31983L0477



Official Journal L 263 , 24/09/1983 P. 0025 - 0032
Finnish special edition: Chapter 5 Volume 4 P. 0003
Spanish special edition: Chapter 05 Volume 4 P. 0014
Swedish special edition: Chapter 5 Volume 4 P. 0003
Portuguese special edition Chapter 05 Volume 4 P. 0014


Id–Direttiva tal-Kunsill

tad-19 ta' Settembru 1983

dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji konnessi ma' l-esposizzjoni għall-asbestos fuq ix-xogħol (it-tieni Direttiva individwali skond it-tifsira ta' l-Artikolu 8 tad-Direttiva 80/1107/KEE)

(83/477/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100 tiegħu,

Wara li kkunsidra il-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi r-risoluzzjoni tal-Kunsill tad-29 ta' Ġunju 1978 dwar programm ta' azzjoni tal-Komunitajiet Ewropej għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol [4] tipprovdi għat-twaqqif ta' proċeduri speċifiċi armonizzati li għandhom x'jaqsmu mal-protezzjoni tal-ħaddiema fir- rigward ta' l-asbestos;

Billi d-Direttiva tal-Kunsill 80/1107/KEE tas-27 ta' Novembru 1980 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji konnessi ma' l-esposizzjoni għal aġenti kimiċi, fiżiċi u bioloġiċi fuq ix-xogħol [5] stabbiliet ċerti dispożizzjonijiet li jridu jkunu kkunsidrati għal din il-protezzjoni; billi dik id-Direttiva tipprovdi għat-tfassil ta' Direttivi individwali ta' limiti u kondizzjonijiet speċifiċi li huma mitluba għal dawk l-aġenti mniżżla fl-Anness 1, li jinkludu l-asbestos;

Billi l-asbestos huwa sustanza li tagħmel id-deni li tinsab f'numru kbir ta' ċirkustanzi fuq ix-xogħol; billi ħafna ħaddiema huma għalhekk esposti għal riskju potenzjali għal saħħithom; billi l-kroċidolite huwa kkunsidrat tip ta' asbestos li huwa perikoluż ħafna;

Billi, għalkemm it-tagħrif xjentifiku kurrenti mhux tali li jista' jiġi stabbilit livell li taħtu ma jibqgħux jeżistu r-riskji għas-saħħa, tnaqqis fl-esposizzjoni għall-asbestos għandu madanakollu jnaqqas ir-riskju li wieħed jiżviluppa mard konness ma' l-asbestos; billi din id-Direttiva tinkludi kondizzjonijiet minimi li ser jiġu eżaminati mill-ġdid fuq il-bażi ta' l-esperjenza miksuba u l-iżviluppi fit-teknoloġija f'dan il-qasam;

Billi l-mikroskopija ottika, għalkemm ma tippermettix l-għadd ta' l-iżgħar fibri li jagħmlu ħsara lis-saħħa, hija l-metodu li bħalissa qed jiġi aktar użat għat-tkejjil normali ta' l-asbestos;

Billi, għalhekk, miżuri preventivi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema li huma esposti għall-asbestos u r-rabta maħsuba mill-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam il-ħarsien ta' saħħithom, huma importanti,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

1. Din id-Direttiva, li hija t-tieni Direttiva individwali skond it-tifsira ta' l-Artikolu 8 tad-Direttiva 80/1107/KEE, għandha bħala l-għan tagħha l-protezzjoni tal-ħaddiema kontra r-riskji għal saħħithom, inkluża l-prevenzjoni ta' riskji ta' din ix-xorta, li jiġu jew aktarx jiġu mill-fatt li jkunu esposti għall-asbestos fuq ix-xogħol. Tistabbilixxi limiti u kondizzjonijiet oħra speċifiċi.

2. Din id-Deċiżjoni ma tapplikax għat-:

- trasport bil-baħar,

- trasport bl-ajru,

3. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' l-Istati Membri li japplikaw jew idaħħlu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li jagħtu protezzjoni ikbar għall-ħaddiema, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-bdil ta' l-asbestos b'sostituti anqas perikolużi.

L-Artikolu 2

Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, "asbestos" ifisser is-silikati fibrużi li ġejjin:

- Actinolite, SAK Nru 77536–66–4(*) [6],

- Asbestos gruenerite (amosite) SAK Nru 12172–73–5 (*) [7],

- Anthophyllite, SAK Nru 77536–67–5 (*) [8],

- Chrysotile, SAK Nru 12001–29–5 [9],

- Crocidolite, SAK Nru 12001–28–4 [10],

- Tremolite, SAK Nru 77536–68–6 (*) [11].

