31968R1017



Official Journal L 175 , 23/07/1968 P. 0001 - 0012
Finnish special edition: Chapter 7 Volume 1 P. 0054
Danish special edition: Series I Chapter 1968(I) P. 0295
Swedish special edition: Chapter 7 Volume 1 P. 0054
English special edition: Series I Chapter 1968(I) P. 0302 - 0312
Greek special edition: Chapter 07 Volume 1 P. 0086
Spanish special edition: Chapter 08 Volume 1 P. 0106
Portuguese special edition Chapter 08 Volume 1 P. 0106


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1017/68

tad-19 ta' Lulju 1968

li japplika r-regoli tal-kompetizzjoni għat-trasport bil-ferrovija, bit-triq u permess tal-passaġġi fuq l-ilma iinterni

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ekonomika Ewropea, u l-Artikoli 75 u 87 ta' dan,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew [1];

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2];

Billi r-Regolament tal-Kunsill Nru 141 [3] li jeżenta t-trasport mill-applikazzjoni tar-Regolament Nru 17 jipprovdi li l-imsemmi Regolament Nru 17 [4] m'għandux japplika għal ftehimijiet, deċiżjonijiet u prassi miftiehma fis-settur tat-trasport li l-effett tagħhom huwa li jiffissaw rati u kondizzjonijiet tat-trasport, sabiex jillimitaw jew jikkontrollaw il-forniment ta' trasport jew lis-swieq tat-trasport maqsum, jew lill-pożizzjonijiet dominanti, fit-tifsira ta' l-Artikolu 86 tat-Trattat, fuq is-suq tat-trasport;

Billi, għat-trasport bil-ferrovija, fuq it-triq u l-passaġġ ta' l-ilma interni, ir-Regolament Nru 1002/67/CEE [5] jipprovdi li eżenzjoni bħal din m'għandiex testendi wara t-30 ta' Ġunju 1968;

Billi l-istabbiliment ta' regoli tal-kompetizzjoni għat-trasport bil-ferrovija, fuq it-triq u l-passaġġi ta' l-ilma interni huwa parti mill-politika tat-trasport komuni u tal-politika ekonomika ġenerali;

Billi, meta r-regoli tal-kompetizzjoni għal dawn is-setturi jkunu qegħdin jiġu mfassla, l-fatturi distintivi tat-trasport għandhom jiġu kkunsidrati;

Billi, minħabba li r-regoli tal-kompetizzjoni għat-trasport jidderogaw mir-regoli ġenerali tal-kompetizzjoni, għandu jkun possibli għall-intrapriżi li jaċċertaw liema regoli japplikaw f'kull kas partikolari;

Billi, bl-introduzzjoni ta' sistema ta' regoli dwar il-kompetizzjoni għat-trasport, huwa mixtieq li regoli bħal dawn għandhom japplikaw ugwalment għall-iffinanzjar jew l-akkwist konġunt ta' apparat tat-trasport għall-operat konġunt ta' servizzi minn ċerti agruppamenti ta' intrapriżi, kif ukoll għal ċerti operazzjonijiet konnessi mat-trasport bil-ferrovija, fuq it-triq jew fuq il-passaġġi ta' l-ilma interni jew mal-fornituri ta' servizzi anċillari għat-trasport;

Billi, sabiex jiġi żgurat li n-negozju bejn l-Istati Membri ma jkunx affettwat jew il-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni tiġi mfixkla, huwa meħtieġ li jiġi projbit fil-prinċipju għat-tliet modi ta' trasport speċifikati hawn fuq il-ftehim kollha bejn intrapriżi, deċiżjonijiet ta' assoċjazzjonijiet ta' intrapriżi u prassi miftiehma bejn l-intrapriżi u l-eżempji kollha ta' abbuż ta' pożizzjoni dominanti ġewwa s-suq komuni li jista' jkollhom dawk l-effetti;

Billi ċerti tipi ta' ftehim, deċiżjonijiet u prassi miftiehma fis-settur tat-trasport li l-fini jew l-effett tagħhom huwa biss li japplikaw titjib tekniku jew li jiksbu kooperazzjoni teknika jistgħu jiġu eżentati mill-projbizzjoni fuq ftehim restrittivi peress illi dawn jikkontribwixxu sabiex itejbu l-produttivita; billi, in vista ta' l-esperjenza wara l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-Kunsill jista', fuq proposta mill-Kummissjoni, jemenda l-lista ta' dawk it-tipi ta' ftehim;

Billi, sabiex it-titjib jingħata appoġġ fl-istruttura li xi drabi hija mferrxa iżżejjed ta' l-industrija tas-setturi tat-toroq u tal-passaġġi ta' l-ilma interni, għandhom ikunu ukoll eżenti mill-projbizzjoni fuq il-ftehim restrittivi dawk il-ftehimijet, deċiżjonijiet u prassi miftiehma li jipprovdu għall-ħolqien u l-operat ta' aggruppamenti ta' intrapriżi f'dawn iż-żewġ setturi ta' trasport li l-iskop tagħhom huwa li jkomplu x-xogħlijiet tat-trasport, inklużi l-iffinanzjar jew l-akkwist konġunt ta' apparat tat-trasport għall-operat konġunt ta' servizzi; billi eżenzjoni ġenerali bħal din tista' tingħata biss bil-kondizzjoni li l-kapaċità tal-ġarr totali ta' gruppament ma teċċedix il-minimu stabbilit, u li l-kapaċità individwali ta' l-intrapriżi li jappartjenu għall-agruppament ma tkunx taqbeż ċerti limiti hekk stabiliti sabiex jiżguraw li l-ebda impriża waħedha ma tkun tista' żżomm pożizzjoni dominanti ġewwa l-agruppament; billi l-Kummissjoni għandha, madanakollu, jkollha s-setgħa li tintervjeni jekk, f'każijiet speċifiċi, dawk il-ftehim jkollhom effetti inkompatibbli mal-kondizzjonijiet li taħthom ftehim restrittiv jista' jiġi rikonoxxut bħala legali, u għandu jikkostitwixxi abbuż ta' l-eżenzjoni; billi, madanakollu, l-fatt li agruppament ikollu kapaċità ta' ġarr totali akbar mill-massimu stabilit, jew li ma jkunx jista' jitlob l-eżenzjoni ġenerali minħabba l-kapaċità individwali ta' l-intrapriżi li jappartjenu lill-agruppament, m'għandux fih innifsu jipprevjeni dak l-agruppament milli jikkostitwixxi ftehim, deċiżjoni jew prattika miftiehma legali jekk dan jissodisfa l-kondizzjonijiet għalih imniżżla f'dan ir-Regolament;

Billi, meta ftehim, deċiżjoni jew prassi miftiehma tikkontribwixxi għat-titjib tal-kwalità tas-servizzi tat-trasport, jew jippromwovi l-kontinwità u l-istabilità akbar fis-sodisfazzjoni tal-bzonnijiet tat-trasport fuq is-swieq fejn il-provvista u d-domanda jistgħu jkunu soġġetti għal ċaqliq temporali konsiderevoli, jew għat-tkattir tal-produttività ta' l-intrapriżi, jew għat-tkomplija tal-progress tekniku jew ekonomiku, għandu jkun possibli li l-projbizzjoni tiġi dikjarata mhux applikabbli, sakemm, madanakollu, il-ftehim, id-deċiżjoni jew il-prassi miftiehma tikkunsidra b'mod xieraq l-interessi ta' dawk li jużaw it-trasport, u la ma jimponi fuq l-impriża konċernata l-ebda restrizzjoni mhux indispensabbli għall-kisba tal-finijiet t'hawn fuq u lanqas ma jagħmilha impossibli għal dik l-impriża li telimina l-kompetizzjoni fir-rigward ta' parti sostanzjali tas-suq tat-trasport konċernat, wara li tiġi kunsidrata l-kompetizzjoni minn forom ta' trasport alternattivi;

