jew prattiki, hija għandha tagħti deċiżjoni li biha tiċħad il-kwerela bħala waħda mhux iġġustifikata.

4. Jekk il-Kummissjoni, sew jekk taġixxi fuq kwerela li tkun irċeviet jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, tasal għall-konklużjoni li xi akkordji, deċiżjoni jew prattiki miftiehma jissodisfaw id-dispożizzjonijiet kemm ta' l-Artikolu 85(1) kif ukoll ta' l-Artikolu 85(3) tat-Trattat, hija għandha tagħti deċiżjoni li tapplika l-Artikolu 85(3). Dik id-deċiżjoni trid tindika d-data li fiha għandha tidħol fis-seħħ. Din id-data tista' tkun qabel dik tad-deċiżjoni.

L-Artikolu 12

Applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(3) — oġġezzjonijiet

1. L-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta' l-impriżi li jippruvaw japplikaw l-Artikolu 85(3) tat-Trattat fil-każ ta' l-akkordji, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 85(1) li għalih huma partijiet, għandhom jissottomettu applikazzjonjiet lill-Kummissjoni.

2. Jekk il-Kummissjoni tiġġudika li applikazzjoni hija inammissibbli u jkollha fil-pussess tagħha x-xhieda disponibbli kollha, u ebda azzjoni ma tkun ittieħdet taħt l-Artikolu 10 kontra l-akkordji, id-deċiżjoni jew il-prattiki miftiehma inkwistjoni, hija għandha mbagħad tippubblika kemm jista' jkun malajr fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej sommarju ta' l-applikazzjoni u tistieden lill-partijiet terzi interessati u lill-Istati Membri kollha sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom lill-Kummissjoni fi żmien 30 jum. Dawk il-pubblikazzjonijiet iridu jqisu l-interess leġittimu ta' l-impriżi li jipproteġu s-sigrieti kummerċjali tagħhom.

3. Sakemm il-Kummissjoni ma tgħarrafx lill-applikanti, fi żmien 90 ġurnata mid-data ta' dik il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, li m'hemmx dubji serji dwar il-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(3), l-akkordju, id-deċiżjoni jew il-prattika miftiehma għandha titqies bħala eżenti, sakemm tikkonforma mad-deskrizzjoni mogħtija fl-applikazzjoni, mill-projbizzjoni għaż-żmien li diġà jkun skada u għal massimu ta' sitt snin mid-data tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Jekk il-Kummissjoni ssib li, wara li jiskadi l-perjodu stipulat ta' 90 ġurnata, iżda qabel ma jiskadi l-perjodu ta' sitt xhur, li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(3) ma ġewx issodisfati, hija trid tagħti deċiżjoni li biha tiddikjara li l-projbizzjoni ta' l-Artikolu 85(1) hija applikabbli. Din id-deċiżjoni tista' tkun retroattiva meta l-partijiet ikkonċernati jkunu taw informazzjoni mhux preċiża jew meta jkunu abbużaw mill-eżenzjoni mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 85(1).

4. Il-Kummissjoni tista' tgħarraf lill-applikanti kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 u trid tagħmel hekk jekk issir talba minn Stat Membru fi żmien 45 ġurnata minn meta ġiet mgħoddija l-applikazzjoni lill-Istat Membru skond l-Artikolu 15(2). Din it-talba trid tkun iġġustifikata fuq il-bażi ta' konsiderazzjonijiet marbuta mar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat.

Jekk tara li l-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 85(1) u ta' l-Artikolu 85(3) huma ssodisfati, il-Kummissjoni għandha tagħti deċiżjoni li tapplika l-Artikolu 85(3). Id-deċiżjoni għandha tindika d-data li fiha għandha tidħol fis-seħħ. Id-data tista' tkun qabel dik ta' l-applikazzjoni.

L-Artikolu 13

Tul u revoka tad-deċiżjonijiet li japplikaw l-Artikolu 85(3)

1. Kull deċiżjoni li tapplika l-Artikolu 85(3) meħuda skond l-Artikolu 11(4) jew skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 12(4) trid tindika l-perjodu li għalih għandha tkun valida; normalment dak il-perjodu ma jridx ikun inqas minn sitt snin. Il-kundizzjonijiet u l-obbligi jistgħu jiġu mehmuża mad-deċiżjoni.

