31977L0092



Official Journal L 026 , 31/01/1977 P. 0014 - 0019
Finnish special edition: Chapter 6 Volume 1 P. 0191
Greek special edition: Chapter 06 Volume 1 P. 0243
Swedish special edition: Chapter 6 Volume 1 P. 0191
Spanish special edition: Chapter 06 Volume 1 P. 0219
Portuguese special edition Chapter 06 Volume 1 P. 0219


Id-Direttiva Tal-Kunsill

tat-13 ta’ Diċembru 1976

dwar miżuri biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fir-rigward ta’ l-attivitajiet ta’ aġenti u brokers fl-assigurazzjoni (ex ISIC Grupp 630) u, b’mod partikolari, miżuri transitorji fir-rigward ta’ dawk l-attivitajiet

(77/92/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 49, 57, 66 u 235 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Billi, skond it-Trattat, it-trattament diskriminatorju kollu bbażat fuq ċittadinanza fir-rigward ta’ stabbiliment u l-provvista ta’ servizzi huwa pprojbit sa mit-tmiem tal-perjodu transitorju; billi l-prinċipju ta’ dan it-trattament nazzjonali japplika b’mod partikolari għad-dritt ta’ sħubija ma’ organizzazzjonijiet professjonali meta l-attivitajiet professjonali tal-persuna kkonċernata neċessarjament jinvolvu l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt;

Billi mhux l-Istati Membri kollha jimponu kundizzjonijiet għall-bidu u l-insegwiment ta’ attivitajiet ta’ aġent u broker ta’ l-assigurazzjoni; billi f’xi każijiet hemm il-libertà li jinbdew u jitwettqu dawn l-attivitajiet imma f’każijiet oħrajn hemm dispożizzjonijiet stretti li jagħmlu l-aċċess għall-professjoni kondizzjonali fuq il-pussess ta’ prova formali ta’ kwalifiki;

Billi, invista tad-differenzi bejn Stati Membri fir-rigward ta’ l-iskop ta’ attivitajiet ta’ aġent u broker ta’ l-assigurazzjoni, huwa mixtieq li jiġu definiti b’mod ċar kemm jista jkun l-attivitajiet li għalihom tapplika din id-Direttiva;

Billi, minbarra dan, l-Artikolu 57 tat-Trattat jipprovdi li, sabiex tkun aktar faċli għal persuni li jibdew u jsegwu attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom, għandhom jinħarġu Direttivi għar-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali u għall-koordinazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti b’liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri;

Billi, fin-nuqqas ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi jew ta’ koordinazzjoni immedjata, jidher madanakollu mixtieq li jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi għall-attivitajiet inkwistjoni, b’mod partikolari bl-adozzzjoni ta’ miżuri transitorji tat-tip maħsub fil-Programmi Ġenerali [3], sabiex ikun evitat irbit mhux dovut fuq ċittadini ta’ Stati Membri li fihom il-bidu ta’ dawn l-attivitajiet ma jkun soġġett għal ebda kundizzjoni;

Billi, sabiex jiġi pprevenut l-ikkawżar ta’ dawn id-diffikultajiet, l-objettiv tal-miżuri transitorji għandu jkun li jiġi permess, bħala kwalifika suffiċjenti biex jinbdew l-attivitajiet inkwistjoni fl-Istati Membri ospitanti li jkollhom regoli li jirregolaw il-bidu ta’ dawn l-attivitajiet, il-fatt li l-attività tkun ġiet imwettqa fl-Istat Membru mnejn jiġi ċ-ċittadin barrani għal perjodu ta’ żmien raġjonevoli u suffiċjentement riċenti, f’ każijiet meta mhuwiex meħtieġ taħriġ preċedenti, biex jiġi assigurat li l-persuna kkonċernata tipposjedi tagħrif professjonali ekwivalenti għal dak meħtieġ miċ-ċittadini proprji ta’ l-Istat Membru ospitanti;

Billi, invista tas-sitwazzjoni fl-Olanda, fejn brokers ta’ l-assigurazzjoni huma, skond it-tagħrif professjonali tagħhom, maqsuma f’diversi kategoriji, sistema ekwivalenti għandha tiġi pprovduta fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn li jixtiequ jibdew attività f’kategorija waħda jew iktar ikkonċernati; billi l-kriterju l-aktar approprjat u objettiv għal dan l-iskop huwa n-numru ta’ impjegati li l-persuna kkonċernata għandha jew kellha taħdem għaliha;

