31985L0337



Official Journal L 175 , 05/07/1985 P. 0040 - 0048
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 6 P. 0226
Spanish special edition: Chapter 15 Volume 6 P. 0009
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 6 P. 0226
Portuguese special edition Chapter 15 Volume 6 P. 0009


Id-Direttiva tal-Kunsill

tas-27 ta’ Ġunju 1985

dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent

(85/337/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 100 u 235 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-programmi ta’ azzjoni ta’ l-1973 [4] u l-1977 [5] tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-ambjent, kif ukoll il-programm ta’ azzjoni ta’ l-1983 [6], li l-punti prinċipali tagħhom kienu approvati mill-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej u mir-rappreżentanti tal-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri, jenfasizzaw li l-aħjar politika ambjentali tikkonsisti fil-prevenzjoni minn ras il-għajn tal-ħolqien ta’ tniġġis jew inkonvenjenzi, milli f’li wara tipprova tieħu azzjoni kontra l-effetti tagħhom; billi jaffermaw il-bżonn li effetti fuq l-ambjent għandhom jitqiesu kemm jista’ jkun kmieni fil-proċessi ta’ l-ippjanar tekniku u tat-teħid ta’ deċiżjonijiet; billi għal dak il-għan, jipprovdu għall-implimentazzjoni tal-proċeduri biex jistmaw effetti tali;

Billi d-differenzi bejn il-liġijiet fis-seħħ fl-Istati Membri varji fir-rigward ta’ l-effetti ambjentali ta’ proġetti pubbliċi u privati jistgħu joħolqu kondizzjonijiet kompetittivi sfavorevoli u b’hekk jolqtu direttament l-iffunzjonar tas-suq komuni; billi, għalhekk, huwa meħtieġ li l-liġijiet nazzjonali jitqarrbu lejn xulxin f’dan il-qasam skond l-Artikolu 100 tat-Trattat;

Billi, iktar minn hekk, huwa meħtieġ li jinkiseb wieħed mill-għanijiet tal-Komunita ’fl-isfera tal-ħarsien ta’ l-ambjent u l-kwalita tal-ħajja;

Billi, ladarba t-Trattat ma pprovdiex is-setgħat rekwiżiti għal dan il-għan, għandu jkun hemm appell għal l-Artikolu 235 tat-Trattat;

Billi prinċipji ġenerali għall-istima ta’ effetti ambjentali għandhom ikunu introdotti bil-ħsieb li jikkompletaw u jikkordinaw proċeduri ta’ kunsens għal żvilupp li jirregolaw proġetti pubbliċi u privati li aktarx ikollhom effett qawwi fuq l-ambjent;

Billi kunsens għal żvilupp għal proġetti pubbliċi u privati li aktarx ikollhom effett sinifikanti fuq l-ambjent għandu jingħata biss wara li stima minn qabel tkun saret ta’ l-effetti sinifikanti probabbli ambjentali ta’ dawn il-proġetti; billi din l-istima għandha titmexxa fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni xierqa mogħtija mill-iżviluppatur, li tista’ tkun kompletata mill-awtoritajiet u n-nies li jistgħu jkunu mħassba bil-proġett in kwestjoni;

Billi l-prinċipji ta’ l-istima ta’ effetti ambjentali għandhom ikunu armonizzati, b’mod partikolari sa fejn jirrefferu mal-proġetti li għandhom ikunu suġġetti għal stima, l-obbligazzjonijiet prinċipali ta’ l-iżviluppaturi u l-kontenut ta’ l-istima;

Billi proġetti li jappartienu lil ċerti tipi għandhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent u dawn il-proġetti għandhom bħala regola jkunu suġġetti għal stima sistematika;

Billi proġetti ta’ tipi oħra jista’ ma jkollomx effetti sinifikanti fuq l-ambjent f’kull każ u billi dawn il-proġetti għandhom ikunu stmati fejn l-Istati Membri jaħsbu li l-karatteristiċi tagħhom jirrikjedu hekk;

Billi, għal proġetti li huma suġġetti għal stima, ċertu ammont minimu ta’ informazzjoni għandu jingħata, dwar il-proġetti u l-effetti tiegħu;

