31986L0278



Official Journal L 181 , 04/07/1986 P. 0006 - 0012
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 7 P. 0127
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 7 P. 0127


Id-direttiva tal-Kunsill

tat-12 ta’ Ġunju 1986

dwar il-protezzjoni ta’ l-Ambjent, u b’mod partikolari tal-ħamrija, meta l-ħama tad-drenaġġ jintuża fl-agrikoltura

(86/278/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITA’ EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikoli 100 u 235 ta’ dan,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jirregola l-użu tal-ħama tad-drenaġġ fl-Agrikoltura biex jipprevjeni effetti li jistgħu jagħmlu ħsara lill-ħamrija, il-veġetazzjoni, l-annimali u lill-bniedem, waqt li tinkuraġġixxi fl-istess ħin l-użu tajjeb tagħha;

Billi d-differenza bejn id-dispożizzjonijiet ta’ l-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-ħama tad-drenaġġ fl-agrikoltura tista’ taffettwa t-tħaddim tas-suq komuni; billi f’dan il-qasam l-approssimazzjoni tal-liġijiet stabbilit taħt l-Artikolu 100 tat-Trattat għandu jkun għalhekk infurzat;

Billi l-ħama tad-drenaġġ użata fl-agrikoltura mhijiex koperta bid-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal-15 ta’ Lulju 1975 dwar l-iskart [4];

Billi l-miżuri, li għalihom hemm magħmula dispożizzjoni fid-Direttiva tal-Kunsill 78/319/KEE tal-20 ta’ Marzu 1978 dwar skart tossiku u perikoluż [5], japplikaw ukoll għall-ħama tad-drenaġġ li jkun fiha jew tkun ikkontamimata b’sustanzi jew materjali msemmija fl-Anness għal dik id-Direttiva, li jkunu tali jew ikunu preżenti f’tali kwantitajiet jew konċentrazzjonijiet li jirrappreżentaw periklu għas-saħħa tal-bniedem jew għall-Ambjent;

Billi għandhom isiru arranġamenti speċjali biex jiżguraw li l-bniedem, l-annimali, il-pjanti u l-ambjent ikunu salvagwardjati kompletament mill-effeti ħżniena li jiġu kkawżati mill-użu mhux ikkontrollat ta’ ħama;

Billi din id-Direttiva għandha l-għan ukoll li twaqqaf ċertu miżuri inizjali fuq livell ta’ Komunità li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni tal-ħamrija;

Billi l-ħama jista’ jkollha proprjetajiet agronomiċi importanti, u għalhekk ikun ġustifikat li l-applikazzjoni tagħha tkun inkuraġġita fl-agrikoltura sakemm din tkun użata tajjeb; billi l-użu tal-ħama tad-drenaġġ m’għandhiex tfixkel il-kwalità tal-ħamrija u tal-prodotti agrikoli;

Billi ċerti metalli tqal jistgħu jkunu tossiċi għall-pjanti kif ukoll għall-bniedem minħabba l-preżenza tagħhom fi prodotti tar-raba’, u billi huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti valuri ta’ limitu obbligatorji għal dawn l-elementi li jkun hemm fil-ħamrija;

Billi l-użu tal-ħama għandu jkun ipprojbit meta l-konċentrazzjoni ta’ dawn il-metalli fil-ħamrija tkun teċċedi l-valuri ta’ limitu;

Billi, madanakollu, huwa neċessarju li dawn il-limiti ma jinqabżux meta tintuża l-ħama; billi, għal dan il-għan, huwa neċessarju li jiġi limitat l-ammont ta’ metalli tqal li jiġu miżjuda mal-ħamrija kkultivata jew billi jiġu stabbiliti kwantitajiet massimi ta’ ħama li tista’tintuża kull sena u jiġi żgurat li l-limiti stabbiliti għall-konċentrazzjoni ta’ metalli tqal fil-ħama użata ma jinqabżux, jew billi jiġi żgurat illi l-limiti stabbiliti għall-kwantitajiet ta’ metalli tqal li tista’ tiżdied mal-ħamrija fuq bażi ta’ medja ta’ 10 snin ma tinqabiżx;

