31969L0169



Official Journal L 133 , 04/06/1969 P. 0006 - 0008
Finnish special edition: Chapter 9 Volume 1 P. 0010
Danish special edition: Series I Chapter 1969(I) P. 0218
Swedish special edition: Chapter 9 Volume 1 P. 0010
English special edition: Series I Chapter 1969(I) P. 0232
Greek special edition: Chapter 09 Volume 1 P. 0017
Spanish special edition: Chapter 09 Volume 1 P. 0019
Portuguese special edition Chapter 09 Volume 1 P. 0019


Id-Direttiva tal-Kunsill

tat-28 ta' Mejju 1969

fuq l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati b'liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva relatata ma' l-eżenzjoni minn taxxa fuq il-bejgħ u minn taxxa tas-sisa fuq l-importazzjoni fi vvjaġġar internazzjonali

(69/169/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 99 tiegħu;

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni;

Billi, minkejja l-kisba ta' l-unjoni doganali, li tinvolvi t-tneħħija tad-dazju u tal-maġġoranza tal-ħlasijiet li għandhom effett ekwivalenti fin-negozju bejn l-Istati Membri, huwa meħtieġ li, sakemm l-armonizzazzjoni tat-taxxi indiretti tkun laħqet stadju avvanzat, timżamm l-imposizzjoni ta' taxxa fuq l-importazzjoni u r-remissjoni tat-taxxa fuq l-esportazzjoni fit-tali negozju;

Billi jkun xieraq li, anke qabel it-tali armonizzazzjoni, il-popolazzjonijiet ta' l-Istati Membri isiru aktar konxji tar-realtà tas-suq komuni u li għal dan il-għan ikunu addottati miżuri għal aktar liberalizzazzjoni tas-sistema ta' taxxi fuq l-importazzjoni fl-ivvjaġar bejn l-Istati Membri; billi l-ħtieġa tat-tali miżuri ġiet enfassiżata ripetutament mill-membri ta' l-Assemblea;

Billi tnaqqis ta' dan it-tip fir-rigward ta' vjaġġar jikkostitwixxi stadju ieħor fid-direzzjoni tal-ftuħ reċiproku tas-swieq ta' l-Istati Membri u l-holqien ta' kondizzjonijiet li jixbħu lil dawk ta' suq domestiku;

Billi t-tali tnaqqis irid jiġi limitat għall-importazzjonijiet mhux kummerċjali ta' oġġetti minn vjaġġaturi; billi, bħala regola ġenerali, oġġetti bħal dawn jistgħu jinkisbu biss mill-pajjiż (pajjiz tal-ħruġ) minn fejn ikunu diġà ġew intaxxati, biex jekk il-pajjiz tad-dħul jirrinunzja, fil-limiti preskritti, li jitlob ħlas ta' taxxa fuq il-bejgħ u taxxa tas-sisa fuq l-importazzjoni, u din tevita tassazzjoni doppja mingħajr ma twassal għal nuqqas ta' tassazzjoni;

Billi ntwera biċ-ċar li hemm bżonn ta' sistema Komunitarja ta' tnaqqis tat-taxxa fuq l-importazzjoni anke fir-rigward ta' vjaġġar bejn pajjizi terzi u l-Komunità;

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1. Għandha tinagħta eżenzjoni mit-taxxa fuq il-bejgħ u mit-taxxa tas-sisa fuq l-importazzjoni f'każ ta' vjaġġar bejn pajjiżi terzi u l-Komunità għal oġġetti fil-bagolli personali tal-vjaġġaturi jekk it-tali oġġetti importati ma jkollhom l-ebda karattru kummerċjali u l-valur totali ta' l-oġġetti ma jkunx jaqbeż il-25 unità ta' rendikont għal kull persuna.

2. L-Istati Membri jistgħu inaqqsu din l-eżenzjoni għal 10 unitajiet ta' rendikont għal vjaġġaturi li għandhom inqas minn ħmistax il-sena.

3. Meta l-valur totali ta' diversi oġġetti għal kull persuna jaqbeż il-25 unità ta' rendikont jew l-ammont stabbilit skond il-paragrafu 2, skond il-każ, għandha tingħata eżenzjoni sa dawn l-ammonti għal dawk l-oġġetti li, kieku importati separatament, kienu jinagħtaw eżenzjoni, b'mod li jinftiehem li l-valur ta' kull oġġett individwali ma jistax jinqasam.

Artikolu 2

1. Għandha tinagħta eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul u mit-taxxa tas-sisa fuq l-importazzjoni f'każ ta' vjaġġar bejn Stati Membri għal oġġetti fil-bagolli personali tal-vjaġġaturi jekk dawn jaderixxu mal-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 9 u 10 tat-Trattat, jekk it-tali oġġetti importati ma jkollhomx karattru kummerċjali u l-valur totali ta' l-oġġetti ma jkunx jaqbeż il-75 unità ta' rendikont għal kull persuna. Din l-eżenzzjoni għandha tiġi mgħotija wkoll fejn l-ivvjaġġar jinkludi transitu minn territorju li m'huwiex dak ta' Stat Membru.

2. L-Istati Membri jistgħu inaqqsu din l-eżenzjoni għal 20 unità ta' rendikont għal vjaġġaturi li għandhom inqas minn ħmistax il-sena.

