31985L0203



Official Journal L 087 , 27/03/1985 P. 0001 - 0007
Spanish special edition: Chapter 15 Volume 5 P. 0133
Portuguese special edition Chapter 15 Volume 5 P. 0133
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 6 P. 0213
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 6 P. 0213


Id-Direttiva tal-Kunsill

tas-7 ta’ Marzu 1985

dwar l-istandards ta’ kwalità tà l-arja għan-nitroġenu dijossidu

(85/203/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITÀ EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 100 u 235,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-programmi ta’ azzjoni tal-Komunità Ewropea dwar l-ambjent ta’ l-1973 [4], 1977 [5] u 1982 [6] jistabbilixxu li għandha tingħata prijorità lil miżuri kontra n-nitroġenu dijossidu minħabba l-periklu tiegħu, u wara li ġie kkunsidrat l-istat preżenti ta’ għarfien ta’ l-effetti li dan ikollu fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent;

Billi informazzjoni teknika u xjentifika suffiċjenti ma hawnx biex il-Kunsill ikun jista’ jistabbilixxi standards għall-ambjent b’mod ġenerali, u billi l-adozzjoni ta’ valuri ta’ limitu għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem huma ta’ għajnuna wkoll fil-protezzjoni ta’ l-ambjent;

Billi kwalunkwe diskrepanza bejn id-disposizzjonijiet li huma diġà fis-seħħ jew li għadhom qed jiġu mfassla fid-diversi Stati Membri fejn hu konċernat in-nitroġenu dijossidu fl-arja jistgħu jwasslu għal kondizzjonijiet disparattivi ta’ kompetizzjoni u bħala konsegwenza jistgħu jaffettwaw direttament it-tħaddim tas-suq komuni; billi, għalhekk, it-tqarrib tal-liġijiet stipulati fl-Artikolu 100 tat-Trattat għandu jitwettaq f’dan il-qasam;

Billi waħda mill-ħidmiet bażiċi tal-Komunità hija li tippromwovi fil-Komunità kollha żvilupp armonizzat ta’ attivitajiet ekonomiċi u espansjoni kontinwa u bilanċjata, li ma tistax isseħħ jekk ma jkunx hemm ħidma qawwija kontra t-tniġġiż u l-problemi li jġib miegħu jew żvilupp fil-kwalità ta’ ħajja u l-protezzjoni ta’ l-ambjent; billi, it-Trattat ma jipprovdix il-poteri neċessarji, għandu jsir rikors għall-Artikolu 235 tat-Trattat;

Billi, bil-għan li jiġu protetti b’mod partikolari s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit valur ta’ limitu għan-nitroġenu dijossidu li ma għandux jiġi maqbuż fit-territorju ta’ l-Istati Membri matul perjodi speċifiċi, u billi dan il-valur għandu jkun ibbażat fuq ir-riżultati ta’ xogħol li jkun twettaq għall-Organizzazzjoni tas-Saħħa Dinjija (WHO), b’mod partikolari fejn tikkonċerna r-relazzjoni ta’ bejn id-doża/l-effett stabbilit għal dan it-tip ta’ tniġġiż;

Billi, minkejja l-miżuri meħuda, jista’ ma jkunx possibbli li jkun hemm konformità mal-valuri ta’ limitu f’ċerti żoni; billi l-Istati Membri jistgħu jingħataw derogi temporanji fuq kondizzjoni li dawn jgħaddu lill-Kummissjoni pjani dwar it-tisħiħ gradwali tal-kwalità ta’ l-arja f’dawn iż-żoni;

Billi huwa mistenni li l-Kunsill ser jistabbilixxi fi żmien qasir att legali ieħor biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jimponu, b’mod sinifikanti, valuri ta’ limitu aktar baxxi għall-gassijiet ta’ l-ispurgar li joħorġu minn vetturi bil-magna;

Billi l-miżuri meħuda f’konformità ma’ din id-Direttiva għandhom ikunu ekonomikament possibbli u kompatibbli ma’ żvilupp bilanċjat;