Billi l-ħama għandha tkun ittrattata qabel ma din tkun użata fl-agrikoltura; billi l-Istati Membri xorta waħda jistgħu jawtorizzaw, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-użu ta’ ħama mhux ittrattata, mingħajr l-ebda riskju għas-saħħa tal-bniedem jew l-annimali, jekk din tkun injettata jew maħduma fil-ħamrija;

Billi għandu jgħaddi ċertu perjodu ta’ żmien bejn l-użu tal-ħama u t-teħid ta’ merħliet biex jirgħu jew il-ħsad ta’ ħxejjex li jintużaw għall-għalf jew ċerti ħxejjex oħra li normalment ikunu f’kuntatt dirett mal-ħamrija u li normalment jiġu kkunsmati nejjin; billi l-użu tal-ħama fuq frott u ħxejjex ta’ l-ikel matul il-perjodu tat-tkabbir, bl-eċċezzjoni għall-prodotti tas-siġar tal-frott, huwa ipprojbit;

Billi l-ħama għandha tintuża taħt ċerti kundizzjonijiet li jiżguraw li l-ħamrija u li l-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art ikunu protetti, in konformità mad-Direttivi 75/440/KEE [6] u 80/68/KEE [7];

Billi għal dan il-għan huwa meħtieġ li tiġi ssorveljata l-kwalità ta’ ħama u tal-ħamrija li fuqha din tintuża, u għalhekk li ssir analiżi u li ċerti rużultati jiġu kkomunikati lill-utenti;

Billi għandha tinżamm ċerta ammont ta’ informazzjoni essenzjali biex jiġi żgurat għarfien aħjar fl-użu tal-ħama fl-agrikoltura, u billi din l-informazzjoni għandha tingħadda lill-Kummissjoni fil-forma ta’ rapporti perjodiċi; billi, fid-dawl ta’ dawn ir-rapporti, il-Kummissjoni għandha, jekk ikun meħtieġ, tfassal proposti biex tiġi żgurata protezzjoni akbar għall-ħamrija u l-ambjent;

Billi l-ħama li tkun ġejja minn impjanti żgħar li jintużaw għat-trattamenti ta’ drenaġġ, li primarjament jittrattaw ilma ta’ drenaġġ domestiku, tirrappreżenta ftit periklu għas-saħħa tal-bniedem, l-annimali, u l-pjanti u għall-ambjent, u għalhekk għandha tkun eżenti minn uħud mill-obbligazzjonijiet stabbiliti li jittrattaw dwar informazzjoni u analiżi;

Billi l-Istati Membri għandhom ifasslu dispożizzjonijiet aktar stretti minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva; billi dawn id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu kkomunikati lill-Kummissjoni;

Billi l-progress xjentifiku u tekniku jista’ jwassal għall-adattament ta’ ċertu kriterji stabbiliti f’din id-Direttiva; billi, biex tiġi ffaċilitata l-introduzzjoni tal-miżuri meħtieġa għal dan il-għan, għandha tiġi stabbilita proċedura li bis-saħħa tagħha tkun tista’ titwaqqaf ko-operazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni; billi din il-ko-operazzjoni għandha sseħħ fi ħdan Kumitat dwar l-Adattament għall-Progress Tekniku u Xjentifiku;

Billi t-Trattat ma jipprovdix għal poteri neċessarji, barra minn dawk li hemm fl-Artikolu 235,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jirregola l-użu tal-ħama tad-drenaġġ fl-agrikoltura b’tali mod li jkun hemm prevenzjoni minn effetti ħżiena fuq il-ħamrija, il-veġetazzjoni, l-annimali u l-bniedem, li allura bis-saħħa ta’ din id-Direttiva jkun jista’ jsir użu tajjeb tal-ħama tad-drenaġġ.

