31976L0115



Official Journal L 024 , 30/01/1976 P. 0006 - 0020
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 4 P. 0180
Greek special edition: Chapter 13 Volume 3 P. 0149
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 4 P. 0180
Spanish special edition: Chapter 13 Volume 4 P. 0189
Portuguese special edition Chapter 13 Volume 4 P. 0189


Id-Direttiva tal-Kunsill

tat-18 ta’ Diċembru 1975

dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l- ankoraġġi għaċ-ċinturini tas-sigurtà ta’ vetturi bil-mutur

(76/115/KEE)

Il-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Billi l-ħtiġiet tekniċi li magħhom għandhom jikkonformaw vetturi bil-mutur skond il-liġijiet nazzjonali jirrelataw inter alia għal ankoraġġi taċ-ċinturini tas-sigurtà;

Billi dawk il-ħtiġiet ivarjaw minn Stat Membru wieħed għall-ieħor; billi huwa għalhekk neċessarju li l-Istati Membri kollha jadottaw l-istess ħtiġiet, jew b’żieda jew minflok ir-regoli eżistenti tagħhom, sabiex, b’mod partikolari, jippermettu li l-proċedura ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE, li kienet is-suġġett tad-Direttiva tal-Kunsill 70/158/KEE tas-6 ta’ Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom [3], tiġi introdotta għal kull tip ta’ vettura;

Billi ħtiġiet komuni għall-muntaġġi nterni tal-kompartiment tal-passiġġieri, it-tqassim tal-kontrolli, is-saqaf, is-serħan tad-dahar u n-naħa ta’ wara tas-sedili kienu stabbiliti bid-Direttiva 74/60/KEE [4]; billi ħtiġiet komuni dwar muntaġġi nterni li jirrelataw għall-operazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ l-isteering fil-każ ta’ impatt kienu stabbiliti bid-Direttiva 74/297/KEE [5]; billi ħtiġiet komuni li jikkonċernaw is-saħħa tas-sedili u l-ankoraġġi tagħhom kienu stabbiliti bid-Direttiva 74/408/KEE [6]; billi ħtiġiet oħra jiġu adottati sussegwentement li jikkonċernaw il-muntaġġi nterni, u b’mod partikolari ċinturini tas-sigurtà, r-restraints għar-ras u l-identifikazzjoni tal-kontrolli;

Billi l-approssimazzjoni tal-liġijiet nazzjonali li jirrelataw għal vetturi bil-mutur tinvolvi ir-rikonoxximent mill-Istati Membri tal-kontrolli mwettqa minn kull wieħed minnhom abbażi ta’ ħtiġiet komuni; billi sabiex topera effettivament din is-sistema titlob għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-ħtiġiet mill-Istati Membri kollha b’effett mill-istess data,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Din id-Direttiva tapplika għal ankoraġġi għal ċinturini tas-sigurtà ta’ vetturi bil-mutur intiżi għal okkupanti adulti ta’ sedili li jħarsu ‘l quddiem.

Artikolu 2

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, "vettura" tfisser kwalunwe vettura bil-mutur fil-kategorija M1 (definita fl-Anness 1 mad-Direttiva 70/156/KEE) maħsuba għall-użu fit-triq, li jkollha mill-inqas erba’ roti u veloċità massima ddisinjata li taqbeż il-25 km fis-siegħa.

Artikolu 3

L-ebda Stat Membru ma jista’ jirrifjuta li jagħti approvazzjoni tat-tip tal-KEE jew approvazzjoni tat-tip nazzjonali ta’ vettura bil-mutur għal raġunijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ankoraġġi għal ċinturini tas-sigurtà jekk dawn l-ankoraġġi jissodisfaw il-ħtiġiet stabbiliti fl-Annessi I, III, IV.

Artikolu 4

L-ebda Stat Membru ma jista’ jirrifjuta jew jipprojbixxi l-bejgħ, ir-reġistrazzjoni, id-dħul fis-servizz jew l-użu ta’ kwalunkwe vettura bil-mutur għal raġunijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ankoraġġi għal ċinturini tas-sigurtà jekk dawn l-ankoraġġi jikkonformaw mal-ħtiġiet stabbiliti fl-Annessi I, III u IV.

Artikolu 5

Stat Membru li jkun ta approvazzjoni tat-tip għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jassigura li huwa jkun infurmat bi kwalunkwe modifika lil xi parti jew karatteristika msemmja fl-Anness I, il-punt 1.1. L-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandhom jiddeterminaw jekk għandhomx isiru testijiet ġodda fuq it-tip tal-vettura modifikat u għandux jitħejja rapport ġdid. Meta dawn it-testijiet jiżvelaw nuqqas ta’ konformità mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva, il-modifika m’għandhiex tiġi approvata.

Artikolu 6

Kwalunkwe emenda neċessarja għall-aġġustament tal-ħtiġiet ta’ l-Annessi sabiex jieħdu kont tal-progress tekniku għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 70/156/KEE.

Artikolu 7

1. L-Istati Membri għandhom, qabel l-1 ta’ Ottubru 1976, jadottaw u jippublikaw id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva u għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan.

Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet b’effett mill-1 ta’ Jannar 1977.

2. Ladarba din id-Direttiva tkun ġiet notifikata, l-Istati Membri għandhom ukoll jassiguraw li l-Kummissjoni tkun infurmata b’ kull abbozz ta’ liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva li huma jipproponu li jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva fi żmien suffiċjenti sabiex tkun tista’ tissottometti l-kummenti tagħha.

Artikolu 8

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-18 ta’ Diċembru 1975.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Toros

[1] ĠU Ċ 5, 8.1.1975, p. 41.

[2] ĠU Ċ 47, 27.2.1975, p. 45.

[3] ĠU Ċ 42, 23.2.1970. p. 1.

