31986L0363



Official Journal L 221 , 07/08/1986 P. 0043 - 0047
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 21 P. 0226
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 21 P. 0226


Id-Direttiva tal-Kunsill

ta' l-24 ta' Lulju 1986

Dwar l-iffissar ta' livelli massimi għal residwi ta' pestiċidi fi u fuq affarijiet ta' l-ikel ta' oriġini mill-annimali

(86/363/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 43 u 100 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-produzzjoni ta' l-uċuh tar-raba' u ta' l-annimali għandhom irwol importanti ħafna fil-Komunità.

Billi l-frott minn dik il-produzzjoni hija kontinwament effettwata minn organiżmi u ħaxix noċiv;

Billi huwa assolutament essenzjali li jiġu protetti l-pjanti, il-prodotti tal-pjanti u l-bhejjem kontra dawn l-organiżmi, mhux biss sabiex jiġi evitat tnaqqis fil-produzzjoni iżda wkoll biex tiżdied il-produttività agrikola;

Billi wieħed mill-aktar metodi importanti biex jiġu protetti l-pjanti, il-prodotti tal-pjanti u l-bhejjem mill-effetti ta' dawn l-organiżmi noċivi huwa l-użu ta' pestiċidi kimiċi.

Billi, madankollu, dawn il-pestiċidi m'għandhomx biss effett favorevoli fuq il-produzzjoni tal-pjanti u l-annimali, minħabba li dawn huma ġeneralment sustanzi u preparazzjonijiet tossiċi b'effetti sekondarji perikolużi;

Billi għadd kbir minn dawn il-pestiċidi u l-metaboliti tagħhom jew il-prodotti li jirriżultaw minnhom jista' jkollhom effetti ta' ħsara fuq il-konsumaturi u l-prodotti mill-annimali.

Billi dawn il-pestiċidi u l-kontaminanti li jistgħu jkunu magħhom jistgħu jkunu ta' dannu għall-ambjent u indirettament jeffettwaw lill-bnedmin permezz tal-prodotti mill-annimali;

Billi, sabiex iħarsu kontra dawn il-perikoli, bosta Stati Membri diġà ffissaw livelli massimi għal ċerti fdalijiet ta' pestiċidi fil-prodotti ta' l-ikel li ġejjin mill-annimali jew fuqhom;

Billi d-differenzi li jeżistu bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-livelli massimi ta' fdalijiet ta' pestiċidi permissibbli jistgħu jikkontribwixxu biex jinħolqu ostakoli għall-kummerċ u b'hekk ifixklu l-moviment ħieles ta' l-oġġetti ġol-Komunità;

Billi, għal din ir-raġuni, fl-istadju inizzjali, il-livelli massimi għandhom jiġu stabbiliti fil-każ ta'ċerti taħlitiet organokloriniċi fil-laħam u fil-prodotti tal-laħam u fil-ħalib u l-prodotti tal-ħalib, li għandhom jiġu mħarsa meta dawn il-prodotti jitpoġġew fiċ-ċirkolazzjoni;

Billi, barra minn hekk, il-ħarsien tal-livelli massimi għandu jiżgura li l-oġġetti jkunu jistgħu jiċċirkolaw liberalment u li s-saħħa tal-konsumaturi tiġi protetta kif imiss;

Billi fl-istess waqt l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jawtorizzaw is-sorveljanza tal-livelli ta' fdalijiet ta' pestiċidi fil-prodotti ta' l-ikel li joriġinaw mill-annimali magħmula u kkunsmati fit-territorju tagħhom minn sistema ta' sorveljanza u għandhom jiġu stabbiliti sistema ta' sorveljanza u miżuri relatati sabiex jipprovdu salvagwardji ekwivalenti għal dawk li jirriżultaw mil-livelli stabbiliti;

Billi normalemt huwa biżżejjed jekk issir verifika permezz ta' teħid ta' kampjuni tal-ħalib frisk jew tal-krema ffriżata fil-maħleb jew meta din titqiegħed għall-bejgħ lill-konsumatur finali; billi, madankollu, l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati wkoll li jagħmlu verifika permezz tat-teħid ta' kampjuni tal-ħalib frisk u l-krema friska fi stadju aktar bikri;

Billi m'huwiex meħtieġ li din id-Direttiva tiġi applikata għall-prodotti intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi;

Billi l-Istati Membri għandhom jitħallew inaqqsu temporanjament il-livelli stabbiliti jekk kontra dak li jkun mistenni jiġi ppruvat li dawn huma perikolużi għas-saħħa tal-bniedem u ta' l-annimali;

