31968L0360



Official Journal L 257 , 19/10/1968 P. 0013 - 0016
Finnish special edition: Chapter 5 Volume 1 P. 0044
Danish special edition: Series I Chapter 1968(II) P. 0477
Swedish special edition: Chapter 5 Volume 1 P. 0044
English special edition: Series I Chapter 1968(II) P. 0485
Greek special edition: Chapter 05 Volume 1 P. 0043
Spanish special edition: Chapter 05 Volume 1 P. 0088
Portuguese special edition Chapter 05 Volume 1 P. 0088


Id-Direttiva tal-Kunsill

tal-15 ta' Ottubru 1968

dwar it-tneħħija ta' restrizzjonijiet fuq il-moviment u residenza fi ħdan il-Komunità għal ħaddiema ta' Stati Membri u l-familji tagħhom

(68/360/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 49 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Billi r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 [3] iffissa d-disposizzjonijiet li jirregolaw il-libertà ta' moviment għal ħaddiema fi ħdan il-Komunità; filwaqt li, konsegwentament, għandhom ikunu adottati miżuri għat-tneħħija ta' restrizzjonijiet li jkunu għadhom jeżistu li għandhom x'jaqsmu mal-moviment u r-residenza fi ħdan il-Komunità, li jikkonformaw mad-drittijiet u l-privileġġi mogħtija mir-Regolament imsemmi għal ċittadini ta' kull Stat Membru li jaħdmu sabiex ikomplu attivitajiet bħala persuni mpjegati u għal membri tal-familja tagħhom.

Billi r-regoli applikabbli għal residenza għandhom, kemm jista' jkun, iġibu l-posizzjoni ta' ħaddiema minn Stati Membri oħra u membri tal-familji tagħhom f'konformità ma' dik ta' persuni nazzjonali.

Billi l-koordinazzjoni ta' miżuri speċjali li għandhom x'jaqsmu mal-moviment u r-residenza ta' ċittadini barranin, iġġustifikata għal raġunijiet ta' politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika, hija s-suġġett tad-Direttiva tal-Kunsill tal-25 ta' Frar 1964, [4] adottata fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 56(2) tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

L-Istati Membri għandhom, waqt li jaġixxu kif hemm provdut f'din id-Direttiva, ineħħu r-restrizzjonijiet fuq il-moviment u residenza ta' ċittadini ta' l-Istati msemmija u ta' membri tal-familji tagħhom li għalihom japplika r-Regolament (KEE) Nru 1612/68.

L-Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom jagħtu liċ-ċittadini li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1 id-dritt li jħallu t-territorju sabiex jieħdu sehem f'attivitajiet bħala persuni impjegati u sabiex ikomplu dawk l-attivitajiet fit-territorju ta' Stat Membri ieħor. Dak id-dritt għandu jkun eżerċitat sempliċiment mal-preżentazzjoni ta' karta ta' l-identità valida jew passaport validu. Membri tal-familja għandhom igawdu l-istess dritt taċ-ċittadini li jiddependu minn fuqhom.

2. L-Istati Membri għandhom, jaġixxu skond il-liġijiet tagħhom, joħorġu jew iġeddu karta ta' l-identità jew passaport għal dawk iċ-ċittadini, li fihom għandha tkun iddikjarata b'mod partikolari n-nazzjonalità tad-dententur.

3. Il-passaport għandu jkun validu ta' l-inqas għall-Istati Membri kollha u għal pajjiżi li minnhom id-detentur għandu jgħaddi meta jivvjaġġa bejn l-Istati Membri. Filwaqt li passaport hu l-uniku dokument li bih id-detentur jista' joħroġ mill-pajjiż b'mod legali, il-perijodu ta' validità tiegħu m'għandux ikun ta' inqas minn ħames snin.

4. L-Istati Membri ma jistgħux jitolbu miċ-ċittadini li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1 visa ta' ħruġ oħra jew kull dokument ekwivalenti.

L-Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-persuni li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1 li jidħlu fit-territorju tagħhom sempliċiment mal-preżentazzjoni ta' karta ta' l-identità valida jew passaport validu.

2. L-ebda visa ta' dħul jew dokument ekwivalenti m'għandu jintalab ħlief minn membri tal-familja li ma jkunux ċittadini ta' Stat Membru. L-Istati Membri għandhom jagħtu lil dawk il-persuni kull faċilità sabiex jiksbu kull visa meħtieġa.

L-Artikolu 4

1. L-Istati Membri għandhom jagħtu d-dritt ta' residenza fit-territorju tagħhom lill-persuni li hemm referenza għalihom f'Artikolu 1 li jistgħu jipproduċu d-dokumenti mniżżla f'paragrafu 3.

2. Bħala prova tad-dritt ta' residenza, għandu jinħareġ dokument intitolat "Permess għal Residenza għal ċittadini ta' Stat Membru tal-KEE". Dan id-dokument għandu jinkludi dikjarazzjoni li jkun inħareġ bis-saħħa tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u mal-miżuri meħuda mill-Istati Membri għall-implimentazzjoni tad-Direttiva preżenti. It-test ta' din id-dikjarazzjoni hu mogħti fl-Anness għal din id-Direttiva.

