Official Journal L 194 , 25/07/1975 P. 0023 - 0025
Greek special edition: Chapter 15 Volume 1 P. 0077
Spanish special edition: Chapter 15 Volume 1 P. 0091
Portuguese special edition Chapter 15 Volume 1 P. 0091
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 1 P. 0229
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 1 P. 0229
Id-Direttiva tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 1975 dwar ir-rimi ta’ żejt użat (75/439/KEE) IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 100 u 235 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2], Billi kull nuqqas ta’ parità bejn id-dispożizzjonijiet dwar ir-rimi ta’ żejt użat li huma diġà applikabbli jew li huma fit-tħejjija fl-Istati Membri jista’ joħloq kundizzjonijiet inegwali fil-kompetizzjoni u b’hekk jaffettwa direttament il-funzjonament tas-suq komuni; billi huwa għalhekk meħtieġ illi l-liġijiet f’dan il-qasam jitqarrbu (japprossimaw) lejn xulxin kif jipprovdi l-Artikolu 100 tat-Trattat; Billi jidher meħtieġ li dan it-tqarrib lejn xulxin tal-liġijiet jiġi akkumpanjat minn azzjoni Komunitarja sabiex waħda mill-miri tal-Komunità fl-isfera tal-ħarsien ta’ l-ambjent tkun tista’ tinkiseb b’regolamenti iktar wiesgħa; billi ċerti dispożizzjonijiet speċifiċi għal dan l-effett għandhom għalhekk jiġu preskritti; billi għandu jinvoka l-Artikolu 235 tat-Trattat peress illi l-poteri għal dan il-għan ma ġewx ipprovduti fit-Trattat; Billi d-dispożizzjonijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mar-rimi taż-żejt użat għandhom bħala l-għanijiet immedjati essenzjali tagħhom il-ħarsien ta’ l-ambjent kontra l-effetti ta’ ħsara kawżati mill-iskarikar, id-depożitu jew it-trattament ta’ dawn iż-żjut; Billi r-riċiklaġġ taż-żejt użat jista’ jwassal għal politika dwar il-provvista tal-karburanti; Billi l-programm ta’ azzjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-ambjent [3] jenfasizza l-importanza tal-problema tar-rimi taż-żejt użat mingħajr effetti ta’ ħsara fuq l-ambjent; Billi l-kwantitajiet taż-żejt użat u b’mod partikolari l-emulsjonijiet żdiedu fil-Komunità; Billi sistema effiċjenti u koerenti ta’ trattament taż-żejt użat, li la toħloq xkiel għall-kummerċ intra-Komunitarju u lanqas ma taffettwa l-kompetittività, għandha tapplika għal dawn il-prodotti kollha, saħansitra għal dawk li huma komposti f’parti biss miż-żejt, u għandha tipprovdi għal trattament skond kundizzjonijiert ekonomikament sodisfaċenti; Billi sistema bħal din għandha tirregola t-trattament, l-iskarikar, id-depożitu u l-ġbir taż-żejt użat u tipprovdi sistema li tippermetti lill-impriżi li jiddisponu minn dawn iż-żjut, għall-ġbir obbligatorju u/jew ir-rimi ta’ dawn iż-żjut f’ċerti każi u għal proċeduri xierqa ta’ spezzjonar; Billi f’każijiet fejn ċerti impriżi huma meħtieġa li jiġbru u/jew jarmu ż-żejt użat, għandu jkun possibbli kumpens bħala indennizz għal dik il-parti ta’ l-ispejjeż tagħhom li jkollha x’taqsam ma’ dan u li mhix koperta bil-qligħ tagħhom u billi dawn l-indennizzi jistgħu jiġu finanzjati, fost metodi oħra, b’ imposta fuq żjut ġodda jew iġġenerati mill-ġdid, ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminu "żejt użat" għandu jittieħed li jfisser kull prodott użat likwidu jew semi-likwidu li jikkonsisti fl-intier tiegħu jew f’parti minnu minn żejt minerali jew sintetiku, inklużi l-fdalijiet taż-żjut minn tankijiet, taħlit u emulsjonijiet ta’ żejt/ilma. Artikolu 2 L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw illi ż-żjut użati jinġabru u jintremew fis-sigurtà. Artikolu 3 L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi, safejn ikun possibbli, l-eliminazzjoni taż-żejt użat jitwettaq bir-riċiklaġġ (bil-ġenerazzjoni mill-ġdid u/jew il-ħruq basta mhux id-distruzzjoni). Artikolu 4 L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jiżguraw il-projbizzjoni ta’: 1. kull skarikar ta’ żejt użat fl-ilmijiet tal-wiċċ ta’ l-ilmijiet interni, fl-ilma ta’ taħt l-art, fl-ibħra kostali jew fis-sistemi tad-drenaġġ; 2. kull depożitu u/jew skarikar taż-żejt użat ta’ ħsara għall-art u kull skarikar mhux ikkontrollat tal-fdalijiet li jirriżultaw mill-ipproċessar taż-żejt użat; 3. kull ipproċessar ta’ żejt użat li jikkawża tniġġiż fl-arja li jaqbeż il-livell preskritt bid-dispożizzjonijiet eżistenti. Artikolu 5 Fejn il-miri definiti fl-Artikoli 2, 3 u 4 ma jistgħux jinkisbu xorta oħra, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi impriża waħda jew aktar iwettqu l-ġbir u/jew ir-rimi tal-prodotti offruti lilhom mill-possessuri, fejn