Billi huwa mixtieq sa dak iż-żmien meta l-Kunsill, skond il-politika tat-trasport komuni, jintroduċi l-miżuri xierqa sabiex jiżgura suq tat-trasport stabbli, u soġġett għall-kondizzjoni li l-Kunsill ikun sab li testisti stat ta' kriżi, li jawtorizza, għas-suq in kwestjoni, dawk il-ftehimijiet li jkunu meħtieġa sabiex inaqqsu t-tfixkil li jirriżulta mill-istruttura tas-suq tat-trasport;

Billi, fir-rigward tat-trasport bil-ferrovija, fuq it-triq u fuq il-passaġġ ta' l-ilma interni, huwa mixtieq li l-Istati Membri m'għandhom la jwettqu u lanqas iżommu fis-seħħ miżuri kuntrarji għal dan ir-Regolament li jirrigwardaw l-intrapriżi pubbliċi jew intrapriżi li għalihom huma jagħtu drittijiet speċjali jew esklussivi; billi huwa ukoll mixtieq li intrapriżi fdati bl-operazzjoni ta' servizzi ta' importanza ekonomika ġenerali għandhom ikunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament sakemm l-applikazzjoni ta' dan ma tfixkilx, legakwerela jew fil-fatt, il-kisba tal-biċċa xogħol partikolari assenjata lilhom, dejjem pprovdut li l-iżvilupp tan-negozju ma jkunx effetwat minnhom sa dak il-punt li jkun kuntrarju għall-interessi tal-Komunità; billi l-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tara li dawn il-prinċipji jiġu applikati u li tindirizza d-direttivi jew id-deċiżjonijiet xierqa għal dan il-għan lill-Istati Membri;

Billi r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-prinċipji bażiċi ta' dan ir-Regolament iridu jiġu mfassla b'tali mod li mhux biss jiżguraw is-supervisjoni effettiva filwaqt li jissimplifikaw kemm jista' jkun l-amministrazzjoni iżda ukoll li jossidisfaw l-ħtiġiet ta' l-intrapriżi sabiex ikun hemm ċertezza fil-liġi;

Billi jiġi mill-intrapriżi nnifishom, fl-ewwel lok, li jaraw jekk l-effetti predominanti tal-ftehim, tad-deċiżjonijiet jew tal-prassi miftiehma tagħhom humiex ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni jew il-benefiċċji ekonomiċi aċċettabbli bħala ġustifikazzjoni għal restrizzjoni bħal din u li jiddeċiedu skond dan, fuq responsabbiltà tagħhom stess, dwar l-illegalità jew il-legalità ta' dawn il-ftehim, deċiżjonijiet jew prassi miftiehma;

Billi, għalhekk, l-intrapriżi għandhom jitħallew jikkonkludu jew iħaddmu ftehim mingħajr ma jiddikjarawhom; billi dan jesponi dawn il-ftehim għar-riskju li jiġu dikjarati nulli b'effett retroattiv jekk jiġu eżeminati wara kwerela jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess, iżda ma jipprevjenix li dawn jiġu dikjarati retroattivament legali fil-kas ta' eżami sussegwenti bħal dan;

Billi, madanakollu, l-intrapriżi jistgħu, f'ċerti każijiet, ikunu jixtiequ l-assistenza ta' l-awtoritajiet kompetenti sabiex jiżguraw li l-ftehim, jew id-deċiżjonijiet tal-prassi miftiehma jkunu f'konformità mar-regoli applikabbli; billi għal dan il-għan għandu jkun hemm disponibbli għall-intrapriżi proċedura li permezz tagħha huma jkunu jistgħu jissottomettu applikazzjonijiet lill-Kummissjoni u li permezz tagħha sommarju ta' kull waħda minn dawn l-aplikazzjonijiet tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, b'mod li jkun possibli għal kull terza persuna interessata li tissottometti l-kummenti tagħha dwar il-ftehin in kwestjoni; billi, fin-nuqqas ta' kwerela mill-Istati Membri jew minn terzi persuni interessati u sakemm il-Kummissjoni ma tinnotifikax lill-applikanti fil-limitu taż-żmien stabbilit, li hemm dubji serji dwar il-legalità tal-ftehim in kwestjoni, dak il-ftehim għandu jitqies bħala eżenti mill-projbizzjoni għaż-żmien li diġà għadda u għal perjodu ulterjuri ta' tliet snin oħra;

Billi, in vista tan-natura eċċezjonali tal-ftehimijiet meħtieġa sabiex jitnaqqas ix-xkiel li jirrisulta mill-istruttura tas-suq tat-trasport, malli l-Kunsill isib li jeżisti stat ta' kriżi l-intrapriżi li jixtiequ jiksbu l-awtorizzazjoni għal dak il-ftehim għandhom jiġu mitluba sabiex jinnotifikawh lill-Kummissjoni; billi l-awtorizzazjoni mill-Kummissjoni għandu jkollha effett biss mid-data meta tiddeċiedi li tagħtiha; billi l-perjodu ta' validità ta' awtorizzazjoni bħal din m'għandux jaqbeż tliet snin mis-sejba ta' stat ta' kriżi mill-Kunsill; billi it-tiġdid tad-deċiżjoni għandu jiddependi fuq it-tiġdid tas-sejba ta' l-Istat ta' kriżi mill-Kunsill; billi, f'kull kas, l-awtorizzazjoni għandha tieqaf milli tibqa' valida mhux aktar tard minn sitt xhur minn meta l-Kunsill idaħħal fis-seħħ miżuri xierqa sabiex jiżguraw l-istabilità tas-suq tat-trasport li għalih jirreferi il-ftehim;

Billi, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ġewwa s-suq komuni tar-regoli tal-kompetizzjoni għat-trasport, għandhom isiru regoli taħt liema l-Kummissjoni, f'relazzjoni mill-qrib u kostanti ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, tista' tieħu l-miżuri meħtieġa għall-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli tal-kompetizzjoni;

Billi għal dan il-għan il-Kummissjoni għandu jkollha l-kooperazzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri u għandha jkollha s-setgħa fis-suq komuni kollhu li titlob dik l-informazzjoni u li twettaq dawk l-investigazzjonijiet li huma meħtieġa sabiex jiżvelaw kull ftehim, deċiżjoni jew prassi miftiehma projbita taħt dan ir-Regolament, jew kull abbuż ta' pożizzjoni dominanti projbit taħt dan ir-Regolament;

Billi, jekk, meta jiġi applikat ir-Regolament għal kas speċifiku, Stat Membru jkun ta' l-opinjoni li jkun hemm involuta kwestjoni ta' prinċipju li jirrigwarda l-politika tat-trasport komuni, għandu jkun possibli li dawn il-kwistjonijiet ta' prinċipju jiġu eżaminati mill-Kunsill; billi għandu jkun possibli li l-kwistjonijiet ġenerali kollha mqajma bl-implimentazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni fis-settur tat-trasport jiġu riferiti lill-Kunsill; billi trid tiġi pprovduta proċedura li tiżgura li kull deċiżjoni li tapplika r-Regolament f'kas speċifiku tittieħed mill-Kummissjoni biss wara li l-kwistjonijiet ta' prinċipju jkunu ġew eżaminati mill-Kunsill, u in vista tal-linji ta' gwida li jirrisultaw minn dak l-eżami;