[4] ĠU L 38, 11.2.1974, p. 2.

[5] ĠU L 165, 20.6.1974, p. 16.

[6] ĠU L 221, 12.8.1974, p.1.

--------------------------------------------------

ANNESS I

DEFINIZZJONIJIET, APPLIKAZZJONI GHALL-APPROVAZZJONI TAT-TIP TAL-KEE, APPROVAZZJONI TAT-TIP TAL-KEE, SPEĊIFIKAZZJONIJIET, TESTIJIET, KONFORMITÀ TAL-PRODUZZJONI, ISTRUZZJONIJIET

1. DEFINIZZJONIJIET

Għall-iskop ta’ din id-Direttiva:

1.1. "tip ta’ vettura" fir-rigward ta’ ankoraġġi ta’ ċinturini tas-sigurtà tfisser kategorija ta’ vetturi li ma tvarjax f’aspetti essenzjali bħal: id-dimensjonijiet, il-linji u materjali kostitwenti tal-komponenti ta’ l-istruttura tal-vettura jew ta’ l-istruttura tas-sedil jew kwalunkwe parti oħra tal-vettura li magħha l-ankoraġġi taċ-ċinturini tas-sigurtà jitwaħħlu;

1.2. "ankoraġġi taċ-ċinturini" tfisser il-partijiet ta’ l-istruttura tal-vettura jew ta’ l-istruttura tas-sedil jew kwalunkwe parti oħra tal-vettura li magħha l-assemblaġġi taċ-ċinturini tas-sigurtà għandhom jitwaħħlu sewwa;

1.3. "ċinturin tas-sigurtà" (jew "ċinturin tas-sedil" jew "ċinturin") ifisser l-arranġament ta’ ċineg li jinqaflu bil-bokkla, mezz ta’ aġġustament u annessi li jkunu jistgħu jiġu mwaħħla ma’ vettura u huma maħsuba sabiex inaqqsu r-riskju ta’ inġurija lil min ikun qiegħed jilbishom, fil-każ ta’ kolliżjoni jew deċellerazzjoni f’daqqa tal-vettura, billi jillimitaw il-mobilià tal-ġisem ta’ min ikun qiegħed jilbishom. Dan l-arranġament huwa ġeneralment magħruf bħala "assemblaġġ taċ-ċinturin", terminu li jħaddan ukoll kwalunkwe mezz għal assorbiment ta’ l-energija jew retrazzjoni taċ-ċinturin;

1.4. "gwida taċ-ċinga" tfisser mezz li jbiddel il-pożizzjoni taċ-ċinga fir-rigward ta’ min ikun qiegħed jilbes l-assemblaġġ taċ-ċinturin.

1.5. "ankoraġġ effettiv taċ-ċintorin" tfisser il-punt użat sabiex jiddetermina, kif speċifikat fil-punt 4.4, l-angolu ta’ kull parti taċ-ċinturin tas-sigurtà f’relazzjoni ta’ ma’ min ikun liebes l-istess ċinturin, jiġifieri, il-punt li miegħu ċinga jeħtieġ li itwaħħal sabiex tipprovdi l-istess pożizzjoni bħal dik maħsuba għaċ-ċinturin meta milbus, u li tista’ jew ma tistax tkun l-ankoraġġ attwali taċ-ċinturin skond il-konfigurazzjoni tal-mezz taċ-ċinturin tas-sigurtà u t-twaħħil tiegħu ma’ l-ankoraġġ taċ-ċinturin, per eżempju, fil-każ:

1.5.1. meta ċinturin tas-sigurtà jinkorpora parti riġida li tkun imwaħħla ma’ ankoraġġ taċ-ċinturin li jkun aktar ‘l isfel u li jkun jew imwaħħal f’post wieħed jew liberu li jdur, l-ankoraġġ effettiv taċ-ċinturin għall-pożizzjonijiet kollha ta’ l-aġġustar tas-sedil huwa l-punt li fih iċ-ċinga tkun imwaħħla ma’ dik il-parti riġida,

1.5.2. meta gwida taċ-ċinga tkun użata fuq l-istruttura tal-vettura jew fuq l-istruttura tas-sedil, il-punt ċentrali tal-gwida fil-post fejn iċ-ċinga titlaq il-gwida fuq in-naħa ta’ min ikun liebes iċ-ċinturin għandu jitqies bħala l-ankoraġġ effettiv taċ-ċinturin; iċ-ċinga għandha tkun f’linja dritta bejn l-ankoraġġ effettiv taċ-ċinturin u min ikun qiegħed jilbsu.

1.5.3. meta iċ-ċinturin imur direttament mingħand dak li jkun qed jilbsu għal retrattur anness ma’ l-istruttura tal-vettura jew ma’ l-istruttura tas-sedil mingħajr gwida intervenenti ta’ ċinga, l-ankoraġġ effettiv taċ-ċinturin għandu jiġi kkunsidrat bħala l-intersezzjoni ta’ l-assi tar-rukkell fejn titkebbeb iċ-ċinga bil-pjan li jgħaddi mil-linja ċentrali taċ-ċinga fuq ir-rukkell;

1.6. "sedil" ifisser struttura li tista’ jew ma tistax tkun integrali ma’ l-istruttura tal-vettura kompluta bit-tapezzerija, maħsuba sabiex toqgħod fuqha persuna adulta waħda. It-terminu jkopri kemm sedil individwali jew parti minn sedil bank maħsub sabiex toqgħod fuqu tpoġġi persuna waħda;

1.7. "sedil bank" ifisser struttura kompluta bit-tapezzerija, masħuba sabiex joqogħodu bil-qiegħda fuqha mill-inqas żewġ adulti;