3. Għall-ħruġ ta' dak il-Permess ta' Residenza għal ċittadini ta' Stat Membru tal-KEE, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu l-preżentazzjoni tad-dokumenti segwenti:

- mill-ħaddiem:

(a) id-dokument li bih tkun daħlet fit-territorju tagħhom;

(b) konferma ta' impjieg minn dak li jħaddem jew ċertifikat ta' impjieg;

- mill-membri tal-familja tal-ħaddiem:

(ċ) id-dokument li bih ikunu daħlu fit-territorju;

(d) dokument maħruġ mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat ta' oriġini jew l-Istat minn fejn ikunu ġew, li jagħti prova tar-relazzjoni tagħhom;

(e) fil-każijiet li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 10(1) u (2) tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68, dokument maħruġ mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat ta' oriġini jew l-Istat minn fejn ikunu ġew, li jagħti xiehda li huma dipendenti fuq il-ħaddiem jew li jgħixu taħt is-saqaf tiegħu f'dak il-pajjiż.

4. Membru tal-familja li ma jkunx ċittadin ta' Stat Membru għandu jinħariġlu dokument ta' residenza li għandu jkollu l-istess validità ta' dak maħruġ lill-ħaddiem li fuqu jkun dipendenti.

L-Artikolu 5

It-tmiem tal-formalitajiet sabiex jinkiseb permess ta' residenza m'għandux ifixkel il-bidu immedjat ta' impjieg taħt kuntratt konkluż mill-applikanti.

L-Artikolu 6

1. Il-permess ta' residenza:

(a) għandu jkun validu fit-territorju kollu ta' l-Istat Membru li jkun ħarġu;

(b) għandu jkun validu għal ħames snin mid-data tal-ħruġ u għandu jiġġedded awtomatikament.

2. Waqfien fir-residenza li ma jaqbżux sitt xhur konsekuttivi u nuqqas milli jsir servizz militari m'għandhomx jaffettwaw il-validità għal permess ta' residenza.

3. Fejn ħaddiem ikun impjegat għal perijodu li jaqbeż tliet xhur iżda li ma jaqbiżx sena għas-servizz ta' dak li jħaddem fl-Istat ospitanti jew fl-impjieg ta' persuna li tipprovdi servizzi, l-Istat Membru ospitanti għandu joħroġlu permess ta' residenza temporanja, li l-validità tiegħu tista' tkun illimitata sakemm idum il-perijodu ta' impjieg.

Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8(1)(ċ), permess ta' residenza temporanja għandu jinħareġ ukoll għal ħaddiem staġjonali impjegat għal perijodu ta' aktar minn tliet xhur. Il-perjodu ta' impjieg għandu jintwera fid-dokumenti li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 4(3)(b).

L-Artikolu 7

1. Permess validu ta' residenza m'għandux ikun irtirat minn ħaddiem minħabba raġunijiet biss li ma jkunx aktar fl-impjieg, jew minħabba li jkun temporanjament inkapaċi li jaħdem minħabba marda jew aċċident, jew minħabba li jkun mingħajr xogħol b'mod involontarju, dan ikun ikkonfermat bix-xieraq mill-uffiċċju ta' impjieg kompetenti.

2. Meta l-permess ta' residenza jkun imġedded għall-ewwel darba, il-perjodu ta' residenza jista' jkun ristrett, iżda mhux għal inqas minn tnax-il xahar, fejn il-ħaddiem ikun ġie mkeċċi mix-xogħol fl-Istat Membru għal aktar minn tnax-il xahar konsekuttivi.

L-Artikolu 8

1. Stati Membri għandhom, mingħajr ma joħorġu permess ta' residenza, jirrikonoxxu d-dritt ta' residenza fit-territorju tagħhom ta':

(a) ħaddiem li qed ikompli attività bħala persuna impjegata, fejn l-attività ma tkunx mistennija li ddum aktar minn tliet xhur. Id-dokument li bih il-persuna konċernata tkun daħlet fit-territorju u dikjarazzjoni minn dak li jħaddem dwar kemm mistenni li jdum l-impjieg għandhom ikunu biżżejjed sabiex ikopru l-waqfien tagħha; dikjarazzjoni minn dak li jħaddem m'għandhiex iżda, tkun meħtieġa fil-każ ta' ħaddiema li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill tal-25 ta' Frar 1964 [5] dwar il-kisba ta' libertà ta' l-istabbiliment u libertà li tipprovdi servizzi f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-attivitajiet intermedjarji f'kummerċ, industrija u industriji żgħar ta' snajja'.