Billi huwa xieraq li f'dak il-każ biex tiġi stabbilita koperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti għas-saħħa tal-Pjanti;

Billi, sabiex tiġi garantita l-konformità ma' din id-Direttiva meta l-oġġetti ta' l-ikel in kwestjoni jinħarġu għaċ-ċirkolazzjoni, l-Istati Membri għandhom jipprovdu miżuri xierqa ta' kontroll;

Billi għandhom jiġu stabbiliti metodi Komunitarji għat-teħid u l-analiżi ta' kampjuni biex dawn jintużaw ta' mill-anqas bħala metodi ta' referenza;

Billi l-metodi tat-teħid u analiżi ta' kampjuni huma kwistjonijiet tekniċi u xjentifiċi, li għandhom jiġu stabbiliti permezz ta' proċedura li tkun tinvolvi koperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-Kumitat Permanenti għas-Saħħa tal-Pjanti;

Billi d-Direttiva tal-Kunsill 64/433/KEE tas-26 ta'Ġunju 1964 dwar il-problemi tas-saħħa li jaffettwaw il-kummerċ intra-Komunitarju fil-laħam frisk [4], kif l-aħħar emendata mir-Regolament Nru 3768/85 [5], id-Direttiva tal-Kunsill 72/462/KEE tat-12 ta' Diċembru 1972 dwar il-problemi sanitarji u veterinarji waqt l-importazzjoni tal-bhejjem ta' l-ifrat u l-majjal u l-laħam frisk minn pajjiżi terzi [6], kif l-aħħar emendati mir-Regolament (KEE) Nru 3768/85, u d-Direttiva tal-Kunsill 85/397/KEE tal-5 ta'Awissu 1985 dwar problemi tas-saħħa u tas-saħħa ta' l-annimali li jeffettwaw il-kummerċ intra-Komunitarju fil-ħalib ittrattat permezz tat-tisħin [7], kif emendati mir-Regolament (KEE) Nru 3768/85, jipprovdu għall-iffissar tal-limiti permessi għall-pestiċidi rispettivament għar-rigward tal-laħam frisk li jintbagħat minn Stat membru għal ieħor, il-laħam frisk importat minn pajjiżi terzi u l-ħalib ittratat bit-tisħin mibgħut minn Stat Membru lill-ieħor, u biex jistabbilixxu l-metodi meħtieġa għall-analiżi; u billi l-livelli massimi ta' fdalijiet stabbiliti b'din id-Direttiva għandhom japplikaw ukoll għall-iskopijiet ta' dawk it-tliet Direttivi;

Billi huwa xieraq li l-Istati Membri jagħmlu rapport annwali lill-Kumissjoni dwar ir-riżultati tal-miżuri tagħhom ta' kontroll biex jagħmluha possibbli li l-informazzjoni dwar il-livelli tal-fdalijiet tal-pestiċidi jinġabru għall-Komunità fl-intier tagħha;

Billi l-Kunsill għandu jirrevedi din id-Direttiva qabel it-30 ta' Ġunju 1991 bl-iskop li tinkiseb sistema Komunitarja uniformi,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Din id-Direttiva tirrigwarda l-oġġetti ta' l-ikel li ġejjin mill-annimali elenkati fl-Anness I safejn dawk l-oġġetti ta' l-ikel jista' jkun fihom fdalijiet tal-pestiċidi elenkati fl-Anness II, u bla preġudizzju għad-disposizzjonijiet Komunitarji jew nazzjonali rigward l-ikel tad-dieta jew tat-tfal.

Artikolu 2

1. Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, 'fdalijiet ta' pestiċidi' tfisser fdalijiet ta' pestiċidi u l-metaboliti tagħhom, u l-prodotti li jirriżultaw mid-diżintegrazzjoni jew mir-reazzjoni tagħhom kif elenkati fl-Anness II, li jkunu preżenti fil-prodotti msemmija fl-Artikolu I jew fuqhom.

2. Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, 'il-ħruġ għaċ-ċirkolazzjoni' tfisser it-trasferiment, kemm jekk bi ħlas kif ukoll jekk mhux, tal-prodotti msemmija fl-Artikolu I.

Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom jagħmlu ċert li l-prodotti msemmija fl-Artikolu I, malli dawn jinħarġu għaċ-ċirkolazzjoni, ma jikkostitwux periklu għas-saħħa tal-bniedem bħala riżultat tal-fdalijiet tal-pestiċidi.