Billi n-nitroġenu dijossidu huwa wkoll minn ta’ l-ewwel fil-formazzjoni ta’ ossidanti fotokemikali li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-bniedem u l-ambjent, u billi azzjoni ta’ prevenzjoni tista’ tgħin biex tnaqqas il-formazzjoni ta’ dawn;

Billi huwa meħtieġ li jitwaqqfu stazzjonijiet ta’ kejl biex jissorveljaw il-konformità mal-valur ta’ limitu għan-nitroġenu dijossidu, u billi huwa meħtieġ li dawn l-istazzjonijiet ikejlu wkoll l-ossidu nitriku li huwa sors intermedju fil-formazzjoni ta’ nitroġenu dijossidu;

Billi, minħabba l-eżistenza ta’ metodi differenti ta’ analiżi fl-Istati Membri, huwa neċessarju li jitħalla isir, taħt ċertu kondizzjonijiet, l-użu ta’ metodi ta’ analiżi oħra minbarra l-metodu ta’ referenza stabbilit f’din id-Direttiva;

Billi, minbarra dan il-valur ta’ limitu, huwa meħtieġ li jkunu pprovduti valuri ta’ gwida biex itejbu l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u biex jikkontribwixxu għall-protezzjoni fit-tul tal-ambjent;

Billi fil-futur jistgħu jkunu meħtieġa tibdiliet fil-metodu ta’ referenza ta’ analiżi msemmi f’din id-Direttiva fid-dawl tal-progress xjentifiku u tekniku f’dan il-qasam; billi, biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tax-xogħol għal dan l-iskop, għandha tiġi stabbilita proċedura biex twaqqaf koperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat dwar l-Adattament għal Progress Xjentifiku u Tekniku,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1. L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li:

- tiffissa valur ta’ limitu (L-Anness I) għan-nitroġenu dijossidu fl-atmosfera speċifikament biex jipproteġi lill-bnedmin mill-effetti ta’ nitroġenu dijossidu fl-ambjent,

- tistabbilixxi valuri ta’ gwida (L-Anness II) għan-nitroġenu dijossidu fl-atmosfera biex itejjeb il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u jgħin fil-protezzjoni fit-tul tal-ambjent.

2. Din id-Direttiva ma tapplikax għall-esponiment fuq il-post tax-xogħol jew ġewwa l-bini.

Artikolu 2

Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

- "valur ta’ limitu" ifisser il-konċentrazzjoni ta’ nitroġenu dijossidu hekk kif stipulat fit-tabella fl-Anness I li ma għandux jiġi maqbuż fit-territorju kollu ta’ l-Istati Membri matul perjodi speċifiċi u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu li jmiss,

- "valuri ta’ gwida" ifisser il-konċentrazzjonijiet ta’ nitroġenu dijossidu, hekk kif mogħtija fl-Anness II, ikkunsidrati fuq perjodi speċifiċi u maħsuba minn qabel, b’mod partikolari, biex iservu bħala punt ta’ referenza għat-twaqqif ta’ skemi speċifiċi f’żoni determinati mill-Istati Membri.

Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiġi żgurat li mill-1 ta’ Lulju 1987 il-konċentrazzjonijiet ta’ nitroġenu dijossidu fl-atmosfera li jkunu tkejlu f’konformità ma’ l-Anness III ma jeċċedux il-valur ta’ limitu kif stipulat fl-Anness I.

2. Iżda, meta f’ċirkostanzi partikolari l-konċentrazzjonijiet ta’ nitroġenu dijossidu fl-atmosfera f’ċertu żoni x’aktarx, minkejja l-miżuri li jkunu ttieħdu, ikunu jeċċedu l-valur ta’ limitu stabbilit fl-Anness I wara l-1 ta’ Lulju 1987, l-Istati Membri konċernati għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar dan qabel l-1 ta’ Lulju 1987.

Dan għandu jgħaddi lill-Kummissjoni l-pjanijiet għall-iżvilupp gradwali tal-kwalità ta’ l-arja f’dawn iż-żoni mill-aktar fis. Dawn il-pjanijiet, imfassla fuq il-bażi ta’ informazzjoni relevanti fuq in-natura, l-oriġini u l-iżvilupp ta’ dan it-tniġġiż, għandhom jiddeskrivu, partikolarment, il-miżuri li jkunu ttieħdu jew ser jittieħdu u l-proċeduri implimentati jew li ser ikunu implimentati mill-Istat Membru konċernat. Dawn il-miżuri u proċeduri għandu jkollhom l-għan li jnaqqsu l-konċentrazzjonijiet ta’ nitroġenu dijossidu fl-atmosfera f’dawn iż-żoni għal valuri li ma jeċċedux il-valur ta’ limitu stipulat fl-Anness I mill-aktar fis u mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 1994.