Billi, meta l-attività ta’ l-aġent tinkludi l-eżerċizzju ta’ awtorità permanenti minn impriża waħda jew aktar ta’ l-assigurazzjoni li jagħtu s-setgħa lill-benefiċjarju, fir-rigward ta’ ċerti operazzjonijiet jew l-operazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt l-iskop normali tan-negozju ta’ l-intrapriża jew intrapriżi kkonċernati, li jdaħħlu l-isem ta’ din l-intrapriża jew intrapriżi fl-impenji li jorbtu lilha jew lilhom, il-persuna kkonċernata għandha tkun tista’ tibda l-attività ta’ broker fl-Istat Membru ospitanti;

Billi l-għan ta’ din id-Direttiva jisparixxi ladarba il-koordinazzjoni ta’ kundizzjonijiet għall-bidu u l-insegwiment ta’ l-attivitajiet inkwistjoni u r-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u kwalifiki formali oħrajn ikunu ntlaħqu;

Billi, sa fejn fl-Istati Membri il-bidu jew l-insegwiment ta’ l-attivitajiet imsemmija f’din id-Direttiva huwa wkoll dipendenti fil-każ ta’ impjegati salarjati fuq il-pussess ta’ tagħrif jew abbiltà professjonali, din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għal din il-kategorija ta’ persuni sabiex telimina ostakolu għall-moviment liberu ta’ ħaddiema u b’hekk tissupplimenta l-miżuri adottati fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà ta’ moviment għal ħaddiema fil-Komunità [4], kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 312/76 [5];

Billi, għall-istess raġuni, id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-rigward ta’ prova ta’ reputazzjoni tajba u prova ta’ ebda falliment preċedenti għandhom ukoll ikunu applikabbli għal ħaddiema salarjati,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri definiti f’din id-Direttiva fir-rigward ta’ stabbiliment jew provvista ta’ servizzi fit-territorji tagħhom minn persuni fiżiċi jew kumpaniji jew impriżi koperti bit-Titolu I tal-Programmi Ġenerali (hawnhekk iżjed il quddiem imsejħa "benefiċjarji") li jixtiequ li jsegwu l-attivitajiet imsemmija bħala xogħol għal rashom fl-Artikolu 2.

2. Din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għal ċittadini ta’ Stati Membri li, kif previst fir-Regolament (KEE) Nru 1612/68, jixtiequ jsegwu bħala impjegati salarjati, l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 2.

L-Artikolu 2

1. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-attivitajiet li ġejjin li jaqgħu fi ħdan Grupp ex ISIC 630 fl-Anness III tal-Programm Ġenerali għall-abolizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment:

(a) attivitajiet professjonali ta’ persuni li, waqt li jaġixxu f’libertà kompleta fejn jirrigwarda l-għażla tagħhom ta’ intrapriża, iġibu flimkien, bi skop ta’ assigurazzjoni jew riassigurazzjoni ta’ riskji, persuni li qegħdin ifittxu assigurazzjoni jew riassigurazzjoni u intrapriżi ta’ assigurazzjoni jew riassigurazzjoni, iwettqu xogħol preparatorju għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni jew riassigurazzjoni u, meta approprjat, jassistu fl-amministrazzjoni u l-insegwiment ta’ dawn il-kuntratti, b’mod partikolari fil-każ ta’ talbiet;

(b) attivitajiet professjonali ta’ persuni mogħtija istruzzjonijiet taħt kuntratt wieħed jew aktar jew mogħtija s-setgħa biex jaġixxu f’isem u għan-nom ta’, jew biss għan-nom ta’, intrapriża ta’ l-assigurazzjoni waħda jew iktar, fl-introduzzjoni, il-proponiment u l-insegwiment ta’ xogħol preparatorju bil-konklużjoni ta’, jew fil-konklużjoni ta’, kuntratti ta’ l-assigurazzjoni, jew fl-assistenza ta’ l-amministrazzjoni u l-insegwiment ta’ dawn il-kuntratti, b’mod partikolari fil-każ ta’ talba;

(ċ) attivitajiet ta’ persuni ta’ xort’ oħra minn dawk imsemmija f (a) u (b) li, waqt li jaġixxu għan-nom ta’ dawn il-persuni, fost affarijiet oħra iwettqu xogħol introduttorju, jintroduċu kuntratti ta’ l-assigurazzjoni jew jiġbru premiums, sakemm ebda impenn ta’ assigurazzjoni lejn jew daparti tal-pubbliku ma jingħata bħala parti minn dawn l-operazzjonijiet.

