31978L0176



Official Journal L 054 , 25/02/1978 P. 0019 - 0024
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 2 P. 0079
Greek special edition: Chapter 15 Volume 1 P. 0154
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 2 P. 0079
Spanish special edition: Chapter 15 Volume 1 P. 0092
Portuguese special edition Chapter 15 Volume 1 P. 0092


Id-Direttiva tal-Kunsill

ta’ l-20 ta’ Frar 1978

dwar skart mill-industrija tat-titanju dijossidu

(78/176/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 100 u 235,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [2],

Billi l-iskart mill-industrija tat-titanju dijossidu jista’ jkun ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent; billi huwa għalhekk meħtieġ li jiġi evitat u eventwalment imnaqqas it-tniġġis ikkawżat minn dan l-iskart, bil-għan li jiġi eliminat;

Billi il-Programmi ta’ Azzjoni tal-Komunitajiet Ewropej ta’ l-1973 [3] u ta’ l-1977 [4] dwar l-Ambjent jirreferu għall-ħtieġa li tittieħed azzjoni Komunitarja kontra l-iskart mill-industrija tat-titanju dijossidu:

Billi kull diskrepanza bejn id-dispożizzjonijiet dwar skart mill-industrija tat-titanju dijossidu diġà applikabbli jew li qegħdin jiġu mħejjija fid-diversi Stati Membri tista’ toħloq kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni mhux ugwali li jistgħu jaffettwaw direttament il-ħidma tas-suq komuni; billi huwa għalhekk meħtieġ li jiġu approssimati l-liġijiet f’dan il-qasam, kif inhu pprovdut fl-Artikolu 100 tat-Trattat;

Billi jidher li huwa meħtieġ li din l-approssimazzjoni ta’ liġijiet tiġi akkumpanjata b’azzjoni Komunitarja sabiex wieħed mill-għanijiet tal-Komunità fl-isfera ta’ ħarsien ta’ l-ambjent u t-titjib tal-kwalità tal-ħajja ikun jista’ jintlaħaq permezz ta’ regoli iktar estensivi; billi għandhom jiġu stipulati ċerti dispożizzjonijiet speċifiċi li għandhom dan l-effett; billi l-Artikolu 235 tat-Trattat għandu jiġi invokat minħabba li l-poteri meħtieġa għal dan il-għan m humiex ipprovduti fit-Trattat;

Billi d-Direttiva 75/442/KEE [5], tirrigwarda rimi ta’ skart b’mod ġenerali; billi fir-rigward ta’ skart mill-industrija tat-titanju dijossidu ikun tajjeb jekk tiġi stabbilità sistema speċjali li tiggarantixxi li s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent huma mħarsa kontra l-effetti dannużi kkawżati mir-rimi mingħajr kontroll ta’ dan it-tip ta’ skart;

Billi sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet għandu jkun hemm sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel fir-rigward tar-rimi, ħżin jew injettar ta’ skart; billi l-ħruġ ta’ din l-awtorizzazzjoni għandha tkun soġġetta għal kondizzjonijiet speċifiċi;

Billi r-rimi, ħżin jew injettar ta’ skart irid ikun akkumpanjat kemm b’sorveljanza ta’ l-iskart u b’sorveljanza ta’ l-ambjent ikkonċernat;

Billi fir-rigward ta’ industriji esistenti stabbiliti fl-Istati Membri, sa l-1 ta’ Lulju 1980, iridu jiġu mħejjija programmi għat-tnaqqis progressiv ta’ tniġġis ikkawżat minn dan l-iskart bil-għan li jiġi eliminat; billi dawn il-programmi jridu jiffissaw l-objettivi ġenerali ta’ tnaqqis li jridu jintlaħqu sa l-1 ta’ Lulju 1987 sa l-iktar tard u jridu jindikaw il-miżuri li jridu jittieħdu fir-rigward ta’ kull stabbiliment;

Billi l-Istati Membri jridu joħorġu awtorizzazzjoni minn qabel fir-rigward ta’ kull industrija ġdida; billi din l-awtorizzazzjoni trid tiġi ppreċeduta bi studju ta’ l-impatt fuq l-ambjent u tista’ tingħata biss lil kumpaniji li jimpenjaw ruħhom li jużaw biss dawk il-materjali, proċessi u metodi ta’ teknika disponibbli fis-suq li jagħmlu l-inqas ħsara lill-Ambjent,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1. L-għan ta’ din id-Direttiva huwa il-prevenzjoni u t-tnaqqis progressiv, bil-għan li jiġi eliminat, it-tniġġis ikkawżat mill-industrija tat-titanju dijossidu.

2. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

(a) "tniġġis" tfisser ir-rimi mill-bniedem, direttament jew indirettament, ta’ kull fdal mill-proċess ta’ manifattura ta’ titanju dijossidu fl-ambjent, li jirrisulta f’periklu għas-saħħa tal-bniedem, ħsara għar-risorsi ħajjin u għall-ekosistemi, ħsara għall-faċilitajiet jew interferenza ma’ kull użu leġittimu ieħor ta’ l-ambjent ikkonċernat;

(b) "skart" tfisser:

- kull fdal mill-proċess ta’ manifattura ta’ titanju dijossidu li d-detentur jarmi jew huwa obbligat li jarmi taħt leġislazzjoni nazzjonali preżenti;

- kull fdal minn proċess ta’ trattament ta’ xi fdal imsemmi fl-ewwel inċiż;

(ċ) "rimi" tfisser:

- il-ġbir, għażla, trasport u trattament ta’ skart kif ukoll il-ħżin u t-twaddib fuq l-art jew taħt l-art jew l-injezzjoni tiegħu fl-art;

- rimi fl-ilma tal-wiċċ, fl-ilma ta’ taħt l-art u fil-baħar, u t-twaddib fil-baħar;

- l-operazzjonijiet ta’ trasformazzjoni meħtieġ għar-ri-użu, l-irkuprar jew ir-reċiklar;

(d) "stabbilimenti industrijali eżistenti" tfisser dawk l-industriji li jkunu diġa’ stabbiliti fid-data ta’ notifikazzjoni ta’ din id-Direttiva;

(e) "stabbilimenti industrijali ġodda" tfisser dawk l-istabbilimenti industrijali li jinsabu fil-proċess ta’ twaqqif fid-data tal-bidu fis-seħħ ta’ din id-Direttiva jew li jiġu mwaqqfa wara dik id-data. Estensjonijiet għal stabbilimenti industrijali esistenti li jwasslu għal żjieda ta’ 15000 tunnellata fis-sena jew iżjed fil-kapaċità ta’ produzzjoni fuq is-sit ta’ titanju dijossidu ta’ l-istabbiliment ikkonċernat għandhom jitqiesu bħala stabbilimenti industrijali ġodda.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jagħmlu ċert li l-iskart jintrema mingħajr ma joħloq periklu għas-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma jagħmel ħsara lill-ambjent, u b’mod partiklari:

- mingħajr riskju għall-ilma, l-arja, l-art u l-pjanti u l-annimali;

- mingħajr ma ssir ħsara lil postijiet sbieħ jew lill-kampanja.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jinkoraġġixxu l-prevenzjoni, ir-reċiklar u l-iproċessar ta’ skart, l-estrazzjoni ta’ materja prima u kull proċess ieħor għall-użu mill-ġdid ta’ skart.

Artikolu 4

1. Ir-rimi, il-ħżin, it-twaddib u l-injettar ta’ skart huma pprojbiti sakemm ma tinħariġx awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa prodott l-iskart. Trid tinħareġ ukoll awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru,

- li fit-territorju tiegħu l-iskart jintrema, jinħażen, jintefa’ jew jiġi injettat;

- li mit-territorju tiegħu jintrema jew jintefa.

2. L-awtorizzazzjoni tista’ tingħata għal perjodu limitat biss. Tista’ tiġi mġedda.

Artikolu 5

Fil-każ ta’ rimi jew twaddib, l-awtorità kompetenti tista’, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 2 u fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni pprovduta b’mod konformi ma’ l-Anness I, tagħti l-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 4 sakemm:

(a) l-iskart ma jkunx jista’ jintrema b’mezzi iktar xierqa;

(b) ma jirrisultax minn stima li ssir fid-dawl ta’ informazzjoni xjentifika u teknika disponibbli li sejjer ikun hemm ħsara permanenti, immedjata jew li toħroġ wara, għall-ambjent akkwatiku;

(ċ) ma jkun hemm ebda ħsara permanenti għall-attivitajiet ta’ tbaħħir, sajd u passatempi oħrajn, l-estrazzjoni ta’ materja prima, it-tneħħija ta’ melħ, it-trobbija ta’ ħut u ta’ frott tal-baħar bil-qoxra, fuq reġjuni ta’ importanza xjentifika speċjali jew fuq kull użu leġittimu ieħor ta’ l-ilmijiet inkwestjoni.

