31978D0923



Official Journal L 323 , 17/11/1978 P. 0012 - 0013
Greek special edition: Chapter 03 Volume 23 P. 0040
Spanish special edition: Chapter 03 Volume 15 P. 0047
Portuguese special edition Chapter 03 Volume 15 P. 0047


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tad-19 ta’ Ġunju 1978

li tikkonċerna l-konklużjoni tal-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni ta’ l-annimali miżmuma għal għanijiet tal-biedja

(78/923/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 43 u 100 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomika u Soċjali [2],

Billi l-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni ta’ l-annimali miżmuma għal għanijiet tal-biedja (minn hawn il-quddiem riferuta bħala "il-Konvenzjoni") kien ġiet imħejjija fi ħdan il-Kunsill ta’ l-Ewropa bil-għan li tipproteġi l-annimali miżmuma għal għanijiet tal-biedja, partikolarment is-sistemi tal-metodu tal-produzzjoni intensiva;

Billi d-Direttiva tal-Kunsill 70/373/KEE tal-20 ta’ Lulju 1970 rigward l-introduzzjoni tal-metodi tal-kampjunar u l-analiżi tal-Komunità għall-kontroll uffiċjali ta’ l-għalf tal-bhejjem [3], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 76/372/KEE [4], id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE tat-23 ta’ Novembru 1970 li tikkonċerna ż-żidiet ma l-għalf tal-bhejjem [5], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 78/117/KEE [6] u d-Direttiva tal-Kunsill 74/63/KEE tas-17 ta’ Diċembru 1973 dwar l-iffissar tal-livelli massimi permissibbli ta’ sustanzi u prodotti mhux mixtieqa fl-għalf tal-bhejjem [7], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 76/934/KEE [8], introduċew regoli komuni li jistgħu jaffettwaw il-Konvenzjoni, u speċjalment bl-implimentazzjoni ta’ uħud mid-disposizzjonijiet tagħha;

Billi disposizzjonijiet oħrajn tal-Konvenzjoni jkopru oqsma li dwarhom il-Komunità għadha ma ntroduċietx regoli komuni;

Billi l-protezzjoni ta’ l-annimali mhiex minnha nnifisja waħda mill-għanijiet tal-Komunità; billi, b’dana kollu, hemm differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali eżistenti dwar il-protezzjoni ta’ l-annimali miżmuma għal għanijiet tal-biedja li jistgħu joħolqu kondizzjonijiet mhux egwali tal-kompetizzjoni u li jistgħu konsegwentament ikollhom effett inderett fuq il-funzjonament xieraq tas-suq komuni;

Billi, aktar minn hekk, il-Konvenzjoni tittratta ma materji li huma koperti bl-istrateġija agrikola komuni;

Billi għandu għalhekk jidher li l-parteċipazzjoni tal-Komunità fil-Konvenzjoni hija meħtieġa għall-akwist ta’ l-oġġettivi tal-Komunità;

Billi t-trobbija ta’ merħliet ta’ annimali fil-Groenlandja hija mwettqa f’kondizzjonijiet li huma fundamentalment differenti minn dawk applikabli fir-reġjuni l-oħrajn tal-Komunità minħabba ċ-ċirkostanzi ġenerali u partikolarment il-klima, id-densità baxxa tal-popolazzjoni u d-daqs eċċezzjonali tal-gżira; billi, għalhekk, il-Konvenzjoni m’għandhiex tkun tapplika għall-Groenlandja,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

IL-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni ta’ l-annimali miżmuma għal għanijiet tal-biedja hi hawnhekk approvata f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea.

It-test tal-Konvenzjoni hu anness ma din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jiddeposita l-istrument ta’ l-approvazzjoni skond l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni [9].

Meta jseħħ id-depożitu ta’ l-istrument ta’ l-approvazzjoni, il-President tal-Kunsill għandu, bi qbil mal-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni, jiddikjara li l-Konvenzjoni ma tkunx applikabbli għall-Groenlandja.

Magħmula l-Lussemburgu, fid-19 ta’ Ġunju 1978.

F’isem il-Kunsill

Il-President

P. Dalsager

[1] ĠU C 83, ta’ l-4.4.1977, p. 43.

[2] ĠU C 204, tat-30.8.1976, p. 26.

[3] ĠU L 170, tat-3.8.1970, p. 2.

[4] ĠU L 102, tal-15.4.1976, p. 8.

[5] ĠU L 270, ta’ l-14.12.1970, p. 1.

[6] ĠU L 40, ta’ l-10.2.1978, p. 19.

[7] ĠU L 38, tal-11.2.1974, p. 31.

[8] ĠU L 364, tal-31.12.1976, p. 20.

[9] Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni għandha tkun ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

--------------------------------------------------