2. Id-deċiżjoni tista' tiġi mġedda jekk il-kundizzjonijiet sabiex jiġi applikat l-Artikolu 85(3) jibqgħu issodisfati.

3. Il-Kummissjoni tista' tirrevoka jew temenda d-deċiżjoni tagħha jew tipprojbixxi atti speċifiċi mill-partijiet:

(a) meta jkun hemm bidla f'xi wieħed mill-fatti li kienu bażiċi għat-teħid tad-deċiżjoni;

(b) meta l-partijiet kisru xi obbligu marbut mad-deċiżjoni;

(ċ) meta d-deċiżjoni hi bbażata fuq informazzjoni skorretta jew ittieħdet b'konsegwenza ta' qerq, jew

(d) meta l-partijiet jabbużaw mill-eżenzjoni mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 85(1) mogħtija lilhom mid-deċiżjoni.

F'każijiet li jaqgħu taħt (b), (ċ) jew (d), id-deċiżjoni tista' tkun irrevokata b'effett retroattiv.

L-Artikolu 14

Poteri

Mingħajr preġudizzju għar-reviżjoni tad-deċiżjoni tagħha mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni għandha jkollha l-poter uniku li:

- timponi obbligi skond l-Artikolu 7;

- li tagħti deċiżjonijiet skond l-Artikolu 85(3).

L-awtoritajiet ta' l-Istati Membri għandhom iżommu s-setgħa li jiddeċiedu jekk każ jaqax taħt id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 85(1) jew l-Artikolu 86, sa dak iż-żmien meta l-Kummissjoni tkun bdiet proċedura bil-ħsieb li tifformula deċiżjoni fil-każ imsemmi jew tkun bagħtet notifika kif ipprovdut fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 12(3).

L-Artikolu 15

Rabta ma' l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri

1. Il-Kummissjoni għandha twettaq il-proċeduri msemmija f'dan ir-Regolament b'rabta mill-qrib u kostanti ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri; dawn l-awtoritajiet għandu jkollhom id-dritt li jesprimu l-ideat tagħhom dwar dawk il-proċeduri.

2. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi minnufih lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri kopji tal-kwereli u ta' l-applikazzjonijiet tagħhom, u tad-dokumenti l-iktar importanti mibgħuta lilha jew li hija tibgħat waqt dawn il-proċeduri.

3. Kumitat Konsultattiv dwar akkordji u pożizzjonijiet dominanti fit-trasport marittimu jrid jiġi kkonsultat qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni li ssegwi minn proċedura skond l-Artikolu 10 jew xi deċiżjoni mogħtija skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 12(3), jew skond it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4 ta' l-istess l-Artikolu. Il-Kumitat Konsultattiv irid ukoll jiġi kkonsultat qabel l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet implimentattivi stabbiliti fl-Artikolu 26.

4. Il-Kumitat Konsultattiv għandu jkun kompost min uffiċjali kompetenti fl-isfera tat-trasport marittimu u fl-akkordji u pożizzjonijiet dominanti. Kull Stat Membru jrid jinnomina żewġ uffiċjali biex jirrappreżentawh, li kull wieħed minnhom jista' jiġi mibdul, fil-każ li ma jkunx jista' jattendi, minn uffiċjal ieħor.

5. Il-konsultazzjoni għandha sseħħ waqt laqgħa konġunta msejħa mill-Kummissjoni; kull laqgħa għandha ssir mhux aktar kmieni minn erbatax-il jum wara li jintbagħat l-avviż tas-sejħa. Dan l-avviż irid, fil-każ ta' kull każ li jrid jiġi eżaminat, ikollu miegħu sommarju tal-każ flimkien ma' indikazzjoni dwar l-iktar dokumenti importanti, u abbozz ta' deċiżjoni preliminari.

6. Il-Kumitat Konsultattiv jista' jagħti opinjoni minkejja li xi ftit mill-membri tiegħu jew l-alternati tagħhom m'humiex preżenti. Rapport dwar l-eżitu tal-proċedimenti konsultattivi għandu jiġi mehmuż mad-deċiżjoni ta' l-abbozz. Dan m'għandux jinħareġ għall-pubbliku.

L-Artikolu 16

Talbiet għall-informazzjoni

1. Waqt li tkun qiegħda taqdi d-dmirijiet mogħtija lilha minn dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' takkwista l-informazzjoni kollha meħtieġa minngħand il-Gvernijiet u l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri u mill-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta' l-impriżi.

2. Meta tibgħat talba għall-informazzjoni lil impriża jew assoċjazzjoni ta' impriżi, il-Kummissjoni għandha fl-istess ħin tibgħat kopja tat-talba lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab is-sede ta' l-impriża jew ta' l-assoċjazzjoni ta' impriżi.

3. Fit-talba tagħha, il-Kummissjoni għandha tistqarr il-bażi legali u l-iskop tat-talba, kif ukoll il-penalitajiet ipprovduti mill-Artikolu 19(1)(b) jekk tingħata informazzjoni skorretta.

