31975L0442



Official Journal L 194 , 25/07/1975 P. 0039 - 0041
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 1 P. 0238
Greek special edition: Chapter 15 Volume 1 P. 0086
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 1 P. 0238
Spanish special edition: Chapter 15 Volume 1 P. 0129
Portuguese special edition Chapter 15 Volume 1 P. 0129


Id-Direttiva tal-Kunsill

ta' l-15 ta' Lulju 1975

dwar l-iskart

(75/442/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 100 u 235 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Billi kull nuqqas ta' parità bejn id-dispożizzjonijiet dwar ir-rimi ta' l-iskart li diġà japplikaw jew li huma fi tħejjija fl-Istati Membri varji jistgħu joħolqu kondizzjonijiet inugwali ta' kompetizzjoni u b'hekk jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq komuni; billi huwa għalhekk meħtieġ li jitqarrbu lejn xulxin il-liġijiet f'dan il-qasam, kif provvdut fl-Artikolu 100 tat-Trattat;

Billi jidher meħtieġ li dan it-tqarrrib lejn xulxin tal-liġijiet jiġi akkumpanjat minn azzjoni Komunitarja hekk li tkun tista’ tinkseb waħda mill-miri tal-Komunità fl-isfera tal-ħarsien ta' l-ambjent u tal-kwalità tal-ħajja b'regoli iktar estensivi; billi għalhekk għandhom jiġu preskritti ċerti dispożizzjonijiet speċifiċi għal dan il-għan; billi l-Artikolu 235 tat-Trattat għandu jiġi invokat billi l-poteri meħtieġa għal dan il-għan ma ġewx provvduti fit-Trattat;

Billi l-għan immedjat essenzjali tad-dispożizzjonijiet kollha li għandhom x'jaqsmu mar-rimi ta' l-iskart irid ikun il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta' l-ambjent kontra l-effetti ta' ħsara kkawżati mill-ġbir, it-trasport, it-trattament, il-ħażna u l-ħatt ta' l-iskart;

Billi l-irkupru ta' l-iskart u l-użu tal-materjali rkuprati għandhom jiġu inkoraġġiti sabiex ir-riżorsi naturali jiġu kkonservati;

Billi l-programm ta' l-azzjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-ambjent [3], jenfasizza l-ħtieġa ta' azzjoni mill-Komunità, inkluża l-armonizzazzjoni tal-liġijiet;

Billi għandhom jiġu applikati regolamenti effettivi u konsistenti dwar ir-rimi ta' l-iskart li la jfixklu l-kummerċ intra-Komunitarju u lanqas ma jaffettwaw l-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni għall-proprjetà mobbli li l-pussessur jiddisponi minnha jew ikun meħtieġ li jiddisponi minnha skond id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali fis-seħħ, għajr l-iskart radjoattiv, mill-minjieri jew mill-biedja, il-karkassi ta' l-annimali, ilmijiet mormija, effluenti ta' gassijiet u l-iskart kopert b'regoli Komunitarji speċifiċi;

Billi, sabiex jiġi żgurat il-ħarsien ta' l-ambjent, għandha ssir disposizzoni għal sistema ta' permessi għall-impriżi li jittrattaw, jaħżnu jew iħottu l-iskart f'isem partijiet terzi, għal sistema ta' sorveljanza għall-impriżi li jiddisponu mill-iskart tagħhom stess u għal dawk li jiġbru l-iskart ta' l-oħrajn, u għal pjan li jikkomprendi l-fatturi essenzjali li jridu jittieħdu f'kunsiderazzjoni rigward il-ħidmiet differenti fir-rimi ta' l-iskart;

Billi dak il-proporzjon ta' l-ispejjeż li ma humiex koperti mid-dħul li jiġi mit-trattament ta' l-iskart irid jiġi mħallas lura bi qbil mal-prinċipju li "min iniġġes iħallas",

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva:

(a) "skart" ifisser kull sustanza jew oġġett li l-possessur jarmi jew jkun meħtieġ li jarmi skond il-liġijiet nazzjonali fis-seħħ;

(b) "rimi" tfisser:

- il-ġbir, l-għażla, it-trasport u t-trattament ta' l-iskart kif ukoll il-ħażna u l-ħatt tiegħu fuq jew taħt l-art,

- il-ħidmiet ta' trasformazzjoni meħtieġa għall-użu mill-ġdid, l-irkupru jew ir-riċiklaġġ tiegħu.

Artikolu 2

1. Mingħajr preġudizzju għal din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jadottaw regoli speċifiċi għal kategoriji partikolari ta' skart.

2. Dan li ġej għandu jitħalla barra mill-iskop ta' din id-Direttiva:

(a) l-iskart radjoattiv;

(b) l-iskart li jirriżulta mit-tfittix, l-estrazzjoni, it-trattament u l-ħażna ta' riżorsi minerali u x-xogħol tal-barrieri;

(ċ) il-karkassi ta' l-annimali u l-iskart tal-biedja li ġej: materjal ta' ħmieġ u sustanzi oħra użati fil-biedja;

(d) ilmijiet għall-iskart, bl-eċċezjoni ta' l-iskart f'għamla likwida;

(e) il-ħruġ ta' gassijiet li emess fl-atmosfera;

(f) l-iskart kopert minn regoli speċifiċi Komunitarji.

Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa sabiex jinkoraġġixxu l-prevenzjoni, ir-riċiklaġġ u l-proċessar ta' l-iskart, l-estrazzjoni minnhom ta' materji primi u possibbilment ta' l-enerġija u kull proċess użat għall-użu mill-ġdid ta' l-iskart.

2. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni fi żmien f'waqtu dwar kull abbozz ta' regoli għal dan l-effett u, b'mod partikolari, b'kull abbozz ta' regola li tirrigwarda:

(a) l-użu ta' prodotti li jistgħu jkunu sors ta' diffikultajiet tekniċi rigward ir-rimi jew li jwasslu għal nefqiet eċċessivi għar-rimi;

(b) l-inkoraġġiment għal:

- it-tnaqqis ta' kwantitajiet ta' ċertu skart,

- it-trattament ta' l-iskart għar-riċiklaġġ jew l-użu mill-ġdid tiegħu,

- l-irkupru tal-materji prima u/jew il-produzzjoni ta' l-enerġija minn ċertu skart;

(ċ) l-użu ta' ċerti riżorsi naturali, inklużi sorsi ta' enerġija, f'dawk l-applikazzjoni fejn dawn jistgħu jeħdulhom posthom materjali rkuprati.

Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-iskart jintrema mingħajr ma jipperikola s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma jagħmel ħsara lill-ambjent, u b'mod partikolari:

- mingħajr riskju għall-ilma, l-arja, l-art u l-pjanti u l-annimali,

- mingħajr ma jikkawżaw irritazzjonijiet minħabba l-ħsejjes jew l-irwejjaħ,

- mingħajr ma jaffettwaw avversament il-kampanja jew postijiet ta' interess speċjali.

Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu jew jinnominaw lil dik l-aworità jew lil dawk l-awtoritajiet kompetenti sabiex ikunu responsabbli, f'żona msemmija, mill-ippjanar, l-organizzazzjoni, l-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza tal-ħidmiet tar-rimi ta' l-iskart.

Artikolu 6

L-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 5 għandhom ikunu meħtieġa li jfasslu malajr kemm jista' jkun pjan jew numru ta' pjani li jkollhom x'jaqsmu partikolament ma’:

- it-tip u l-kwantità ta' l-iskart li jrid jintrema,

- il-ħtiġijiet tekniċi ġenerali,

- il-postijiet xierqa għar-rimi,

- kull arranġament speċjali għal tipi partikolari ta' skart.

Il-pjan jew il-pjani jistgħu, per eżempju, jkopru:

- il-persuni naturali jew legali mogħtija l-poter li jwettqu r-rimi ta' l-iskart,

- l-ispejjeż stmati għall-ħidma tar-rimi,

- il-miżuri xierqa biex jinkoraġġixxu r-razzjonalizzazzjoni, il-ġbir, il-għażil u t-trattament ta' l-iskart.

Artikolu 7

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi kull min ikollu l-iskart:

- jara li jiġi mqandel minn kollettur privat jew pubbliku ta' l-iskart jew minn impriża tar-rimi,

- jew li jiddisponi minnu huwa nnifsu b'mod konformi mal-miżuri meħuda skond l-Artikolu 4.

Artikolu 8

Sabiex jitħarsu l-miżuri meħuda skond l-Artikolu 4 kull stallazzjoni jew impriża li tittratta, taħżen jew tħott l-iskart f'isem partijiet terzi trid tikseb permess mill-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 5, li jkollha x'jaqsam b’mod partikolari ma’:

- it-tip u l-kwantità ta' skart li jrid jiġi ttrattat,

- il-ħtiġijiet tekniċi ġenerali,

- il-prekawzjonijiet li jridu jittieħdu,

- it-tagħrif li jrid ikun disponbbli fuq it-talba ta' l-awtorità kompetenti li jirrigwarda l-oriġini, id-destinazzjoni u t-trattament ta' l-iskart u t-tip u l-kwantità ta' dan l-iskart.

Artikolu 9

L-istallazzjonijiet u l-impriżi msemmija fl-Artikolu 8 għandhom jiġu spezzjonati perjodikament mill-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 5 sabiex jiġi żgurat b'mod partikolari illi l-kondizzjonijiet tal-permess ikunu qegħdin jitwettqu.

Artikolu 10

L-impriżi tat-trasport, tal-ġbir, tal-ħażna, tat-tfigħ jew li jittrattaw l-iskart tagħhom stess, u dawk li jiġbru u jġorru l-iskart f'isem partijiet terzi għandhom ikunu bla ħsara għas-sorveljanza ta' l-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 5.

Artikolu 11

B'mod konformi mal-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas", in-nefqa fuq ir-rimi ta' l-iskart, bid-dħul derivat mit-trattament ta' l-iskart imnaqqas, għandu jinġarr minn:

- il-pussessur li l-iskart tiegħu jkun ġie mqandel minn kollettur ta' l-iskart jew minn intrapriża msemmija fl-Artikolu 8;

- u/jew il-pussessuri ta' qabel jew il-produttur tal-prodott minn fejn ikun ġie l-iskart.

Artikolu 12

Kull tliet snin, l-Istati Membri għandhom ifasslu rapport tas-sitwazzjoni dwar ir-rimi ta' l-iskart fil-pajjiżi rispettivi tagħhom u għandhom jibagħtuh lill-Kummissjoni. Għal dan l-effett, l-istallazzjonijiet jew l-impriżi msemmija fl-Artikoli 8 sa 10 iridu jfornu lill-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 5 il-partikolaritajiet dwar ir-rimi ta' l-iskart. Il-Kummissjoni għandha tiċċirkola dan ir-rapport fost l-Istati Membri l-oħra.

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull tliet snin lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

Artikolu 13

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni fi żmien 24 xahar min-notifika tagħha u għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bihom minnufih.

Artikolu 14

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet ewliena fil-liġijiet nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

Artikolu 15

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fil-15 ta' Lulju 1975.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Rumor

[1] ĠU C 32, tal-11.2.1975, p. 36.

[2] ĠU C 16, tat-23.1.1975, p. 12.

[3] ĠU C 112, ta' l-20.12.1973, p. 3.

--------------------------------------------------