Billi, sabiex twettaq id-dover tagħha li tiżgura li d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jiġu applikati, l-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tindirizza lill-intrapriżi jew lill-assoċjazzjonijiet ta' intrapriżi rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet bil-għan li jitwaqqaf il-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament li jiprojbixxu ċerti ftehim, deċiżjonijiet jew prassi;

Billi l-konformità mal-projbizzjonijiet imniżżla f'dan ir-Regolament u t-twettiq ta' l-obbligi imposti fuq intrapriżi u assoċjazzjonijiet ta' intrapriżi taħt dan ir-Regolament iridu jkunu infurzabbli permess ta' multi u pagamenti ta' penalitajiet perjodiċi;

Billi l-intrapriżi konċernati jridu jingħataw id-dritt li jinstemgħu mill-Kummissjoni, it-terzi persuni li l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affetwati minn deċiżjoni jridu jingħataw l-opportunità li jissottomettu l-kummenti tagħhom minn qabel, u jrid jiġi żgurat illi tingħata pubbliċità wiesgħa lid-deċiżjonijiet meħuda;

Billi huwa mixtieq li tingħata lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 172, ġurisdizzjoni illimitata fir-rigward ta' deċiżjonijiet li taħthom il-Kummissjoni timponi multi jew pagamenti ta' penalitajiet perjodiċi;

Billi huwa konvenjenti li jiġi pospost għal sitt xhur, fir-rigward ta' ftehim u prassi miftiehma eżistenti fid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitàjiet Ewropej, id-dħul fis-seħħ tal-projbizzjoni mniżżla fir-Regolament, sabiex tagħmilha eħfef għall-intrapriżi li jaġġustaw l-operat tagħhom sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tiegħu;

Billi, wara d-diskussjonijiet ma' pajjiżi terzi li ffirmaw il-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni tar-Rhine, u fi żmien perjodu ta' żmien xieraq mill-konklużjoni ta' dawk id-diskussjonijiet, dan ir-Regolament fl-intier tiegħu għandu jiġi emendat kif meħtieġ in vista ta' l-obbligi li joħorġu mill-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni tar-Rhine;

Billi r-Regolament għandu jiġi emendat kif meħtieġ in vista ta' l-esperjenza akkwistata matul il-perjodu ta' tliet snin; billi ser ikun b'mod partikolari mixtieq illi jiġi kkonsidrat jekk, in vista ta' l-iżvilupp tal-politika għat-trasport komuni għal dak il-perjodu, l-iskop tar-Regolament għandux jiġi estiż għall-ftehim, deċiżjonijiet u prassi miftiehma, u għal tipi ta' abbuz ta' pożizzjoni dominanti, li ma jaffetwax in-negozju bejn l-Istati Membri,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Dispożizzjoni bażika

Id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom, fil-qasam tat-trasport bil-ferrovija, fuq it-triq u fuq il-passaġġi ta' l-ilma interni, japplikaw kemm għall-ftehimijiet, għad-deċiżjonijiet u għall-prassi miftiehma kollha li għandhom bħala l-fini jew l-effett tagħhom l-iffissar ta' rati u ta' kondizzjonijiet tat-trasport, il-limitazzjoni jew il-kontroll tal-provvista tat-trasport, il-qsim ta' swieq ta' trasport, l-applikazzjoni ta' titjib tekniku jew kooperazzjoni teknika, jew l-iffinanzjar jew l-akkwist konġunt ta' tagħmir tat-trasport jew provvisti meta dawn l-operazzjonijiet ikunu direttament relatati mal-provvista ta' servizzi tat-trasport minn agruppament fit-sens ta' l-Artikolu 4 ta' intrapriżi tat-trasport fuq it-triq u fuq il-passaġġi ta' l-ilma interni, kif ukoll għall-abbuż ta' pożizzjoni dominanti fuq is-suq tat-trasport. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw ukoll għal dawk li jipprovdu servizzi anċillari għat-trsport li għandhom xi finijiet jew effetti minn dawk imniżżla hawn fuq.

L-Artikolu 2

Projbizzjoni ta' prassi restrittivi

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 3 sa 6, is-segwenti għandhom jiġu projbiti bħala inkompatibbli mas-suq komuni, mingħajr il-ħtieġa ta' deċiżjoni minn qabel f'dan ir-rigward: il-ftehim kollha bejn intrapriżi, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta' intrapriżi u prassi miftiehma li jistgħu jaffetwaw in-negozju bejn l-Istati Membri li għandhom bħala l-fini jew l-effett tagħhom il-prevenzjoni, r-restrizzjoni jew it-tfixkil tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni, u b'mod partikolari dawk li:

(a) direttament jew indirettament jiffissaw ir-rati u l-kondizzjonijiet tat-trasport jew kondizzjonijiet oħra tan-negozju;

(b) jillimitaw jew jikkontrollaw il-provista tat-trasport, is-swieq, l-investiment jew l-iżvilupp tekniku;

(ċ) jaqsmu s-swieq tat-trasport;

(d) japplikaw kondizzjonijiet differenti għal transazzjonijiet ekwivalenti ma' partijiet fin-negozju oħrajn, b'mod li jpoġġuhom fi żvantaġġ kompetittiv;

(e) jagħmlu l-konklużjoni ta' kuntratti soġġetta għall-aċċettazjoni mill-partijiet l-oħra ta' obbligi addizjonali li, minn natura tagħhom jew skond l-użanza kummerċjali, m'għandhom l-ebda konnessjoni mal-provvista ta' servizzi tat-trasport.

L-Artikolu 3

Eċċezzjoni għall-ftehimijiet tekniċi

1. Il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2 m'għandiex tapplika għal ftehimijiet, deċiżjonijiet jew prassi miftiehma li l-fini jew l-effett tagħhom huwa li japplikaw titjib tekniku jew li jiksbu kooperazzjoni teknika permess ta':

(a) l-istandardizzazjoni ta' apparat, provvisti tat-trasport, vetturi jew installazjonijiet fissi;

(b) l-iskambju jew il-qsim ta' servizzi tat-trasport, ta' ħaddiema, ta' apparat, ta' vetturi jew ta' installazjonijiet fissi, bl-iskop li joperaw servizzi tat-trasport;

(ċ) l-organizzazjoni u l-eżekuzzjoni ta' xogħolijiet ta' trasport suċċessivi, kumplimentari, sostituttivi jew magħquda, u l-iffissar u l-applikazzjoni ta' rati u kondizzjonijiet inklusivi għal dawk ix-xogħolijiet, li jinkludu rati kompetittivi speċjali;

(d) l-użu, għal vjaġġi permess ta' mod ta' trasport wieħed, tar-rotot li huma l-aktar razzjonali mill-punto di vista operattiv;

(e) il-koordinazzjoni ta' skedi tal-ħinijiet tat-trasport għall-konnessjoni tar-rotot;

(f) l-agruppament ta' konsenji individwali;

(g) l-istabbiliment ta' regoli uniformi dwar l-istruttura tat-tariffi u l-kondizzjonijiet ta' applikazzjoni tagħhom, sakemm dawn ir-regoli ma jistabbilixxux r-rati u l-kondizzjonijiet tat-trasport.

2. Il-Kummissjoni għandha, fejn ikun xieraq, tissottometti proposti lill-Kunsill bl-iskop li tiġi estiża jew imnaqqsa l-lista fil-paragrafu 1.