L-Artikolu 3

1. Din id-Direttiva tapplika għall-attivitajiet li fihom il-ħaddiema huma jew jistgħu jkunu esposti waqt xogħolhom għat-trab li jiġi mill-asbestos jew materjali li fihom l-asbestos.

2. Fil-każ ta' kull attività li x'aktarx tinvolvi xi riskju li jiġu esposti għat-trab li jiġi mill-asbestos jew xi materjali li jkun fihom l-asbestos, dan ir-riskju għandu jiġi stmat b'mod li tiġi stabbilita n-natura jew il-grad ta' l-esposizzjoni għat-trab li ġej mill-asbestos jew minn materjali li fihom l-asbestos.

3. Jekk l-istima msemmija fil-paragrafu 2 turi li l-konċentrazzjoni tal-fibri ta' l-asbestos fl-arja tal-post tax-xogħol fin-nuqqas ta' kull tagħmir protettiv individwali huwa, fuq għażla ta' l-Istati Membri, fuq livell skond kif imkejjel jew ikkalkulat skond perjodu ta' referenza ta' tmien sigħat,

- anqas minn 0,25 fibra għal kull ċm3 u/jew

- anqas minn doża kumulattiva ta' 15,00 ġranet ta' fibra għal kull ċm3 fi tliet xhur,

L-Artikoli 4, 7, 13, 14 (2), 15 u 16 ma japplikawx.

4. L-istima li hemm ipprovduta fil-paragrafu 2 għandha tkun soġġetta għal konsultazzjoni mal-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom fl-impriża jew fl-istabbiliment u għandhom jerġgħu jiġu eżaminati meta ikun hemm raġuni li wieħed jaħseb li mhijiex korretta jew hemm xi bdil materjali fix-xogħol.

L-Artikolu 4

Bla ħsara għall-Artikolu 3(3), għandu jittieħed il-kejl li ġej:

1. L-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 3(1) għandhom jiġu rregolati b'sistema ta' notifika amministrata mill-awtorità responsabbli ta' l-Istat Membru.

2. In-notifika għandha tingħata minn min iħaddem lill-awtorità responsabbli ta' l-Istat Membru skond il-liġijiet nazzjonali, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi. F'din in-notifika għandu jkun hemm għallinqas deskrizzjoni qasira ta':

- it-tipi u l-ammonti ta' l-asbestos li jintuża,

- l-attivitajiet u l-proċessi involuti,

- il-prodotti fabbrikati.

3. Il-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom fl-impriżi jew fl-istabbilimenti għandhom ikollhom aċċess għad-dokumenti li jaqgħu taħt in-notifika li jinteressaw l-impriża jew l-istabbiliment tagħhom stess b'mod konformi mal-liġijiet nazzjonali.

4. Kull darba li ssir xi bidla importanti fl-użu ta' l-asbestos jew tal-materjali li fihom l-asbestos, għandha tingħata notifika ġdida.

L-Artikolu 5

L-applikazzjoni ta' l-asbestos permezz ta' proċess ta' bexx għandha tiġi pprojbita.

L-Artikolu 6

Għall-attivitajiet kollha msemmija fl-Artikolu 3(1), il-livell ta' l-esposizzjoni tal-ħaddiema għat-trab li jiġi mill-asbestos jew minn materjali li fihom l-asbestos fuq il-post tax-xogħol għandu jitnaqqas għal-livell l-aktar baxx li jkun raġonevolment prattikabbli u f'kull każ għandu jkun taħt il-limitu ta' valuri stabbilit fl-Artikolu 8, b'mod partikolari bil-miżuri li ġejjin jekk ikunu xierqa:

1. Il-kwantità ta' l-asbestos li jintuża f'kull każ għandu jkun limitat għall-anqas ammont li jkun raġonevolment prattikabbli.

2. In-numru ta' ħaddiema esposti jew li x'aktarx jiġu esposti għat-trab li jiġi mill-asbestos jew minn materjali li jinsab fihom l-asbestos għandu jkun limitat għall-anqas numru possibbli.

3. Il-proċessi tax-xogħol għandhom, bħala prinċipju, jkunu ddisinjati b'mod li jevitaw il-ħruġ tat-trab ta' l-asbestos fl-arja.

Jekk dan ma jkunx raġonevolment prattikabbli, it-trab għandu jiġi eliminat kemm jista' jkun qrib il-post fejn ikun ħareġ.