Artikolu 2

Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

(a) "ħama" tfisser:

(i) ħama residwali minn impjanti tad-drenaġġ li jittrattaw ilmijiet tad-drenaġġ domestiku jew urban u minn impjanti tad-drenaġġ li jittrattaw ilma maħmuġ li jkollu komposizzjoni simili għal dak tad-drenaġġ domestiku u urban;

(ii) ħama residwali li tkun ġejja minn tankijiet tossiċi u stallazzjonijiet simili oħra għat-trattament tad-drenaġġ;

(iii) ħama residwali li tkun ġejja minn impjanti tad-drenaġġ oħrajn li mhumiex imsemmija f’ (i) u (ii);

(b) "ħama ttrattata" tfisser:

ħama li tkun għaddiet minn trattament bioloġiku, kemiku jew termali, ħażna fuq perjodu twil ta’ żmien jew minn proċess xieraq ieħor biex inaqqas b’mod sinifikanti l-fermentabilità tagħha u l-perikli għas-saħħa li jirriżultaw mill-użu tagħha;

(ċ) "Agrikoltura" tfisser:

it-tkabbir tat-tipi kollha ta’ ħxejjex ta’ l-ikel li jinbiegħu fis-suq, kif ukoll l-allevament ta’ merħliet ta’ annimali;

(d) "użu" jfisser:

it-tixrid tal-ħama fuq il-ħamrija jew kull applikazzjoni oħra ta’ ħama fil-ħamrija.

Artikolu 3

1. Il-ħama msemmija fl-Artikolu 2(a)(i) tista’ tintuża biss fl-agrikoltura in konformità ma’ din id-Direttiva.

2. Mingħajr preġudizzju għad-Direttivi 75/442/KEE u 78/319/KEE:

- il-ħama msemmija fl-Artikolu 2(a) (ii) tista’ tintuża fl-Agrikoltura taħt ċerti kundizzjonijiet li l-Istati Membri kkonċernati jkunu jikkunsidraw bħala meħtieġa għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-Ambjent,

- il-ħama msemmija fl-Artikolu 2(a) (iii) tista’ tintuża fl-Agrikoltura biss jekk l-użu tagħha jkun irregolat mill-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 4

Valuri għal konċentrazzjonijiet ta’ metalli tqal fil-ħamrija li fiha tkun applikata l-ħama, konċentrazzjoniet ta’ metalli tqal fil-ħama u l-kwantitajiet massimi ta’ kull sena ta’ tali metalli tqal li jistgħu jiġu introdotti fil-ħamrija maħsuba għall-Agrikoltura, huma mogħtija fl-Annessi I A, I B u I C.

Artikolu 5

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12:

1. L-Istati Membri għandhom jippojbixxu l-użu ta’ ħama fejn il-konċentrazzjoni ta’ wieħed mill-metalli tqal jew aktar li jkun hemm fil-ħamrija jeċċedi(u) il-valuri ta’ limitu li dawn jistabbilixxu in konformità ma’ l-ANNESS I A, u għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li dawk il-valuri ta’ limitu ma jkunux eċċeduti bħala riżultat ta’ l-użu tal-ħama.

2. L-Istati Membri għandhom jirregolaw l-użu tal-ħama b’tali mod li l-akkumulazzjoni ta’ metalli tqal fil-ħamrija ma twassalx biex il-valuri ta’ limitu msemmija fil-paragrafu 1 ikunu eċċeduti. Biex iseħħ dan, dawn għandhom japplikaw waħda mill-proċeduri li hemm ipprovduti f’ (a) u (b) taħt:

(a) L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kwantitajiet massimi ta’ ħama espressi f’termini ta’ tunnellati ta’ maetrjal xott li jista’ jkun applikat fil-ħamrija għal kull unit ta’ area għal kull sena, waqt li jiġu osservati l-valuri ta’ limitu għall-konċentrazzjoni ta’ metall tqil fil-ħama li huma jistabbilixxu in konformità ma’ l-Anness I B; jew

(b) l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-osservanza tal-valuri ta’ limitu għall-kwantitajiet ta’ metalli introdotti fil-ħamrija għal kull unit ta’ area u unit ta’ żmien hekk kif stabbilit fl-Anness I C.