L-Artikolu 4

Eżenzjoni għal gruppi ta' intrapriżi ta' daqs żgħir u medju

1. Il-ftehimijiet, id-deċiżjonijiet u l-prassi miftiehma msemmija fl-Artikolu 2 għandhom jiġu eżentati mill-projbizzjoni f'dak l-Artikolu meta l-għan tagħhom huwa:

- il-kostituzzjoni u t-tħaddim ta' agruppamenti ta' intrapriżi tat-trasport fuq it-triq jew fuq il-passaġġi ta' l-ilma interni bl-iskop li jitwettqu l-attivitajiet tat-trasport;

- l-iffinanzjar jew l-akkwist konġunt ta' apparat jew provvisti tat-trasport, meta dawn l-operazzjonijiet ikunu direttament relatati mal-provvista ta' servizzi tat-trasport u jkunu meħtieġa għax-xogħlijiet konġunti ta' l-agruppamenti hawn fuq imsemmija;

dejjem sakhemm il-kapaċità ta' ġarr totali ta' xi agruppament ma taqbiżx:

- 10000 tunellata metrika fil-kas ta' trasport fuq it-triq,

- 500000 tunellata metrika fil-kas ta' trasport permess ta' passaġġi ta' l-ilma interni.

Il-kapaċità individwali ta' kull intrapriża li tappartjeni għal agruppament m'għandiex taqbeż l-1000 tunellata metrika fil-kas ta' trasport fuq it-triq jew il-50000 tunellata metrika fil-kas tat-trasport fuq il-passaġġi ta' l-ilma intern.

2. Jekk l-implimentazzjoni ta' xi ftehim, deċiżjoni jew prassi miftiehma koperta mill-paragrafu 1 għandha, f'xi kas partikolari, effetti li mhumiex kumpatibbli mar-rekwiżiti ta' l-Artikolu 5 u li jikkostitwixxu abbuż mill-eżenzjoni mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2, l-intrapriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta' intrapriżi jistgħu jiġu mitluba li jwaqqfu dawn l-effetti.

L-Artikolu 5

L-inapplikabilità tal-projbizzjoni

Il-projbizzjoni fl-Artikolu 2 tista' tiġi dikjarata inapplikabbli b'effett retroattiv għal:

- kull ftehim jew kategorija ta' ftehim bejn intrapriżi,

- kull deċiżjoni jew kategorija ta' deċiżjoni ta' assoċjazzjoni ta' intrapriżi, jew

- kull prattika miftiehma jew kategorija ta' prattika miftiehma li tikkontribwixxi lejn:

- titjib tal-kwalità tas-servizzi tat-trasport; jew

- il-promozzjoni ta' kontinwità u stabilità akbar fis-sodisfazzjoni tal-ħtiġijiet tat-trasport fuq swieq fejn il-provista u d-domanda huma soġġetti għal tibdil temporali konsiderevoli; jew

- żieda fil-produttività ta' l-intrapriżi; jew

- tkomplija fil-progress tekniku jew ekonomiku;

u fl-istess ħin tieħu konsiderazzjoni xierqa ta' l-interessi ta' dawk li jużaw it-trasport u la:

(a) timponi fuq l-intrapriżi tat-trasport konċernati l-ebda restrizzjoni mhux essenzjali għall-kisba ta' l-għanijiet hawn fuq imsemmija; u lanqas

(b) ma tagħmilha possibli għal intrapriżi bħal dawn li jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta' parti sostanzjali tas-suq tat-trasport konċernat.

L-Artikolu 6

Ftehimijiet maħsuba sabiex inaqqsu x-xkiel li jirriżulta mill-istruttura tas-suq tat-trasport

1. Sa dak iż-żmien meta l-Kunsill, skond il-politika tat-trasport komuni, jintroduċi miżuri xierqa sabiex jiżgura suq tat-trasport stabbli, l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2 tista' tiġi ddikjarata inapplikabbli għal kull ftehim, deċiżjoni jew prassi miftiehma li għandha tendenza li tnaqqas ix-xkiel fis-suq in kwestjoni.

2. Deċiżjoni sabiex ma tiġix applikata l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2, magħmula skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 14, ma tistax tittieħed sakhemm il-Kunsill, jew permess ta' maġġoranza kwalifikata jew, fejn xi Stat Membru jikkunsidra li l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 75(3) tat-Trattat ikunu sodisfatti b'mod unanimu, ikun sab, fuq il-bażi ta' rapport mill-Kummissjoni, li stat ta' kriżi jeżisti f'parti jew fis-suq tat-trasport kollu.

3. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2, il-projbizzjoni fl-Artikolu 2 tista' tiġi ddikjarata inapplikabbli biss meta:

(a) l-ftehim, deċiżjoni jew prattika miftiehma in kwestjoni ma timponix fuq l-intrapriżi konċrnati xi restrizzjoni mhux indispensabbli għat-tnaqqis tax-xkiel; u

(b) ma tagħmilhiex possibli għal intrapriżi bħal dawn li jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta' parti sostanzjali tas-suq tat-trasport konċernat.

L-Artikolu 7

Invalidità ta' ftehimijiet jew deċiżjonijiet

Kull ftehim jew deċiżjoni projbiti taħt id-dispożizzjonijiet preċedenti għandhom ikunu awtomatikament nulli.

L-Artikolu 8

Projbizzjoni ta' abbuz ta' pożizzjonijiet dominanti

Kull abbuż minn intrapriża waħda jew aktar ta' pożizzjoni dominanti ġewwa s-suq komuni jew parti sostanzjali minnu għandu jkun projbit bħala inkompatibbli mas-suq komuni sakemm il-kummerċ bejn l-Istati Membri jista' jiġi affetwat minnhu.

Abbuż bħal dan jista', b'mod partikolari, jikkonsisti f':

(a) l-imposizzjoni diretta jew indiretta ta' rati jew kondizzjonijiet tat-trasport inġusti;

(b) il-limitazzjoni tal-provista tat-trasport, tas-swieq jew żviluppi tekniċi bi preġudizzju għall-konsumaturi;

(ċ) l-applikazzjoni ta' kondizzjonijiet differenti għal tranżazzjonijiet ekwivalenti ma' partijiet fil-kummerċ oħrajn, b'mod li jpoġġuhom fi żvantaġġ kompetittiv;

(d) li jagħmlu l-konklużjoni ta' kuntratti soġġetta għall-aċċettazzjoni mill-partijiet l-oħra ta' obbligi supplimentari li, minn natura tagħhom jew skond l-użanza kummerċjali, m'għandhom l-ebda konnessjoni ma' l-għoti ta' servizzi tat-trasport.

L-Artikolu 9

Intrapriżi pubbliċi

1. Fil-kas ta' intrapriżi pubbliċi u intrapriżi li l-Istati Membri jgħatuhom drittijiet speċjali jew esklussivi, l-Istati Membri m'għandhom la jagħmlu u lanqas iżommu fis-seħħ l-ebda miżura kuntrarja għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli preċedenti.

2. Intrapriżi fdati bit-tħaddim ta' servizzi ta' importanza ekonomika ġenerali għandhom ikunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli preċedenti, sakemm l-applikazzjoni tagħhom ma tfixkilx, fil-liġi jew fil-fatt, il-kisba tax-xogħolijiet partikolari assenjati lilhom. L-iżvilupp tal-kummerċ ma jistax jiġi affetwat sa dak il-punt fejn ikun kuntrarju għall-interessi tal-Komunità.

3. Il-Kummissjoni għandha tara li d-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu jiġu applikati u għandha, fejn meħtieġ, tindirizza d-direttivi u d-deċiżjonijiet xierqa lill-Istati Membri.