1.8. "grupp ta’ sedili" jfisser jew sedil tat-tip bank, jew sedili li jkunu separati imma ma’ ġenb xulxin (jiġifieri imwaħħlin b’tali mod li l-ankoraġġi tas-sedili ta’ quddiem ta’ wieħed minn dawn is-sedili ikun bi dritt ma’ l-ankoraġġi ta’ quddiem jew ta’ wara ta’ l-ieħor jew bejn l-ankoraġġi tas-sedil l-ieħor) u li fuqhom joqogħdu bil-qiegħda adult wieħed jew iktar;

1.9. "sedil li jingħalaq (tip-up)" ifisser sedil awżiljari maħsuba għal użu okkażjonali u li hu normalment magħluq biex ma jkunx fin-nofs,

1.10. "tip ta’ sedil" tfisser kategorija ta’ sedili li mhumiex differenti f’dawk l-aspetti essenzjali bħal:

1.10.1. l-forma, d-dimensjonijiet u l-materjali ta’ l-istruttura tas-sedil,

1.10.2. it-tipi u d-dimensjonijet tas-sistemi ta’ aġġustar u s-sistemi kollha ta’ qfil,

1.10.3. it-tipi u d-dimensjonijiet ta’ l-ankoraġġi taċ-ċinturin fuq is-sedil, ta’ l-ankoraġġ tas-sedil, u tal-partijiet effettwati ta’ l-istruttura tal-vettura;

1.1.1. "ankoraġġ tas-sedil" ifisser is-sistema illi biha l-assemblaġġ tas-sedil jitqabbad ma’ l-istruttura tal-vettura, inklużi l-partijiet effettwati ta’ l-istruttura tal-vettura;

1.12. "sistema tal-aġġustar" tfisser l-mezz illi bih is-sedil jew il-partijiet tiegħu jistgħu jiġu aġġustati għal pożizzjoni adattata għall-morfoloġija ta’ l-okkupant bil-qiegħda; dan il-mezz jista’, b’mod partikolari, jippermetti:

1.12.1. spostament lonġitudinali,

1.12.2. spostament vertikali,

1.12.3. spostament angolari,

1.13. "is-sistema ta’ spostament" tfisser mezz li jippermetti li s-sedil jew wieħed mill-partijiet tiegħu jiġu spustjati angolarment jew lonġitudinalment, mingħajr pożizzjoni intermedja fissa, sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-passiġġier;

1.1.4. "sistema ta’ qfil" tfisser kwalunkwe sistema li tassigura li s-sedil u l-partijiet tiegħu jinżammur fi kwalunkwe pożizzjoni ta’ użu u tinkludi kemm mezzi biex jaqflu d-dahar tas-sedil f’relazzjoni mas-sedil kif ukoll is-sedil f’relazzjoni mal-vettura.

2. APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TAT-TIP TAL-KEE

2.1. L-applikazzjoni għall-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ tip ta’ vettura fir-rigward ta’ ankoraġġi taċ-ċinturini tas-sigurtà għandha tiġi sottomessa mill-manifattur tal-vettura jew mir-rappreżentant tiegħu.

2.2. Għandu jkollha magħha d-dokumenti msemmija hawn taħt fi tliet kopji u d-dettallji li ġejjin:

2.2.1. disinni ta’ arranġament ġenerali ta’ l-istruttura tal-vettura fuq skala approprjata, li juru l-lok ta’ l-ankoraġġi taċ-ċinturini tas-sigurtà, u disinni dettaljati ta’ l-ankoraġġi taċ-ċinturini u l-istruttura li magħha huma marbutin;

2.2.2. speċifikazzjoni tal-materjali wżati li jistgħu jaffettwaw is-saħħa ta’ l-ankoraġġi taċ-ċinturin;

2.2.3. deskrizzjoni teknika ta’ l-ankoraġġi taċ-ċinturini;

2.2.4. fil-każ ta’ ankoraġġi taċ-ċinturini marbutin ma’ l-istruttura tas-sedil, deskrizzjoni dettaljata tat-tip ta’ vettura fir-rigward tad-disinn tas-sedili, l-ankoraġġi tas-sedil u l-aġġustjar tagħhom u s-sistemi ta’ qfil;

2.2.5. disinni, fuq skala approprjata u f’dettall suffiċjenti, tas-sedili, l-ankoraġġ tagħhom mal-vettura u l-aġġustamenti tagħhom u s-sistemi ta’ qfil.

2.3. Il-manifattur għandu jissottometti lis-servizz tekniku jew rappreżentant tal-vettura għat-tip ta’ vettura li għandha tiġi approvata jew il-partijiet tal-vettura ikkunsidrati essenzjali għat-testijiet ta’ l-ankoraġġi taċ-ċinturini mis-servizz tekniku responsabbli biex jikkonduċi testijiet ta’ l-approvazzjoni.

3. APPROVAZZJONI TAT-TIP TAL-KEE

3.1. Formola li tikkonforma mal-mudell stabbilit fl-Anness II għandha tiġi mehmuża maċ-ċertifikat ta’ l-approvazzjoni tat-tip KEE.

4. SPEĊIFIKAZZJONIJIET

4.1. Definizzjonijiet (ara l-Anness III)

4.1.1. Il-Punt H huwa punt ta’ referenza determinat bil-proċeduara preskritta fl-Anness IV mad-Direttiva 74/60/KEE.

4.1.2. Il-linja ta’ referenza hija linja dritta li tgħaddi mill-ġog tar-riġel mal-pelvi u l-ġog ta’ l-għonq mat-toraċi tal-manikin illustrat fil-figura 2 ta’ l-Anness IV mad-Direttiva 74/60/KEE u li tirrappreżenta raġel adult b’50 fil-mija.