(b) ħaddiem li, filwaqt li jkollu r-residenza tiegħu fit-territorju ta' Stat Membru li għalih bħala regola jiddikjara, kuljum jew għallinqas darba fil-ġimgħa, li jkun impjegat fit-territorju ta' Stat Membru ieħor. L-awtorità kompetenti ta' l-Istat fejn ikun impjegat tista' toħroġ permess speċjali lil dak il-ħaddiem validu għal ħames snin u li jiġġedded awtomatikament;

(ċ) ħaddiem b'esperjenza li jkollu kuntratt ta' impjieg ittimbrat mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li jkun mar fit-territorju ta' dak l-Istat Membru sabiex ikompli l-attività tiegħu.

2. Fil-każijiet kollha li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ospitanti jistgħu jeħtieġu li l-ħaddiem jirrapporta l-preżenza tiegħu fit-territorju.

L-Artikolu 9

1. Id-dokumenti ta' residenza mogħtija lil ċittadini ta' Stat Membru tal-KEE li hemm referenza għalihom f'din id-Direttiva għandhom jinħarġu u jkunu mġedda mingħajr ħlas jew fuq ħlas ta' ammont li ma jaqbiżx id-drittijiet u taxxi mitluba għall-ħruġ ta' karti ta' l-identità lil ċittadini.

2. Il-visa li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 3(2) u t-timbru li hemm referenza għalih fl-Artikolu 8(1)(ċ) għandhom ikunu bla ħlas.

3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jissimplifikaw kemm jista' jkun possibbli l-formalitajiet u l-proċedura sabiex jinkisbu d-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1.

L-Artikolu 10

L-Istati Membri m'għandhomx jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva minbarra għal raġunijiet ta' politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.

L-Artikolu 11

1. Din id-Direttiva m'għandhiex taffettwa d-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar li għandhom x'jaqsmu ma' ħaddiema b'kapaċità rikonoxxuta fix-xogħol tal-minjieri tal-faħam u fix-xogħol ta' l-azzar, jew id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika li għandhom x'jaqsmu mad-dritt li jkun adottat impjieg ta' kapaċità fil-qasam ta' enerġija nuklejari, jew ma' kull miżura meħuda fl-implimentazzjoni ta' dawk it-Trattati.

2. Madankollu, din id-Direttiva għandha tapplika għall-kategoriji ta' ħaddiema li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 1, u għal membri tal-familji tagħhom, sakemm il-posizzjoni legali tagħhom ma tkunx regolata mit-Trattati jew miżuri msemmija fuq.

L-Artikolu 12

1. Stati Membri għandhom, fi żmien disa' xhur min-notifikazzjoni ta' din id-Direttiva, iġibu fis-seħħ il-miżuri meħtieġa sabiex ikun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet tagħha u għandhom jinfurmaw mal-ewwel lill-Kummissjoni bihom.

2. Għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'emendi magħmula għal dispożizzjonijiet imposti bil-liġi, azzjoni regolamentarja jew amministrattiva għas-simplifikazzjoni tal-formalitajiet u proċedura għall-ħruġ ta' dawk id-dokumenti kif ikun għad hemm bżonn għad-dħul, ħruġ u residenza ta' ħaddiema u membri tal-familja tagħhom.

L-Artikolu 13

1. Id-Direttiva tal-Kunsill tal-25 ta' Marzu 1964 [6] dwar it-tneħħija ta' restrizzjonijiet fuq moviment u residenza fi ħdan il-Komunità ta' ħaddiema u l-familji tagħhom għandha tibqa' fis-seħħ sakemm din id-Direttiva tkun implimentata mill-Istati Membri.

2. Permessi ta' residenza maħruġa bis-saħħa tad-Direttiva li hemm referenza għaliha fil-Paragrafu 1 għandhom jibqgħu validi sad-data li fiha jmisshom jiskadu.

L-Artikolu 14

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fil−15 ta' Ottubru 1968.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Sedati

[1] ĠU 268, tas-6.11.1967, p. 10.

[2] ĠU 298, tas-7.12.1967, p. 10.

[3] ĠU L 257, tad-19.10.1968, p. 2.

[4] ĠU 56, ta' l-4.4.1964, p. 850/64.

[5] ĠU 56, ta' l-4.4.1964, p. 869/64.

[6] ĠU 62, tas–17.4.1964, p. 981/64.

--------------------------------------------------

ANNESS

Test ta' l-Istat li hemm referenza għalih fl-Artikolu 4(2):

"Dan il-permess hu maħruġ bis-saħħa tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68 tal-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej tal-15 ta' Ottubru 1968 u bil-miżuri meħuda fl-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill tal-15 ta' Ottubru 1968.

Bi qbil mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament imsemmi fuq, id-detentur ta' dan il-permess għandu d-dritt li jidħol għal u li jkompli attività bħala persuna impjegata f' … [1] territorju taħt l -istess kondizzjonijiet ta' … [2] ħaddiema."

[1] Belġjani, Ġermaniżi, Franċiżi, Taljani, Lussemburgiżi, Olandiżi, skond il-pajjiż li joħroġ il-permess.

[2] Belġjani, Ġermaniżi, Franċiżi, Taljani, Lussemburgiżi, Olandiżi, skond il-pajjiż li joħroġ il-permess.

--------------------------------------------------