4. Is-sidien ta' l-impriżi jew ir-rappreżentanti tagħhom u, fil-każ ta' persuni ġuridiċi, kumpaniji jew ditti, jew assoċjazzjonijiet li m'għandhom ebda personalità ġuridika, il-persuna awtorizzata biex tirrappreżentahom bil-liġi jew bil-kostituzzjoni tagħhom, għandhom ikunu marbuta biex jagħtu l-informazzjoni mitluba.

5. Meta impriża jew assoċjazzjoni ta' impriżi ma jagħtux l-informazzjoni mitluba fiż-żmien stipulat mill-Kummissjoni, jew jipprovdu informazzjoni skorretta, il-Kummissjoni għandha titlob permezz ta' deċiżjoni li tingħata l-informazzjoni. Id-deċiżjoni trid tispeċifika liema informazzjoni hi meħtieġa, trid tistabbilixxi perjodu xieraq li fih għandha tingħata u trid tistqarr x'inhuma l-penalitajiet stabbiliti fl-Artikoli 19(1)(b) u fl-Artikolu 20(1)(ċ) u d-dritt li d-deċiżjoni tiġi rriveduta mill-Qorti tal-Ġustizzja.

6. Il-Kummissjoni trid fl-istess ħin tibgħat kopja tad-deċiżjoni tagħha lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab is-sede ta' l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta' l-impriżi.

L-Artikolu 17

Investigazzjonijiet mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri

1. Fuq talba tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-investigazzjonijiet li l-Kummissjoni jidhrilha li huma meħtieġa skond l-Artikolu 18(1), jew li tkun ordnat b'deċiżjoni skond l-Artikolu 18(3). L-uffiċjali ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri responsabbli sabiex imexxu dawk l-investigazzjonijiet iridu jeżerċitaw is-Poteri tagħhom billi juru awtorizzazzjoni bil-miktub maħruġa mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu trid issir l-investigazzjoni. Din l-awtorizzazzjoni trid tispeċifika s-suġġett u l-iskop ta' l-investigazzjoni.

2. Jekk issir talba mill-Kummissjoni jew mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu trid issir l-investigazzjoni, l-uffiċjali tal-Kummissjoni jistgħu jgħinu lill-uffiċjali ta' dik l-awtorità sabiex jaqdu d-dmirijiet tagħhom.

L-Artikolu 18

Poteri investigattivi tal-Kummissjoni

1. Fil-qadi tad-dmirijiet mogħtija lilha minn dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' tagħmel l-investigazzjonijiet meħtieġa dwar impriżi u assoċjazzjonijiet ta' l-impriżi.

Għal dan l-iskop l-uffiċjali awtorizzati mill-Kummissjoni għandhom is-setgħa:

(a) li jeżaminaw il-kotba u dokumenti oħrajn kummerċjali;

(b) li jieħdu kopji ta' jew siltiet minn kotba u dokumenti kummerċjali;

(ċ) li jitolbu spjegazzjonijiet orali fuq il-post;

(d) li jidħlu fi kwalunkwe proprjetà, art u vetturi ta' l-impriżi.

2. L-uffiċjali tal-Kummissjoni li huma awtorizzati biex jagħmlu dawn l-investigazzjonijiet iridu jeżerċitaw il-poteri tagħhom billi juru awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-iskop ta' l-investigazzjoni u l-penalitajiet stabbiliti fl-Artikolu 19(1)(ċ) f'każijiet fejn il-preżentazzjoni tal-kotba jew ta' dokumenti kummerċjali oħrajn meħtieġa ma tkunx kompluta. Fi żmien tajjeb qabel l-investigazzjoni, il-Kummissjoni trid tgħarraf lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu irid isir l-istess fir-rigward ta' l-investigazzjoni u l-identità ta' l-uffiċjali awtorizzati.

3. L-impriżi u l-assoċjazzjonijiet iridu joqogħdu għall-investigazzjonijiet ordnati b'deċiżjoni tal-Kummissjoni. Id-deċiżjoni trid tispeċifika s-suġġett u l-iskop ta' l-investigazzjoni, tagħżel id-data li fiha għandha tibda u tindika l-multi stabbiliti fl-Artikoli 19(1)(ċ) u l-Artikolu 20(1)(d) u d-dritt li d-deċiżjoni tiġi rreveduta mill-Qorti tal-Ġustizzja.

4. Il-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 wara konsultazzjoni ma' l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu trid issir l-investigazzjoni.