4.1.3. Il-punti L1 u L2 huma l-ankoraġġi effettivi baxxi taċ-ċinturin tas-sigurtà.

4.1.4. Il-Punt Ċ huwa punt li jinstab 450 mm vertikalment fuq il-punt H.

4.1.5. L-angoli α1 u α2 huma rispettivament l-angoli bejn il-pjan orizzontali u l-pjani perpendikolari għall-pjan medjan lonġitudinali tal-vettura u li jgħaddi mill-punti H u mill-punti L1 u L2.

4.1.6. S hija d-distanza f’millimetri ta’ l-ankoraġġ effettiv ta’ fuq taċ-ċinturin minn pjan ta’ referenza P parallel għall-pjan medjan lonġitudinali tal-vettura definit kif ġej:

4.1.6.1. jekk il-pożizzjoni ta’ bil-qiegħda hija definita sew mill-forma tas-sedil, il-pjan P għandu jkun il-pjan medjan ta’ dan is-sedil;

4.1.6.2. fl-assenza ta’ pożizzjoni definita sew:

4.1.6.2.1. il-pjan P għas-sewwieq għandu jkun pjan vertikali parallel għall-pjan medjan lonġitudinali tal-vettura u li jgħaddi miċ-ċentru tar-rota ta’ l-iggwidar fil-pożizzjoni medja tagħha, jekk aġġustabbli;

4.1.6.2.2. il-pjan P għall-passiġġier estern ta’ quddiem għandu jkun simmetriku ma’ dak tas-sewwieq;

4.1.6.2.3. il-pjan P għall-pożizzjoni esterjuri ta’ wara ta’ bil-qiegħda għandu jkun dak speċifikata mill-manifattur taħt kondizzjoni li l-limiti li ġejjin għad-distanza A bejn il-pjan medjan lonġitudinali tal-vettura u l-pjan P huma rispettati:

A ≥ 200 mm jekk is-sedil bank kien maħsub biex jakkomoda żewġ passiġġieri biss,

A ≥ 300 mm jekk is-sedil bank kien maħsub sabiex jakkomoda żewġ jew tliet passiġġieri

4.2. Speċifikazzjonijiet ġenerali

4.2.1. Ankoraġġi għal ċinturin tas-sigurtà għandhom ikunu hekk maħsuba, magħmula u ppustjati sabiex:

4.2.1.1. jippermettu l-installazzjoni ta’ċinturin tas-sigurtà adattat. L-ankoraġġi taċ- ċinturin tas-sigurtà tal-pożizzjonijiet esterjuri fuq quddiem għandhom ikunu adattati għal ċinturini tas-sigurtà li jinkorporaw retrattur u tarjola, b’kont meħud b’mod partikolari tal-karatteristiċi tas-saħħa ta’ l-ankoraġġi taċ-ċinturini, sakemm il-manifattur ma jfornix il-vettura mgħammra b’tipi oħra ta’ ċinturini tas-sigurtà li jinkorporaw retratturi. Jekk l-ankoraġġi jkunu adattati biss għal tipi partikolari ta’ ċinturin tas-sigurtà, it-tipi tagħhom għandhom jiġu iddikjarati fuq il-formola msemmija fil-punt 3.1 fuq;

4.2.1.2. inaqqsu għal minimu r-riskju li ċ-ċinturin jiżloq meta jintlibes kif suppost;

4.2.1.3. inaqqsu għal minimu r-riskju ta’ ħsara liċ-ċinga minħabba kuntatt ma’ partijiet riġidi u li jaqtgħu tal-vettura jew ta’ l-istrutturi tas-sedil.

4.2.2. Għal ankoraġġi taċ-ċinturin illi jkollhom pożizzjonijiet differenti sabiex jippermettu lil persuni jidħlu fil-vettura u biex irażżnu lill-okkupanti, l-ispeċifikazzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw għal ankoraġġi taċ-ċinturin fil-pożizzjoni efettiva ta’ trażżin.

4.3. Numru minimu ta’ ankoraġġi taċ-ċinturini li għandhom jiġu pprovduti

4.3.1. Għas-sedili ta’ quddiem, żewġ ankoraġġi ta’ isfel taċ-ċinturin u ankoraġġ wieħed ta’ fuq taċ-ċinturin għandhom jiġu pprovduti.

4.3.1.1. Għas-sedili ċentrali ta’ quddiem, żewġ ankoraġġi ta’ isfel taċ-ċinturin għandhom jiġu kkunsidrati bħala suffiċjenti meta l-windscreen ikun barra ż-żona ta’ referenza definita fl-Anness II mad-Direttiva 74/60/KEE. Fir-rigward ta’ l-ankoraġġi taċ-ċinturini, il-windscreen għandu jiġi kkunsidrat parti miż-żona ta’ referenza meta huwa kapaċi jidħol f’kuntatt statiku ma’ l-apparat tat-test skond il-metodu deskritt fl-Anness II.

4.3.1.2. B’deroga mill-punti 4.3.1 u 4.3.1.1, u sa l-1 ta’ Jannar 1979, kull sedil ċentrali jista’ jkun mgħammar b’żewġ ankoraġġi baxxi biss.

4.3.2. Għal sedili esterjuri ta’ wara, għandu jkun hemm żewġ ankoraġġi baxxi taċ-ċinturin ta’ u ankoraġġ wieħed ta’ fuq taċ-ċinturin imma meta ma jistgħux jiġu installati ankoraġġi ta’ fuq taċ-ċinturini bħal f’xi karozzi konvertibbli jew f’karozzi b’saqaf li jista’ jinqala’, żewġ ankoraġġi baxxi taċ-ċinturin għandhom ikunu aċċettati.

4.3.3. Għas-sedili l-oħra kollha, ħlief dawk li jingħalqu għandu jkun hemm żewġ ankoraġġi baxxi taċ-ċinturin.

4.3.4. Għal sedili li jingħalqu ma hemm ebda ħtieġa għal ankoraġġi taċ-ċinturin. Madankollu, jekk il-vettura hija mgħammra b’ankoraġġi taċ-ċinturin għal dawn is-sedili, dawn l-ankoraġġi għandhom jissodisfaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva preżenti.