xieraq fiż-żona assenjata lilhom mill-awtoritajiet kompetenti. Artikolu 6 Sabiex tikkonforma mal-miżuri meħuda skond l-Artikolu 4, kull impriża li tieħu ħsieb ir-rimi taż-żejt użat trid tikseb permess. Dan il-permess għandu jingħata mill-awtoritajiet kompetenti wara eżami ta’ l-istallazzjonijiet, jekk ikun meħtieġ. Dawn l-awtoritajiet għandhom jimponu l-kundizzjonjiet meħtieġa skond l-istat ta’ l-iżvilupp tekniku. Artikolu 7 Persuna li żżomm iż-żejt użat trid, jekk ma tkunx tista’ tħares il-miżuri meħuda skond l-Artikolu 4, tqiegħdhom għad-dispożizzjoni ta’ l-impriża jew l-impriżi riferiti fl-Artikolu 5. Artikolu 8 Il-pussessuri ta’ ċerti kwantitajiet ta’ żejt użat li jkun fihom impuritajiet li jaqbżu ċerti persentaġġi għandhom jieħdu ħsiebhom u jaħżnuhom separatament. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiffissaw il-kwantitajiet u l-persentaġġi, li jistgħu jiddifferixxu skond il-kategorija tal-prodott, riferit fl-ewwel sub-paragrafu. Artikolu 9 L-impriżi li jiġbru u/jew jarmu ż-żejt użat, iridu jwettqu dan ix-xogħol hekk li ma jkun hemm l-ebda riskju għat-tniġġiż ta’ l-ilma, l-arja jew l-art li jkun jista’ jiġi evitat. Artikolu 10 Kull stabbiliment li jipproduċi, jiġbor u/jew jarmi iktar minn kwantità msemmija ta’ żejt użat kull sena, liema kwantità trid tiġi speċifikata minn kull Stat Membru imma mhux ta’ iktar minn 500 litru, irid: - iżomm reġistru tal-kwantità, l-kwalità, l-oriġini u l-post fejn ikunu qegħdin dawn iż-żjut u dwar il-kunsinnja u r-riċeviment tagħhom, inklużi d-dati ta’ dawn ta’ l-aħħar u/jew - jgħaddi dan it-tagħrif lill-awtoritajiet kompetenti fuq it-talba tagħhom. L-Istati Membri huma awtorizzati li jiffissaw il-kwantità ta’ żejt użat b’mod konformi ma’ l-ewwel sub-paragrafu f’termini ta’ kwantità ekwivalenti ta’ żjut ġodda kalkulati skond fattur raġjonevoli ta’ konverżjoni. Artikolu 11 Kull impriża li tiddisponi miż-żejt użat trid tgħaddi lill-awtoritajiet kompetenti, fuq it-talba tagħhom, kull tagħrif rigward ir-rimi jew id-depożitu ta’ dawn iż-żejt użat jew rigward il-fdalijiet tagħhom. Artikolu 12 L-impriżi riferiti fl-Artikolu 6 għandhom jiġu spezzjonati perjodikament mill-awtoritajiet kompetenti, b’ mod partikolari rigward it-tħaris tagħhom tal-kundizzjonijiet tal-permessi li jkollhom. Artikolu 13 Bħala konċessjoni reċiproka għall-obbligi imposti fuqhom mill-Istati Membri skond l-Artikolu 5, jistgħu jingħataw indennizzi lill-impriżi tal-ġbir u/jew tar-rimi għas-servizzi mogħtija. Dawn l-indennizzi ma jistgħux jaqbżu l-ispejjeż annwali mhux koperti attwalment reġistrati mill-impriża filwaqt li jitqies profitt raġjonevoli. L-ammont ta’ dawn l-indennizzi għandu jkun hekk li ma jikkawżax tagħwiġ sinifikanti fil-kompetizzjoni jew li joħloq mudelli artifiċjali tal-kummerċ f’dawn il-prodotti. Artikolu 14 L-indennizzi jistgħu jiġu finanzjati, fost metodi oħra, bi ħlas dovut impost fuq il-prodotti li wara l-użu jiġu mibdula fi żejt użat, jew impost fuq iż-żejt użat. Il-finanzjament ta’ l-indennizzi jrid ikun b’mod konformi mal-prinċipju ta’ "min iniġġeż iħallas". Artikolu 15 Kull Stat Membru għandu jibgħat perjodikament lill-Kummissjoni tagħrif li jirrigwarda l-kompetenza teknika u l-esperjenza miksuba u r-riżultati miksuba permezz ta’ l-applikazzjoni tal-miżuri meħuda skond din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tibgħat sommarju ġenerali ta’ dan it-tagħrif lill-Istati Membri. Artikolu 16 Kull tlett snin, l-Istati Membri għandhom ifasslu rapport tas-sitwazzjoni dwar ir-rimi taż-żejt użat fil-pajjiżi rispettivi tagħhom u għandhom jibagħtuh lill-Kummissjoni. Artikolu 17 L-Istati Membri għandhom jimplimentaw il-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva fi żmien 24 xahar min-notifika tagħha, u għandhom jinfurmaw b’dan lill-Kummissjoni fil-pront. Artikolu 18 Id-dispożizzjonijiet adotti mill-Istati Membri skond din id-Direttiva jistgħu jiġu applikati progressivament fl-impriżi riferiti fl-Artikolu 6, li jkunu jeżistu mal-waqt tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, fi żmien erba’ snin min-notifika msemmija. Artikolu 19 L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet ewlenija fil-liġijiet nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva. Artikolu 20 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Ġunju 1975. Għall-Kunsill Il-President R. Ryan [1] ĠU C 85, tat-18.7.1974, p. 6. [2] ĠU C 125, tas-16.10.1974, p. 33. [3] ĠU C 112, ta’ 20.12.1973, p. 3. --------------------------------------------------