Artikolu 6

Fil-kas ta’ ħażna, depożitu jew injezzjoni, l-awtorità kompetenti tista, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 2, u fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni pprovduta skond l-Anness I, tagħti l-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 4, sakemm:

(a) l-iskart ma jistax jintrema b’mezzi iktar xierqa;

(b) jirrisulta minn stima li ssir fid-dawl ta’ informazzjoni xjentifika u teknika disponibbli li m’ hu sejjer ikun hemm ebda effett detrimentali, la immedjat u lanqas li joħroġ wara, fuq l-ilmijiet ta’ taħt l-art, fl-art jew fl-atmosfera;

(ċ) ma jkun hemm ebda ħsara permanenti fuq l-attivitajiet ta’ mistrieħ, l-estrazzjoni ta’ materja prima, pjanti u annimali, fuq reġjuni ta’ importanza xjentifika speċjali jew fuq kull użu leġittimu ieħor ta’ l-ambjent inkwestjoni.

Artikolu 7

1. Irrispettivament mill-metodu u mill-estent tat-trattament ta’ l-iskart in kwestjoni, ir-rimi, il-ħżin, it-twaddib u l-injezzjoni għandhom jiġu akkumpanjati mis-sorveljanza msemmija fl-Anness II ta’ l-iskart u ta’ l-ambjent ikkonċernat wara li jiġu kkunsidrati l-aspetti fisiċi, kimiċi, bioloġiċi u ekoloġiċi.

2. L-operazzjonijiet ta’ sorveljanza għandhom jitwettqu perjodikament minn organu wieħed jew iżjed appuntat mill-Istat Membru li l-awtorità kompetenti tiegħu tkun ħarġet l-awtorizzazzjoni pprovduta fl-Artikolu 4. Fil-kas ta’ tniġġis li jaqsam il-fruntjieri bejn l-Istati Membri, l-organu in kwestjoni għandu jiġi appuntat konġuntament mill-partijiet ikkonċernati.

3. Fi żmien sena min-notifikazzjoni ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kunsill proposta dwar il-proċeduri għas-sorveljanza ta’ l-ambjenti kkonċernati. Il-Kunsill għandu jaġixxi fuq din il-proposta fi żmien sitt xhur mill-pubblikazzjoni ta’ l-opinjoni tal-Parlament Ewropew u dik tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 8

1. L-awtorità kompetenti fl-Istat Membru kkonċernat għandha tieħu l-passi kollha xierqa sabiex tirrimedja waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin u, jekk ikun meħtieġ, għandha tesiġi li l-operazzjonijiet ta’ rimi, ħżin, twaddib jew injezzjoni jiġu sospiżi:

(a) jekk ir-risultati tas-sorveljanza pprovduta fl-Anness II(A)(1) juru li l-kondizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni minn qabel msemmija fl-Artikoli 4, 5 u 6 ma ġewx sodisfatti, jew

(b) jekk ir-risultati tat-testijiet ta’ tossiċità akuta msemmija fl-Anness II(A)(2) juru li l-limiti stipulati nqabżu, jew

(ċ) jekk ir-risultati tas-sorveljanza pprovduta fl-Anness II(B) jiżvelaw deterjorament fl-ambjent ikkonċernat fiż-żona taħt konsiderazzjoni, jew

(d) jekk ir-rimi jipproduċi ħsara permanenti għall-attivitajiet ta’ tbaħħir, sajd u passatempi oħrajn, l-estrazzjoni ta’ materja prima, it-tneħħija ta’ melħ, it-trobbija ta’ ħut u ta’ frott tal-baħar bil-qoxra, fuq reġjuni ta’ importanza xjentifika speċjali jew fuq kull użu leġittimu ieħor ta’ l-ilmijiet in kwestjoni.

(e) jekk il-ħażna, id-depożitu jew l-injezzjoni jipproduċu ħsara permanenti fuq l-attivitajiet ta’ mistrieħ, l-estrazzjoni ta’ materja prima, pjanti u annimali, fuq reġjuni ta’ importanza xjentifika speċjali jew fuq kull użu leġittimu ieħor ta’ l-ambjent in kwestjoni.

2. Jekk bosta Stati Membri jkunu involuti, il-miżuri għandhom jittieħdu wara li ssir konsultazzjoni.

Artikolu 9

1. L-Istati Membri għandhom iħejju programmi għat-tnaqqis progressiv u għall-eliminazzjoni eventwali ta’ tniġġis ikkawżat minn skart ta’ stabbilimenti industrijali eżistenti.