4.4. Il-lok ta’ l- ankoraġġi taċ-ċinturini

4.4.1. Il-lok ta’ l-ankoraġġi taċ-ċinturini kif stabbilit fil-punt 4.3 għandu jikkonforma mal-ħtiġiet li ġejjin.

4.4.2. Ġenerali

4.4.2.1. L-ankoraġġi taċ-ċinturin għal kull tip ta’ ċinturin jistgħu jinstabu kompletament fl-istruttura tal-vettura, fl-istruttura tas-sedil jew kwalunkwe parti oħra tal-vettura jew jistgħu jinstabu x’imkien bejn dawn il-lokijiet.

4.4.2.2. Kwalunkwe ankoraġġ wieħed taċ-ċinturin jista’ jintuża biex jitwaħħlu t-truf ta’ zewġ ċinturini ġaċenti tas-sigurtà sakemm il-ħtiġiet tat-test jiġu sodisfatti.

4.4.2.3. Fil-każ ta’ sedil bank provdut b’ankoraġġi taċ-ċinturini għal żewġ pożizzjonijiet ta’ bil-qiegħda jew iktar l-ankoraġġi taċ-ċinturin ta’ isfel għandhom ikunu jew integrali mas-sedil jew ma’ l-istruttura tal-karrozzerija. Ħtieġa simili għandha wkoll tapplika għal ankoraġġ ta’ fuq taċ-ċinturini.

4.4.3. Il-lok ta’ ankoraġġi effettivi ta’ isfel taċ-ċinturini

4.4.3.1. L-angoli α1 u α 2 għandhom ikunu fil-limiti ta’ 30º sa 80º fil-pożizzjonijiet normali kollha tas-sedil waqt l-ivvjaġġar. Meta, fil-każ tas-sedili ta’ quddiem, ma hemm ebda aġġurtament tas-sedil jew meta l-ankoraġġi taċ-ċinturin huma fuq is-sedil innifsu, l-angoli α1 u a2 għandhom ikunu 60º ± 10º.

4.4.3.2. Fil-każ tas-sedili ta’wara, l-angoli α1 u α2 jistgħu ikunu inqas mill-minimu speċifikat fil-punt 4.4.3.1 sakemm ma jkunux inqas minn 20º.

4.4.3.3. Id-distanza bejn iż-żewġ pjanijiet vertikali paralleli mal-pjan medjan lonġitudinali tas-sedil u b’kull wieħed jgħaddi minn ankoraġġi differenti minn żewġ ankoraġġi baxxi effettivi L1 u L2 ta’ l-istess ċinturin tas-sigurtà m’għandhiex tkun inqas minn 350 mm.

Il-pjan medjan lonġitudinali tas-sedil għandu jgħaddi bejn il-punti L1 u L2 u għandu jkun mill-inqas 120 mm minn dawk il-punti.

4.4.4. Il-lok ta’ l-ankoraġġi effettivi ta’fuq taċ-ċinturin

4.4.4.1. Fil-każ fejn tintuża gwida taċ-ċinga jew mezz simili li jeffettwa l-lok ta’ l-ankoraġġ effettiv ta’ fuq taċ-ċinturin, dan il-lok jiġi determinat f’mod konvenzjonali billi tiġi kkunsidrata il-pożizzjoni ta’ l-ankoraġġ meta l-linja ċentrali lonġitudinali taċ-ċinga tgħaddi minn punt J definit suċċessivament mill-punt H mit-tliet segmenti li ġejjin:

HZ , li huwa segment tal-linja ta’ referenza mkejjla f’direzzjoni ‘l fuq mill-punt H u 530 mm twil;

ZX , li hija segment perpendikolari għall-pjan medjan lonġitudinali tal-vettura, imkejjel mill-punt Z fid-direzzjoni tal-ankoraġġ u 120 mm twila;

XJ , li hija segment perpendikolari għall-pjan definit bis-segmenti HZ u ZX, imkejjla f’direzzjoni ‘l quddiem mill-punt X u 60mm twila.

4.4.4.2. Jekk ikun jinstab lejn il-wara ta’ pjan perpendikolari għall-pjan medjan lonġitudinali tas-sedil u jkun jgħaddi mil-linja ta’ referenza, l-ankoraġġ effettiv ta’ fuq taċ-ċinturin għandu jkun taħt il-pjan FN perpendikolari għall-pjan medjan lonġitudinali tas-sedil u jifforma angolu ta’ 65º mal-linja tar-referenza. Fil-każ ta’ sedili ta’ wara, dan l-angolu jista’ jitnaqqas għal 60º. Il-pjan FN huwa pożizzjonat b’tali mod illi jinterċedi l-linja tar-referenza f’punt D b’tali mod illi DH huwa ugwali għal 315 mm + 1.6S

Jekk jinstab fuq jew ‘il quddiem minn pjan perpendikolari għall-pjan medjan lonġitudinali tas-sedil u jkun jgħaddi mil-linja ta’ referenza, l-ankoraġġ effettiv ta’ fuq taċ-ċinturin għandu jkun taħt il-pjan F1N1 perpendikolari għall-pjan medjan lonġitudinali tas-sedil u għandu jifforma angolu ta’ 65º mal-linja tar-referenza. Fil-każ tas-sedili ta’ wara, dan l-angolu jista’ jitnaqqas għal 60º. Il-pjan F1N1 għandu jkun pożizzjonat b’tali mod illi jinterċedi l-linja tar-referenza f’punt D’ b’tali mod illi D’H huwa ugwali għal 315 mm + 1.8S

4.4.4.3. Jekk jinstab lejn il-wara tal-pjan perpendikolari għall-pjan medjan lonġitudinali tas-sedil u jkun jgħaddi mil-linja ta; referenza, l-ankoraġġ effettiv ta’ fuq taċ-ċinturin għandu jkun wara pjan FK, perpendikolari għall-pjan medjan lonġitudinali tas-sedil, jinterċedi l-linja tar-referenza f’angolu ta’ 120º f’punt B b’tali mod illi BH huwa ugwali għal 260mm + 1.2 S.