Billi l-effetti ta’ proġetti fuq l-ambjent għandhom ikunu stmati biex iqisu l-ansjetajiet għall-ħarsien tas-saħħa umana, issir kontribuzzjoni permezz ta’ ambjent aħjar għall-kwalita’ ta’ ħajja, tkun żgurata żamma tad-diversita ta’ speċji u tinżamm il-kapaċita reproduttiva ta’ l-ekosistema bħala riżors bażiku għal ħajja;

Billi, madankollu, din id-Direttiva m’għandhiex tkun applikata għal proġetti li d-dettalji tagħhom huma adottati b’att speċifiku ta’ leġislazzjoni nazzjonali, ladarba l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, inkluż dak ta’ forniment ta’ informazzjoni, jinkisbu permezz tal-proċess leġislattiv;

Billi, barra min hekk, jista’ jkun xieraq f’każijiet eċċezzjonali li proġett speċifiku jkun eżentat mill-proċeduri ta’ stima preskritti b’din id-Direttiva, suġġett għal forniment ta’ informazzjoni xierqa lill-Kummissjoni,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-istima ta’ l-effetti ambjentali ta’ dawk il-proġetti pubbliċi u privati li aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent.

2. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

"proġett" tfisser:

- l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ istallazjonijiet jew skemi oħra,

- interventi oħra fil-madwar u pajsaġġ naturali inklużi dawk li jimplikaw l-estrazzjoni ta’ riżorsi naturali;

"żviluppatur" tfisser:

l-applikant għal awtorizzazzjoni għal proġett privat jew l-awtorita pubblika li tibda proġett;

"kunsens għal żvilupp" tfisser:

id-deċiżjoni ta’ l-awtorita jew l-awtoritajiet kompetenti li tagħti d-dritt lill-iżviluppatur biex jipproċedi bil-proġett.

3. L-awtorita jew l-awtoritajiet kompetenti għandha tkun dik jew għandhom ikunu dawk li l-Istati Membri jaħtru bħala responsabbli li jagħmlu d-dmirijiet li joħorġu minn din id-Direttiva.

4. Pproġetti li jaqdu għanijiet ta’ difiża nazzjonali mhumiex koperti min din id-Direttiva.

5. Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal proġetti li d-dettalji tagħhom huma adottati b’att speċifiku ta’ leġislazzjoni nazzjonali, ladarba l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, inkluż dak ta’ forniment ta’ informazzjoni, jinkisbu permezz ta’ proċess leġislattiv.

Artikolu 2

1. Stati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li, qabel ma jingħata kunsens, proġetti li aktarx ikollhom effetti sinifikattivi fuq l-ambjent minħabba inter alia, in-natura, il-kobor u l-post tagħhom ikunu suġġetti għal stima fir-rigward ta’ l-effetti tagħhom.

Dawn il-proġetti huma definiti fl-Artikolu 4.

2. L-istima ta’ l-impatt ambjentali tista’ tkun integrata fi proċeduri eżistenti għal kunsens ta’ proġetti fl-Istati Membri, jew, fin-nuqqas ta’ dan, fi proċeduri oħra jew fi proċeduri li għandhom ikunu stabbiliti biex ikun hemm konformita ma’ l-għanijiet ta’ din id-Direttiva.

3. Stati Membri jistgħu, f’każijiet eċċezzjonali, jeżentaw proġett speċifiku kollu kemm hu jew parti minnu mid-dispożizzjonijiet preskritti f’din id-Direttiva.

F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom:

(a) jikkonsidraw jekk forma oħra ta’ stima tkunx xierqa u jekk l-informazzjoni hekk miġbura għandhiex issir disponibbli għall-pubbliku;

(b) jagħmlu disponibbli lill-pubbliku konċernat l-informazzjoni li għandha x’taqsam ma’ l-eżenzjoni u r-raġunijiet l-għaliex ingħatat;

(ċ) jinformaw lill-Kummissjoni, qabel ma jingħata kunsens, bir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-eżenzjoni mogħtija, u jipprovduha bl-informazzjoni li jkunu għamlu disponibbli, fejn xieraq, liċ-ċittadini tagħhom stess.