3. Meta l-valur totali kull persuna jaqbeż il-75 unità ta' rendikont jew l-ammont stabbilit skond il-paragrafu 2, skond il-każ, għandha tingħata eżenzjoni sa dawn l-ammonti għal dawk l-oġġetti li, kieku importati separatament, kienu jinagħtaw eżenzjoni, b'mod li jinftiehem li l-valur ta' kull oġġett individwali ma jistax jinqasam.

Artikolu 3

Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva:

1. Il-valur ta' effetti personali li huma importati temporanjament jew li huma importati mill-ġdid sussegwentement wara l-esportazzjoni temporanja tagħhom m'għandhux jiġi kunsidrat biex tiġi stabbilita l-eżenzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikoli 1 u 2.

2. Importazzjonijiet għandhom jiġu meqjusa li ma għandhom l-ebda valur kummerċjali jekk:

(a) jekk iseħħu kull tant żmien, u

(b) jikkonsistu biss f'oġġetti għall-użu personali jew tal-familja tal-vjaġġaturi, jew f'oġġetti maħsuba bħala rigali; irid ikun jidher ċar min-natura u l-kwantità ta' dawn l-oġġetti li dawn ma jkunux qed jiġu importati għal raġunijiet kummerċjali.

Artikolu 4

1. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għall-vjaggaturi li r-residenza tagħhom hi barra mill-Ewropa, kull Stat Membru għandu jistabilixxi dawn il-limiti kwantitativi għall-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-bejgħ u t-taxxa tas-sisa fuq l-oġġetti mniżżla hawn taħt:

(a) Prodotti tat-tabakk:

200 sigarett

jew 100 sigarru żgħir (sigarri li ma jiżnux iktar minn 3 grammi kull wieħed)

jew 50 sigarru

jew 250 gramma ta' tabakk tat-tipjip

(b) xorb alkoħoliku:

- xarbiet distillati u spirti ta' doża alkoħolika li taqbeż it-22 o: Flixkun standard (700 millilitru sa litru)

jew

- xarbiet distillati u spirti, u aperitivi bl-inbid jew bażi alkoħolika ta' doża alkoħolika li ma taqbiżx it-22o; imbejjed bil-gass, imbejjed fortifikati: sa total ta' 2 litri

u

- imbejjed bla gass: o sa total ta' 2 litri

(ċ) Fwejjaħ: 50 gramma

u

ilmijiet mfewħa: 1/4 ta' litru

(d) Kafe: 500 gramma

jew estratt tal-kafeċ u essenzi: 200 gramma

(e) Te: 100 gramma

jew estratti tat-te u essenzi: 40 gramma

2. M'għandhiex tinagħta eżenzjoni għall-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 (a), (b) u (d) lil vjaġġaturi li għandhom inqas minn 15-il sena.

3. Fil-limiti kwantitativi stabbiliti fil-paragrafu 1 u waqt li jiġu konsidrati r-restrizzjonijiet fil-paragrafu 2, il-valur ta' l-oġġetti elenkati fil-paragrafu 1 m'għandux jiġi kunsidrat biex tiġi determinata l-eżenzjoni msemmija fl-Artikoli 1 u 2.

Artikolu 5

1. L-Istati Membri jistgħu jistabilixxu limiti iktar baxxi għall-valur u/jew għall-kwantità għall-eżenzjoni ta' oġġetti meta jiġu importati

- fl-ivvjaġġar fiż-żona tal-fruntiera

- mill-ekwipaġġ ta' mezz ta' trasport użat fl-ivvjaġġar internazzjonali

- minn membri tal-forzi armati ta' Stat Membru, inklużi membri ċivili u l-irġel jew nisa tagħhom u tfal dipendenti, stazzjonati fi Stat Membru ieħor.

2. L-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-eżenzjoni oġġetti li jaqgħu taħt l-intestaturi Nri 71.07 u 71.08 tat-Tariffa tad-Dwana Komuni.

3. L-Istati Membri jistgħu inaqqsu l-kwantitajiet ta' l-oġġetti msemmija fl-Artikolu 4(1)(a) u (d) għal vjaġġaturi li jkunu ġejjin minn xi pajjiż terzi u jidħlu fi Stat Membru.

Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jevitaw li tinagħta remissjoni tat-taxxa fuq fornituri għall-vjaġġaturi li d-domiċilju, ir-residenza fejn joqgħodu jew il-post tax-xogħol tagħhom jinsab fi Stat Membru u li jibbenifikaw mill-arranġamenti li hemm provvdut għalihom f'din id-Direttiva.

Artikolu 7

L-Istati Membri jistgħu japprossimaw l-ammont fil-munita nazzjonali li jirriżulta mill-kambju ta' l-ammonti f'unitajiet ta' rendikont kif dikjarati fl-Artikoli 1 u 2.

Artikolu 8

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-miżuri meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 1970.

2. Kull Stat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni bil-miżuri li jaddotta biex jimplimenta din id-Direttiva.

Il-Kummissjoni għandha twassal dan it-tagħrif lill-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 9

Din id-Direttiva hija indirrizata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussel, fit-28 ta' Mejju 1969.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Thorn

--------------------------------------------------