L-Artikolu 10

Proċeduri fuq kwerela jew fuq l-inizzjattiva tal-Kummissjoni stess

Meta tirċievi kwerela jew fuq l-inizzjattiva tagħha stess, l-Kummissjoni għandha tibda proċeduri sabiex ittemm kull ksur tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2 jew ta' l-Artikolu 8 jew sabiex tinforza l-Artikolu 4(2).

Il-kwereli jistgħu jiġu sottomessi minn:

(a) Stati Membri;

(b) persuni fisiċi jew ġuridiċi li jgħidu li għandhom interess leġittimu.

L-Artikolu 11

Riżultat tal-proċeduri fuq kwerela jew fuq l-inizzjattiva tal-Kummissjoni stess

1. Meta l-Kummissjoni ssib li kien hemm ksur ta' l-Artikolu 2 jew ta' l-Artikolu 8, hija tista' permess ta' deċiżjoni titlob lill-intrapriżi jew lill-assoċjazzjonijiet ta' intrapriżi konċernati li jtemmu dan il-ksur.

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista', qabel ma tieħu deċiżjoni skond is-sottoparagrafu preċedenti, tindirizza lill-intrapriżi jew lill-assoċjazzjonijiet ta' intrapriżi konċernati rakkomandazzjonijiet għat-terminazzjoni tal-ksur.

2. Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għal każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 4(2).

3. Jekk il-Kummissjoni, waqt li taġixxi fuq kwerela li tkun saritilha, tikkonkludi li skond ix-xiehda quddiema m'hemm l-ebda raġuni għal intervent taħt l-Artikolu 2, l-Artikolu 4(2) jew l-Artikolu 8 fir-rigward ta' xi ftehim, deċiżjoni jew prattika, hija għandha toħroġ deċiżjoni fejn tirrespinġi l-ikwerela bħala mhux fondata.

4. Jekk il-Kummissjoni, kemm jekk fuq l-ikwerela li tkun saritilha jew fuq l-inizjattiva tagħha, tikkonkludi li ftehim, deċiżjoni jew prattika miftiehma tissodisfa d-dispożizzjonijiet kemm ta' l-Artikolu 2 kif ukoll ta' l-Artikolu 5, hija għandha toħroġ deċiżjoni fejn tapplika l-Artikolu 5. Deċiżjoni bħal din għandha tindika d-data minn meta għandha jkollha effett. Din id-data tista' tkun qabel dik tad-deċiżjoni.

L-Artikolu 12

Applikazzjoni ta' l-Artikolu 5 — oġġezzjonijiet

1. L-intrapriżi u l-assoċjazzjonijiet ta' intrapriżi li jfittxu l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 5 fir-rigward ta' ftehim, deċiżjonijiet u prassi miftiehma li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2 li minnhom huma jifformaw parti jistgħu jissottomettu applikazzjonijiet lill-Kummissjoni.

2. Jekk il-Kummissjoni tiġġudika applikazzjoni bħala ammissibli u jkollha fil-pussess tagħha x-xiehda kollha disponibbli, u l-ebda azzjoni taħt l-Artikolu 10 ma tkun ittieħdet kontra l-ftehim, id-deċiżjoni jew il-prattika miftiehma in kwestjoni, allura hija għandha tippubblika mill-aktar fis fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej sommarju ta' l-applikazzjoni u tistieden lit-terzi persuni kollha interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom lill-Kummissjoni fi żmien tletin ġurnata. Pubblikazzjoni bħal din għandha tikkonsidra l-interess leġittimu ta' l-intrapriżi fil-ħarisen tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

3. Sakemm il-Kummissjoni ma tinnotifikax lill-applikanti, fi żmien disgħin ġurnata mid-data tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, li hemm dubji serji dwar l-applikabilità ta' l-Artikolu 5, il-ftehim, id-deċiżjoni u l-prattika miftiehma għandhom jitqiesu bħala eżenti, sakemm dawn jikkonformaw mad-deskrizzjoni mogħtija fl-applikazzjoni, mill-projbizzjoni għaż-żmien li diġà għadda u għal massimu ta' tliet snin mid-data tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Jekk il-Kummissjoni ssib, wara l-iskadenza tal-limitu taż-żmien ta' disgħin ġurnata, iżda qabel l-iskadenza tal-perjodu tat-tliet snin, li l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 5 mhumiex sodisfatti, hija għandha tagħti deċiżjoni fejn tiddikjara li l-projbizzjoni fl-Artikolu 2 hija applikabbli. Deċiżjoni bħal din tista' tkun retroattiva meta l-partijiet konċernati jkunu taw informazzjoni mhux preċiża jew meta huma jabbużaw mill-eżenzjoni mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2.

4. Jekk, fi żmien it-terminu ta' disgħin ġurnata, l-Kummissjoni tinnotifika lill-applikanti kif imsemmija fl-ewwel sottoparagrafu tal-paragrafu 3, hija għandha teżamina jekk id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2 u ta' l-Artikolu 5 humiex sodisfatti.

Jekk issib illi d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2 u ta' l-Artikolu 5 huma sodisfatti hija għandha tagħti deċiżjoni fejn tapplika l-Artikolu 5. Id-deċiżjoni għandha tindika d-data minn meta din għandha jkollha effett. Din id-data tista' tkun qabel dik ta' l-applikazzjoni.

L-Artikolu 13

It-tul ta' żmien u r-revoka ta' deċiżjonijiet li japplikaw l-Artikolu 5

1. Kull deċiżjoni li tapplika l-Artikolu 5 meħuda taħt l-Artikolu 11(4) jew taħt it-tieni sottoparagrafu ta' l-Artikolu 12(4) għandha tindika l-perjodu li għalih din għandha tkun valida; normalment dak il-perjodu m'għandux ikun ta' anqas minn sitt snin. Il-kondizzjonijiet u l-obbligi jistgħu jiġu annessi mad-deċiżjoni.

2. Id-deċiżjoni tista' tiġi mġedda jekk il-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 5 jibqgħu sodisfatti.

3. Il-Kummissjoni tista' tirrevoka jew temenda d-deċiżjoni tagħha jew tipprojbixxi atti speċifikati tal-partijiet:

(a) meta tkun saret bidla f'xi wieħed mill-fatti li kienu bażilari għat-teħid tad-deċiżjoni;

(b) meta l-partijiet iwettqu ksur ta' xi obbligu annessa mad-deċiżjoni;

(ċ) meta d-deċiżjoni tkun ibbażata fuq informazzjoni skorretta jew tkun ingħatat b'ingann;

(d) meta l-partijiet jabbużaw mill-eżenzjoni mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2 mogħtija lilhom permess tad-deċiżjoni.

Fil-kasijiet li jaqgħu taħt (b), (ċ) jew (d), id-deċiżjoni tista' tiġi revokata b'effett retroattiv.

L-Artikolu 14

Deċiżjonijiet li japplikaw l-Artikolu 6

1. Kull ftehim, deċiżjoni jew prattika miftiehma koperti mill-Artikolu 2 li fir-rigward tagħhom il-partijiet iffitxu l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 6 għandhom jiġu notifikati lill-Kummissjoni.

2. Kull deċiżjoni mill-Kummissjoni sabiex tapplika l-Artikolu 6 għandu jkollha effett biss mid-data ta' l-adozzjoni tagħha. Din għandha tiddikjara l-perjodu li għalih din għandha tkun valida. Dan il-perjodu m'għandux jaqbeż it-tliet snin mis-sejba ta' stat ta' kriżi mill-Kunsill kif provdut fl-Artikolu 6(2).