Il-Kummissjoni għandha immedjatament tibgħat id-dokumenti li tkun irċeviet lill-Istati Membri l-oħra.

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta ta’ kull sena lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu.

Artikolu 3

L-istima ta’ l-impatt ambjentali għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma b’manjiera xierqa, fid-dawl ta’ kull każ individwali u skond l-Artikoli 4 sa 11, l-effetti diretti u indiretti tal-proġett fuq dawn il-fatturi:

- bnedmin, fawna u flora,

- ħamrija, ilma, arja, klima u l-pajsaġġ,

- l-interazzjoni bejn il-fatturi msemmija fl-ewwel u t-tieni indent,

- assi materjali u wirt kulturali.

Artikolu 4

1. Bla ħsara għal Artikolu 2 (3), proġetti tal-klassijiet elenkati f’ l-Anness I għandhom ikunu soġġetti għal stima skond Arikoli 5 sa 10.

2. Proġetti tal-klassijiet elenkati f’L-Anness II għandhom ikunu soġġetti għal stima, skond l-Artikoli 5 sa 10, fejn Stati Membri jikkunsidraw li l-karateristiċi tagħhom jirrikjedu hekk.

Għal dan il-għan Stati Membri jistgħu inter alia jispeċifikaw ċerti tipi ta’ proġetti bħala li huma soġġetti għal stima jew jistgħu jistabbilixxu l-kriterji u/jew limiti meħtieġa biex jiddeterminaw liema mill-proġetti tal-klassijiet elenkati f’L-Anness II huma soġġetti għal stima skond l-Artikoli 5 sa 10.

Artikolu 5

1. Fil-każ ta’ proġetti li, skond l-Artikolu 4, għandhom ikunu soġġetti għal stima ta’ l-impatt ambjentali skond l-Artikoli 5 sa 10, Stati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-iżviluppatur iforni f’għamla xierqa l-informazzjoni speċifikata f’L-Anness III sakemm:

(a) l-Istati Membri jikkunsidraw li l-informazzjoni hija relevanti għal stadju speċifikat tal-proċedura ta’ kunsens u għall-karatteristiċi speċifiċi ta’ proġett partikulari jew tip ta’ proġett u għall-fatturi ambjentali li aktarx se jkunu milquta;

(b) l-Istati Membri jikkunsidraw li l-iżviluppatur jista’ b’mod raġonevoli jkun mitlub jiġbor din l-informazzjoni filwaqt li jżomm quddiem għajnejh inter alia għarfien u metodi kurrenti ta’ stima.

2. L-informazzjoni li l-iżviluppatur għandu jagħti skond il-paragrafu 1 għandha tinkludi għall-inqas:

- deskrizzjoni tal-proġett li tinkludi informazzjoni dwar il-post, disinn u kobor tal-proġett,

- deskrizzjoni tal-miżuri antiċipati biex jevitataw, inaqqsu u, jekk possibbli, jirrimedjaw l-effetti sinifikanti kuntrarji,

- id-data mitluba biex ikunu identifikati u stmati l-effetti prinċipali li l-proġett aktarx ikollu fuq l-ambjent,

- sommarju mhux tekniku ta’ l-informazzjoni msemmija fl-indenti 1 sa 3.

3. Fejn jikkunsidraw meħtieġ, Stati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kollha b’informazzjoni relevanti fil-pussess tagħhom jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli lill-iżviluppatur.

Artikolu 6

1. Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-awtoritajiet li aktarx ikunu konċernati bil-proġett minħabba r-responsabilitajiet ambjentali speċifiċi tagħhom jingħataw opportunita li jesprimu l-opinjoni tagħhom wara t-talba għal kunsens fuq l-iżvilupp. Stati Membri għandhom jaħtru l-awtoritajiet li għandhom ikunu konsultati għal dan il-għan f’termini ġenerali jew f’kull każ meta ssir it-talba għal kunsens. L-informazzjoni miġbura skond l-Artikolu 5 għandha tintbagħat lil dawn l-awtoritajiet. Arranġamenti dettaljati għal konsultazzjoni għandhom ikunu preskritti mill-Istati Membri.