Artikolu 4

1. Fiż-żoni li fihom l-Istat Membru konċernat jikkonsidra li jkun meħtieġ li jillimita jew jipprevjeni żieda antiċipata fit-tniġġiż ikkawżat min-nitroġenu dijossidu minħabba l-iżvilupp urban jew industrijali b’mod partikolari, dan jista’ jiffissa valuri li jkunu aktar baxxi mill-valur ta’ limitu stabbilit fl-Anness I.

2. F’żoni li fihom l-Istat Membru konċernat jikkonsidra l-ħtieġa ta’ protezzjoni ambjentali speċjali, dan jista’ jiffissa valuri li jkunu ġeneralment aktar baxxi mill-valuri ta’ gwida stabbiliti fl-Anness II.

Artikolu 5

L-Istati Membri jistgħu, fi kwalunkwe ħin, jiffissaw valuri aktar stretti minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.

Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu stazzjonijiet ta’ kejl biex ifornu d-data meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva f’konformità ma’ l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fl-Anness III, b’mod speċjali fiż-żoni fejn il-valur ta’ limitu jkun maqbuż jew il-probabbiltà hija li jkun maqbuż u fiż-żoni msemmija fl-Artikolu 4.

Dawn l-istazzjonijiet jistgħu jkejlu wkoll il-konċentrazzjonijiet ta’ ossidu nitriku.

Artikolu 7

1. Mill-1 ta’ Lulju 1987 l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni, mhux aktar tard minn sitt xhur wara t-tmiem (31 ta’ Diċembru) tal-perjodu ta’ referenza annwali, dwar id-drabi li fihom il-valur ta’ limitu fl-Anness I ikun maqbuż u dwar il-konċentrazzjonijiet li jkunu ġew reġistrati.

2. L-Istati Membri għandhom ukoll javżaw lill-Kummissjoni, mhux aktar tard minn sena wara t-tmiem tal-perjodu ta’ referenza annwali, dwar ir-raġunijiet għalfejn il-valur ta’ limitu jkun inqabeż u dwar il-miżuri li jkunu ttieħdu.

3. Barraminhekk, l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni, fuq talba tagħha stess, dwar:

- il-konċentrazzjonijiet li huma jkunu kejlu,

- il-valuri ta’ limitu, skadenzi ta’ żmien u orarji li huma jkunu stabbilew,

- xi miżuri addattati li huma jkunu ħadu,

li jikkonċernaw iż-żoni stipulati fl-Artikolu 4(1) u (2).

Din l-informazzjoni għandha tkun ukoll disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 8

Il-Kummissjoni għandha tippubblika perjodikament rapport qasir dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 9

L-applikazzjoni tal-miżuri meħuda skond din id-Direttiva ma għandhiex twassal għal deterjorazzjoni sinifikanti fil-kwalità ta’ l-arja fiż-żoni, ’il barra miż-żoni urbani, fejn il-livell ta’ tniġġiż ikkawżat min-nitroġenu dijossidu meta tkun implimentata din id-Direttiva, ikun baxx ħdejn il-valur ta’ limitu stabbilit fl-Anness I.

Artikolu 10

Meta japplikaw din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jużaw:

- jew il-metodu ta’ referenza ta’ analiżi stipulat fl-Anness IV,

- jew kwalunkwe metodu ieħor ta’ analiżi li l-Kummissjoni tkun ikkunsidrat bħala ekwivalenti għal metodu ta’ referenza.