2. Din id-Direttiva għandha tapplika b’mod partikolari għal attivitajiet normalment deskritti fil-Istati Membri kif ġej:

(a) attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1(a):

- fil-Belġju:

- Courtier d’assurance

Verzekeringsmakelaar,

- Courtier de réassurance

Herverzekeringsmakelaar;

- fid-Danimarka:

- Juridiske og fysiske personer, som driver selvstændig virksomhed som formidler ved afsætning af forsikringskontrakter;

- fil-Ġermanja:

- Versicherungsmakler,

- Rückversicherungsmakler;

- fi Franza:

- Courtier d’assurance,

- Courtier d’assurance maritime,

- Courtier de réassurance;

- fl-Irlanda:

- Insurance broker,

- Reinsurance broker;

- fl-Italja:

- Mediatore di assicurazioni,

- Mediatore di riassicurazioni;

- fl-Olanda:

- Makelaar,

- Assurantiebezorger,

- Erkend assurantieagent,

- Verzekeringsagent;

- fir-Renju Unit:

- Insurance broker;

(b) attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1(b):

- fil-Belġju:

- Agent d’assurance

- Verzekeringsagent;

- fid-Danimarka:

- Forsikringsagent;

- fil-Ġermanja:

- Versicherungsvertreter;

- fi Franza:

- Agent général d’assurance;

- fl-Irlanda:

- Agent;

- fl-Italja:

- Agente di assicurazioni;

- fil-Lussemburgu:

- Agent principal d’assurance,

- Agent d’assurance;

- fl-Olanda:

- Gevolmachtigd agent,

- Verzekeringsagent;

- fir-Renju Unit:

- Agent;

(ċ) attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1(ċ):

- fil-Belġju:

- Sous-agent

Sub-agent;

- fid-Danimarka:

- Underagent;

- fil-Ġermanja:

- Gelegenheitsvermittler,

- Inkassant;

- fi Franza:

- Mandataire,

- Intermédiaire,

- Sous-agent;

- fl-Irlanda:

- Sub-agent;

- fl-Italja:

- Subagente;

- fil-Lussemburgu:

- Sous-agent;

- fl-Olanda:

- Sub-agent;

- fir-Renju Unit:

- Sub-agent.

L-Artikolu 3

Stati Membri li fihom il-bidu jew l-insegwiment ta’ kull attività msemmija fl-Artikolu 2 huma soġġetti għas-sodisfazzjon ta’ ċerti kondizzjonijiet li jikkwalifikaw għandhom jassiguraw li kull benefiċjarju li japplika ikunu għalhekk provdut, qabel ma jistabbilixxi lilu nnifsu jew qabel ma jibda jwettaq attività fuq bażi temporanja, b’informazzjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-professjoni li hu jipproponi li jsegwi.

L-Artikolu 4

Fejn fi Stat Membru il-bidu jew l-insegwiment ta’ attività msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) ikunu dipendenti fuq il-pussess ta’ tagħrif u abbiltà ġenerali, kummerċjali jew professjonali, dak l-Istat Membru għandu jaċċetta bħala prova suffiċjenti ta’ dan it-tgħarif u abbiltà il-fatt li wieħed mill-attivitajiet inkwistjoni ġie mwettaq fi Stat Membru ieħor għal xi wieħed mill-perjodi li ġejjin:

(a) erba’ snin konsekuttivi f’kapaċità indipendenti jew f’kapaċità amministrattiva; jew