2. Stati Membri għandhom jiżguraw li:

- kull talba għal kunsens ta’ żvilupp u kull informazzjoni miġbura skond l-Artikolu 5 għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku,

- il-pubbliku konċernat jingħata l-opportunita biex jesprimi opinjoni qabel ma l-proġett jibda.

3. L-arranġamenti dettaljati għal informazzjoni u konsultazzjoni tali għandhom ikunu determinati mill-Istati Membri, li jistgħu b’mod partikolari, filwaqt li jiddependu fuq il-karatteristiċi partikolari tal-proġetti jew postijiet konċernati:

- jiddeterminaw il-pubbliku konċernat,

- jispeċifikaw il-postijiet fejn l-informazzjoni tista’ tkun konsultata,

- jispeċifikaw il-mod li bih il-pubbliku jista’ jkun informat, per eżempju b’postaġġ ta’ materjal pubbliċitarju sa ċerta distanza, b’pubblikazzjoni f’gazzetti lokali, b’organizzazzjoni ta’ wirjiet ta’ pjanti, disinni, tabelli, graphs, mudelli,

- jiddeterminaw il-manjiera li biha l-pubbliku għandu jkun konsultat, per eżempju, b’sottomissjonijiet bil-miktub, b’inkjesta pubblika,

- jistabbilixxu limiti ta’ żmien xieraq għall-istadji varji tal-proċedura biex jiżguraw li tittieħed deċiżjoni fi żmien raġonevoli.

Artikolu 7

Fejn Stat Membru jsir konxju li proġett aktarx ikollu effetti sinifikanti fuq l-ambjent fi Stat Membru ieħor jew fejn Stat Membru li aktarx se jintlaqat b’mod sinifikanti hekk jitlob, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-proġett huwa intenzjoant li jitwettaq għandu jibgħat l-informazzjoni miġbura skond l-Artikolu 5 lill-Istati Membri fl-istess ħin li jagħmilha disponibbli liċ-ċittadini tiegħu stess. Informazzjoni bħal din għandha sservi bħala bażi għal kull konsultazzjoni meħtieġa fil-qafas tar-relazzjonijiet bilaterali bejn żewġ Stati Membri fuq bażi reċiproka u ekwivalenti.

Artikolu 8

Informazzjoni miġbura skond l-Artikoli 5, 6 u 7 għandha tittieħed in konsiderazzjoni fil-proċedura ta’ kunsens għal żvilupp.

Artikolu 9

Meta tittieħed deċiżjoni, l-awtorita jew l-awtoritajiet kompetenti għandhom jgħarrfu lill-pubbliku konċernat bi:

- il-kontenut tad-deċiżjoni u kull kondizzjonijiet mehmużin magħha,

- ir-raġunijiet u konsiderazzjonijiet li fuqhom id-deċiżjoni hija bażata fejn il-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri hekk tipprovdi.

Arraġamenti dettaljati għal tali informazzjoni għandhom ikunu determinati mill-Istati Membri.

Jekk Stat Membru ieħor kien infurmat skond l-Artikolu 7, għandu jkun ukoll infurmat bid-deċiżjoni in kwestjoni.

Artikolu 10

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ma jaffettwawx l-obbligazzjoni fuq l-awtoritajiet kompetenti li jirrispettaw il-limitazzjonijiet imposti mir-regolamenti nazzjonali u dispożizzjonijiet amministrattivi u prattiċi legali aċċettati fir-rigward ta’ segretezza industrijali u kummerċjali u l-protezzjoni ta’ l-interess pubbliku.

Fejn japplika l-Artikolu 7, it-trasmissjoni ta’ informazzjoni lejn Stat Membru ieħor u r-riċeviment ta’ informazzjoni minn Stat Membru ieħor għandhom ikunu suġġetti għal-limitazzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri li fihom huwa propost il-proġett.

Artikolu 11

1. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħddu lil xulxin informazzjoni dwar l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

2. B’mod partikolari, Stati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’xi kriterji u/jew limiti adottati għall-għażla tal-proġetti in kwestjoni, skond l-Artikolu 4(2), jew tat-tipi ta’ proġetti konċernati li, skond l-Artikolu 4(2), huma suġġetti għal stima skond l-Artikoli 5 sa 10.