2. L-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu jew jimpedixxu l-ħruġ għaċ-ċirkolazzjoni fit-territorji tagħhom tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 fuq il-bażi li dawn jista' jkun fihom fdalijiet tal-pestiċidi jekk il-kwantità ta' dawn il-fdalijiet ma taqbiżx il-livelli massimi speċifikati fl-Anness II.

Artikolu 4

1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li l-prodotti msemmija fl-Artikolu I jista' jkun fihom, malli dawn jinħarġu għaċ-ċirkolazzjoni, livelli ta' fdalijiet tal-pestiċidi ogħla minn dawk speċifikati fl-Anness II.

2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jassiguraw, ta' mill-anqas permezz tat-teħid tal-kampjuni ta' verifika, il-konformità mal-livelli massimi stabbiliti skond il-paragrafu 1.

Artikolu 5

1. Fil-każ tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 barra minn dawk importati minn pajjiżi terzi jew intiżi għal Stati Membri oħra, l-Istati Membri jistgħu, bħala deroga mill-Artikolu 4, jkomplu japplikaw sistema ta' sorveljanza li diġà kienet fis-seħħ fit-territorju tagħhom għall-preżenza tal-fdalijiet tal-pestiċidi flimkien ma' kull miżura oħra biex jassiguraw li jinkiseb effett ekwivalenti għal-livelli tal-fdalijiet tal-pestiċidi kif stabbilit fl-Anness II u biex tiġi evalwata l-espożizzjoni totali tad-dieta tal-popolazzjoni tagħhom għal dawn il-fdalijiet, irrispettivament mis-sors tagħhom. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu stħarriġ rappreżentattiv regolari tal-livelli ta' dawn il-fdalijiet tal-pestiċidi f'dieti tipiċi.

2. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Istati Membri l-oħra u lil-Kummissjoni dwar kull implimentazzjoni tal-paragrafu 1.

Artikolu 6

Minkejja d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 4, fil-każ tal-prodotti msemmija fl-Anness 1 li jaqa' taħt l-intestatura Nru 04.01 tat-Tariffa Doganali Komuni, il-verifika permezz tat-teħid tal-kampjuni kif hemm provdut għandha ssir fil-maħleb jew, jekk dawn ma jittieħdux f'maħleb, fil-post fejn jiġu provduti lill-konsumatur. L-Istati Membri jistgħu madankollu jagħmlu provvedimenti għat-teħid ta' kampjuni bħala verifika mill-waqt meta dawn il-prodotti jinħarġu għall-ewwel darba għaċ-ċirkolazzjoni.

Artikolu 7

L-Istati Membri għandhom jagħmlu rapport lill-Kummissjoni, qabel l-1 ta'Awissu ta' kull sena, dwar ir-riżultati tal-verifiki uffiċjali, is-sorveljanza li tkun saret u l-miżuti l-oħra li ttieħdu skond l-Artikolu 4 u, fejn ikun xieraq, l-Artikolu 5, matul is-sena preċedenti.

Artikolu 8

1. Il-metodi tat-teħid u l-analiżi ta' kampjuni meħtieġa biex isiru l-verifiki, is-sorveljanza u l-miżuri l-oħra kif stabbilit mill-Artikolu 4 u, fejn ikun xieraq, mill-Artikolu 5, għandhom jiġu stabbiliti b'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 12. L-eżistenza ta' metodi Komunitarji ta' analiżi, li għandhom jintużaw f'każ ta' nuqqas ta' qbil, m'għandhomx iwaqqfu lill-Istati Membri milli jużaw metodi oħra xjentifikament validi li jkunu kapaċi jilħqu riżultati komparabbli.

2. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kull implimentazzjoni tal-paragrafu 1.

3. Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw bla preġudizzju għall-miżuri ta' spezzjoni veterinarja għall-kontroll ta' fdalijiet tal-pestiċidi fi prodotti msemmija fl-Artikolu 1, b'mod partikolari dawk adottati skond id-Direttiva 64/433/KEE, 72/462/KEE u 85/397/KEE.

Artikolu 9

1. Meta Stat Membru jidhirlu li l-livell massimu stabbilit fl-Anness II jipperikola s-saħħa umana, u għalhekk jeħtieġ li tittieħed azzjoni ta' malajr, dak l-Istat Membru jista' temporanjament inaqqas il-livell fit-territorju tiegħu. F'dak il-każ, dan għandu immedjatament jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda, waqt li jehmeż dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet għal dan.

2. Jekk tqum is-sitwazzjoni prevista fil-paragrafu 1, għandu jiġi deċiż skond l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13 jekk il-livelli massimi stabbiliti fl-Anness II għandhomx jinbidlu. Sa ma tittieħed deċiżjoni mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni skond il-proċedura hawn fuq imsemmija, l-Istat Membru jista' jżomm il-miżuri li jkun implimenta.