2. Il-programmi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiffissaw objettivi ġenerali għat-tnaqqis ta’ tniġġis minn skart likwidu, solidu u gassuż, li jrid jinkiseb sa l-1 ta’ Lulju 1987 sa l-iktar tard. Il-programmi għandhom ikun fihom ukoll għanijiet intermedjarji. Għandu jkun fihom ukoll, apparti dan, informazzjoni dwar l-istat ta’ l-ambjent ikkonċernat, dwar miżuri għat-tnaqqis tat-tniġġis u dwar metodi għat-trattament ta’ skart li huwa direttament ikkawżat mill-proċessi ta’ manufattura.

3. Il-programmi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni sa l-1 ta’ Lulju 1980 l-iktar tard sabiex din tkun tista’, fi żmien perjodu ta’ sitt xhur wara li tirċievi l-programmi nazzjonali kollha, tissottometti proposti addattati lill-Kunsill għall-armonizzazzjoni ta’ dawn il-programmi fir-rigward tat-tnaqqis u l-eliminazzjoni eventwali ta’ tniġġis u t-titjib tal-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fl-industrija tat-titanju dijossidu. Il-Kunsill għandu jaġixxi fuq dawn il-proposti fi żmien sitt xhur mill-pubblikazzjoni ta’ l-opinjoni tal-Parlament Ewropew u dik tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

4. L-Istati Membri għandhom jintroduċu programm sa l-1 ta’ Jannar 1982 l-iktar tard.

Artikolu 10

1. Il-programmi msemmija fl-Artikolu 9(1) iridu jkopru l-istabbilimenti industrijali kollha u jridu jistabbilixxu l-miżuri li jridu jittieħdu fir-rigward ta’ kull wieħed minnhom.

2. Jekk, f’ċirkostanzi partikolari, Stat Membru jikkunsidra li, fil-kas ta’ stabbiliment individwali, ebda miżuri addizzjonali m’ huma meħtieġa sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva, huwa għandu, fi żmien sitt xhur min-notifikazzjoni ta’ din id-Direttiva, jipprovdi lill-Kummissjoni bl-evidenza li wassalha għal dik il-konklużjoni.

3. Wara li tagħmel kull verifika indipendenti li tista’ tkun meħtieġa, il-Kummissjoni tista taqbel ma’ l-Istat Membru li m huwiex neċessarju li jittieħdu miżuri addizzjonali fir-rigward ta’ l-istabbilment individwali kkonċernat. Il-Kummissjoni trid tagħti l-kunsens tagħha, bir-raġunijiet fi żmien sitt xhur.

4. Jekk il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ l-Istati Membri, għandhom jiġu inklużi fil-programm ta’ l-Istat Membru kkonċernat miżuri addizzjonali fir-rigward ta’ dak l-istabbiliment.

5. Jekk il-Kummissjoni taqbel, il-ftehim tagħha għandu jiġi perjodikament revedut fid-dawl tar-risultati tas-sorveljanza mwettqa taħt din id-Direttiva u fid-dawl ta’ kull bidla sinifikanti fil-proċessi ta’ manifattura jew fl-għanijiet ta’ politika ambjentali.

Artikolu 11

Stabbilimenti industrijali ġodda għandhom ikunu soġġetti għall-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni minn qabel magħmula lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri li fit-territorju tagħhom huwa propost li jinbena l-istabbiliment. Dawn l-awtorizzazzjonijiet iridu jkunu preċeduti b’sorveljanza ta’ impatt fuq l-ambjent. Dawn jistgħu jingħataw biss lil impriżi li jagħtu impenn li jużaw biss dawk il-materjali, proċessi u metodi ta’ teknika disponibbli fuq is-suq li huma l-inqas ta’ ħsara għall-ambjent.

Artikolu 12

Mingħajr preġudizzju għal din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jadottaw regolamenti iktar stretti.

Artikolu 13

1. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni kollha meħtieġa li għandha x’taqsam ma’:

- l-awtorizzazzjonijiet maħruġa taħt l-artikoli 4, 5 u 6,

- ir-riżultati tas-sorveljanza ta’ l-ambjent ikkonċernat imwettqa skond l-Artikolu 7,

- il-miżuri meħuda skond l-artikolu 8.