4. Il-bini kollu u/jew l-impjant u makkinarju involuti fl-ipproċessar jew trattament ta' l-asbestos għandhom ikunu jistgħu jiġu mnaddfa u miżmuma f'kondizzjoni tajba regolarment u b'mod effettiv.

5. Bħala materja prima l-asbestos għandu jinħażen u jiġi trasportat f'pakketti ssiġillati adattati.

6. L-iskart għandu jinġabar u jitneħħa minn fuq il-post tax-xogħol malajr kemm jista' jkun f'pakketti ssiġillati adattati b'tikketti li jindikaw li fih l-asbestos. Din il-miżura ma tapplikax għall-attivitajiet ta' tħaffir fil-minjieri.

L-iskart imsemmi fil-paragrafu ta' qabel dan għandu jiġi mmaniġġjat b'mod konformi mad-Direttiva tal-Kunsill 78/319/KEE ta' l-20 ta' Marzu 1978 dwar l-iskart tossiku u perikoluż [12].

L-Artikolu 7

Bla ħsara għall-Artikolu 3(3), għandhom jittieħdu l-miżuri li ġejjin:

1. Biex tiġi żgurata konformità mal-limitu ta' valuri stabbiliti fl-Artikolu 8, it-tkejjil ta' l-asbestos fl-arja fuq il-post tax-xogħol għandu jsir b'mod konformi mal-metodu ta' referenza deskritt fl-Anness I jew b'xi metodu ieħor li jagħti riżultati ekwivalenti. Dan it-tkejjil għandu jiġi ppjanat u jrid jsir regolarment, u l-kampjuni għandhom ikunu rappreżentattivi ta' kemm il-ħaddiem ikun espost għat-trab mill-asbestos jew materjali li jkun fihom l-asbestos.

Għall-iskopijiet tat-tkejjil ta' l-asbestos fl-arja, kif imsemmi fil-paragrafu ta' qabel dan, il-fibri li jkollhom tul ta' aktar minn ħames mikrometri, wesgħa ta' anqas minn tliet mikrometri u proporzjon tat-tul/wesgħa aktar minn 3: 1 għandhom ikunu kkunsidrati.

Il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, u waqt li jkun ikkunsidrat b'mod partikolari l-progress li jkun sar fit-tagħrif xjentifiku u t-teknoloġija u ta' l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, għandu jeżamina mill-ġdid id-dispożizzjonijiet tas-sentenza fil-paragrafu 1 fi żmien ħames snin wara li tkun ġiet adottata din id-Direttiva, bil-għan li jitwaqqaf metodu wieħed għat-tkejjil tal-konċentrazzjonijiet ta' l-asbestos fl-arja fuq il-livell tal-Komunità.

2. Il-kampjuni għandhom jittieħdu wara li jiġu kkonsultati l-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom fl-impriżi jew fl-istabbilimenti.

3. Il-kampjuni għandhom jittieħdu minn nies bi kwalifiki adattati. Il-kampjuni li jittieħdu wara għandhom jiġu analizzati f'laboratorji mgħammra biex janalizzawhom u kkwalifikati biex japplikaw il-metodi tat-teknika ta' identifikazzjoni meħtieġa.

4. L-ammont ta' asbestos fl-arja għandu jitkejjel bħala regola ġenerali għallinqas kull tlett xhur u f'kwalunkwe każ, meta tiddaħħal għall-ewwel darba xi bidla teknika. Iżda, il-frekwenza tat-tkejjil, tista' titnaqqas fiċ-ċirkostanzi speċifikati fil-paragrafu 5.

5. Il-frekwenza tat-tkejjil tista' titnaqqas għal darba fis-sena meta:

- ma jkun hemm ebda bidla sostanzjali fil-kondizzjonijiet fil-post tax-xogħol, u

- ir-riżultati tat-tkejjil tad-darbtejn ta' qabel ma jkunux qabżu n-nofs tal-limiti stabbiliti fl-Artikolu8.

Fejn gruppi ta' ħaddiema jkunu qed jagħmlu xogħlijiet identiċi jew li jixxiebhu fl-istess post u għalhekk qed jiġu esposti għall-istess riskju għal saħħithom, il-kampjuni jistgħu jittieħdu fuq bażi ta' grupp.

6. Il-ħin tad-dewmien tat-teħid tal-kampjuni għandu jkunu tali li jkun jista' jiġi stabbilit esposizzjoni rappreżentattiva għal perjodu ta' referenza ta' siegħa (shift wieħed) permezz tat-tkejjil jew tal-kalkoli skond il-ħin. Il-ħin tad-dewmien tal-proċessi differenti tat-teħid ta' kampjuni għandu jiġi stabbilit ukoll fuq il-bażi tal-punt 6 ta' l-Anness I.