Jekk jinstab fuq jew quddiem pjan perpendikolari għall-pjan medjan lonġitudinali tas-sedil u jgħaddi mil-linja tar-referenza, l-ankoraġġ effettiv ta’ fuq taċ-ċinturin għandu jkun wara pjan F1K1, perpendikolari għall-pjan medjan lonġitudinali tas-sedil, jinterċedi l-linja ta’ referenza f’angolu ta’ 120º f’punt B’ b’tali mod illi B’H huwa ugwali għal 260mm + S.

4.4.4.4. Il-valur ta’ S m’għandux ikun ta’ anqas minn 140 mm.

4.4.4.5. L-ankoraġġ effettiv ta’ fuq taċ-ċinturin għandu jkun jinstab lejn il-wara ta’ pjan vertikali perpendikolari għall-pjan medjan lonġitudinali tal-vettura u jgħaddi mill-punt H kif jidher fl-Anness III.

4.4.4.6. L-ankoraġġ effettiv ta’ fuq taċ-ċinturin għandu jinstab fuq il-pjan orizzontali li jgħaddi mill-punt Ċ.

4.4.4.7. B’deroga mill-ħtieġa tal-punt 4.4.4.6 u sa l-ewwel ta’ Jannar 1979, l-ankoraġġ effettiv ta’ fuq taċ-ċinturin jista’ jitqiegħed fiż-żona inkluża bejn il-pjan orizzontali ĊY u l-pjan ĊM perpendikolari għall-pjan medjan lonġitudinali tal-vettura u li jifforma angolu ta’ 20 grad mal-pjan ĊY meta l-konfigurazzjoni tal-vettura ma tippermettix li dan l-ankoraġġ ikun ‘il fuq mill-pjan ĊY. Id-dahar tas-sedil ma jistax ikun iktar baxx mill-għoli ta’ pjan orizzontali mill-punt Ċ u għandha tiġi ipprovduta gwida taċ-ċinga sabiex tipprevjeni ċ-ċinga milli tiżloq minn fuq l-ispalla. Meta kkontrollata skond il-punt 5, il-punt li jsostni ċ-ċinga mad-dahar tas-sedil għandu jibqa’ ‘il fuq mill-pjan ĊM.

4.5. Id-dimensjonijiet tat-toqob ta’ ankoraġġ infilati biċ-ċinturin

4.5.1. L-ankoraġġ taċ-ċinturin għandu jkollu toqba nfilata ta’ 11.11 mm (7/16) 20 UNF 2B.

5. IL-KONTROLL

5.1. Generali

5.1.1. Soġġett għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-punt 5.2 u fuq it-talba tal-manifattur:

5.1.1.1. it-testijiet jistgħu jitwettqu jew fuq struttura ta’ vettura jew fuq vettura kompleta b’kollox.

5.1.1.2. twieqi u bibien jistgħu ikunu jew jistgħu ma jkunux imwaħħlin u/jew magħluqin;

5.1.1.3. kwalunkwe muntaġġ provdut fit-tip ta’ vettura u li x’aktarx jikkontribwixxi għar-riġidità ta’ l-istruttura tal-vettura jista’ jkun iwaħħal.

5.1.2. Is-sedili għandhom jiġu armati u għandhom jitqiegħdu fil-pożizzjoni tas-sewqan jew ta’ l-użu magħżula mis-servizz tekniku li jikkonduċi it-testijiet għall-approvazzjoni sabiex jagħtu l-aktar kondizzjonijiet avversi fir-rigward tas-saħħa tas-sistema. Il-pożizzjoni tas-sedili għandha tiġi dikjarata fir-rapport. Jekk l-angolu ta’ bejn id-dahar tas-sedil u l-kuxxin huwa aġġustabbli, għandu jiġi stabbilit kif speċifikat fl-Anness IV, il-punt 2.2 tad-Direttiva 74/60/KEE.

5.2. Irfid tal-vettura

5.2.1. Il-metodu li jintuża biex tiġi mirfuda l-vettura waqt it-test m’għandux ikun tali li jsaħħaħ l-ankoraġġi taċ-ċinturini jew iż-żoni ta’ l-ankoraġġi taċ-ċinturin jew li jnaqqas id-deformazzjoni normali tal-istruttura.

5.2.2. Mezz ta’ rfid għandu jitqies bħala sodisfaċenti jekk ma jipproduċi l-ebda effett fuq żona li testendi fuq il-wisa’ kollu ta’ l-istruttura u jekk il-vettura jew l-istruttura ikunu mblukkata jew imwaħħla quddiem b’distanza ta’ mhux anqas minn 500 mm mill-ankoraġġ taċ-ċinturin li għandu jiġi kkontrolat u jinżammu jew huma mwaħħla fuq wara b’mhux anqas minn 300mm minn dak l-ankoraġġ.

5.2.3. Huwa rakkomandat illi l-istruttura għandha sserraħ fuq apoġġ imqassam bejn wieħed u ieħor bi dritt l-assi tar-roti jew, jekk dan mhux possibbli, bi dritt il-punt tat-twaħħil tas-sospensjoni.

5.3. Speċifikazzjonijiet ġenerali tat-test

5.3.1. L-ankoraġġi kollha taċ-ċinturin ta’ l-istess grupp ta’ sedili għandom jiġu ttestjati simultanjament.

5.3.2. Il-forza trattiva għandha tiġi applikata f’direzzjoni ‘il quddiem f’angolu ta’ 10º ± 5º fuq l-orizzontali fi pjan parallel mal-pjan medjan lonġitudinali tal-vettura.