3. Deċiżjoni bħal din tista' tiġi mġedda mill-Kummissjoni jekk il-Kunsill jerġa' jsib, taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 6(2), li hemm stat ta' kriżi u jekk il-kondizzjonijiet l-oħra mniżżla fl-Artikolu 6 jibqgħu sodisfatti.

4. Mad-deċiżjoni jistgħu jiġu annessi kondizzjonijiet u obbligi.

5. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tieqaf milli jkollha effett mhux aktar tard minn sitt xhur mid-dħul fis-seħħ tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 6(1).

6. Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 13(3) għandhom japplikaw.

L-Artikolu 15

Poteri

Mingħajr preġudizzju għar-reviżjoni tad-deċiżjoni tagħha mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-Kummissjoni għandu jkollha l-poter uniku li:

- timponi obbligi skond l-Artikolu 4(2);

- tagħti deċiżjonijiet skond l-Artikolu 5 u 6.

L-awtoritajiet ta' l-Istati Membri għandhom iżommu l-poter li jiddeċiedu jekk xi kas jaqax taħt id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2 jew l-Artikolu 8, sa dak iż-żmien meta l-Kummissjoni tkun bdiet il-proċedura bl-iskop li tifformula deċiżjoni fil-kas in kwestjoni jew tkun bagħtet in-notifika kif provdut fl-ewwel sottoparagrafu ta' l-Artikolu 12(3).

L-Artikolu 16

Kooperazzjoni ma' l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri

1. Il-Kummissjoni għandha twettaq il-proċeduri stabbiliti f'dan ir-Regolament b'koperazzjoni mill-qrib u kostanti ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri; dawn l-awtoritajiet għandu jkollhom id-dritt li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar dawk il-proċeduri.

2. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi minnufih lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri kopji tal-kwereli u ta' l-applikazzjonijiet, u tad-dokumenti l-aktar importanti mibgħuta lilha jew li hija tibgħat matul dawk il-proċeduri.

3. Il-Kumitat Konsultattiv dwar il-Prassi Restrittivi u l-Monopoli fl-Industrija tat-Trasport għandu jiġi konsultat qabel ma tittieħed xi deċiżjoni wara l-proċedura taħt l-Artikolu 10 jew xi deċiżjoni taħt it-tieni sottoparagrafu ta' l-Artikolu 12(3), jew taħt it-tieni sottoparagrafu tal-paragrafu 4 ta' l-istess Artikolu, jew taħt il-paragrafu 2 jew il-paragrafu 3 ta' l-Artikolu 14. Il-Kumitat Konsultattiv għandu jiġi konsultat ukoll qabel l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet implimentattivi provduti fl-Artikolu 29.

4. Il-Kumitat Konsultattiv għandu jkun kompost minn uffiċjali kompetenti fil-qasam tal-prassi restrittivi u l-monopolji fit-trasport. Kull Stat Membru għandu jappunta żewġ uffiċjali sabiex jirrapreżentawh, li kull wieħed minnhom, jekk ma jkunx jista' jattendi, jista' jiġi mibdul minn uffiċjal ieħor.

5. Għandha ssir konsultazzjoni waqt laqgħa konġunta msejħa mill-Kummissjoni; din il-laqgħa għandha ssir mhux qabel erbatax il-ġurnata wara li tintbagħat in-notifika li permezz tagħha l-laqgħa tkun ġiet imsejħa. Ma' din in-notifika għandhu jintbagħat, fir-rigward ta' kull kas li għandu jiġi eżaminat, sommarju tal-kas flimkien ma' indikazzjoni tad-dokumenti l-aktar importanti, u abbozz preliminari tad-deċiżjoni.

6. Il-Kumitat Konsultattiv jista' jagħti opinjoni minkejja li xi wħud mill-membri tiegħu jew is-sostituti tagħhom ma jkunux preżenti. Rapport dwar l-eżitu tal-proċedimenti konsultattivi għandu jiġi anness ma' l-abbozz tad-deċiżjoni. Dan m'għandux jiġi pubblikat.

L-Artikolu 17

Kunsiderazzjoni mill-Kunsill ta' kwistjonijiet ta' prinċipju li jirrigwardaw il-politika tat-trasport komuni mqajma f'konnessjoni ma' każijiet speċifiċi

1. Il-Kummissjoni m'għandiex tagħti deċiżjoni li għaliha l-konsultazzjoni kif stabbilita fl-Artikolu 16 hija mandatorja sa qabel l-iskadenza ta' għoxrin ġurnata mid-data li fiha l-Kumitat Konsultattiv ikun ta' l-Opinjoni tiegħu.

2. Qabel l-iskadenza tal-perjodu speċifikat fil-paragrafu 1, kull Stat Membru jista' jitlob li l-Kunsill jitlaqqa sabiex jeżamina mal-Kummissjoni xi kwestjoni ta' prinċipju li tirrigwarda l-politika tat-trasport komuni li dak l-Istat Membru jikkonsidra li tkun involuta fil-kas partikolari għad-deċiżjoni.

Il-Kunsill għandu jiltaqa' fi żmien tletin ġurnata mit-talba mill-Istat Membru konċernat bl-iskop uniku li jikkonsidra dawk il-kwestjonijiet ta' prinċipju.

Il-Kummissjoni m'għandiex tagħti d-deċiżjoni tagħha jekk mhux wara l-laqgħa tal-Kunsill.

3. Minbarra dan, il-Kunsill jista' f'kull ħin, fuq talba ta' Stat Membru jew tal-Kummissjoni, jikkonsidra kwestjonijiet ġenerali mqajjma bl-implimentazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni fis-settur tat-trasport.

4. Fil-każijiet kollha fejn il-Kunsill jiġi mitlub li jitlaqqa sabiex jikkonsidra taħt il-paragrafu 2 kwestjonijiet ta' prinċipju jew taħt il-paragrafu 3 kwestjonijiet ġenerali, il-Kummissjoni għandha, għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament, tieħu in konsiderazzjoni l-linji ta' gwida tal-politika li joħorġu minn dik il-laqgħa.

L-Artikolu 18

Inkjesti dwar is-setturi tat-trasport

1. Jekk l-użanzi fit-trasport, it-tibdil u l-inflessibiltà tar-rati tat-trasport, jew ċirkostanzi oħra, jissuġġerixxu li l-kompetizzjoni fit-trasport qiegħda tiġi ristretta jew imfixkla ġewwa s-suq komuni f'arja ġeografika speċifika, jew fuq konnessjoni waħda jew aktar tat-trasport, jew fir-rigward tal-ġarr ta' passiġġieri jew oġġetti li jappartjenu għal kategorija speċifika waħda jew iżjed, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tmexxi inkjesta ġenerali fis-settur konċernat, li matulha hija tista' titlob lill-intrapriżi tat-trasport f'dak is-settur li jfornu l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni meħtieġa sabiex jiġu applikati l-prinċipji formulati fl-Artikoli 2 sa 8.

2. Meta tagħmel inkjesti skond il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha wkoll titlob lill-intrapriżi jew lill-gruppi ta' intrapriżi li d-daqs tagħhom jissuġġerixxi illi huma jokkupaw pożizzjoni dominanti fis-suq komuni jew f'parti sostanzjali minnhu li jfornu dawk id-dettalji dwar l-istruttura ta' l-intrapriżi u dwar l-imġieba tagħhom kif huma meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-pożizzjoni tagħhom fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8.