L-Artikolu 8

Għandhom jiġu applikati l-limiti li ġejjin:

(a) konċentrazzjoni ta' fibri ta' l-asbestos għajr il-kroċidolite fl-arja fil-post tax-xogħol:

1,00 fibra għal kull ċm3 imkejla jew ikkalkulata għal perjodu ta' referenza ta' tmien sigħat;

(b) konċentrazzjoni ta' fibri tal-kroċidolite fl-arja fil-post tax-xogħol:

0,50 fibra għal kull ċm3 imkejla jew ikkalkulata għal perjodu ta' referenza ta' tmien sigħat;

(ċ) konċentrazzjoni ta' fibri ta' l-asbestos fl-arja fil-post tax-xogħol fil-każ ta' taħlit ta' kroċidolite u fibri oħra ta' l-asbestos:

il-limitu huwa f'livell ikkalkulat fuq il-bażi tal-limiti stabbiliti f' (a) u (b), tenut kont tal-proporzjonijiet ta' kroċidolite u tipi oħra ta' asbestos fit-taħlita.

L-Artikolu 9

Il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni għandu, waqt li jikkunsidra, b'mod partikolari, il-progress magħmul fit-tagħrif xjentifiku u t-teknoloġija u fid-dawl ta' l-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, jeżamina mill-ġdid id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(3) u fl-Artikolu 8 qabel l-1 ta' Jannar 1990.

L-Artikolu 10

1. Meta l-limiti stabbliti fl-Artikolu 8 jinqabżu, għandhom jiġu identifikati r-raġunijiet għaliex inqabżu l-limiti u għandhom jittieħdu l-miżuri xierqa li jirrimedjaw is-sitwazzjoni mill-aktar fis.

Ma jistax jibqa' jsir xogħol fl-arja affetwata sakemm ma jkunux ittieħdu l-miżuri xierqa għall-protezzjoni tal-ħaddiema interessati.

2. Biex jiġi kkontrollat kemm huma effettivi l-miżuri msemmija fl-ewwel taqsima tal-paragrafu 1, għandhom jiġu stabbiliti għal darb'oħra u minnufih il-konċentrazzjonijiet ta' l-asbestos fl-arja.

3. Meta ma jkunux jistgħu jintużaw mizuri oħra biex jitnaqqas b'mod raġonevoli l-livell ta' esposizzjoni u meta jsir meħtieġ li jintlibes tagħmir respiratorju individwali, dan ma jistax ikun permanenti u għandu jinżamm strettament fuq livell minimu għal kull ħaddiem.

L-Artikolu 11

1. Fil-każ ta' xi attivitajiet li rigward tagħhom jidher li sejrin jinqabżu l-limiti stabbiliti fl-Artikolu 8 u li rigward tagħhom mhumiex prattikabbli miżuri tekniċi preventivi biex jillimitaw il-konċentrazzjonijiet ta' l-asbestos fl-arja, min iħaddem għandu jistabbilixxi miżuri maħsuba biex jiżguraw il-protezzjoni tal-ħaddiema waqt li jkunu qegħdin jaħdmu f'attivitajiet bħal dawn, b'mod partikolari dawn li ġejjin:

(a) għandu jingħata lill-ħaddiema tagħmir xieraq respiratorju u tagħmir ieħor personali protettiv, li għandu jintlibes; u

(b) għandhom jitqiegħdu sinjali ta' twissija li jindikaw li l-limiti stabbiliti fl-Artikolu 8 sejrin jinqabżu.

2. Il-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom fl-impriża jew fl-istabbilment għandhom jiġu kkonsultati dwar dawn il-miżuri qabel ma jsiru l-attivitajiet ikkonċernati.

L-Artikolu 12

1. Għandu jitfassal pjan ta' xogħol qabel ma jinbeda xi xogħol ta' twaqqigħ jew xogħol ta' tneħħija ta' l-asbestos u/jew ta' prodotti li jkun fihom l-asbestos minn bini, strutturi, impjanti jew installazzjonijiet jew minn vapuri.

2. Il-pjan imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jippreskrivi l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li ma jkunx hemm periklu għas-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol.