Artikolu 6

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7:

(a) il-ħama għandha tkun ittrattata qabel ma tintuża fl-agrikoltura. L-Istati Membri jistgħu xorta waħda jawtorizzaw, taħt kundizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti minnhom stess, l-użu ta’ ħama mhux ittrattata jekk din tkun injettata jew maħduma fil-ħamrija;

(b) Il-produtturi tal-ħama tad-drenaġġ għandhom jipprovdu lill-utenti b’mod regolari l-informazzjoni kollha msemmija fl-ANNESS II A.

Artikolu 7

L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-użu tal-ħama jew il-provvista ta’ ħama għall-użu fuq:

(a) art fejn jirgħu l-annimali jew ħxejjex li jintużaw għall-għalf ta’ l-annimali jekk l-art li se jirgħu l-annimali fuqha jew il-ħaxix tajjeb għall-għalf ta’ l-annimali jkun se jinħasad qabel ċertu perjodu ta’ żmien ikun diġà skada. Dan il-perjodu, li għandu jkun stabbilit mill-Istati Membri waqt li jikkunsidraw b’mod partikulari s-sitwazzjoni ġeografika u klimatika tagħhom, m’għandu taħt l-ebda ċirkustanza ikun anqas minn tliet ġimgħat;

(b) ħamrija li fiha jikber frott u ħxejjex ta’ l-ikel, bl-eċċezzjoni ta’ siġar tal-frott;

(ċ) art maħsuba għall-kultivazzjoni tal-frott u ħxejjex ta’ l-ikel li normalment ikun f’kuntatt dirett mal-ħamrija u li normalment jittieklu nejjin, għal perjodu ta’ 10 xhur qabel il-ħsad tal-ħxejjex u matul il-perjodu tal-ħsad innifsu.

Artikolu 8

Dawn ir-regoli li ġejjin għandhom jiġu osservati meta tintuża l-ħama:

- il-ħama gġħandha tintuża b’tali mod li tittieħed kunsiderazzjoni tal-bżonnijiet nutrittivi tal-pjanti u li l-kwalitaà tal-ħamrija u ta’ l-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art ma jkunux mgħarrqa,

- fejn il-ħama tkun użata fuq il-ħamrija li l-pH tagħha jkun taħt il-valur ta’ 6, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-mobilità u d-disponibilità miżjuda ta’ metalli tqal fuq il-ħxejjex u għandhom, jekk ikun meħtieġ, inaqqsu l-valuri ta’ limitu li huma jkun stabbilew in konformità ma’ l-Anness I A.

Artikolu 9

Il-ħama u l-ħamrija li fuqha din tintuża għandhom ikunu analizzati kif stabbilit fl-Annessi II A u II B.

Il-metodi ta’ referenza għal kif jittieħdu l-kampjuni u ssir l-analiżi huma indikati fl-ANNESS II C.

Artikolu 10

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jinżammu rekords aġġornati, li jirreġistraw:

(a) il-kwantitajiet ta’ ħama li tkun ġiet prodotta u l-kwantitajiet ipprovduti għall-użu fl-agrikoltura;

(b) il-komposizzjoni u l-propjetajiet tal-ħama f’relazzjoni mal-parametri msemmija fl-ANNESS II A;

(ċ) it-tip ta’ trattament li jkun sar, kif stabbilit fl-Artikolu 2(b);

(d) l-ismijiet u l-indirizzi ta’ min qed jirċievi l-ħama u l-post fejn din tkun se tintuża.

2. Ir-rekords għandhom ikunu disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti u għandhom jipprovdu bażi għar-rapport ikkonsolidat imsemmi fl-Artikolu 17.