3. L-Artikolu 16(2) sa (6) u l-Artikoli 17, 19, 20 u 21 għandhom japplikaw.

L-Artikolu 19

Talbiet għall-informazzjoni

1. Fit-twettiq tad-doveri mogħtija lilha minn dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' takkwista l-informazzjoni kollha meħtieġa minngħand il-Gvernijiet u l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri u minn intrapriżi u assoċjazzjonijiet ta' intrapriżi.

2. Meta tibgħat talba għall-informazzjoni lill-intrapriża jew lill-assoċjazzjoni ta' intrapriżi, l-Kummissjoni għandha fl-istess ħin tgħaddi kopja tat-talba lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinstab is-sede ta' l-impriża.

3. Fit-talba tagħha, l-Kummissjoni għandha tistqarr il-bażi legali u l-iksop tat-talba, kif ukoll il-penalitajiet provduti fl-Artikolu 22(1)(b) għall-fornimenti ta' informazzjoni skorretta.

4. Is-sidien ta' l-intrapriżi jew ir-rappreżentanti tagħhom u, fil-kas ta' persuni ġuridiċi, il-kumpanniji jew id-ditti, jew ta' l-assoċjazzjonijiet li m'għandhomx personalità ġuridika, il-persuna awtorizzata li tirrappreżenthom skond il-liġi jew skond il-kostituzzjoni tagħhom għandhom l-obbligu li jipprovdu l-informazzjoni mitluba.

5. Meta intrapriża jew assoċjazzjoni ta' intrapriżi ma jipprovdux l-informazzjoni mitluba fi żmien it-terminu stabbilit mill-Kummissjoni, jew jipprovdu informazzjoni skorretta, l-Kummissjoni għandha permess ta' deċiżjoni titlob li l-informazzjoni tiġi provduta. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema informazzjoni hija meħtieġa, tiffissa terminu xieraq li fih din għandha tiġi provduta u tindika l-penalitajiet pprovduti fl-Artikolu 22(1)(b) u fl-Artikolu 23(1)(ċ) u d-dritt li d-deċiżjoni tiġi riveduta mill-Qorti tal-Ġustizzja.

6. Il-Kummissjoni għandha fl-istess ħin tgħaddi kopja tat-talba tagħha lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinstab is-sede ta' l-intrapriża jew ta' l-assoċjazzjoni ta' intrapriżi.

L-Artikolu 20

Investigazzjonijiet mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri

1. Fuq it-talba tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom iwettqu l-investigazzjonijiet li l-Kummissjoni tikkonsidra meħtieġa taħt l-Artikolu 21(1), jew li hija ordnat permess ta' deċiżjoni skond l-Artikolu 21(3). L-uffiċjali ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri responsabbli għat-twettiq ta' dawn l-investigazzjonijiet għandhom jeżerċitaw il-poteri tagħhom malli tiġi presentata awtorizzazzjoni bil-miktub maħruġa mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li fit-territorji tiegħu għandha ssir l-investigazzjoni. Din l-awtorizzazjoni bħal din għandha tispeċifika is-suġġett in kwestjoni u l-iskop ta' l-investigazzjoni.

2. Jekk issirilhom talba mill-Kummissjoni jew mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha ssir l-investigazzjoni, l-uffiċjali tal-Kummissjoni jistgħu jgħinu lill-uffiċjali ta' dik l-awtorità fit-twettiq tad-doveri tagħha.

L-Artikolu 21

Poteri investigattivi tal-Kummissjoni

1. Fit-twettiq tad-doveri mogħtija lilha minn dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' twettaq l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa dwar l-intrapriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta' intrapriżi.

Għal dan il-fini l-uffiċjali awtorizzati mill-Kummissjoni għandhom is-setgħa:

(a) li jeżaminaw il-kotba u dokumenti oħra tan-negozju;

(b) li jieħdu kopji jew siltiet mill-kotba u mid-dokumenti tan-negozju;

(ċ) li jitolbu spjegazzjonijiet orali fuq il-post;

(d) li jidħlu f'kull fond, art u vetturi ta' l-intrapriżi.

2. L-uffiċjali tal-Kummissjoni awtorizzati għall-iskop ta' dawn l-investigazzjonijiet għandhom jeżerċitaw il-poteri tagħhom wara li jipresentaw awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-għan ta' l-investigazzjoni u l-penalitajiet pprovduti fl-Artikolu 22(1)(ċ) fil-każijiet fejn il-produzzjoni tal-kotba u d-dokumenti oħra tan-negozju ma tkunx kompluta. Fi żmien tajjeb qabel l-investigazzjoni, l-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu din sejra ssir dwar l-investigazzjoni u l-identità ta' l-uffiċjali awtorizzati.

3. L-intrapriżi u l-assoċjazzjonijiet ta' intrapriżi għandhom jissottomettu ruħhom għall-investigazzjonijiet ordnati mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett in kwestjoni u l-iskop ta' l-investigazzjoni, tappunta d-data li fiha għandha tibda u tindika l-penalitajiet provduti fl-Artikolu 22(1)(ċ) u fl-Artikolu 23(1)(d) u d-dritt li tieħu d-deċiżjoni għar-reviżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

4. Il-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 wara konsultazzjoni ma' l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha ssir l-investigazzjoni.

5. L-uffiċjali ta' l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha ssir l-investigazzjoni, jistgħu fuq talba ta' din l-awtorità jew tal-Kummissjoni, jgħinu lill-uffiċjali tal-Kummissjoni fit-twettiq tad-doveri tagħhom.

6. Meta intrapriża topponi investigazzjoni ordnata skond dan l-Artikolu, l-Istat Membru konċernat għandu jagħti l-assistenza meħtieġa lill-uffiċjali awtorizzati mill-Kummissjoni sabiex dawn ikunu jistgħu jagħmlu l-investigazzjoni tagħhom. L-Istati Membri għandhom, wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni, jieħdu l-miżuri meħtieġa għal dan il-għan qabel l-1 ta' Jannar 1970.

L-Artikolu 22

Multi

1. Il-Kummissjoni tista' permess ta' deċiżjoni timponi fuq l-intrapriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta' intrapriżi multi minn mija sa ħames t'elef unita' ta' kont fejn, intenzjonalment jew b'negliġenza:

(a) dawn ifornu informazzjoni skorretta jew qarrieqa f'applikazzjoni skond l-Artikolu 12 jew f'notifika skond l-Artikolu 14; jew

(b) dawn ifornu informazzjoni skorretta fir-risposta għal talba magħmula skond l-Artikolu 18(3) jew ta' l-Artikolu 19(3) jew (5), jew ma jfornux informazzjoni fil-limitu taż-żmien stabbilit minn deċiżjoni meħuda taħt l-Artikolu 19(5); jew

(ċ) jipproduċu l-kotba meħtieġa jew dokumenti tal-kummerċ oħra f'forma mhux kompluta matul l-investigazzjonijiet taħt l-Artikolu 20 jew 21, jew jirrifjutaw li jissottomettu ruħhom għal investigazzjoni ordnata minn deċiżjoni maħruġa fl-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 21(3).

2. Il-Kummissjoni tista' permess ta' deċiżjoni timponi fuq l-intrapriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta' intrapriżi multi minn elf sa miljun unità ta' kont, jew somma li taqbeż dan iżda li ma taqbiżx l-10 % tat-dħul fis-sena tal-kummerċ preċedenti ta' kull impriża li tkun qiegħda tipparteċipa fil-ksur, fejn jew intenzjonalment jew b'negliġenza:

(a) dawn jiksru l-Artikolu 2 jew l-Artikolu 8; jew

(b) dawn jikkommettu ksur ta' obbligu impost skond l-Artikolu 13(1) jew l-Artikolu 14(4).