Artikolu 10

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9, l-emendi għal-livelli massimi stabbiliti fl-Anness II bħala riżultat ta' l-iżviluppi fix-xjenza u t-teknoloġija għandhom jiġu adottati mill-Kunsill minn maġġoranza kwalifikata fuq proposta tal-Kumissjoni.

Artikolu 11

Il-Kunsill, waqt li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta, permezz ta' Direttivi, kwalunkwe lista ġdida ta' prodotti jew kwalunkwe lista ġdida ta' fdalijiet tal-pestiċidi fil-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 jew fuqhom, u l-valuri massimi tagħhom.

Artikolu 12

1. Meta l-proċedura stabbilita f'dan l-Artikolu trid tiġi segwita, dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu riferuti bla dewmien lill-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti, hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejjaħ 'il-Kumitat', mill-president tiegħu, jew fuq l-inizjattiva tiegħu jew fuq talba ta' Stat Membru.

2. Fil-Kumitat, il-voti ta' l-Istati Membri għandhom jiġu peżati kif stabbilit fl-Artikolu 148 (2) tat-Trattat. Il-President m'għandux jivvota.

3. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz fiż-żmien stipulat li l-President jistabbilixxi waqt li jqis l-urġenza tal-kwistjonijiet li jkunu sejrin jiġu eżaminati. L-opinjonijiet għandhom jingħataw b'maġġoranza ta' 54 vot.

4. Meta l-miżuri jkunu skond l-opinjoni tal-Kumitat, il-Kummissjoni għandha tadottahom u għandha timplimentahom immedjatament. Jekk il-miżuri ma jkunux konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk ma tingħatax opinjoni, il-Kummissjoni għandha, immedjatament, tissottometti lill-Kunsill proposta fir-rigward tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jadotta l-miżuri b'maġġoranza kwalifikata.

Jekk, fi żmien tliet xhur mid-data meta l-kwistjonijiet ikunu ġew referiti lilha, il-Kunsill ma jkunx adotta l-miżuri, il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri proposti, minbarra meta l-Kunsill ikun ivvota b'maġġoranza sempliċi kontra l-miżuri msemmija,

Artikolu 13

1. Meta l-proċedura stabbilita f'dan l-Artikolu trid tiġi segwita, il-kwistjoni għandha tiġi riferuta bla dewmien lill-Kumitat mill-president tiegħu, jew fuq l-inizjattiva tiegħu jew fuq talba ta' Stat Membru.

2. Fi ħdan il-Kumitat, il-voti ta' l-Istati Membri għandhom ikunu aġġustati kif provdut fl-Artikolu 148 (2) tat-Trattat. Il-president m'għandux jivvota.

3. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu,. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fuq dawn il-miżuri fi żmien jumejn. L-opinjonijiet għandhom jingħataw b'maġġoranza ta' 54 vot.

4. Meta l-miżuri jkunu skond l-opinjoni tal-Kumitat, il-Kummissjoni għandha tadottahom u għandha timplimentahom minnufih. Jekk il-miżuri ma jkunux konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk ma tingħatax opinjoni, il-Kummissjoni għandha, minnufih, tissottometti lill-Kunsill proposta rigward il-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jadotta l-miżuri b'maġġoranza kwalifikata.

Jekk, fi żmien 15-il jum mid-data li fiha l-materja tkun ġiet riferita lilu, il-Kunsill ma jkunx adotta l-miżuri, il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri proposti, minbarra meta l-Kunsill ikun ivvota b'maġġoranza sempliċi kontra l-miżuri msemmija,

Artikolu 14

Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 meta jista' jiġi stabbilit minn evidenza xierqa li dawn huma intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

Artikolu 15

Sabiex isir titjib fis-sistema Komunitarja introdotta permezz ta' din id-Direttiva, il-Kunsill, fuq il-bażi tar-rapport tal-Kummissjoni flimkien ma', jekk ikunu meħtieġa, proposti xierqa, għandu jeżamina mill-ġdid din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 1991.

Artikolu 16

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 1988 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Dawn għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwarhom mingħajr ebda dewmien.

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kumissjoni t-testi tad-disposizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam regolat minn din id-Direttiva.

Artikolu 17

Din id-direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 24 Lulju 1986.

Għall-Kunsill

Il-President

A. Clark

[1] ĠU C 56, tas-6.3.1980, p. 14.