5.3.3. Applikazzjoni sħiha tat-tagħbija għandha tiġi ottenuta malajr kemm jista’ jkun. L-ankoraġġi taċ-ċinturin għandhom jifilħu t-tagħbija speċifikata għal mhux anqas minn 0.2 sekonda.

5.3.4. Il-mezzi ta’ trazzjoni li għandu jintuża fit-testijiet deskritti fil-punt 5.4 taħt huwa muri fl-Anness IV.

5.3.5. L-ankoraġġi taċ-ċinturin għal sedili li għalihom huma pprovduti l-ankoraġġi ta’fuq taċ-ċinturin għandhom jiġu ttestjati taħt il-kondizzjonijiet li ġejjin:

5.3.5.1. Sedili esterjuri ta’quddiem:

L-ankoraġġi taċ-ċinturin għandhom jiġu sottomessi għat-test preskritt fil-punt 5.4.1 li fih it-tagħbijiet jiġu trasmessi lilhom permezz ta’ mezz li jirriproduċi l-ġjometrija ta’ ċinturin tas-sigurtà bi tliet ankoraġġi mgħammar b’retrattur li jkollu tarjola jew gwida taċ-ċinga fl-ankoraġġ ta’fuq taċ-ċinturin.

5.3.5.1.1. Fil-każ meta r-retrattur ma jkunx imwaħħal ma’ l-ankoraġġ meħtieġ esterjuri ta’ isfel jew fil-każ meta r-retrattur huwa mqabbad ma’ l-ankoraġġ ta’fuq taċ-ċinturin, l-ankoraġġ ta’ isfel taċ-ċinturin għandhom ukoll jiġu sottomessi għat-test preskritt fil-punt 5.4.3.

5.3.5.1.2. Fil-każijiet previsti fil-punt 5.3.5.1.1, it-testijiet preskritti fil-punti 5.4.1. u 5.4.3. jistgħu jitwettqu fuq żewġ strutturi differenti jekk il-manifattur jitlob hekk.

5.3.5.2. Sedili esterjuri ta’wara u s-sedili ċentrali kollha:

L-ankoraġġi taċ-ċinturin għandhom ikunu soġġetti għat-test preskritt fil-punt 5.4.2, illi fih it-tagħbijiet jiġu trasmessi lilhom permezz ta’ mezz li jirriproduċi l-ġjometrija ta’ ċinturin tas-sigurtà bi tliet ankoraġġi mingħajr retrattur, u għat-test preskritt fil-punt 5.4.3, illi fih it-tagħbijiet jiġu trasmessi liż-żewġ ankoraġġi ta’taħt taċ-ċinturin permezz ta’ mezz li jirriproduċi l-ġjometrija ta’ ċinturin addominali. Iż-żewġ testijiet jistgħu jitwettqu fuq żewġ strutturi differenti jekk il-manifattur jitlob hekk.

5.3.5.3. B’deroga mill-punti 5.3.5.1. u 5.3.5.2, meta manifattur iforni lill-vettura tiegħu b’ċ-ċintorini tas-sigurtà li jinkorporaw retratturi, l-ankoraġġi korrispondenti taċ-ċinturin għandhom jiġu sottomessi għal test illi fih it-tagġbijiet jiġu trasmessi lilhom permezz ta’ mezz li jirriproduċi l-ġjometrija taċ-ċinturini tas-sigurtà illi għalihom dawn l-ankoraġġi għandhom jiġu approvati.

5.3.6. Jekk l-ebda ankoraġġi ta’ fuq taċ-ċinturin ma jiġu pprovduti għas-sedili esterjuri ta’ wara u għas-sedili ċentrali, l-ankoraġġi ta’ isfel taċ-ċinturin għandhom jiġu sottomessi għat-test preskritt fil-punt 5.4.3, illi fih it-tagġbijiet jiġu trasmessi lil dawn l-ankoraġġi permezz ta’ mezz li jirriproduċi l-ġjometrija ta’ ċinturin addominali.

5.3.7. Jekk il-vettura hija maħsuba sabiex taċċetta mezzi simili oħrar li ma jippermettux illi ċ-ċineg jiġu mehmuża direttament ma’ l-ankoraġġi taċ-ċinturin mingħajr l-intervent ta’ karrukoli intervenenti jew mezzi simili oħra jew li jeħtieġu ankoraġġi taċ-ċinturin supplimentari għal dawk imsemmija fil-punt 4.3, iċ-ċinturin tas-sigurtà jew l-arranġament ta’ wajers, karrukoli jew mezzi simili oħra li jirrappreżentw it-tagħmir taċ-ċinturin tas-sigurtà, għandhom jitwaħħlu b’dan il-mezz ma’ l-ankoraġġi taċ-ċinturin fil-vettura u l-ankoraġġi taċ-ċinturin għandhom jiġu suġġetti għat-testijiet preskritti fil-punt 5.4, kif approprjat.

5.3.8. Metodu ta’ test barra dawk preskritti fil-punt 5.3 jistgħu jintużaw imma għandha tiġi pprovduta evidenza illi huwa ekwivalenti.

5.4. Speċifikazzjonijiet partikolari tat-test

5.4.1. It-test fil-konfigurazzjoni ta’ ċinturin bi tliet ankoraġġi li jinkorpora retrattur bit-tarjola jew gwida taċ-ċinga fl-ankoraġġ ta’fuq taċ-ċinturin

5.4.1.1. Tarjola speċjali jew gwida għall-wajer jew għaċ-ċinga approprjat sabiex jittrażmetti it-tagħbija mill-mezz ta’ trazzjoni, jew mit-tarjola jew mill-gwida taċ-ċinga pprovduta mill-manifattur għandha titwaħħal ma’ l-ankoraġġ ta’fuq taċ-ċinturin.