(b) sentejn konsekuttivi f’kapaċità independenti jew f’kapaċità amministrattiva, meta l-benefiċċjarju jipprova li jkun ħadem għal mill-inqas tliet snin ma’ aġent jew broker ta’ l-assigurazzjoni wieħed jew iktar jew ma’ impriża ta’ l-assigurazzjoni waħda jew iktar; jew

(ċ) sena waħda f’kapaċità independenti jew f’kapaċità amministrattiva, meta l-benefiċjarju jipprova li għall-attività inkwistjoni ikun irċieva taħriġ preċedenti attestat b’ċertifikat rikonoxxut mill-Istat jew meqjus minn korp professjonali kompetenti bħala li jissodisfa kompletament il-ħtiġiet tagħha;

L-Artikolu 5

1. Jekk Stat Membru jagħmel il-bidu jew l-insegwiment ta’ xi attività msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) dipendenti fuq ħtiġiet aktar stretti minn dawk li jistabbilixxi fir-rigward ta’ l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(1)(b), jista’ fil-każ tal-bidu jew l-insegwiment ta’ l-attività l-ewwel imsemmija jeħtieġ li din tkun ġiet segwita fi Stat Membru ieħor fil-fergħa tal-professjoni msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) għal:

(a) erba’ snin konsekuttivi f’kapaċità independenti jew f’kapaċità aministrattiva; jew

(b) sentejn konsekuttivi f’kapaċità independenti jew f’kapaċità amministrattiva, meta l-benefiċjarju jipprova li hu jkun ħadem għal mill-anqas tliet snin ma’ aġent jew broker ta’ l-assigurazzjoni wieħed jew iktar jew ma’ impriża ta’ l-assigurazzjoni waħda jew iktar; jew

(ċ) sena waħda f’kapaċità independenti jew f’kapaċità amministrattiva, meta l-benefiċjarju jipprova li għall-attività inkwistjoni ikun irċieva taħriġ preċedenti attestat b’ċertifikat rikonoxxut mill-Istat jew meqjus minn korp kompetenti professjonali bħala li jissodisfa kompletament il-ħtiġiet tiegħu;

Attività mwettqa mill-benefiċjarju skond l-Artikolu 2(1)(b), meta tinkludi l-eżerċizzju ta’ awtorità permanenti minn impriża ta’ l-assigurazzjoni waħda jew aktar li tagħti s-setgħa lill-persuna kkonċernata, fir-rigward ta’ ċerti operazzjonijiet jew l-operazzjonijiet kollha li jidħlu fl-iskop normali tan-negozju ta’ l-intrapriża jew l-intrapriżi kkonċernati, li tidħol f’isem dik l-intrapriża jew dawk l-intrapriżi f’impenji li jkunu jorbtu fuqha jew fuqhom, għandha titqies bħala ekwivalenti għall-attività msemmija fl-Artikolu 2(1)(a).

2. Madanakollu, fl-Olanda, il-bidu jew l-insegwiment ta’ l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(1)(a) għandhom f’addizzjoni jkunu soġġetti għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

- meta l-benefiċjarju jixtieq jaħdem bħala "makelaar", hu għandu jkun wettaq l-attivitajiet ikkonċernati f’negozju fejn kien inkarigat minn mill-anqas 10 impjegati,

- meta l-benefiċjarju jixtieq jaħdem bħala "assurantiebezorger", hu għandu jkun wettaq l-attivitajiet ikkonċernati f’negozju fejn kien inkarigat minn mill-anqas ħames impjegati,

- meta l-benefiċjarju jixtieq jaħdem bħala "erkend assurantieagent", hu għandu jkun wettaq l-attivitajiet ikkonċernati f’negozju fejn hu kien inkarigat minn mill-anqas żewġ impjegati,

L-Artikolu 6

1. Meta fi Stat Membru il-bidu jew il-insegwimentt ta’ xi attività msemmija fl-Artikolu 2(1)(ċ), ikunu dipendenti fuq il-pussess ta’ tagħrif u abbiltà ġenerali, kummerċjali jew professjonali, dak l-Istat Membru għandu jaċċetta bħala prova suffiċjenti ta’ dan it-tagħrif u abbiltà il-fatt li l-attività inkwistjoni tkun ġiet segwita fi Stat Membru ieħor għal waħda minn dawn il-perjodi li ġejjin:

(a) sentejn konsekuttivi jew f’kapaċità indipendenti jew f’ ħidma ma’ aġent jew broker ta’ l-assigurazzjoni wieħed jew iktar jew ma’ impriża ta’ l-assigurazzjoni waħda jew aktar; jew

(b) sena waħda taħt il-kundizzjonijiet speċifikati taħt il-paragrafu (a), meta l-benefiċjarju jipprova li għall-attività inkwistjoni hu jkun irċieva taħriġ preċedenti attestat b’ċertifikat rikonoxxut mill-Istat jew meqjus minn korp professjonali kompetenti bħala li jissodisfa kompletament il-ħtiġiet tiegħu.

2. L-insegwiment ta’ mill-anqas sena ta’ waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(1)(a) jew (b) u t-taħriġ rilevanti mogħti għandhom jiġu meqjusa bħala li jissodisfa l-ħtiġiet stabbiliti fil-paragrafu 1.

L-Artikolu 7

Fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 4, 5 u 6, l-insegwiment ta’ l-attività inkwistjoni m’għandhiex tkun waqfet aktar minn 10 snin qabel id-data meta ssir l-applikazzjoni prevista fl-Artikolu 9(1). Madanakollu, meta perjodu iqsar ikun stabbilit fi Stat Membru għaċ-ċittadini tiegħu, dak il-perjodu għandu wkoll jiġi applikat fir-rigward ta’ benefiċjarji.

L-Artikolu 8

1. Persuna għandha titqies bħala li wettqet attività f’kapaċità amministrattiva fis-sens ta’ l-Artikoli 4 u 5(1) meta tkun wettqet l-attività korrispondenti:

(a) bħala amministratur ta’ intrapriża jew amministratur ta’ fergħa ta’ intrapriża, jew

(b) bħala deputat ta’ l-amministratur ta’ intrapriża jew bħala r-rappreżentant awtorizzat tiegħu, meta dik il-pożizzjoni kienet tinvolvi responsabbilitajiet ekwivalenti għal dawk ta’ l-amministratur rappreżentat.

2. Persuna għandha wkoll titqies bħala li wettqet attività f’kapaċità amministrattiva fis-sens ta’ l-Artikolu 4 meta d-dmirijiet tagħha f’intrapriża ta’ l-assigurazzjoni jkunu involvew l-amministrazzjoni ta’ aġenti jew is-sorveljanza tax-xogħol tagħhom.

3. Ix-xogħol imsemmi fl-Artikoli 4(b) u (5)(1)(b) għandu jkun involva responsabbilità fir-rigward ta’ l-akkwist, l-amministrazzjoni u l-insegwiment ta’ kuntratti ta’ l-assigurazzjoni.

L-Artikolu 9

1. Prova li l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4, 5, 6 u 7 huma ssodisfati għandha tiġi stabbilita b’ċertifikat, maħruġ mill-awtorità jew korp kompetenti fl-Istat Membru ta’ l-oriġini jew l-Istat Membru minn fejn tiġi l-persuna kkonċernata, li dan ta’ l-aħħar għandu jissottometti bħala sostenn għall-applikazzjoni tiegħu għall-insegwiment ta’ l-attivitajiet inkwistjoni fl-Istat Membru ospitanti.

2. L-Istati Membri għandhom, fil-limiti taż-żmien stabbiliti fl-Artikolu 13, jinnominaw lill-awtoritajiet u l-korpi kompetenti biex joħorġu ċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 1 u għandhom minnufih jinfurmaw lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni dwar dan.

3. Fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 13, kull Stat Membru għandu wkoll jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bl-awtoritajiet u l-korpi li rreferiet għalihom l-applikazzjoni għall-insegwiment fi Stat Membru ospitanti, ta’ attività msemmija fl-Artikolu 2 u d-dokumenti ta’ appoġġ, għandhom jiġu sottomessi.