3. Ħames snin wara n-notifika ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni u l-effiċenza tagħha. Ir-rapport għandu jkun bażat fuq l-bdil ta’ informazzjoni msemmi iktar ’il fuq.

4. Fuq il-bażi ta’ dan l-bdil ta’ informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Kunsill proposti addizzjonali, jekk dan ikun meħtieġ, bil-ħsieb li din id-Direttiva tkun applikata b’manjiera kordinata b’mod suffiċjenti.

Artikolu 12

1. Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ruħhom ma’ din id-Direttiva fi żmien tliet snin tan-notifika tagħha [7].

2. L-Istati Membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jaddottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 13

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva m’għandhomx ikollhom effett fuq id-dritt ta’ Stati Membri li jippreskrivu regoli iktar stretti rigward l-ambitu u l-proċedura meta jistmaw effetti ambjentali.

Artikolu 14

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fis-27 ta’ Ġunju 1958.

Għall-Kunsill

Il-President

A. Biondi

[1] ĠU C 169, tad-9.7.1980, p. 14.

[2] ĠU C 66, tal-15.3.1982, p. 89.

[3] ĠU C 185, tas-27.7.1981, p. 8.

[4] ĠU C 112, tal-20.12.1973, p. 1.

[5] ĠU C 139, tat-13.6.1977, p. 1.

[6] ĠU C 46, tas-17.2.1983, p. 1.

[7] Din id-Direttiva kienet notifikata fit-3 ta’ Lulju 1985.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

PROĠETTI SUĠĠETTI GĦAL L-ARTIKOLU 4(1)

1. Raffineriji ta’ żejt mhux maħdum (esklużi intrapriżi li jimmanifatturaw biss lubrikanti minn żejt mhux maħdum) u Stallazzjonijiet għall-gassifikazzjoni u tidwib ta’ 500 tunnellata metrika jew iktar ta’ faħam jew shale tal-bitum kull jum.

2. Impjanti ta’ l-elettriku termali u Stallazzjonijiet oħra ta’ kombustjoni li jipproduċu sħana ta’ 300 megawatt jew iktar u impjanti ta’ l-elettriku nukleari u reatturi nukleari oħra (ħlief stallazzjonijiet ta’ riċerka għall-produzzjoni u bidla ta’ materjali fissjonibbli u fertili, li l-qawwa massima tagħhom ma teċċedix kilowatt 1 ta’ piż kontinwu termali).

3. Stallazzjonijiet disinjati biss għall-ħażna permanenti jew rimi finali ta’ skart radjuattiv.

4. Xogħlijiet integrati għat-tidwib inizjali ta’ ħadid fondut u azzar.

5. Stallazzjonijiet għall-Estrazzjoni ta’ asbestos u għall-ipproċessar u trasformazzjoni ta’ asbestos u prodotti li fihom asbestos: għal prodotti ta’ asbestos-siment, bi produzzjoni annwali ta’ iktar minn 20000 tunnellata metrika ta’ prodotti pperfezzjonati, għal materjal ta’ frizzjoni, bi produzzjoni annwali ta’ iktar minn 50 tunnellata metrika ta’ prodotti perfezzjonati, u għal użijiet oħra ta’ asbestos, utilizzazzjoni ta’ iktar minn 200 tunnellata metrika kull sena.

6. Stallazzjonijiet kimiċi integrati.

7. Kostruzzjoni ta’ toroq għat-traffiku motorizzat, toroq espress [1] u linji għal traffiku ferrovjarju ta’ distanza twila u ta’ ajruporti [2] ta’ tul bażiku ta’ runway ta’ 2100 m jew iktar.

8. Portijiet kummerċjali u wkoll passaġġi bl-ilma interni u portijiet għal traffiku b’passaġġi bl-ilma interni li jippermettu l-passaġġ ta’ bastimenti ta’ iktar minn 1350 tunnellata metrika.