Artikolu 11

1. Fejn Stat Membru jkollu l-ħsieb li jiffissa, f’reġjun qrib il-fruntiera ta’ Stat Membru jew aktar, valuri għal konċentrazzjonijiet ta’ nitroġenu dijossidu fl-atmosfera f’konformità ma’ l-Artikolu 4(1) u (2), dan għandu jikkonsulta minn qabel ma’ l-Istati Membri konċernati. Il-Kummissjoni għandha tkun informata dwar dan u tista’ wkoll tieħu sehem f’dawn il-konsultazzjonijiet.

2. Fejn il-valur ta’ limitu stipulat fl-Anness I jew il-valuri msemmija fl-Artikolu 4(1) u (2) - sakemm il-valuri ta’ l-aħħar kellhom ikunu s-suġġett ta’ konsultazzjonijiet f’konformità mal-paragrafu 1 - huma jew x’aktarx ikunu maqbuża wara tniġġiż sinifikanti li joriġina jew jista’ joriġina fi Stat Membru ieħor, l-Istati Membri konċernati għandhom iżommu konsultazzjonijiet bil-għan li jsibu soluzzjoni għas-sitwazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tiġi nformata dwar dan u tista’ tieħu sehem f’dawn il-konsultazzjonijiet.

Artikolu 12

L-emendi meħtieġa biex ikunu adattati l-ispeċifikazzjonijiet fl-Anness IV għall-progress tekniku għandhom ikunu adottati f’konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 14. Dawn l-emendi ma għandhomx ikunu tali li jibdlu, direttament jew indirettament, il-valur ta’ limitu stabbilit fl-Anness I.

Artikolu 13

1. Għall-għanijiet ta’ l-Artikolu 12, għandu jitwaqqaf Kumitat dwar l-Addattament ta’ din id-Direttiva għall-Progress Xjentifiku u Tekniku, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjaħ "il-Kumitat". Dan għandu jkun kompost minn rappreżentanti ta’ l-Istati Membri, b’rappreżentant mill-Kummissjoni jservi bħala President.

2. Il-Kumitat innifsu għandu jfassal ir-regoli ta’ proċedura.

Artikolu 14

1. Fejn għandha tkun segwita l-proċedura stabbilita f’dan l-Artikolu, it-temi għandhom jiġu referuti lill-Kumitat mill-President tiegħu, jew fuq l-inizjattiva personali tiegħu jew fuq talba tar-rappreżentant ta’ Stat Membru.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu lill-Kumitat. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz f’perjodu stabbilit mill-President wara li tkun ġiet ikkunsidrata l-urġenza tal-materja. Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b’maġġoranza ta’ 45 vot, bis-saħħa tal-voti ta’ l-Istati Membri tkun trattata kif hemm provdut fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat. Il-President ma jivvutax.

3. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri proposti jekk dawn ikunu konsistenti ma’ l-opinjoni tal-Kumitat.

Fejn il-miżuri proposti ma jkunux konsistenti ma’ l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk ma tkun ittieħdet ebda deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tissottometti lill-Kunsill proposta fuq il-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill jiddeċiedi permezz ta’ maġġoranza kwalifikata.

Jekk il-Kunsill, fi żmien tliet xhur minn meta l-proposta tkun ġiet sottomessa lilu, ma jkun ħa ebda azzjoni, il-miżuri proposti għandhom ikunu adottati mill-Kummissjoni.

Artikolu 15

1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regoli u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex iħarsu din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 1987 u dlonk għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar dan.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-disposizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam li jaqa’ taħt din id-Direttiva.

Artikolu 16

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussel, fis-7 ta’ Marzu 1985.

Għall-Kunsill

Il-President

A. Biondi

[1] ĠU C 258, tas-27.9.1983, pġ. 3.

[2] ĠU C 337, tas-17.12.1984, pġ. 434.

[3] ĠU C 206, tas-6.8.1984, pġ. 1.

[4] ĠU C 112, ta’ l-20.12.1973, pġ. 1.

[5] ĠU C 139, tat-13.6.1977, pġ. 1.

[6] ĠU C 46, tas-17.2.1983, pġ. 1.