5.4.1.2. Tagħbija ta’ test ta’1350 daN ± 20 daN għandha tiġi applikata lill-mezz ta’ trazzjoni (ara l-Anness IV, figura 2) imwaħħal ma’ l-ankoraġġi taċ-ċinturin ta’ l-istess ċinturin permezz ta’ mezz li jirriproduċi l-ġjometrija taċ-ċinga tan-naħa ta’fuq tat-torso ta’ dan iċ-ċinturin tas-sigurtà.

5.4.1.3. Fl-istess ħin forza ta’ trazzjoni ta’ 1350 daN ± 20 daN għandha tiġi applikata lil mezz ta’ trazzjoni (ara l-Anness IV, il-figura I) marbut maż-żewġ ankoraġġi ta’taħt taċ-ċinturin.

5.4.2. It-test fil-konfigurazzjoni ta’ ċinturin tas-sigurtà bi tliet ankoraġġi mingħajr retrattur jew b’retrattur fl-ankoraġġ ta’ fuq taċ-ċinturin.

5.4.2.1. Tagħbija tat-test ta’ 1350 daN ± 20 daN għandha tiġi applikata lil mezz ta’ trazzjoni (ara l-Anness IV, il-figura 2) marbut ma’ l-ankoraġġ ta’fuq taċ-ċinturin u ma’ l-ankoraġġ oppost ta’ isfel taċ-ċinturin ta’ l-istess ċinturin, bl-użu, jekk fornit mill-manifattur, ta’ retrattur imwaħħal ma’ l-ankoraġġ ta’fuq taċ-ċinturin.

5.4.2.2. Fl-istess ħin forza trattiva ta’ 1350 daN ± 20 daN għandha tiġi applikata lil mezz ta’ trazzjoni (ara l-Anness IV, il-figura 1) marbut maż-żewġ ankoraġġi ta’taħt taċ-ċinturin.

5.4.3. Test fil-konfigurazzjoni ta’ ċinturin addominali

Tagħbija tat-test ta’ 2225 daN ± 20 daN għandha tiġi applikata fuq mezz ta’ trazzjoni (ara l-Anness IV, il-figura I) marbut maż-żewġ ankoraġġi ta’taħt taċ-ċinturin.

5.4.4. Test għal ankoraġġi taċ-ċinturin li jinstabu kompletament fl-istruttura tas-sedil jew mifruxa bejn l-istruttura tal-vettura u l-istruttura tas-sedil

5.4.4.1. It-testijiet speċifikati fil-punti 5.4.2, 5.4.2 u 5.4.3 għandhom jitwettqu, kif spproprjat, u fl-istess ħin tiġi sovrapposta għal kull sedil u għal kull grupp ta’ sedili forza kif imsemmi hawn taħt.

5.4.4.2. It-tagħbijiet indikati fil-punti 5.4.1, 5.4.2 u 5.4.3 għandhom jiġu ssupplimentati b’forza ugwali għal 20 darba il-piż tas-sedil komplut applikata orizzontalment u lonġitudinalment miċ-ċentru tal-gravità tas-sedil.

5.5. Riżultati tat-testijiet

5.5.1. L-ankoraġġi kollha għandhom ikunu kapaċi jifilħu t-test preskritt fil-punti 5.3 u 5.4. Deformazzjoni permanenti, li tinkludi qsim jew ksur parzjali ta’ xi ankoraġġ jew żona ta’ madwar, ma tikkostitwix nuqqas jekk il-forza meħtieġa hija sostnuta għall-ħin speċifikat. Matul it-test, l-ispazjar minimu għall-ankoraġġi effettivi ta’ isfel taċ-ċinturin speċifikati fil-punt 4.4.3.3 u l-ħtiġiet tal-punti 4.4.4.6 u 4.4.4.7 għal ankoraġġi effettivi ta’ fuq taċ-ċinturin għandhom jiġu rispettati.

5.5.2. Fil-każ ta’ vettura b’żewġ bibien, l-ispustjar u s-sistema tal-qfil li jippermettu lill-okkupanti tas-sedili ta’ wara biex joħorġu mill-vettura għandhom xorta jibqgħu operabbli manwalment wara t-tneħħija tal-forza trattiva.

5.5.3. Wara l-ittestjar, kwalunkwe ħsara lill-ankoraġġi taċ-ċinturin jew lill-istrutturi li jwieżnu tagħbija matul it-testijiet għandha tiġu annotata.

6. KONFORMITÀ TAL-PRODUZZJONI

6.1. Sabiex tiġi vverifikata konformità mat-tip approvat, numru suffiċjenti ta’ kontrolli saltwarji għandu jitwettaq fuq vetturi prodotti f’serje.

6.2. Bħala regola generali, dawn il-kontrolli għandhom jiġu limitati għat-teħid ta’ miżuri. Madankollu, jekk neċessarju, il-vetturi għandhom ikunu soġġetti għal testijiet li jikkonformaw mal-ħtiġiet tal-punt 5.

7. L-ISTRUZZJONIJIET

Għal kull vettura li tikkonforma mat-tip approvat, il-manifattur għandu jiddikjara b’mod ċar fl-istruzzjonijet għall-operazzjoni tal-vettura:

- fejn jinstabu l-ankoraġġi tas-sedili,

- it-tipi ta’ ċinturini tas-sigurtà li għalihom huma maħsuba.

--------------------------------------------------

ANNESS II

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

ANNESS III

ŻONI TA’ LOK TA’ ANKORAĠĠI EFFETTIVI TAĊ-ĊINTURIN

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

ANNESS IV

MEZZ TA’ TRAZZJONI

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------