9. Stallazzjonijiet għar-rimi ta’ l-iskart għal ħruq, trattament kimiku jew miżbla għal skart tossiku u perikoluż.

[1] Għall-finijiet tad-Direttiva, "triq espress" tfisser triq li tikkonforma mad-definizzjoni fil-Ftehim Ewropew dwar arterji prinċipali ta’ traffiku internazzjonali tal-15 ta’ Novembru 1975.

[2] Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, "ajruport" tfisser ajruporti li jikkonformaw mad-definizzjoni fil-Konvenzjoni ta’ Chicago ta’ l-1944 li tistabbilixxi l-Organizzazzjoni dwar l-Avvjazzjoni Ċivili (L-Anness 14).

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

PROĠETTI SUĠĠETTI GĦAL L-ARTIKOLU 4(2)

1. Agrikoltura

(a) Proġetti għar-ristrutturazzjoni ta' artijiet rurali.

(b) Proġetti għall-użu ta' raba' mhux koltivat jew qatgħat semi-naturali għal għanijiet ta' agrikultura intensivi.

(ċ) Proġetti ta' maniġġjar ta' ilma għal agrikultura.

(d) Afforestazzjoni inizzjali fejn din tista' twassal għal bidliet ekoloġiċi kuntrarji u reklamazzjoni ta' l-art għall-għanijiet ta' bidla f'użu ieħor ta' l-art.

(e) Stallazzjonijiet għat-trobbija tat-tjur.

(f) Stallazzjonijiet għat-trobbija tal-ħnieżer.

(g) Tnissil ta' salamun.

(h) Reklamazzjoni ta' art mill-baħar.

2. Industrija Estrattiva

(a) Estrazzjoni ta' peat.

(b) Titqib fil-fond barra titqib biex tkun investigata l-istabbilita tal-ħamrija u b'mod partikolari:

- titqib ġeotermali,

- titqib għall-ħażna ta' materjal ta' skart nukleari,

- titqib għal fornimenti ta' ilma.

(ċ) Estrazzjoni ta' minerali barra minn minerali li fihom metalli u dawk li jipproduċu enerġija, bħal irħam, ramel, żrar, shale, melħ, fosfati u potassa.

(d) Estrazzjoni ta' faħam u lignite minn minjieri taħt l-art.

(e) Estrazzjoni ta' faħam u lignite minn minjieri open — cast.

(f) Estrazzjoni ta' żejt mhux raffinat.

(g) Estrazzjoni ta' gass naturali.

(h) Estrazzjoni ta' metall mhux maħdum.

(i) Estrazzjoni ta' shale.

(j) Estrazzjoni ta' minerali barra minn minerali li fihom metall u dawk li jipproduċu enerġija minn minjieri open—cast.

(k) Stallazzjonijiet 'l fuq mill-art/baħar għall-estrazzjoni ta' faħam, żejt mhux raffinat, gass naturali u metalli mhux maħduma, kif ukoll shale.

(l) Fran għal kokk (distillazzjoni ta' faħam niexef).

(m) Stallazzjonijiet għall-manifattura tas-siment.

3. Industrija ta' l-enerġija

(a) Stallazzjonijiet industrijali għall-produzzjoni ta' eletriċita', steam u ilma sħun (ħlief jekk inkluż f'L-Anness I).

(b) Stallazzjonijiet industrijali għall-ġarr ta' gass, steam u ilma sħun (misħun); trasmissjoni ta' enerġija elettrika permezz ta' cables fil-għoli.

(ċ) Ħażna 'l fuq mill-art/baħar ta' gass naturali.

(d) Ħażna taħt l-art ta' gassijiet kombustibbli.

(e) Ħażna 'l fuq mill-art/baħar ta' karburanti fossili.

(f) Ippressar industrijali ta' faħam u lignite.

(g) Stallazzjonijiet għall-produzzjoni jew arrikkiment ta' karburanti nukleari.

(h) Stallazzjonijiet għall-ipproċessar ta' karburanti nukleari irradjati.

(i) Stallazzjonijiet għall-ġbir u proċessar ta' skart radjuattiv (ħlief jekk inkluż f'L-Anness I).

(j) Stallazzjonijiet għall-produzzjoni ta' enerġija idroelettrika.