B'mod partikolari l-pjan għandu jispeċifika li:

- sa fejn huwa raġonevolment prattikabbli, l-asbestos u/jew il-prodotti li jkun fihom l-asbestos jitneħħew qabel ma jiġu applikati l-metodi ta' teknika tat-twaqqigħ,

- it-tagħmir protettiv personali imsemmi fl-Artikolu 11(1)(a) jiġi pprovdut, meta jeħtieġ.

L-Artikolu 13

1. Fil-każ ta' l-attivitajiet kollha msemmija fl-Artikolu 3(1), u bla ħsara għall-Artikolu 3(3), għandhom jittieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li:

(a) il-postijiet fejn isiru l-attivitajiet msemmija aktar 'il fuq għandhom:

(i) ikunu mmarkati b'mod ċar u indikati b'sinjali ta' twissija;

(ii) ma jkunux aċċessibbli għall-ħaddiema ħlief għal dawk li għandhom bżonn jidħlu fihom minħabba x-xogħol jew id-dmirijiet tagħhom;

(iii) ikunu oqsma fejn ma jkunx hemm tipjip;

(b) jitwarrbu oqsma fejn il-ħaddiema jistgħu jieklu u jixorbu mingħajr ir-riskju ta' tniġġis mit-trab ta' l-asbestos;

(ċ) (i) il-ħaddiema jiġu pprovduti b'ilbies tax-xogħol xieraq jew protettiv;

(ii) dan l-ilbies tax-xogħol jew protettiv jibqa' ġewwa l-impriża. Iżda, jista' jinħasel fi stabbilimenti barra l-impriza li huma mgħammra għal dan it-tip ta' xogħol kemm-il darba l-impriża stess ma tagħmilx it-tindif; f'dak il-każ l-ilbies għandu jinġarr f'kontenituri magħluqa;

(iii) jiġu pprovduti postijiet separati għaż-żamma ta' l-ilbies tax-xogħol jew protettiv u l-ilbies ta' barra;

(iv) il-ħaddiema jiġu pprovduti b'faċilitajiet xierqa għall-ħasil u twaletta, inklużi doċoċ fil każ ta' ħidmiet fit-trab;

(v) it-tagħmir protettiv jitqiegħed f'post definit tajjeb u jiġi kkontrollat u mnaddaf wara kull darba li jintuża; għandhom jittiehdu l-miżuri xierqa biex jissewwa jew jinbidel tagħmir difettuż qabel ma jerġa' jintuża.

2. Il-ħaddiema ma jistgħux jiġu mġiegħla jħallsu għan-nefqa tal-miżuri meħuda skond il-paragrafu 1.

L-Artikolu 14

1. Fil-każ ta' l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 3(1), għandhom jittieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li l-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom fl-impriża jew fl-istabbiliment jirċievu informazzjoni xierqa dwar:

- ir-riskji potenzjali għas-saħħa meta jiġu esposti għat-trab li jiġi mill-asbestos jew minn materjali li jkun fihom l-asbestos,

- l-eżistenza ta' limiti statutorji u l-ħtieġa li l-atmosfera tkun immonitorjata,

- il-kondizzjonijiet ta' iġjene mitluba, inkluża l-ħtieġa li ma jsirx tipjip,

- il-prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-ilbies u l-użu ta' tagħmir u ħwejjeġ protettivi,

- il-prekawzjonijiet speċjali maħsuba biex inaqqsu kemm jista' jkun il-livell ta' esposizzjoni għall-asbestos.

2. Barra mill-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, u bla ħsara għall-Artikolu 3, għandhom jittieħdu miżuri xierqa li jiżguraw li:

(a) il-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom fl-impriża jew fl-istabbiliment ikollhom aċċess għar-riżultati tat-tkejjil tal-konċentrazzjoni ta' l-asbestos fl-arja u jistgħu jingħataw tifsiriet ta' xi jfissru dawk ir-riżultati,

(b) jekk ir-riżultati jaqbżu il-limitu stabbiliti fl-Artikolu 8 il-ħaddiema kkonċernati u r-rappreżentanti tagħhom fl-impriża jew fl-istabbiliment jiġu infurmati bil-fatt u bir-raġuni għalih malajr kemm jista' jkun u l-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom fl-impriża jew fl-istabbiliment jiġu kkonsultati dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu jew, f'każ ta' emerġenza, jiġu infurmati bil-miżuri li ttieħdu.

L-Artikolu 15

Bla ħsara għall-Artikolu 3(3) għandhom jittieħdu l-miżuri li ġejjin:

1. Għandha tkun disponibbli stima ta' l-istat tas-saħħa ta' kull ħaddiem qabel ma jibdew ikunu esposti għall-asbestos jew għall-materjali li jkun fihom l-asbestos fuq il-post tax-xogħol.

