31977L0453



Official Journal L 176 , 15/07/1977 P. 0008 - 0010
Finnish special edition: Chapter 6 Volume 1 P. 0204
Greek special edition: Chapter 06 Volume 1 P. 0258
Swedish special edition: Chapter 6 Volume 1 P. 0204
Spanish special edition: Chapter 06 Volume 2 P. 0009
Portuguese special edition Chapter 06 Volume 2 P. 0009


Id-Direttiva Tal-Kunsill

tas-27 ta’ Ġunju 1977

li tikkonċerna l-koordinazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti b’liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fir-rigward ta’ l-attivitajiet ta’ l-infermiera responsabbli għall-kura ġenerali

(77/453/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 49, 57, 66 u 235 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1];

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Billi, bl-iskop li jintlaħaq ir-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali ta’ infermiera responsabbli għall-kura ġenerali stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 77/452/KEE [3], in-natura kumparabbli tal-korsijiet ta’ taħriġ fl-Istati Membri tagħmel possibbli li l-koordinazzjoni f’dan il-qasam tkun limitata għall-ħtieġa li l-istandards minimi jkunu osservati, li mbagħad iħalli lill-Istati Membri l-libertà ta’ organizzazzjoni fir-rigward tat-tagħlim;

Billi l-koordinazzjoni maħsuba minn din id-Direttiva ma teskludi ebda koordinazzjoni sussegwenti;

Billi l-koordinazzjoni maħsuba minn din id-Direttiva tkopri t-taħriġ professjonali ta’ infermiera responsabbli għall-kura ġenerali; billi, sa fejn hu kkonċernat it-taħriġ, il-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri fil-preżent ma jagħmlux distinzjoni bejn infermiera li jsegwu l-attivitajiet tagħhom bħala persuni impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom; billi għal din r-raġuni u sabiex ikun imħeġġeġ sa fejn hu possibbli l-moviment liberu ta’ persuni fil-Komunità, jidher neċessarju li l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva tiġi estiża għall-infermiera impjegati,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

1. L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-għotja tad-diplomi, ċ-ċertifikati u provi oħrajn tal-kwalifiki formali ta’ l-infermiera responsabbli għall-kura ġenerali kif speċifikat fl-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva 77/452/KEE soġġetta għalli wieħed jgħaddi minn eżami li jiggarantixxi li matul il-perjodu ta’ taħriġ tagħha l-persuna kkonċernata tkun akkwistat:

(a) tagħrif adegwat tax-xjenzi li fuqhom hi bbażata l-infermerija ġenerali, inkluż fehma suffiċjenti ta’ l-istruttura, il-funzjonijiet fiżjoloġiċi u l-atteġġjament ta’ persuni b’saħħithom u morda, u tar-relazzjoni bejn l-istat ta’ saħħa u l-ambjent fiżiku u soċjali tal-bniedem;

(b) tagħrif biżżejjed dwar in-natura u l-etika tal-professjoni u tal-prinċipji ġenerali tas-saħħa u l-infermerija;

(ċ) esperjenza klinika adegwata; din l-esperjenza, li għandha tingħażel għall-valur ta’ taħriġ tagħha, għandha tkun akkwistata taħt is-sorveljanza ta’ persunal ta’ infermieri kwalifikat u f’postijiet fejn in-numru ta’ persunal ikkwalifikat u t-tagħmir huma approprjati għall-kura infermiera tal-pazjenti;

(d) l-abbilità li tipparteċipa fit-taħriġ prattiku ta’ persunal tas-saħħa u l-esperjenza li taħdem ma’ dan il-persunal;

(e) l-esperjenza li taħdem ma’ membri ta’ professjonijiet oħrajn fis-settur tas-saħħa.

2. It-taħriġ imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi mill-inqas:

(a) edukazzjoni ġenerali ta’ skola ta’ 10 snin iċċertifikata b’diploma, ċertifikat jew kwalifika formali oħra mogħtija mill-awtoritajiet jew il-korpi kompetenti fi Stat Membru, jew ċertifikat li jirriżulta minn eżami ta’ kwalifika ta’ standard ekwivalenti għad-dħul fi skola ta’ taħriġ għall-infermiera;

(b) taħriġ full-time ta’ natura speċifikament professjonali, li għandu jkopri s-suġġetti tal-programm ta’ taħriġ stabbiliti fl-Anness ma’ din id-Direttiva u li jinkludi kors ta’ tliet snin jew 4600 siegħa ta’ istruzzjoni teoretika u prattika.

3. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-istituzzjoni li tħarreġ l-infermiera hija responsabbli għall-koordinazzjoni tat-teorija u l-prattika matul il-programm.

It-taħriġ teoretiku u prattiku msemmi fil-parti A ta’ l-Anness għandu jkun ibbilanċjat u kkoordinat mat-taħriġ kliniku ta’ infermiera msemmi fil-parti B ta’ l-istess Anness b’tali mod li t-tagħrif u l-esperjenza mniżżlin fil-paragrafu 1 jistgħu ikunu akkwistati b’mod adegwat.