4. Ipproċessar ta' metalli

(a) Fabbriki tal-ħadid u azzar, inklużi funderiji, foroġ, impjanti tal-ġbid u fabbriki għall-irromblar (ħlief jekk inklużi f'L-Anness I).

(b) Stallazzjonijiet għall-produzzjoni, inklużi tidwib, raffinar, ġbid u romblar, ta' metalli li ma fihomx ħadid, esklużi metalli prezzjużi.

(ċ) Ippressar, ġbid u mbollar ta' forom kbar (xogħolijiet fonduti kbar).

(d) Trattament fil-wiċċ u kisi ta' metalli.

(e) Xogħol ta' bajli, manifattura ta' reservoirs, tankijiet u kontenituri oħra magħmula minn folji ta' metall.

(f) Manifattura u immuntar ta' vetturi bil-mutur u ta' magni ta' vetturi bil-mutur.

(g) Tarzni.

(h) Stallazzjonijiet għall-kostruzzjoni u tiswija ta' ajruplani.

(i) Manifattura ta' tagħmir ta' ferroviji.

(j) Tagħwiġ permezz ta' splussivi.

(k) Stallazzjonijiet għall-inkaljar u tagħqid bis-sħana ta' minerali metalliċi.

5. Manifattura tal-ħġieġ

6. Industrija tal-kimika

(a) Trattament ta' prodotti intermedjarji u produzzjoni ta' prodotti kimiċi (ħlief jekk inkluż f' l-Anness I).

(b) Produzzjoni ta' pestiċidi u prodotti farmaċewtiċi, żebgħa u verniċ, elastomers u perossidi.

(ċ) Faċilitajiet għall-ħażna ta' żejt mhux raffinat, prodotti petrokimiċi u kimiċi.

7. Industrija ta' l-ikel

(a) Manifattura ta' ħjut u xaħmijiet veġetali u minn annimali.

(b) Ippakkjar u priservar ta' prodotti minn annimali u veġetali.

(ċ) Manifattura ta' prodotti tal-ħalib.

(d) Sajran u malting.

(e) Manifattura ta' ħelu u ġulepp.

(f) Stallazzjonijiet għall-qtil ta' annimali.

(g) Stallazzjonijiet għal manifattura ta' lamtu industrijali.

(h) Fabbriki tal-fish—meal u żejt tal-ħuta.

(i) Fabbriki taz-zokkor.

8. Industriji tat-tessut, ġilda, njam u karta

(a) Fabbriki tal-għorik, tneħħija ta' xaħam u bliċjar tas-suf.

(b) Manifattura ta' fibre board, board magħmul minn partikoli u fuljetta.

(ċ) Manifattura ta' polpa, karta u board.

(d) Fabbriki li jikkuluraw il-fibra.

(e) Stallazzjonijiet li jipproċessaw u jipproduċu ċelluloża.

(f) Fabbriki tal-konzerija u twebbis tal-ġilda.

9. Industrija tal-gomma

Manifattura u trattament ta' prodotti bażati fuq l-elastomer.

10. Proġetti ta' infrastruttura

(a) Proġetti ta' żvilupp ta' oqsma industrijali.

(b) Proġetti ta' żvilupp urban.

(ċ) Ski-lifts u cable-cars.

(d) Kostruzzjoni ta' triqat, portijiet, inklużi portijiet tas-sajd, u ajruporti (proġetti mhux elenkati f'L-Anness I).

(e) Xogħlijiet ta' kanali u għajnuna kontra l-għargħar.

(f) Digi u stallazzjonijiet oħra ddisinjati (maħsuba) biex iżommu l-ilma u jaħżnuh għat-tul.

(g) Linji tat-tramm, ferroviji elevati u taħt l-art, linji mdendla jew linji simili ta' tip partikulari, użati esklussivamnet jew prinċipalment għat-trasport tal-passiġġieri.

(h) Stallazzjonijiet ta' pipeline għaż-żejt u gass.

(i) Stallazzjoni ta' akwadotti ta' distanza twila.

(j) Marini għall-jottijiet.

11. Proġetti oħra

(a) Villaġġi għal btala, kumplessi ta' lukandi.