3. Informazzjoni dwar il-metodi ta’ trattament u r-riżultati ta’ l-analiżi għandhom jingħataw kull meta ssir talba mill-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 11

L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-Artikolu 6(b) u l-Artikolu 10(1)(b), (ċ) u (d) u l-paragrafu 2, ħama milli tiġi ttrattata f’impjanti ta’ trattament tad-drenaġġ li jkollhom kapaċità ta’ trattament taħt it-300 kg BOD5 għal kull ġurnata, li jikkorrispondi għall-ekwivalenti ta’ 5000 persuna, u li dawn ikunu primarjament imfassla għat-trattament ta’ l-ilma tad-drenaġġ domestiku.

Artikolu 12

Fejn il-kundizzjonijiet ikunu jitolbu hekk, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri aktar stretti minn dawk li hemm ipprovduti f’din id-Direttiva.

Kull deċiżjoni ta’ din in-natura għandha tkun ikkomunikata lill-Kummissjoni in konformità mal-ftehim eżistenti.

Artikolu 13

L-adattament għall-progress tekniku u xjentifiku, in konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 15, għandha tkopri d-dispożizzjonijiet ta’ l-Annessi għal din id-Direttiva, bl-eċċezzjoni għall-parametri u l-valuri mniżżla fl-Annessi I A, I B u I ¬, xi fattur li aktarx ikollhom effett fuq l-evalwazzjoni tal-valuri, u l-parametri għall-analiżi msemmija fl-Annessi II A u II B.

Artikolu 14

1. Qed jitwaqqaf kumitat għall-adattament ta’ din id-Direttiva għall-progress tekniku u xjentifiku (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ "il-Kumitat"). Dan għandu jikkonsisti minn rappreżentanti ta’ l-Istati Membri, b’rappreżentant mill-Kummissjoni biex iservi bħala President.

2. Il-Kumitat għandu jfassal ir-regoli ta’ proċedura tiegħu.

Artikolu 15

1. Fejn il-proċedura stabbilita f’dan l-Artikolu għandha tkun segwita, il-materja għandha tiġi kkomunikata lill-Kumitat mill-President, jew fuq l-inizjattiva personali tiegħu jew fuq talba tar-rappreżentant ta’ l-Istat Membru.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jiġu adottati. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fuq dan l-abbozz f’perjodu ta’ żmien li għandu jiġi stabbilit mill-President, skond l-urġenza tal-materja. Dan għandu jiddeċidi b’maġġoranza ta’ 54 vot, fejn il-voti ta’ l-Istati Membri jkunu vvalutati kif hemm ipprovdut fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat. Il-President m’għandux vot.

3. (a) Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri maħsuba fejn dawn ikunu in konformità ma’ l-opinjoni tal-Kumitat.

(b) Fejn il-miżuri mfassla ma jkunux in konformità ma’ l-opinjoni tal-Kumitat jew jekk ma tkun ingħatat l-ebda opinjoni, ill-Kummissjoni għandha minnufih tipproponi lill-Kunsill il-miżuri li għandhom jiġu adottati. Il-Kunsill għandu jaħdem b’maġġoranza kkwalifikata.

(ċ) Jekk, fi żmien tliet xhur minn meta tkun ġiet sottomessa l-proposta lill-Kunsill, u dan ma jkun ħa l-ebda azzjoni, il-miżuri proposti għandhom ikunu adottati mill-Kummissjoni.

Artikolu 16

1. L-Istati Membri għandhom iwettqu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regoli u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex iħarsu din id-Direttiva fi żmien tliet snin min-notifika tagħha.

Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni it-testi tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam irregolat b’din id-Direttiva.

Artikolu 17

Ħames snin wara n-notifika ta’ din id-Direttiva, u kull erba’ snin minn hemm il quddiem, l-Istati Membri għandhom jippreparaw rapport ikkonsolidat dwar l-użu tal-ħama fl-agrikoltura li fih ikun hemm deskritt il-kwantitajiet użati, il-kriterji segwiti u d-diffikultajiet l-oħra li wieħed ikun iltaqa’ magħhom; huma għandhom jgħaddu dan ir-rapport lill-Kummissjoni, li din imbagħad għandha tippubblika l-informazzjoni li r-rapport ikun fih. Fid-dawl ta’ dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha, jekk ikun meħtieġ, tissottometti proposti xieqa għal żieda fil-protezzjoni tal-ħamrija u l-ambjent.