Meta tiffissa l-ammont tal-multa, għandhom jiġu kkonsidrati kemm il-gravità kif ukoll id-dewmien tal-ksur.

3. L-Artikolu 16(3) sa (6) u l-Artikolu 17 għandhom japplikaw.

4. Deċiżjonijiet meħuda skond il-paragrafi 1 u 2 m'għandhomx ikunu ta' natura ta' liġi kriminali.

L-Artikolu 23

Pagamenti ta' penalitajiet perjodiċi

1. Il-Kummissjoni tista' permess ta' deċiżjoni timponi fuq intrapriża jew assoċjazzjonijiet ta' intrapriżi ħlasijiet ta' penalitajiet perjodiċi ta' minn ħamsin sa elf unità ta' kont għal kull ġurnata, ikkalkolati mid-data appuntata mid-deċiżjoni, sabiex iġġielhom:

(a) itemmu l-ksur ta' l-Artikolu 2 jew l-Artikolu 8 ta' dan ir-Regolament li t-tmiem tiegħu hija kienet ordnat skond l-Artikolu 11 jew sabiex iħarsu obbligu impost skond l-Artikolu 4(2);

(b) li joqogħdu lura minn kull att projbit taħt l-Artikolu 13(3);

(ċ) li jfornu informazzjoni kompluta u korretta li hija talbet permess ta' deċiżjoni meħuda skond l-Artikolu 19(5);

(d) li jissottomettu ruħhom għal investigazzjoni li hija ordnat permess ta' deċiżjoni meħuda skond l-Artikolu 21(3).

2. Meta l-intrapriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta' intrapriżi jkunu ssodisfaw l-obbligu li l-pagamenti ta' penalitajiet perjodiċi riedu jenforzaw, l-Kummissjoni tista' tiffissa l-ammont totali tal-pagament ta' penali perjodiku f'figura iżgħar minn dik li tirrisulta taħt id-deċiżjoni oriġinali.

3. L-Artikolu 16(3) sa (6) u l-Artikolu 17 għandhom japplikaw.

L-Artikolu 24

Reviżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni illimitata fis-sens ta' l-Artikolu 172 tat-Trattat li tirrevedi deċiżjonijiet li bihom il-Kummissjoni tkun iffissat multa jew pagament ta' penali perjodika; din tista' tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagament ta' penalità perjodika imposta.

L-Artikolu 25

Unità ta' kont

Għal-iskop ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 23 sa 24 l-unità ta' kont għandu jkun dak addottat fit-tfassil tal-budget tal-Komunità skond l-Artikoli 207 u 209 tat-Trattat.

L-Artikolu 26

Is-smigħ tal-partijiet u ta' terzi persuni

1. Qabel tieħu d-deċiżjonijiet kif pprovdut fl-Artikoli 11, 12(3), t-tieni sottoparagrafu, u 12(4), 13(3), 14(2) u (3), 22 u 23, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-intrapriżi jew lill-assoċjazzjonijiet ta' intrapriżi konċernati l-opportunità li jinstemgħu dwar il-kwistjonijiet li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni tkun sabet oġġezzjoni.

2. Jekk il-Kummissjoni jew l-awtorità kompetenti ta' l-Istati Membri jidhrilhom li huwa meħtieġ, huma jistgħu jisimgħu persuni fisiċi jew ġuridiċi oħrajn. Applikazzjonijiet minn dawn il-persuni sabiex jinstengħu għandhom jiġu konċessi meta dawn juru biżżejjed interess.

3. Meta l-Kummissjoni tkun beħsieba tagħti negative clearance skond l-Artikolu 5 jew 6, hija għandha tippubblika sommarju ta' l-applikazzjoni jew notifika relevanti u tistieden lill-partijiet interessati kollha sabiex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom fil-limitu taż-żmien li hija għandha tiffissa li ma jkunx anqas minn xahar. Il-pubblikazzjoni għandha tikkonsidra l-interessi leġittimi ta' l-intrapriżi fil-ħarsien tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

L-Artikolu 27

Segretezza professjonali

1. L-informazzjoni akkwistata b'riżultat ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 18, 19, 20 u 21 għandha tintuża biss għall-iskop tat-talba jew l-investigazzjoni relevanti.

2. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 26 u 28, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, l-uffiċjali tagħhom u servjenti oħra m'għandhomx jiżvelaw l-informazzjoni akkwistata minnhom b'riżultat ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u tat-tip kopert mill-obbligu tas-segretezza professjonali.

3. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2 m'għandhomx jipprevjenu l-pubblikazzjoni ta' informazzjoni ġenerali jew stħarriġ li ma jkunx fihom informazzjoni li tirrigwarda intrapriżi partikolari jew assoċjazzjonijiet ta' intrapriżi.

L-Artikolu 28

Pubblikazzjoni ta' deċiżjonijiet

1. Il-Kummissjoni għandha tippubblika d-deċiżjonijiet li hija tieħu skond l-Artikoli 11, 12(3), it-tieni sottoparagrafu, 12(4), 13(3) 14(2) u (3).

2. Il-pubblikazzjoni għandha tistqarr l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni; hija għandha tikkonsidra l-interessi leġittimi ta' l-intrapriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

L-Artikolu 29

Dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni

Il-Kummissjoni għandu jkollha l-poter li tadotta dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni li jirrigwardaw il-forma, l-kontenut u dettalji oħra ta' kwereli skond l-Artikolu 10, l-applikazzjonijiet skond l-Artikolu 12, in-notifiċi skond l-Artikolu 14(1), u l-smigħ provdut fl-Artikolu 26(1) u (2).

L-Artikolu 30

Dħul fis-seħħ, ftehim eżistenti

1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1968.

2. Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, l-Artikolu 8 għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dik li fiha jiġi ippublikat dan ir-Regolament fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Kominitajiet Ewropej.

3. Il-projbizzjoni fl-Artikolu 2 għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 1969 għall-ftehimijiet, id-deċiżjonijiet u l-prassi miftiehma kollha li jaqgħu taħt l-Artikolu 2 li kienu jeżistu fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament jew li ġew fis-seħħ bejn dik id-data u d-data tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

4. Il-paragrafu 3 m'għandux jiġi sollevat kontra intrapriżi jew assoċjazzjonijiet ta' intrapriżi li, qabel il-ġurnata wara l-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, ikunu temmu kull ftehim, deċiżjoni jew prattika miftiehma li jifformaw parti minnha.

L-Artikolu 31

Reviżjoni tar-Regolament

1. Fi żmien sitt xhur mill-konklużjoni tad-diskussjonijiet mal-pajjiżi terzi li huma firmatarji tal-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni tar-Rhine; il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jagħmel kull emendi lil dan ir-Regolament li jistgħu jkunu meħtieġa fid-dawl ta' l-obbligi li jirrisultaw mill-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni tar-Rhine.

2. Il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kunsill, qabel l-1 ta' Jannar 1971, rapport ġenerali dwar l-operat ta' dan ir-Regolament u, qabel l-1 ta' Lulju 1971, proposta għal Regolament sabiex jagħmel l-emendi meħtieġa għal dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-19 ta' Lulju 1968.

Għall-Kunsill

Il-President

O. L. Scalfaro

[1] ĠU C 205, tal-11.12.1964, p. 3505/64.

[2] ĠU C 103, tat-12.6.1965, p. 1792/65.

[3] ĠU C 124, tat-28.11.1962, p. 2751/62.

[4] ĠU C 13, tal-21.2.1962, p. 204/62.

[5] ĠU C 306, tas-16.12.1967, p. 1.

--------------------------------------------------