(b) Korsi permanenti għat-tiġrijiet u testijiet ta' karozzi u muturi.

(ċ) Stallazzjonijiet għar-rimi ta' skart industrijali u domestiku (ħlief jekk huma inklużi f'L-Anness I).

(d) Impjanti għal trattament ta' ilma maħmuġ.

(e) Postijiet għad-depost ta' tajn maħmuġ.

(f) Ħżin ta' ruttam.

(g) Bankijiet għal testijiet ta' magni, turbini u reatturi.

(h) Manifattura ta' fibra artifiċjali minerali.

(i) Manifattura, ippakkjar, tagħbija jew tqegħid fi skrataċ ta' porvli u splussivi.

(j) Postijiet tax-xogħol tan-Knackers.

12. Modifikazzjonijiet lil proġetti ta' żvilupp inklużi f'Annes I u proġetti f'L-Anness I li jsiru esklussivament jew prinċipalment għall-iżvilupp u ttestjar ta' metodi jew proġetti ġodda u mhux użati għal iktar minn sena waħda.

--------------------------------------------------

L-ANNESS III

INFORMAZZJONI LI HEMM REFERENZA GĦALIHA F’ L-ARTIKOLU 5(1)

1. Deskrizzjoni tal-proġett, inklużi b’mod partkulari:

- deskrizzjoni tal-karatteristiċi fiżiċi tal-proġett kollu kemm hu u tar-rekwiżiti għall-użu ta’ l-art matul il-fażijiet ta’ kostruzzjoni u operazzjonali,

- deskrizzjoni tal-karatteristiċi prinċipali tal-proċessi ta’ produzzjoni, per eżempju, natura u kwantita tal-materjali wżati,

- stima, bit-tip u kwantita, tal-fdalijiet u emissjonijiet (tniġġis ta’ ilma, arja u ħamrija, ħoss, vibrazzjoni, dawl, sħana, radjazzjoni, eċċ.) bħala riżultat tat-tħaddim tal-proġett propost.

2. Fejn xieraq, id-deskrizzjoni qasira (punti prinċipali) ta’ l-alternattivi prinċipali studjati mill-iżviluppatur u indikazzjoni tar-raġunijiet prinċipali għall-għażliet tiegħu, wara li jitqiesu l-effetti ambjentali.

3. Deskrizzjoni ta’ l-aspetti ta’ l-ambjent li aktarx se jkunu effettwati (se jintlaqtu) b’mod sinifikanti bil-propett propost, inklużi, b’mod partikulari, populazzzjoni, fauna, flora, ħamrija, ilma, arja, fatturi ta’ klima, assi materjali, inklużi arkitettura u wirt arkeoloġiku, pajsaġġ u l-interrelazzjoni bejn il-fatturi ta’ hawn fuq

4. Deskrizzjoni [1] ta’ l-effetti sinifikanti possibbli tal-proġett propost fuq l-ambjent bħala riżultat mill-:

- eżistenza tal-proġett,

- użu ta’ riżorsi naturali,

- emissjoni ta’ pollutanti, il-ħolqien ta’ inkonvenjenzi u l-eliminazzjoni ta’ l-iskart;

u d-deskrizzjoni mill-iżviluppatur tal-metodi tat-tbassir użati biex ikunu stmati l-effetti fuq l-ambjent.

5. Deskrizzjoni tal-miżuri previsti biex jimpedixxu, inaqqsu u fejn possibbli jikkumpensaw għal kull effett avvers sinifikanti fuq l-ambjent.

6. Sommarju mhux tekniku ta’ l-informazzjoni pprovduta taħt it-titolu ta’ hawn fuq.

7. Indikazzjoni ta’ kwalunkwe diffikulta (nuqqasijiet tekniċi jew nuqqas ta’ snajja) li jiltaqa’ magħha l-iżviluppatur fil-ġbir ta’ l-informazzjoni rekwiżita.

[1] Din id-deskrizzjoni għandha tkopri l-effetti diretti u kull effett indirett, sekondarju, kumulattiv, f’qasir żmien, fi żmien medju u fi żmien twil, permanenti u temporanju, pożittiv u negattiv tal-proġett.

--------------------------------------------------