Din l-istima għandha tinkludi eżami speċifiku tas-sider. L-Anness II jagħti rakkomandazzjonijiet prattiċi li l-Istati Membri jistgħu jirriferu għalihom għas-sorveljanza klinika tal-ħaddiema; dawn ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu adattati għall-progress tekniku skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 80/1107/KEE.

Stima ġdida għandha tkun disponibbli għallanqas darba kull tliet snin sa kemm tkompli l-esposizzjoni.

Rekord individwali tas-saħħa għandu jitwaqqaf skond il-liġijiet u d-drawwiet nazzjonali għal kull ħaddiem imsemmi fl-ewwel taqsima tal-paragrafu.

2. Wara s-sorveljanza klinika msemmija fil-punt 1, it-tabib jew l-awtorità responsabbli għas-sorveljanza medika tal-ħaddiema għandhom, skond il-liġijiet nazzjonali, jagħtu parir dwar jew jistabbilixxu l-miżuri individwali protettivi jew preventivi li għandhom jittieħdu; dawn għandhom jinkludu, fejn huwa xieraq, it-tneħħija tal-ħaddiem ikkonċernat mill-esposizzjoni għall-asbestos.

3. Il-ħaddiema għandhom jingħataw tagħrif u pariri dwar kull stima ta' saħħithom li tista' ssirilhom meta tieqaf l-esposizzjoni.

4. Il-ħaddiem ikkonċernat jew min iħaddmu jista' jitlob li l-istima msemmija fil-punt 2 tiġi reveduta b'mod konformi mal-liġijiet nazzjonali.

L-Artikolu 16

Bla ħsara għall-Artikolu 3(3) għandhom jittieħdu l-miżuri li ġejjin:

1. Min iħaddem irid idaħħal lill-ħaddiema li jkunu responsabbli li jagħmlu l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 3(1) f'reġistru, li jindika n-natura u d-dewmien ta' l-attività u l-livell ta' l-esposizzjoni. It-tabib u/jew l-awtorità responsabbli għas-sorveljanza medika għandhom jkollhom aċċess għal dan ir-reġistru. Kull ħaddiem għandu jkollu aċċess għar-riżultati fir-reġistru li għandhom x'jaqsmu miegħu personalment. Il-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jkollhom aċċess għall-informazzjoni anonima u kollettiva li jkun hemm fir-reġistru.

2. Ir-reġistru msemmi fil-punt 1 u r-rekords mediċi msemmija fil-punt 1 ta' l-Artikolu 15 iridu jinżammu għallanqas għal 30 sena wara t-tmiem ta' l-esposizzjoni, b'mod konformi mal-liġijiet nazzjonali.

Artikolu 17

L-Istati Membri iridu jżommu reġistru tal-każijiet kollha magħrufa ta' asbestożi u tal-mesoteljoma.

L-Artikolu 18

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jaderixxu ma' din id-Direttiva qabel l-1 ta' Jannar 1987. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan minnufih. Iżda, id-data ta' l-1 ta' Jannar 1987 hija posposta għall-1 ta' Jannar 1990 fil-każ ta' attivitajiet ta' tħaffir għall-asbestos.

2. L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam li jaqa' taħt din id-Direttiva.

L-Artikolu 19

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fid-19 ta' Settembru 1983.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Varfis

[1] ĠU K 262, tad-9.10.1980, p. 7 u ĠU K 301, tat-18.11.1982, p. 6.

[2] ĠU K 310, tat-30.11.1981, p. 43.

[3] ĠU K 125, tas-17.5.1982, p. 155

[4] ĠU K 165, tal-11.7.1978, p. 1

[5] ĠU L 327, tat-3.12.1980, p. 8.

[6] Numru fir-reġistru tas-Servizz ta' Riassunt Kimiku (SAK).

[7] Numru fir-reġistru tas-Servizz ta' Riassunt Kimiku (SAK).

[8] Numru fir-reġistru tas-Servizz ta' Riassunt Kimiku (SAK).

[9] Numru fir-reġistru tas-Servizz ta' Riassunt Kimiku (SAK).

[10] Numru fir-reġistru tas-Servizz ta' Riassunt Kimiku (SAK).

[11] Numru fir-reġistru tas-Servizz ta' Riassunt Kimiku (SAK).