[2] ĠU C 28, tad-9.2.1981, p. 64.

[3] ĠU C 300, tat-18.11.1980, p. 29.

[4] ĠU 121, 29.7.1964, p. 2012/64.

[5] ĠU L 362, 31.12.1985, p. 8.

[6] ĠU L 302, 21.12.1972, p. 28.

[7] ĠU L 226, 24.8.1985, p. 12.

--------------------------------------------------

ANNESS I

Nru ta' l-Intestatura tat-TDK | Deskrizzjoni |

Ex 0201 | Laħam u l-ġewwieni li jittiekel taż-żwiemel, ħmir, bgħula u ħinnies, annimali ta' l-ifrat, majjali, ngħaġ u mogħoż, friski, imkessħa jew iffriżati. |

0202 | Tjur mejta (jiġifieri, tajr, papri, wiżż, dundjani u tjur tal-guinea) u l-ġewwieni tagħhom li jittiekel (minbarra l-fwied) frisk, immellaħ jew fis-salmura |

0203 | Fwied tat-tajr, frisk, imkessaħ, iffriżat, immellaħ, jew fis-salmura |

ex 0204 | Laħam ieħor jew l-ġewwieni li jittiekel tal-laħam, friski, imkessħa jew iffriżati, ta' ħamiem domestiku, fniek domestiċi u annimali tal-kaċċa |

ex 0205 | Xaħam tal-majjal u xaħam tat-tjur, frisk, imkessaħ, iffriżat, immellaħ, fis-salmura, imnixxef jew affumikat |

0206 | Laħam u l-ġewwieni li jittiekel tal-laħam (minbarra l-fwied tat-tajr) immellaħ, fis-salmura, imnixxef jew affumikat |

0401 | Ħalib u krema, friski, mhux ikkonċentrati jew miżjuda biz-zokkor |

0402 | Ħalib u krema, friski, ippreservati, ikkonċentrati jew miżjuda biz-zokkor |

0403 | Butir |

0404 | Ġobon u baqta |

ex 0405 | Bajd ta' l-għasafar u isfra tal-bajd, friski, imnixxfa jew ippreservati mod ieħor, miżjuda jew mhux miżjuda biz-zokkor, minbarra l-bajd tat-tifqis kif ukoll il-bajd u l-isfra tal-bajd intiżi għal skopijiet minbarra dawk għan-nutriment. |

16.01 | Zalzett u oġġetti simili, tal-laħam, tal-ġewwieni tal-laħam jew tal-mazzit. |

16.02 | Laħam jew l-ġewwieni tal-laħam ippreparati jew ippreservati |

--------------------------------------------------

ANNESS II

Fdalijiet ta' pestiċida | Livelli massimi f'mg/kg |

| | Ta' xaħam, li jkun fil-laħam, preparazzjonijiet tal-laħam, il-ġewwieni jew ix-xaħmijiet ta' l-annimali msemmija fl-Anness 1 taħt l-intestaturi Nri ex 02,01, 02,02, 02,03, ex 02,04, ex 02,05, 02,06, 16,01 u 16,02 | Fil-każ tal-ħalib tal-baqar u ħalib tal-baqar kremuż kif elenkat fl-Anness 1 taħt l-intestatura Nru 04,01, għal oġġetti oħra ta' l-ikel fl-intestaturi Nru 04,01, 04,02, 0403 u 04,04 skond | Tal-bajd frisk bil-qoxra, għall-bajd ta' l-għasafar u l-isfra tal-bajd elenkati fl-Anness 1 taħt l-intestatura Nru ex 04,05 |

1.aldrin | waħdu jew imħallat | 0,2 | 0,006 | |

2.dieldrin (HEOD) | |

3.chlordane ( it-total ta' cis-u trans-isomers u oxychlordane espressi bħala chlordane) | 0,05 | 0,002 | |

4.DDT ( it-total ta' DDT-, TDE-u DDE-isomers, espress bħala DDT) | 1 | 0,04 | |

5.endrin | 0,05 | 0,0008 | |

6.heptachlor ( it-total ta' l-heptachlor u heptahlor epoxide, espress bħala heptachlor) | 0,2 | 0,004 | |

7.hexachlorobenene (HCB) | 0,2 | 0,01 | |

8.hexachlorocyclohexane (HCH)

8.1.alpha-isomer | 0,2 | 0,004 | |

8.2.beta-isomer | 0,1 | 0,003 | |

8.3.gamma-isomer (lindane) | 2ex 02,01 laħam tan-nagħaġ1 prodotti oħra | 0,008 | |

--------------------------------------------------