Għandhom jissupplixxu wkoll lill-Kummissjoni b’informazzjoni ġenerali dwar il-materjali, il-proċessi u l-metodi ta’ teknika notifikati lilhom skond l-artikolu 11.

2. L-informazzjoni akkwistata b’risultat ta’ l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu tista’ tintuża biss għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva.

3. Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri, l-uffiċjali tagħhom u impjegati oħrajn m’ għandhomx jiżvelaw informazzjoni akkwistata minnhom taħt din id-Direttiva u li tkun ta’ tip koperta bl-obbligazzjoni ta’ segretezza professjonali.

4. Il-paragrafi 2 u 3 m’għandhomx jimpedixxu l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni ġenerali jew ta’ sorveljanzi li ma jkunx fihom informazzjoni li għandha x’taqsam ma’ impriżi jew ma’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi partikolari.

Artikolu 14

Kull thiet snin l-Istati Membri għandhom jippreparaw rapport dwar il-prevenzjoni u t-tnaqqis progressiv ta’ tniġġis ikkawżat minn skart mill-industrija tat-titanju dijossidu u għandhom jgħadduh lill-Kummissjoni, li għandha tikkomunikah lill-Istati Membri l-oħra.

Il-Kummissjoni għandha kull tliet snin tirrapporta lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 15

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex ikun hemm konformità ma’ din id-Direttiva fi żmien 12-il xahar min-notifikazzjoni, u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan minnufih.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva.

Artikolu 16

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fl-20 ta’ Frar 1978.

Għall-Kunsill

Il-President

Per Hækkerup

[1] ĠU C 28, tad-9.2.1976, p. 16.

[2] ĠU C 131, tat-12.6.1976, p. 18.

[3] ĠU C 112, ta’ l-20.12.1973, p. 3.

[4] ĠU C 139, tat-13.6.1977, p. 3.

[5] ĠU L 194, tal-25.7.1975, p. 39.

--------------------------------------------------

ANNESS I

DETTALJI LI JRIDU JINGĦATAW SABIEX TINKISEB L-AWTORIZZAZZJONI MINN QABEL MSEMMIJA FL-ARTIKOLI 4, 5 U 6

A. Karatteristiċi u komposizzjoni tal-materja:

1. ammont totali u komposizzjonijiet medji tal-materja mormija (eż. kull sena);

2. Forma: (eż. solidu, tajn, likwidu jew gass);

3. proprjetajiet: fisiċi (e.ż solubilita’ u densita’), Kimiċi u biokimiċi (eż. domanda ta’ ossiġnu) u bioloġiċi;

4. tossiċità;

5. persistenza: fisika, kimika u bioloġika;

6. akkumulazzjoni u biotrasformazzjoni f’materjali jew sedimenti bioloġiċi;

7. suxxettibilità għal bidliet fisiċi, kimiċi u biokimiċi u interazzjoni fl-ambjent ikkonċernat ma’ materjali organiċi u inorganiċi oħrajn;

8. il-probabilita’ ta’ produuzzjoni ta’ tbajja’ jew bidliet oħrajn li jistgħu jaffettwaw il-potenzjal fuq is-suq tar-risorsi (ħut, frott tal-baħar ġol qoxra, eċċ).

B. Karatteristiċi tas-sit tar-rimi u metodi ta’ rimi:

1. lokazzjoni (eż. koordinati taż-żona ta’ rimi, fond u distanza mix-xatt), lokazzjoni f’relazzjoni ma’ żoni oħrajn (e.ż żoni ta’ faċilitajiet, żoni ta’ trobbija u ta’ sajd u risorsi li jistgħu jiġu sfruttati);

2. rata ta’ rimi għal kull perjodu speċifiku (e.ż kwantità kull jum, kull ġimgħa, kull xahar);

3. metodi ta’ imballaġġ u konteniment, jekk jeżistu;

4. id-dilwazzjoni inizzjali miksuba permezz tal-metodu propost ta’ rimi, partikolarment il-veloċità tal-vapur;

5. karattersitiċi ta’ kif jixtered (eż. effetti ta’ kurrenti, tal-mareja, u tar-riħ fuq it-trasport orizzjonali u t-taħlit vertikali);

6. karatteristiċi ta’ l-ilma (eż. temperatura, pH, salinità, stratifikazzjoni, indiċi ta’ ossiġnu tat-tniġġis-ossiġnu maħlul (do), domanda kimika ta’ ossiġnui (dko), domanda biokimika ta’ ossiġnu (dbo), nitroġenu presenti f’forma organika u inorganika:, inkluża l-ammonja, materja sospiża, nutrijenti oħrajn u produttività);

7. karatteristiċi tal-qiegħ (eż. topografija, karatteristiċi ġeokimiċi u ġeoloġiċi u produttività bioloġika);

8. esistenza u effetti ta’ rimi ieħor li jista’ jsir fiż-żona kkonċernata (e.ż qari ta’ metall tqil fl-isfond u kontenut ta’ karbonji organiku).