L-istruzzjoni klinika fl-infirmerija għandha tieħu l-forma ta’ taħriġ in-service sorveljat ġewwa dipartimenti ta’ sptarijiet jew servizzi oħrajn tas-saħħa, inklużi servizzi ta’ infermerija fid-dar, approvati mill-awtoritajiet jew mill-korpi kompetenti. Matul dan it-taħriġ l-infermiera studenti għandhom jipparteċipaw fl-attivitajiet tad-dipartimenti kkonċernati sa fejn dawk l-attivitajiet jikkontribiwxxu għat-taħriġ tagħhom. Għandhom ikunu infurmati bir-responsabbiltajiet tal-kura infermiera.

4. Mhux iktar tard minn ħames snin wara n-notifika ta’ din id-Direttiva u fid-dawl ta’ reviżjoni tas-sitwazzjoni, il-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kumissjoni, għandu jiddeċiedi jekk id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 dwar il-bilanċ bejn it-taħriġ teoretiku u prattiku min-naħa waħda u t-taħriġ kliniku ta’ l-infermiera min-naħa l-oħra għandhomx jinżammu jew jiġu emendati.

5. L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjoni parzjali lil persuni li għaddew minn parti mit-taħriġ imsemmi fil-paragrafu 2 (b) fil-forma ta’ taħriġ ieħor li hu almenu ta’ standard ekwivalenti.

L-Artikolu 2

Minkejja d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1, l-Istati Membri jistgħu jippermettu taħriġ part-time taħt il-kondizzjonijiet approvati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

Il-perjodu totali ta’ taħriġ part-time ma jistax ikun iqsar minn dak ta’ taħriġ full-time. L-istandard tat-taħriġ ma jistax ikun imfixkel min-natura part-time tiegħu.

L-Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għal ċittadini ta’ l-Istati Membri li, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fil-Komunita [4], qed isegwu jew sejrin isegwu, bħala persuni impjegati, waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Drettiva 77/452/KEE.

L-Artikolu 4

1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-miżuri neċessarja biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva fi żmien sentejn min-notifika tagħha u għandhom minnufih jinformaw lill-Kummissjoni bihom.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenija tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

L-Artikolu 5

Meta Stat Membru jiltaqa’ ma’ diffikultajiet maġġuri f’’ċerti oqsma meta japplika din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha teżamina dawn id-diffikultajiet flimkien ma’ dak l-Istat u għandha titlob l-opinjoni tal-Kumitat ta’ l-Uffiċjali Anzjani dwar is-Saħħa Pubblika stabbilit mid-Deċiżjoni 75/365/KEE [5], kif emendata bid-Deċiżjoni 77/455/KEE [6].

Meta neċessarju, l-Kummissjoni għandha tissottometti proposti approprjati lill-Kunsill.

L-Artikolu 6

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fil-Lussemburgu, fis-27 ta’ Ġunju 1977.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Silkin

[1] ĠU C 65, tal-5.6.1970, p. 12.

[2] ĠU C 108, tas-26.8.1970, p. 23.

[3] ĠU L 176, tas-27.6.1977, p. 1.

[4] ĠU L 257, tad-19.10.1968, p. 2.

[5] ĠU L 167, tat-30.6.1975, p. 19.

[6] ĠU L 176, tas-27.6.1977, p. 1

--------------------------------------------------

L-ANNESS

PROGRAMM TA’ TAĦRIĠ GĦALL-INFERMIERA RESPONSABBLI GĦALL-KURA ĠENERALI

It-taħriġ li jwassal għall-għoti ta’ diploma, ċertifikat jew kwalifika formali oħra ta’ infermiera responsabbli għall-kura ġenerali għandu jikkonsisti fiż-żewġ partijiet li ġejjin:

A. L-istruzzjoni teoretika u teknika:

(a) l-infermerija:

in-natura u l-etika tal-professjoni,

il-prinċipji ġenerali tas-saħħa u l-infermerija,

il-prinċipji ta’ l-infermerija fir-rigward ta’:

- il-mediċina ġenerali u speċjalista,

- il-kirurġija ġenerali u speċjalista,

- il-kura tat-tfal u l-pedjatrija,

- il-kura tal-maternità,

- is-saħħa mentali u l-psikjatrija,

- il-kura ta’ l-anzjani u l-ġerjatrija;

(b) ix-xjenzi bażiċi:

l-anatomija u l-fiżjoloġija,

il-patoloġija,

il-batterjoloġija, il-viroloġija u l-parasitoloġija,

il-bijofiżika, il-bijokimika u r-radjoloġija,

id-djetetika,

l-iġjene:

- il-mediċina preventiva,

- l-edukazzjoni dwar is-saħħa,

il-farmakoloġija;

(ċ) ix-xjenzi soċjali:

is-soċjoloġija,

il-psikoloġija,

il-prinċipji ta’ l-amministrazzjoni,

il-prinċipji tat-tagħlim,

il-leġislazzjoni soċjali u dwar is-saħħa,

l-aspetti legali ta’ l-infermerija,

B. L-istruzzjoni klinika:

L-infermerija fejn għandhom x’jaqsmu:

- il-mediċina ġenerali u speċjalista,

- il-kirurġija ġenerali u speċjalista,

- il-kura tat-tfal u l-pedjatrija,

- il-kura tal-maternità,

- is-saħħa mentali u l-psikjatrija,

- il-kura ta’ l-anzjani u l-ġerjatrija,

- l-infermerija fid-dar.

--------------------------------------------------