31975L0035



Official Journal L 014 , 20/01/1975 P. 0014 - 0014
Finnish special edition: Chapter 6 Volume 1 P. 0175
Greek special edition: Chapter 06 Volume 1 P. 0195
Swedish special edition: Chapter 6 Volume 1 P. 0175
Spanish special edition: Chapter 05 Volume 2 P. 0045
Portuguese special edition Chapter 05 Volume 2 P. 0045


Id-Direttiva tal-Kunsill

tas-17 ta' Diċembru 1974

li testendi l-firxa tad-Direttiva Nru 64/221/KEE dwar il-koordinazzjoni ta' miżuri speċjali rigward il-moviment u r-residenza ta' ċittadini barranin li huma ġġustifikati għar-raġunijiet ta' politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika sabiex tinkludi ċ-ċittadini ta' l-Istati Membri li jeżerċitaw id-dritt li jibqgħu fit-territorju ta' Stat Membru ieħor wara li jkunu segwew fih attività fil-kapaċità ta' persuni li jaħdmu għal rashom

(75/35/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 56(2) u l-Artikolu 235 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Billi d-Direttiva Nru 64/221/KEE [3] ikkoordinat il-miżuri speċjali li jirrigwardaw il-moviment u r-residenza taċ-ċittadini barranija li jkunu ġġustifikati għar-raġunijiet tal-politika pubblika, is-sigurtà pubblika u s-saħħa pubblika u billi d-Direttiva Nru 75/34/KEE [4] stabbiliet il-kondizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt taċ-ċittadini ta' Stat Membru li jibqgħu fi Stat Membru ieħor wara li jkunu segwew fih attività fil-kapaċità ta' persuni li jaħdmu għal rashom;

Billi d-Direttiva Nru 64/221/KEE għandha għalhekk tapplika għall-persuni li għalihom tapplika d-Direttiva Nru 75/34/KEE,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Id-Direttiva Nru 64/221/KEE għandha tapplika għaċ-ċittadini ta' l-Istati Membri u l-familji tagħhom li jkollhom id-dritt li jibqgħu fit-territorju ta' Stat Membru skond id-Direttiva Nru 75/34/KEE.

L-Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom, fi żmien tnax-il xahar min-notifika ta' din id-Direttiva, idaħħlu fis-seħħ il-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tagħha u għandhom jgħarrfu minnufih b'dan lill-Kummissjoni.

L-Artikolu 3

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-17 ta' Diċembru 1974.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Durafour

[1] ĠU C 14, tas-27.3.1973, p. 21.

[2] ĠU C 142, tal-31.12.1972, p. 10.

[3] ĠU C 56, ta' l-4.4.1964, p. 850/64.

[4] ĠU L 14, tas-17.12.1974, p. 10.

--------------------------------------------------