C. Karatteristiċi taż-żona ta’ twaddib, ħżin jew injezzjoni u metodi ta’ rimi:

1. sitwazzjoni ġeografika;

2. karatteristiċi taż-żoni ta’ maġenbha;

3. metodi ta’ imballaġġ u konteniment, jekk jeżistu;

4. karatteristiċi tal-metodi ta’ twaddib, ħżin u injezzjoni, inkluża valutazzjoni tal-prekawzjonijiet meħuda sabiex jiġi evitat it-tniġġis ta’ l-ilmijiet, ta’ l-art u ta’ l-atmosfera.

--------------------------------------------------

ANNESS II

KONTROLL U SORVELJANZA TAR-RIMI

A. Sorveljanza ta’ l-iskart

Operazzjonijiet ta’ rimi għandhom ikunu akkumpanjati b’dawn li ġejjin:

1. kontrolli dwar il-kwantità, il-komposizzjoni u t-tossiċità ta’ l-iskart sabiex jiġi żgurat li l-kondizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni minn qabel msemmija fl-Artikoli 4, 5 u 6 jiġu sodisfatti;

2. testijiet għal tossiċità akuta fuq ċerti speċji ta’ molluski, krustaċei, ħut u plankton, preferibilment speċji li jinsabu normalment fiż-żoni ta’ rimi. Apparti dan, għandhom isiru testijiet fuq kampjuni ta’ l-ispeċji ta’ gambli ta’ l-ilma mielaħ (Artemia salina).

Fuq perjodu ta’ 36 siegħa u b’dilwazzjoni effluenti ta’ 1/5 000, dawn it-testijiet ma jistgħux jiżvelaw:

- mortalità ta’ iktar minn 20 % għal forom adulti ta’ l-ispeċji ttestjati,

- u għal-forom li jkunu larva, mortalità li teċċedi dik ta’ grupp ta’ kontroll.

B. Kontroll u sorveljanza ta’ l-ambjent ikkonċernat

I. Fil-kas ta’ rimi f’ilma ħelu jew fil-baħar jew fil-kas ta’ twaddib, dawn il-kontrolli għandhom ikollhom x’jaqsmu mat-tliet punti li ġejjin: kolonna ta’ l-ilma, materja ħajja u sedimenti. Kontrolli perjodiċi dwar l-istat taż-żona affettwata mir-rimi jagħmluha possibbli li jiġi segwit l-iżvilupp ta’ l-ambjenti kkonċernati.

Is-sorveljanza għandha tinkludi d-determinazzjoni tal-:

1. pH;

2. l-ossġinu maħlul;

3. t-turbidità;

4. l-ossidi tal-ħadid idrati u idroossidi f’sospensjoni;

5. il-metalli tossiċi fl-ilma, is-solidi sospiżi, is-sedimenti u l-akkumulazzjoni ta’ organismi selezzjonati bentiċi u pelaġiċi;

6. id-diversità u l-abbondanza relattiva u assoluta ta’ flora u fawna.

II. Fil-kas ta’ ħżin, tat-twaddib u l-injezzjoni is-sorveljanza għandha tinkludi:

1. testijiet li jagħmlu ċert li l-ilmijiet tal-wiċċ u ta’ taħt l-art m’ humiex ikkontaminati. Dawn it-testijiet għandhom jinkludu l-kejl ta’:

- l-aċidità,

- il-kontenut ta’ ħadid (solubbli u partikolat),

- il-kontenut ta’ kalċju,

- il-kontenut ta’ metall tossiku (solubbli u partikolat) jekk ikun hemm;

2. fejn ikun meħtieġ, testijiet li jiddeterminaw kull effetti negattivi dwar l-istruttura tas-saff ta’ art ta’ taħt dik tal-wiċċ;

3. valutazzjoni ġenerali ta’ l-ekoloġija taż-żona fil-viċinanza tal-punt ta’ depożitu, tal-ħażna jew ta’ l-injezzjoni.

--------------------------------------------------