5. L-uffiċjali ta' l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha ssir l-investigazzjoni, jistgħu fuq talba ta' dik l-awtorità jew tal-Kummissjoni, jassistu lill-uffiċjali tal-Kummissjoni sabiex jaqdu dmirijiethom.

6. Meta impriża topponi li ssir investigazzjoni ordnata skond dan l-Artikolu, l-Istat Membru kkonċernat jista' jagħti l-għajnuna meħtieġa lill-uffiċjali awtorizzati mill-Kummissjoni biex ikunu jistgħu jagħmlu l-investigazzjoni tagħhom. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jridu jieħdu l-miżuri meħtieġa, wara li jikkonsultaw lill-Kummissjoni, qabel l-1 ta' Jannar 1989.

L-Artikolu 19

Multi

1. Il-Kummissjoni tista' b'deċiżjoni timponi fuq in-nies jew l-assoċjazzjonijiet ta' l-impriżi multi minn ECU 100 sa 5000 meta, volontarjament jew bi traskuraġni:

(a) jagħtu informazzjoni skorretta jew li tkun qarrieqa, jew f'komunikazzjoni skond l-Artikolu 5(5) jew f'applikazzjoni skond l-Artikolu 12; jew

(b) jagħtu informazzjoni skorretta bħala tweġiba għal talba skond l-Artikolu 16(3) jew (5), jew jonqsu milli jagħtu l-informazzjoni fiż-żmien iffissat mid-deċiżjoni meħuda skond l-Artikolu 16(5); jew

(ċ) jippreżentaw il-kotba meħtieġa jew dokumenti oħra tan-negozju f'forma mhux kompluta waqt l-investigazzjonijiet skond l-Artikolu 17 jew l-Artikolu 18, jew jonqsu milli joqogħdu għall-investigazzjoni ordnata b'deċiżjoni li timplimenta l-Artikolu 18(3).

2. Il-Kummissjoni tista' b'deċiżjoni timponi fuq l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta' l-impriżi multi minn ECU 1000 sa miljun ECU, jew somma akbar iżda li ma tkunx aktar minn 10 % tal-qligħ fis-sena tal-kummerċ preċedenti ta' l-impriżi li ħadu sehem fil-ksur, meta jew volontarjament jew bi traskuraġni:

(a) jiksru l-Artikolu 85(1) jew l-Artikolu 86 tat-Trattat, jew ma jħarsux l-obbligu impost skond l-Artikolu 7 ta' dan ir-Regolament;

(b) jiksru xi obbligu impost skond l-Artikolu 5 jew l-Artikolu 13(1).

Meta jiġi ffissat l-ammont tal-multa, iridu jiġu kkunsidrati kemm il-gravità kif ukoll it-tul taż-żmien tal-ksur.

3. L-Artikolu 15(3) u (4) għandu japplika.

4. Deċiżjonijiet meħuda skond il-paragrafi 1 u 2 m'għandhomx ikunu ta' natura kriminali.

Il-multi stabbiliti fil-paragrafu 2(a) m'għandhomx jiġu imposti fir-rigward ta' atti li jseħħu wara n-notifika lill-Kummissjoni u qabel id-Deċiżjoni tagħha fil-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(3) tat-Trattat, dejjem jekk jaqgħu fil-limiti ta' l-attività deskritta fin-notifika.

Madanakollu, din id-dispożizzjoni m'għandhiex ikollha effett meta l-Kummissjoni tkun infurmat lill-impriżi kkonċernati li wara l-eżaminazzjoni preliminarja hija tal-fehma li l-Artikolu 85(1) tat-Trattat japplika u li l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(3) m'hijiex iġġustifikata.

L-Artikolu 20

Ħlasijiet perjodiċi ta' multi

1. Il-Kummissjoni tista' b'deċiżjoni timponi fuq l-impriża jew l-assoċjazzjonijiet ta' l-impriżi ħlasijiet perjodiċi ta' penali ta' bejn ECU 50 sa ECU 1000 kull jum, ikkalkulat mid-data msemmija mid-deċiżjoni, sabiex iġġegħilhom:

(a) itemmu l-ksur ta' l-Artikolu 85(1) jew l-Artikolu 86 tat-Trattat li t-tmiem tiegħu tkun ordnat skond l-Artikolu 11, jew iħarsu l-obbligu impost skond l-Artikolu 7;

(b) joqogħdu lura minn kull att ipprojbit taħt l-Artikolu 13(3);

(ċ) jagħtu informazzjoni sħiħa u korretta li tkun talbet b'deċiżjoni skond l-Artikolu 16(5);

(d) joqogħdu għal investigazzjoni li tkun ordnat b'deċiżjoni skond l-Artikolu 18(3).