--------------------------------------------------

ANNESS I

VALUR TA’ LIMITU GĦAL NITROĠENU DIJOSSIDU

(Il-limitu ta’ valur għandu jkun espress f’μg/m3. Il-volum għandu jkun iffissat għal dawn il-kondizzjonijiet ta’ temperatura u pressjoni: 293o K u 101,3 kPa)

Perjodu ta’ referenza | Valur ta’ limitu għal nitroġenu dijossidu |

Sena | 200 |

It-98 perċentwal statistiku ikkalkulat mill-valuri medji għal kull siegħa, jew għal kull perjodu anqas minn siegħa, li jkunu ġew reġistrati matul is-sena |

--------------------------------------------------

ANNESS II

VALURI TA’ GWIDA GĦAL NITROĠENU DIJOSSIDU

(Il-limitu ta’ valur għandu jkun espress f’μg/m3. Il-volum għandu jkun iffissat għal dawn il-kondizzjonijiet ta’ temperatura u pressjoni: 293o K u 101,3 kPa)

Perjodu ta’ referenza | Valuri ta’ gwida għal nitroġenu dijossidu |

Sena | 50 |

Il-50 perċentwal statistiku kkalkulat mill-valuri medji għal kull siegħa, jew għal kull perjodu anqas minn siegħa, li jkunu ġew reġistrati matul is-sena |

135 |

It-98 perċentwal statistiku kkalkulat mill-valuri medji għal kull siegħa, jew għal kull perjodu anqas minn siegħa, li jkunu ġew reġistrati matul is-sena |

Il-formula mogħtija fin-nota f’qiegħ il-paġna (2) ta’ l-Anness I għandha tintuża fil-kalkulazzjoni ta’ dawn il-perċentwali statistiċi, il-valur q ikun 0,50 għall-50 perċentwal statistiku u 0,98 għat-98 perċentwal statistiku.

--------------------------------------------------

ANNESS III

SORVELJANZA TAL-KONĊENTRAZZJONI TA’ NITROĠENU DIJOSSIDU

1. L-għan li jitkejlu l-konċentrazzjonijiet ta’ NO2 fl-ambjent huwa biex issir stima, kemm jista’ jkun preċiża, tar-riskju individwali ta’ l-esponiment għal valuri akbar minn dak stabbilit bħala l-valur ta’ limitu; għalhekk għandhom jintgħażlu punti ta’ kejl mill-Istati Membri kull fejn ikun possibbli minn fost dawk is-siti fejn x’aktarx ir-riskju jkun l-akbar.

Hemm bżonn li jiġu kunsidrati żewġ każijiet separati:

1.1. żoni li huma affettwati ħafna bit-tniġġiż minħabba vetturi bil-magna, u għalhekk għandhom ikunu limitati għal viċinanzi ta’ toroq li minnhom jgħaddi ammont kbir ta’ traffiku;

1.2. żoni aktar estensivi li fihom l-emissjonijiet minn sorsi fissi ukoll jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għat-tniġġiż.

2. Fil-każ ta’ 1.1, il-postijiet tal-kejl għandhom jintgħażlu biex:

- ikopru eżempji tat-tipi prinċipali ta’ żoni affettwati ħafna mit-tniġġiż minħabba vettur bil-magna, partikolarment it-toroq tat-tip "canyon" li minnhom jgħaddi ammont kbir ta’ traffiku u sistemi ta’ toroq ewlenin,

- ikunu, kemm jista’ jkun possibbli, dawk li fihom il-konċentrazzjonijiet ta’ NO2, hekk kif speċifikat fil-paragrafu 1, x’aktarx fost l-ogħla.

3. In-numru ta’ stazzjonijiet li għandhom jitwaqqfu għaż-żoni kif stabbiliti fil-paragrafu 1.2 għandhom jirriflettu:

- il-limiti taż-żona mniġġża,

- id-distribuzzjoni irregolari tat-tniġġiż f’siti differenti.

L-għażla tas-sit ma għandhiex teskludi toroq tat-tip "canyon" li minnhom jgħaddi ammont kbir ta’ traffiku hekk kif deskritt fil-paragrafu 2, jekk ikun hemm periklu li l-valur ta’ limitu jinqabeż minħabba tniġġiż sostanzjali kawżat minn sorsi fissi ta’ kombustjoni.

