31976R0311



Official Journal L 039 , 14/02/1976 P. 0001 - 0001
Finnish special edition: Chapter 5 Volume 1 P. 0189
Greek special edition: Chapter 05 Volume 2 P. 0067
Swedish special edition: Chapter 5 Volume 1 P. 0189
Spanish special edition: Chapter 05 Volume 2 P. 0068
Portuguese special edition Chapter 05 Volume 2 P. 0068


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 311/76

tad-9 ta' Frar 1976

dwar il-kumpilazzjoni ta' statistika ta' ħaddiema barranin

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 213 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew, [1]

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, [2]

Billi għandu jkun hemm statistika dwar in-numru ta' ħaddiema barranin u l-ewwel impjieg ta' dawn il-ħaddiema fl-Istati Membri tal-Komunità,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

1. L-Istati Membri għandhom, dwar ħaddiema li huma ċittadini ta' Stat Membru ieħor jew ta' pajjiż ieħor, jikkumpilaw statistika dwar:

- in-numru ta' ħaddiema,

- l-ewwel impjieg ta' kull ħaddiem fit-territorju tagħhom għal kull sena.

L-istatistika għandha jkollha l-informazzjoni li ġejja:

- nazzjonalità,

- sess,

- età,

- tip ta' xogħol jew sengħa,

- reġjun.

2. Stati Membri għandhom jikkumpilaw l-istatistika darba kull sena minn sorsi varji li normalment ikollhom, partikularment tagħrif mis-sigurtà soċjali, ċensimenti, statistika mogħtija minn min iħaddem jew minn permessi għal residenza jew għal xogħol.

L-Artikolu 2

1. Mad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-tagħrif kollu miġbur dwar l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1).

F'perjodu ta' mhux aktar minn ħames snin minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, Stati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-tagħrif kollu dwar l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1).

2. Stati Membri, meta jibagħtu t-tagħrif lill-Kummissjoni, għandhom juru s-sorsi użati.

L-Artikolu 3

1. Fit-twettiq ta' dan ir-Regolament, Stati Membri għandhom jikkollaboraw mill-qrib mal-Kummissjoni.

2. Stati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu ta' kull sena bil-progress milħuq fl-applikazzjoni tat-tieni sottoparagrafu ta' l-Artikolu 2(1).

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kunsill skond it-tagħrif miksub.

L-Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar mill-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fid-9 ta' Frar, 1976.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Thorn

[1] ĠU C 129, tal-11.12.1972, p. 13.

[2] ĠU C 60, tas-26.7.1973, p. 7.

--------------------------------------------------