L-Artikolu 10

1. Meta Stat Membru ospitanti jeħtieġ miċ-ċittadini tiegħu li jixtiequ li jibdew jew iwettqu xi attività msemmija fl-Artikolu 2 prova ta’ reputazzjoni tajba u prova li ma kenux qabel ġew iddikjarati falluti, jew prova ta’ waħda minn dawn, għandu jaċċetta bħala prova suffiċjenti, fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, il-produzzjoni ta’ estratt mir-"reġistru ġudizzjarju" jew, fin-nuqqas ta’ dan, ta’ dokument ekwivalenti maħruġ minn awtorità kompetenti ġudizzjarja jew amministrattiva fl-Istat Membru ta’ oriġini jew l-Istat Membru minn fejn ikun ġej iċ-ċittadin barrani li juri li dawn il-ħtiġiet ikunu ntlaħqu.

2. Meta l-Istat Membru ta’ oriġini jew l-Istat Membru li minnu jkun ġej iċ-ċittadin barrani kkonċernat ma joħroġx id-dokumenti imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jiġi sostitwit b’dikjarazzjoni fuq ġurament — jew, fi Stati meta ma hemm ebda dispożizzjoni għal dikjarazzjoni fuq ġurament, minn dikjarazzjoni solenni — magħmula mill-persuna kkonċernata quddiem awtorità kompetenti ġudizzjarja jew amministrattiva, jew, meta approprjat, nutar, fl-Istat Membru ta’ oriġini jew l-Istat Membru li minnu tkun ġejja dik il-persuna; din l-awtorità jew dan in-nutar għandhom joħorġu ċertifikat li jattesta l-awtentiċità tad-dikjarazzjoni fuq ġurament jew dikjarazzjoni soienni. Id-dikjarazzjoni dwar ebda falliment preċedenti tista’ wkoll issir quddiem korp professjonali kompetenti fil-pajjiż imsemmi.

3. Id-dokumenti maħruġa skond il-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jiġu prodotti aktar minn tliet xhur wara d-data tal-ħruġ tagħhom.

4. L-Istati Membri għandhom, fil-limiti taż-żmien stabbiliti fl-Artikolu 13, jinnominaw l-awtoritajiet u l-korpi kompetenti biex joħorġu d-dokumenti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu u għandhom jinfurmaw minnufih lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bihom.

Fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 13, kull Stat Membru għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bl-awtoritajiet jew il-korpi li lilhom id-dokumenti msemmija f’dan l-Artikolu għandhom jiġu sottomessi bħala sostenn ta’ applikazzjoni għall-insegwiment fl-Istat Membru ospitanti ta’ attività msemmija fl-Artikolu 2.

5. Meta fl-Istat Membru ospitanti tkun meħtieġa prova tas-sitwazzjoni finanzjarja, dak l-Istat għandu jqis iċ-ċertifikati maħruġa mill-banek fl-Istat Membru ta’ l-oriġini jew l-Istat Membru li minnu jkun ġej iċ-ċittadin barrani kkonċernat bħala ekwivalenti għaċ-ċertifikati maħruġa fit-territorju proprju tiegħu.

L-Artikolu 11

Fejn Stat Membru ospitanti jeħtieġ li ċ-ċittadini tiegħu li jkunu jixtiequ li jibdew jew isegwu waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 2 jieħdu ġurament jew jagħmlu dikjarazzjoni solenni, u meta l-forma ta’ dan il-ġurament jew dikjarazzjoni ma tistax tintuża minn ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, għandu jassigura li forma approprjata jew ekwivalenti ta’ ġurament jew dikjarazzjoni tkun offruta lill-persuni kkonċernati.

L-Artikolu 12

Din id-Direttiva għandha tibqa’ applikabbli sad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-koordinazzjoni ta’ regoli nazzjonali li jikkonċernaw il-bidu u l-insegwiment ta’ l-attivitajiet inkwistjoni.

L-Artikolu 13

L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-miżuri neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva fi żmien 18-il xahar min-notifika tagħha u għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni bihom.

L-Artikolu 14

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenija tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

L-Artikolu 15

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-13 ta’ Diċembru 1976.

Għall-Kunsill

Il-President

M. van der Stoel

[1] ĠU C 78, tat-2.8.1971, p. 13.

[2] ĠU C 113, tad-9.11.1971, p. 6.

[3] ĠU 2, tal-15.1.1962, p. 32/62 u 36/62.

[4] ĠU L 257, tad-19.10.1968, p. 2.

[5] ĠU L 39, ta’ l-14.2.1976, p. 2.

--------------------------------------------------