31986R3494



Official Journal L 323 , 18/11/1986 P. 0001 - 0002
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 22 P. 0044
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 22 P. 0044


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3494/86

tat-13 ta’ Novembru 1986

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2772/75 dwar l-istandards tal-marketing tal-bajd u r-Regolament (KEE) Nru 2782/75 dwar il-produzzjoni u l-marketing tal-bajd tat-tfaqqis u tal-flieles tat-tjur ta’ l-irziezet

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2771/75 tad-29 ta’ Ottubru 1975 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-bajd [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 1475/86 [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 2(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2777/75 tad-29 ta’ Ottubru 1975 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-laħam tat-tjur [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 1475/86, u b’mod partikolari l-Artikolu 2(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2772/75 [4], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 3791/85 [5], jistabbilixxi ċerti standards għall-marketing tal-bajd;

Billi l-esperjenza miksuba mill-introduzzjoni ta’ dawn l-istandards tindika l-ħtieġa li l-iskop ta’ dawn ta’ l-aħħar jiġi ddefinit iktar ċar; billi, bil-ħsieb tax-xejriet ta’ dan l-aħħar fil-prattika osservata fil-postijiet fejn isir it-tfaqqis u sabiex jiġu inkoraġġiti l-produzzjoni u l-marketing tal-prodotti mill-bajd, għandha ssir dispożizzjoni b’mod partikolari sabiex jiġi eskluż il-bajd inkubat mill-iskop ta’ dawn l-istandards;

Billi r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2782/75 [6], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 3791/85, jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet dwar il-produzzjoni u l-marketing tal-bajd tat-tfaqqis u tal-flieles tat-tjur ta’ l-irziezet; billi, sabiex ikun possibli li jkun hemm distinzjoni bejn il-bajd imwarrab mill-inkubaturi u l-bajd bla ħsara għar-Regolament (KEE) Nru 2772/75, għandhom jiġu emendati d-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-identifikazjoni tal-bajd tat-tfaqqis; billi l-informazjoni għandha tiġi miġbura f’intervalli regolari taż-żmien dwar il-bajd imwarrab mill-inkubaturi u l-użu tiegħu,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Ir-Regolament (KEE) Nru 2772/75 huwa hawnhekk emendat kif ġej:

1. L-Artikolu 1(1) u (2) jiġi mibdul b’dan li ġej:

"1. "Bajd" ifisser bajd tat-tiġieġ fil-qoxra, xieraq għall-użu dirett mill-konsumatur għall-konsum mill-bniedem jew għall-użu fl-industrija ta’ l-ikel, għajr għall-bajd inkubat.

2. "Bajd industrijali" ifisser il-bajd tat-tiġieġ fil-qoxra għajr għal dak riferit fil-1, inkluż il-bajd inkubat."

2. L-Artikolu 6(2) jiġi mħassar.

3. L-Artikolu 9 jiġi mibdul b’dan li ġej:

"L-Artikolu 9

Il-bajd tal-grad Ċ għandu jkun bajd illi ma jilħaqx il-ħtiġiet li japplikaw għall-bajd tal-gradi A jew B. Jista’ jitgħadda biss lill-impjanti li jipproċessaw il-bajd jew lill-industrija."

L-Artikolu 2

Ir-Regolament (KEE) Nru 2782/75 huwa hawnhekk emendat kif ġej:

1. Fl-Artikolu 5:

- il-paragrafu 1 jiġi mibdul b’dan li ġej:

"1. Il-bajd tat-tfaqqis, użat għal produzzjoni tal-flieles, għandu jiġi mmarkat individwalment."

- jiġi mħassar il-paragrafu 2 u l-paragrafi 3 u 4 isiru l-paragrafi 2 u 3 rispettivament.

2. L-Artikolu 7 jiġi mibdul b’dan li ġej:

"L-Artikolu 7

Kull stabbiliment fejn isir it-tfaqqis għandu jżomm reġistru jew aktar fejn għandhom jiddaħħlu l-partikolaritajiet li ġejjin skond l-ispeċi, il-kategorija (in-nanniet, il-ġenitur jew il-ħażna ta’ l-utilità) u t-tip (għall-użu tal-mejda, għat-tqegħid jew għal skop doppju):

(a) id-data li fiha l-bajd ikun tqiegħed fl-inkubatur, in-numru tal-bajd inkubat u n-numru ta’ distinzjoni ta’ l-istabbiliment li fih ikun ġie prodott il-bajd tat-tfaqqis;

(b) id-data tat-tfaqqis u n-numru ta’ flieles imfaqqsa attwalment maħsub għall-użu;

(ċ) in-numru tal-bajd inkubat imwarrab mill-inkubatur u l-identità tax-xerrej."

3. L-Artikolu 8 jiġi mibdul b’dan li ġej:

"L-Artikolu 8

Il-bajd imwarrab mill-inkubatur għandu jintuża għal għanijiet oħra għajr il-konsum mill-bniedem. Jista’ jintuża bħala bajd industrijali fl-iskop tat-tifsira ta’ l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2772/75."

4. L-Artikolu 9(1) jiġi mibdul b’dan li ġej:

"1. Kull stabbiliment fejn jitfaqqas il-bajd għandu jgħarraf kull xahar lill-aġenzija kompetenti ta’ l-Istat Membru, bl-ispeċi, il-kategorija u t-tip, in-numru tal-bajd imqiegħed fl-inkubatur, u n-numru tal-flieles imfaqqsa li jkun attwalment maħsub għall-użu."

L-Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1987, għajr għall-Artikolu 2, li għandu jagħmel hekk fl-1 ta’ Lulju 1987.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-13 ta’ Novembru 1986.

Għall-Kunsill

Il-President

R. Luce

[1] ĠU L 282, ta’ l-1.11.1975, p. 49.

[2] ĠU L 133, tal-21.5.1986, p. 39.

[3] ĠU L 282, ta’ l-1.11.1975, p. 77.

[4] ĠU L 282, ta’ l-1.11.1975, p. 56.

[5] ĠU L 367, tal-31.12.1985, p. 6.

[6] ĠU L 282, ta’ l-1.11.1975, p. 100.

--------------------------------------------------