[12] ĠU L 84, tal-31.3.1978, p. 43

--------------------------------------------------

L – ANNESS I

Il-metodu ta' referenza msemmi fl-Artikolu 7(1) biex jitkejjel l-asbestos fl-arja fuq il-post tax-xogħol

1. Il-kampjuni għandhom jittieħdu ġewwa ż-żona li l-ħaddiem individwali jieħu n-nifiha: jiġifieri f'emisferu li jkollu raġġ ta' 300 mm li jestendi quddiem il-wiċċ u mkejjel mill-punt tan-nofs ta' linja li tgħaqqad il-widnejn.

2. Għandhom jintużaw filtri tal-membrana (esterijiet imħallta taċ-ċelluloża jew tan-nitrat taċ-ċelluloża) li jkollhom l-pori ta' bejn 0,8 sa 1,2 mikrometri b'kaxex kwadri stampati u dijametru ta' 25 mm.

3. Għandu jintuża kontenitur fejn jitqiegħed il-filter bil-faċċata mikxufa mgħammar b'kapoċċ ċilindriku li jestendi bejn 33 u 44 mm quddiem il-filtru li jikxef erja tonda ta' dijametru ta' mill-anqas 20 mm. Waqt l-użu, il-kapoċċ ċilindriku għandu jkun qed jħares 'l isfel.

4. Għandha tintuża pompa li tista' tinġarr li taħdem bil-batteriija li trid tinġarr maċ-ċinturin tal-ħaddiem jew f'xi but. Il-ġirja trid tkun lixxa u r-rata għall-ewwel trid tkun issettjata għal 1,0 litri għal kull minuta ± 5 %. Ir-rata taċ-ċirkolazzjoni għandha tinżamm sa ± 10 % tar-rata tal-bidu waqt il-perjodu meta jkunu qed jittieħdu l-kampjuni.

5. Il-ħin li fih ikunu qed jittieħdu l-kampjuni għandu jitkejjel sa tolleranza ta' 2 %.

6. L-aħjar tagħbija ta' fibra fuq il-filtri għandha tkun sa bejn 100 għal 400 fibra/mm2.

7. Skond kif huwa preferut, il-filtru kollu, jew parti mill-filtru, għandha titqiegħed fuq slajd tal-mikroskopju, li tkun saret trasparenti bl-użu tal-metodu ta' l-aċetun-trijaċetin, u mgħotti b'għatu tal-ħġieġ.

8. Għandu jintuża mikroskopju binokolari biex isir l-għadd u għandu jkollu l-karatteristiċi li ġejjin:

- Dawl Koehler,

- l-assemblaġġ tiegħu ta' l-istadju ta' qabel għandu jinkludi Abbe jew kondensatur ta' kuntrast ta' fażi akromatiku f'muntaġġ li jiffoka fuq in-nofs. Il-kontroll li jaġġusta t-tqegħid fin-nofs tal-kuntrast tal-fażi għandu jkun indipendenti mill-mekkaniżmu li jiċċentra l-kondensatur,

- oġġettiv ta' kuntrast ta' fażi akromatika pożittiva li jiffoka permezz ta' barra għal 40 darba b'apertura numerika ta' 0,65 sa 0,70 u assorbiment ta' fażi ċirku fil-medda ta' 65 sa 85 %,

- lenti kompensatorji għal 12,5 darba; għallanqas waħda mil-lenti għandha tippermetti li tiddaħħal fiha gratikula u għandha tkun tat-tip li tista' tiffoka,

- gratikula tal-lenti tonda Walton-Beckett b'dijametru li jidher fil-pjan ta' l-oġġett ta' 100 mikrometreu ± 2 mikrometri, meta jkunu qed jintużaw l-oġġettiv speċifikat u l-biċċa ta' l-għajnejn, ikkontrollati ma' mikrometru ta' stadju.

9. Il-mikroskopju jrid jkun issettjat skond l-istruzzjonijiet tal-fabbrikant, u l-limitu ta' l-għarfien għandu jiġi kkontrollat bl-użu ta' "phase-contrast test slide". Sal-kodiċi 5 fuq is-slajds tat-testijiet AIA jew sal-blokka 5 fuq is-slajd tat-testijiet HSE/NPL marka 2 għandhom jikunu jidhru meta jintużaw fil-mod speċifikat mill-fabbrikant. Din il-proċedura trid issir fil-bidu tal-ġurnata li jintużaw.