4. Il-qari finali tat-tagħmir għandu jkun maħdum b’tali mod li medja ta’ siegħa jew ta’ anqas minn siegħa tkun tista’ tiġi kalkulata f’konformità mad-disposizzjonijiet ta’ l-Anness I. Biex ikun possibbli li jsiru verifiki, id -data għandha tinżamm fejn:

- il-valur ta’ limitu ma jkunx inqabeż, sa ma joħroġ ir-rapport perjodiku tal-Kummissjoni li jmiss kif hemm ipprovdut fl-Artikolu 8,

- il-valur ta’ limitu jkun inqabeż, sakemm il-miżuri stipulati fl-Artikolu 3 jkunu ttieħdu.

--------------------------------------------------

ANNESS IV

METODU TA’ REFERENZA TA’ ANALIŻI LI GĦANDU JINTUŻA GĦALL-GĦANIJIET TA’ DIN ID-DIRETTIVA

Il-metodu ta’ referenza ta’ analiżi użat biex jistabbilixxi n-nitroġenu ossidu huwa dak li bl-Ingliż huwa magħruf bħala "chemiluminescence method" deskritt fil-grad ta’ kwalità tal-Organizzazzjoni Internazzjonali dwar il-Gradi ta’ Kwalità (ISO) DIS 7996.

Għal dawn il-metodi l-verżjonijiet b’lingwi differenti pubblikati mill-ISO u l-verżjonijiet l-oħra attestati mill-Kummissjoni bħala li huma f’konformità magħhom għandhom ikunu kkunsidrati bħala awtentiċi.

Fl-użu ta’ dawn il-metodi ta’ kejl, għandhom jiġu kunsidrati dawn il-punti li ġejjin:

1. Il-post fejn jittieħed il-kampjun għandu jkun f’distanza ta’ mill-anqas 0,5 m mill-bini biex jitneħħa kwalunkwe effett ta’ protezzjoni.

2. Is-sistema li tintuża biex biha jinġabru l-kampjuni (pajpijiet u l-partijiet l-oħra) għandha tkunu magħmula minn materjal li ma jkunx jista’ jiċċaqlaq (eż. ħġieġ, PTFE, azzar) u waħda li ma tkunx tista’ tbiddel il-konċentrazzjoni ta’ NO2.

3. Is-sistema tat-teħid tal-kampjuni li jkun hemm bejn il-post fejn jittieħed u t-tagħmir użat għandha tkun kemm jista’ jkun qasira. Il-ħin li jittieħed biex il-volumi ta’ kampjuni ta’ gass jgħaddu minn ġos-sistema tat-teħid tal-kampjuni m’għandux ikun aktar minn 10 sekondi.

4. Il-parti minn fejn jidħol il-kampjun għandu jkun protett mix-xita u l-insetti. Jekk jintuża pre-filtru, dan għandu jkun magħżul u miżmum (tindif regolari) biex jimminimizza l-influwenza tiegħu fuq il-konċentrazzjoni ta’ NO2.

5. Fwar fis-sistema li biha jinġabru l-kampjuni għandu jkun evitat.

6. Is-sistema tat-teħid tal-kampjuni għandha tkun imnaddfa regolarment, waqt li jiġu kkunsidrati l-kondizzjonijiet lokali.

7. Il-kampjuni ma għandhomx ikunu influwenzati minn emissjonijiet ta’ gass li jista’ joħroġ mit-tagħmir użat jew minn emissjonijiet li joħorġu mis-sistema ta’ kalibrazzjoni.

8. Il-kampjuni li jinġabru mill-post fejn dawn jibdew jittieħdu ma għandhomx ikunu influwenzati minn stallazzjonijiet aġġunti (mill-apparat ta’ arja kondizzjonata jew mit-tagħmir ta’ trasmissjoni tad-data).

9. Għandhom jittieħdu l-prekawzjoniet neċessarji kollha biex ikunu evitati varjazzjonijiet fit-temperatura li jistgħu jwasslu għal persentaġġi ta’ żbalji ta’ kejl eċċessivi.

10. It-tagħmir għandu jkun kalibrat regolarment.

11. Is-sistema użata fit-teħid tal-kampjuni għandha tkun issiġġilata mill-arja, waqt li r-rata ta’ kurrent li tgħaddi minnha għandha tkun eżaminata regolarment.

--------------------------------------------------