Artikolu 18

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Ġunju 1986.

Għall-Kunsill

Il-President

P. Winsemius

[1] ĠU C 264, tat-8.10.1982, p. 3 u ĠU C 154, ta’ l-14.6.1984, p. 6.

[2] ĠU C 77, tad-19.3.1984, p. 136.

[3] ĠU C 90, tal-5.4.1983, p. 27.

[4] ĠU L 194, tal-25.7.1975, p. 39.

[5] ĠU L 84, tal-31.3.1978, p. 43;

[6] ĠU L 194, tal-25.7.1975, p. 26.

[7] ĠU L 20, tas-26.1.1980, p. 43.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I A

VALURI TA’ LIMITU GĦAL KONCENTRAZZJONIJIET TA’ METALLI TQAL FIL-ĦAMA LI TINTUŻA FILL-HAMRIJA

Parametri | Valuri ta’ limitu |

Il-Kadmju | 1 sa 3 |

Ir-Ramm | 50 sa 140 |

In-Nikel | 30 sa 75 |

Iċ-Ċomb | 50 sa 300 |

Iż-Żingu | 150 sa 300 |

Il-Merkurju | 1 sa 1,5 |

Il-Kromju | – |

--------------------------------------------------

L-ANNESS I B

VALURI TA' LIMITU GĦAL KON¬ENTRAZZJONIJIET TA' METALLI TQAL FIL-ĦAMA LI TINTUŻA FL-AGRIKOLTURA

Parametri | Valuri ta' limitu |

Il-Kadmju | 20 sa 40 |

Ir-Ram | 1000 sa 1750 |

In-Nikel | 300 sa 400 |

Iċ-Ċomb | 750 sa 1200 |

Iż-Żingu | 2500 sa 4000 |

Il-Merkurju | 16 sa 25 |

Il-Kromju | – |

--------------------------------------------------

L-ANNESS I C

VALURI TA' LIMITU GĦAL AMMONTI TA' METALLI LI JISTGĦU JIŻDIEDU KULL SENA F'ART AKRIKOLA, IBBAŻATI FUQ BAŻI TA' 10 SNIN

(kg/ettaru/sena)

Parametri | Valuri ta' limitu |

Il-Kadmju | 0,15 |

Ir-Ram | 12 |

In-Nikel | 3 |

Iċ-Ċomb | 15 |

Iż-Żingu | 30 |

ll-Merkurju | 0,1 |

Il-kromju | – |

--------------------------------------------------

L-ANNESS II A

ANALIŻI TA’ ĦAMA

1. Bħala regola, il-ħama għandha tiġi analizzata għal ta’ lanqas kull sitt xhur. Fejn ikun hemm tibdiliet fil-karatteristiċi ta’ l-ilma tad-drenaġġ meta dan ikun ittrattat, il-frekwenza ta’ l-analiżi għandha tiżdied. Jekk ir-riżultati ta’ l-analiżi ma jkunux ivarjaw b’mod sinifikanti fuq medda ta’ sena sħiħa, il-ħama għandha tkun analizzata għal ta’ lanqas kull tnax-il xahar.

2. Fil-każ ta’ ħama li tkun ġejja mill-impjanti ta’ trattament imsemmija fl-Artikolu 11, jekk l-analiżi tal-ħama ma tkunx saret fi tnax-il xahar li jippreċedu l-implimentazzjoni, f’kull Stat Membru, ta’ din id-Direttiva, għandha ssir analiżi fi żmien tnax-il xahar ta’ din l-implimentazzjoni, jew, fejn ikun meħtieġ, fi żmien sitt xhur mid-deċiżjoni li tawtorizza l-użu tal-ħama fl-agrikoltura minn dawn l-impjanti. L-Istati Membri għandhom jiddeċidu dwar il-frekwenza ta’ analiżi oħra fuq il-bażi tar-riżultati ta’ l-analiżi tal-bidu, xi tibdiliet li jista’ jkun hemm fin-natura ta’ l-ilma tad-drenaġġ ittrattat u xi fatturi relevanti oħra.

3. Suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-analiżi għandha tkopri l-parametri li ġejjin:

- materjal niexef, materjal organiku,

- pH,

- nitroġenu u fosfru,

- kadmju, rram, nikel, ċomb, żingu, merkurju, kromju.

4. Fil-każ ta’ ramm, żingu u kromju, fejn ikun intwera, għas-sodisfazzjon ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru kkonċernat, li dawn jew mhumiex preżenti jew huma ppreżenti biss fi kwantitajiet żgħar ħafna fl-ilma tad-drenaġġ ittrattat minn impjant apposta, l-Istati Membri għandhom jiddeċidu fuq il-frekwenza ta’ l-analiżi li għandha ssir.

--------------------------------------------------

L-ANNESS II B

ANALIŻI TAL-ĦAMRIJA

1. Kulmeta ħama, barra minn dik li tkun ġejja mill-impjanti tat-trattament msemmija fl-Artikolu 11, tkun użata, l-Istati Membri għandhom l-ewwel jiżguraw li l-kontenut ta' metalli tqal fil-ħamrija ma jkunx jeċċedu l-valuri ta' limitu stabbiliti fl-Anness IA. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jiddeċidu huma dwar liema tip ta' analiżi għandhom isegwu, waqt li jikkunsidraw fl-istess ħin il-fatti xjentifiċi ("data") disponibbli fuq il-karatteristiċi tal-ħamrija u l-omoġeneità tagħha.

2. L-Istati Membri għandhom jiddeċidu huma wkoll dwar il-frekwenza ta' analiżi oħra li jistgħu isiru, waqt li jiġu kkunsidrati fl-istess ħin il-kontenut ta' metall tal-ħamrija qabel ma tintuża l-ħama, il-kwantità u l-komposizzjoni tal-ħama użata u xi fatturi relevanti oħra.

3. L-analiżi għandha tkopri dawn il-parametri li ġejjin:

- pH,

- kadmju, ram, nikel, ċomb, żingu, merkurju u kromju.

--------------------------------------------------

L-ANNESS II Ċ

KIF JITTIEĦDU L-KAMPJUNI U METODI TA' ANALIŻI.

1. Kif jittieħdu l-kampjuni tal-ħamrija.

Il-kampjuni rappreżentattivi tal-ħamrija li se jkunu analizzati għandhom normalment isiru billi jitħalltu flimkien 25 kampjun essenzjali li jkunu ttieħdu minn żona li ma teċċedix il-5 ettari u li din tkun qed tinħadem għall-istess skopijiet.

Il-kampjuni għandhom jittieħdu sa fond ta' 25 ċm, kemm-il darba il-fond tal-ħamrija tal-wiċċ ma jkunx anqas minn dak il-valur; pero, il-fond ta' kemm għandu jittieħed kampjun fil-każ ta' l-aħħar ma jistax ikun anqas minn 10 ċm.

2. Kif jittieħed kampjun ta' ħama.

Kampjun mill-ħama għandu jittieħed wara li din tkun ġiet ipproċessata iżda qabel ma din tkun marret għand l-utent, u għandu jkun rappreżentattiv tal-produzzjoni tal-ħama.

3. Metodi ta' analiżi.

L-analiżi għal metalli tqal għandha ssir wara diġestjoni aċiduża qawwija. Il-metodu ta' refernza ta' analiżi għandu jkun dak magħruf bħala spektrometrija ta' assorbità atomika (atomic absorption spectrometry) u l-limitu ta' determinazzjoni għal kull metall m'għandux ikun akbar minn 10 % tal-valur ta' limitu xieraq.

--------------------------------------------------