10. Il-kampjuni iridu jingħaddu skond ir-regoli li ġejjin:

- fibra li tista' tingħadd hija kull fibra msemmija fit-tieni subparagrafu tal-punt 1 ta' l-Artikolu 7 li ma tmissx ma' xi partikola ta' dijametru massimu akbar minn tliet mikrometri,

- kull fibra li tista' tingħadd li jkollha ż-żewġt itruf fl-erja tal-gratikula għandha tingħadd bħala fibra waħda; kull waħda li għandha tarf wieħed biss fl- erja għandha tingħadd bħala nofs,

- l-erji tal-gratikoli biex jingħaddu għandhom jintgħażlu bl-addoċċ fl-erja esposta tal-filtru,

- tgħaqqid ta' fibri li f'xi punt wieħed jew aktar tat-tul tiegħu jidher solidu u mhux mifrud iżda li f'xi punti oħra huwa mifrud fi ħjut separati (fibra mifruda) jingħadd bħala fibra waħda jekk jaderixxi mad-deskrizzjoni fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 7 u t-taqsima 1 ta' dan il-paragrafu, waqt li d-dijametru mkejjel ikun dak tal-parti li mhix mifruda, mhux dak tal-parti mifruda,

- f'kull tagħqid ieħor ta' fibri li fih il-fibri individwali imissu jew isallbu fuq xulxin (mazz), il-fibri għandhom jingħaddu individwalment jekk ikunu jistgħu jintgħarfu biżżejjed biex jiġi stabbilit li jaderixxu mad-deskrizzjoni tat-tieni subparagrafu tal-punt 1 ta' l-Artikolu 7 u t-Taqsima 1 ta' dan il-paragrafu. Jekk ma jistgħux jintgħarfu ebda fibri individwali li jikkonformaw mad-definizzjoni, il-mazz jiġi meqjus bħala fibra li tista' tingħadd jekk, meta jittieħed kollu f'salt, jaderixxi mad-deskrizzjoni fit-tieni subparagrafu tal-punt 1 ta' l-Artikolu 7 u t-Taqsima 1 ta' dan il-paragrafu,

- jekk aktar mit-tmien parti ta' xi arja ta' gratikula tkun mgħottija minn xi tgħaqqid ta' fibri u/jew partikoli, l-erja tal-gratikola għandha titwarrab u għandha tingħadd xi oħra,

- 100 fibra għandhom jingħaddu, li jippermettu l-eżaminazzjoni ta' minimu ta' 20 erja ta' gratikuli, jew l-eżaminazzjoni ta' 100 erja ta' gratikuli.

11. In-numru medju ta' fibri għal kull gratikula huwa kkalkulat billi wieħed jiddividi n-numru ta' fibri magħduda bin-numru ta' erja ta' gratikuli eżaminati. L-effett fuq l-għadd tal-marki fuq il-filtru u t-tniġġis għandu jinżamm taħt it-tliet fibri/100 erja ta' gratikuli u għandu jkun stmat bl-użu ta' filtri vojta.

Il-konċentrazzjoni fl-arja = (in-numru għal kull erja ta' gratikula × erja esposta tal-filtru) / (erja tal-gratikula × volum ta' l-arja miġbura).

--------------------------------------------------

L – ANNESS II

Rakkomandazzjonijiet prattiċi għall-istima klinika tal-ħaddiema, skond kif imsemmi fl-Artikolu 15(1)

1. It-tagħrif kurrenti jindika li l-fatt li l-esposizzjoni għall-fibri ħielsa ta' l-asbestos jista' jġib il-mard li ġej:

- asbestożi,

- mesoteljoma,

- karċinoma fil-bronki,

- karċinoma gastro-intestinali.

2. It-tabib u/jew l-awtorità responsabbli għas-sorveljanza medika tal-ħaddiema esposti għall-asbestos għandhom ikunu familjari mal-kondizzjonijiet jew ċirkostanzi li għalihom ikun espost kull ħaddiem.

3. Is-sorveljanza klinika tal-ħaddiema għandha ssir skond il-prinċipji u l-prattiċi tal-mediċina tax-xogħol; għandha tinkludi għallanqas il-miżuri li ġejjin:

- iż-żamma tar-records ta' l-istorja medika u tax-xogħol tal-ħaddiem,

- intervista personali,

- eżami kliniku tas-sider,

- eżami tal-funzjoni respiratorja.

Huma xierqa aktar eżamijiet, li jinkludu radjografija ta' format standard tas-sider u testijiet tal-laboratorju bħal test taċ-ċitoloġija tal-bżieq. Dawn l-eżamijiet għandhom jiġu deċiżi għal kull ħaddiem meta jaqa' taħt sorveljanza medika, fid-dawl tat-tagħrif aħħari disponibbli fil-mediċina tax-xogħol.

--------------------------------------------------