31976D0431



Official Journal L 115 , 01/05/1976 P. 0073 - 0074
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 2 P. 0044
Greek special edition: Chapter 12 Volume 1 P. 0119
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 2 P. 0044
Spanish special edition: Chapter 15 Volume 1 P. 0163
Portuguese special edition Chapter 15 Volume 1 P. 0163


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tal-21 ta’ April 1976

li tistabilixxi Kumitat tal-Ġestjoni ta' l-Iskart

(76/431/KEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Billi l-Programm ta’ Azzjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar Ambjent [1], jenfasizza l-ħtieġa ta’ politika Komunitarja dwar l-iskart industrijali u dak ġenerat mill-konsumaturi;

Billi għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-protezzjoni tar-riżorsi naturali billi jsir sforz sostenut sabiex jiġi evitat il-ħolqien tal-iskart u b’mod partikolari bit-teħid ta’ miżuri biex jiġu faċilitati r-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid ta’ l-iskart;

Billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta’ Marzu 1975 dwar l-enerġija u l-ambjent [2] il-Kunsill innota illi huwa importanti ħafna li jiġi nkoraġġit ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid tal-materjali tal-iskart għall-konservazzjoni tal-enerġija;

Billi l-Kummissjoni teħtieġ li tikseb l-opinjonijiet ta’ persuni bi kwalifiki għolja fis-suġġett tal-immaniġjar ta’ l-iskart,

IDDEĊIDIET DAN LI ĠEJ;

Artikolu 1

Għandu jkun hemm allegat mal-Kummissjoni, Kumitat tal-Ġestjoni ta’ l-Iskart (minn issa ’l quddiem imsejjaħ "il-Kumitat").

Artikolu 2

Il-ħidma tal-Kumitat għandha tkun li tforni lill-Kummissjoni b’opinjonijiet, jew fuq it-talba tal-Kummissjoni jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess, dwar il-materji kollha li għandhom x’jaqsmu ma’:

(a) il-formulazzjoni ta’ politika għall-immaniġjar ta’ l-iskart li tqis il-ħtieġa li jiġi żgurat l-aħjar użu tar-riżorsi u r-rimi b’sigurtà u b’mod effettiv ta’ l-iskart;

(b) il-miżuri tekniċi, ekonomiċi amministrattivi u legali differenti li jistgħu jipprevjenu l-produzzjoni tal-iskart u jiżguraw l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ jew ir-rimi tiegħu;

(ċ) l-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar l-immaniġjar tal-iskart u l-formulazzjoni ta’ proposti ġodda għal Direttivi f’dan il-qasam.

Artikolu 3

1. Il-Kumitat għandu jkun fih 20 membru.

2. Il-postijiet fuq il-Kumitat għandhom jiġu mqassma kif ġej:

għall-Kummissjoni, tnejn;

għal kull wieħed mill-Istati Membri, tnejn.

Artikolu 4

Il-membri tal-Kumitat għandhom jinħatru mill-Kummissjoni. Għal kull post li jrid jimtela li huwa allokat lill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha taħtar, wara li tikkonsulta lill-Istati Membri interessati, il-membri minn fost esperti nazzjonali fl-ogħla postijiet li jkunu kompetenti fl-oqsma riferiti f’Artikolu 2.

Artikolu 5

It-terminu tal-kariga tal-membri tal-Kumitat għandu jkun ta’ tlett snin. Il-ħatra tagħhom tista’ tiġġedded. Wara t-tmiem tat-tliet snin il-membri tal-Kumitat għandhom jibqgħu fil-kariga tagħhom sakemm jinbidlu jew sakemm tiġġedded il-ħatra tagħhom.

It-terminu tal-kariga ta’ membru jista’ jintemm qabel it-tmiem tat-tliet snin b’riżenja jew b’mewt.

Persuna għandha tinħatar, bil-manjiera provduta f’Artikolu 4, sabiex tieħu post membru minn dawn għall-bqija tat-terminu tal-kariga.

Il-membri m’ għandhomx jitħallsu għas-servizzi tagħhom.

Artikolu 6

Għandha tiġi pubblikata lista tal-membri tal-Kumitat mill-Kumissjoni, għal skop ta’ tagħrif, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 7

Il-President tal-Kumitat għandu jkun rappreżentant tal-Kummissjoni.

Artikolu 8

Il-President jista’ jistieden kull persuna bi kwalifiki speċjali f’kull suġġett fuq l-aġenda biex tieħu parti fil-kapaċità ta’ espert fid-deliberazzjonijiet tal-Kumitat jew tas-sotto-kumitati tax-xogħol riferiti f’Artikolu 9.

L-esperti għandhom jieħdu parti fid-diskussjonijiet biss dwar dawk il-kwistjonijiet li dwarhom ikunu ġew mistiedna.

Artikolu 9

Il-Kumitat jista’ jistabilixxi sotto-kumitati tax-xogħol.

Artikolu 10

1. Il-Kumitat u s-sotto-kumitati tax-xogħol għandhom jiġu mlaqqa’ mill-President tal-Kumitat u għandhom jiltaqgħu fil-kwartieri ġenerali tal-Kummissjoni.

2. Għandhom jieħdu parti r-rappreżentati tad-dipartimenti interessati tal-Kummissjoni fil-laqgħat tal-Kumitat u tas-sotto-kumitati tax-xogħol.

3. Is-servizzi segretarjali tal-Kumitat u tas-sotto-kumitati tiegħu għandhom jiġu provduti mill-Kummissjoni.

Artikolu 11

M’għandha tittieħed l-ebda votazzjoni fuq id-diskussjonijiet tal-Kumitat.

Il-Kummissjoni tista’, meta tkun qiegħda tfittex l-opinjoni tal-Kumitat, tistabbilixxi terminu ta’ żmien li fih għandhom jingħataw dawn l-opinjonijiet.

Artikolu 12

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ Artikolu 214 tat-Trattat, meta l-President tal-Kumitat jgħarrafhom (lill-membri) illi l-opinjoni mitluba jew il-kwistoni mqajma tkun dwar materja ta’ natura kunfidenzjali, il-membri tal-Kumitat għandhom ikunu obbligati li ma jikxfux it-tagħrif li jkunu saru jafu bih permezz tax-xogħol tal-Kumitat jew tas-sotto-kumitati tiegħu tax-xogħol

F’dawn il-każi l-membri tal-Kumitat u r-rappreżentanti tal-Kummissjoni biss jistgħu jkunu preżenti għal-laqgħat.

Artikolu 13

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 1976.

Magħmula fi Brussel, fil-21 ta’ April 1976.

Għall-Kummissjoni

Carlo Scarascia Mugnozza

Viċi-President

[1] ĠU C 112, ta’l-20.12.1973, p. 28.

[2] ĠU C 168, ta’l-25.7.1975, p. 2.

--------------------------------------------------