2. Meta l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta' l-impriżi jkunu ssodisfaw l-obbligu li l-ħlasijiet perjodiċi tal-penali kellhom l-iskop li jinforzaw, il-Kummissjoni tista' tiffissa l-ammont totali tal-ħlasijiet perjodiċi ta' penali f'figura iktar baxxa minn dik li tirriżulta mid-deċiżjoni oriġinali.

3. L-Artikolu 15(3) u (4) għandu japplika.

L-Artikolu 21

Reviżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni illimitata skond it-tifsira ta' l-Artikolu 172 tat-Trattat sabiex tirrevedi d-deċiżjonijiet li bihom il-Kummissjoni tkun iffissat multa jew ħlas perjodiku ta' penali; hija tista' tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multi jew il-ħlas perjodiku ta' penali imposti.

L-Artikolu 22

Unità tal-kontijiet

Għall-iskop ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 19 sa 21 l-ECU għandha tkun dik adottata fit-tfassil tal-budget tal-Komunità skond l-Artikoli 207 u 209 tat-Trattat.

L-Artikolu 23

Smigħ tal-partijiet u ta' terzi persuni

1. Qabel ma jittieħdu d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 11, 12(3) it-tieni subparagrafu, u 12(4), 13(3), 19 u 20, il-Kummissjoni trid tagħti lill-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta' l-impriżi kkonċernati l-opportunità li jinstemgħu dwar materji li l-Kummissjoni ma toġġezzjonax għalihom.

2. Jekk il-Kummissjoni jew l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jidhrilhom illi huwa meħtieġ, huma jistgħu jisimgħu ukoll lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħrajn. Jekk dawn il-persuni jagħmlu applikazzjonijiet biex jinstemgħu, dawn l-applikazzjonijiet għandhom jiġu milqugħa jekk juru biżżejjed interess.

3. Meta l-Kummissjoni tkun beħsiebha tagħti approvazzjoni negattiva skond l-Artikolu 85(3) tat-Trattat, hija trid tippubblika sommarju ta' l-akkordju, deċiżjoni jew prattika miftiehma relevanti u tistieden lill-partijiet kollha interessati sabiex jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom fi żmien stipulat li hija għandha tiffissa u li hu ta' mhux inqas minn xahar. Il-pubblikazzjoni għandha tqis l-interess leġittimu ta' l-impriżi fil-ħarsien tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

L-Artikolu 24

Segretezza professjonali

1. L-informazzjoni miksuba permezz ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 17 u 18 għandha tintuża biss għall-iskop tat-talba jew investigazzjoni relevanti.

2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 23 u 25, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, l-uffiċjali tagħhom u qaddejja oħra ma jistgħux jikxfu l-informazzjoni li huma jkunu kisbu permezz ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u tat-tip kopert bl-obbligu tas-segretezza professjonali.

3. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2 ma jistgħux iwaqqfu milli tiġi ppubblikata l-informazzjoni ġenerali jew l-istħarriġ li ma fihomx informazzjoni dwar l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta' impriżi partikolari.

L-Artikolu 25

Pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet

1. Il-Kummissjoni għandha tippubblika d-deċiżjonijiet li tieħu skond l-Artikoli 11, 12(3), it-tieni paragrafu, 12(4) u 13(3).

2. Il-pubblikazzjoni trid tistqarr l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut ewlieni tad-deċiżjoni; trid tqis ukoll l-interess leġittimu ta' l-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali.

L-Artikolu 26

Dispożizzjonijiet implimentattivi

Il-Kummissjoni għandha jkollha l-poter li tadotta dispożizzjonijiet implimentattivi li jirrigwardaw l-iskop ta' l-obbligu tal-komunikazzjoni skond l-Artikolu 5(5), il-forma, il-kontenut u dettalji oħra ta' kwereli skond l-Artikolu 10, l-applikazzjonijiet skond l-Artikolu 12 u s-smigħ ipprovdut mill-Artikolu 23(1) u (2).

L-Artikolu 27

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1987.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-22 ta' Diċembru 1986.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Shaw

[1] ĠU C 172, tat-2.7.1984, p. 178; ĠU C 255, tat-13.10.1986, p. 169.

[2] ĠU C 77, tal-21.3.1983, p. 13; ĠU C 344, tal-31.12.1985, p. 31.

[3] ĠU 124, tat-28.11.1962, p. 2751/62.

[4] ĠU 13, tal-21.2.1962, p. 204/62.

[5] ĠU L 175, tat-23.7.1968, p. 1.

[6] ĠU L 121, tas-17.5.1979, p. 1.

--------------------------------------------------