31967L0548



Official Journal 196 , 16/08/1967 P. 0001 - 0098
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 1 P. 0019
Danish special edition: Series I Chapter 1967 P. 0211
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 1 P. 0019
English special edition: Series I Chapter 1967 P. 0234
Greek special edition: Chapter 13 Volume 1 P. 0034
Spanish special edition: Chapter 13 Volume 1 P. 0050
Portuguese special edition Chapter 13 Volume 1 P. 0050


Id-Direttiva tal-Kunsill

tas-27 ta’ Ġunju 1967

rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta’ sustanzi perikolużi

(67/548/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITÀ EKONOMIKA EWROPEA,

Wara li jikkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 100 tiegħu;

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni;

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2];

Billi kwalunkwe regoli li jikkonċernaw it-tqegħid fis-suq ta’ sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi għandhom ikollhom l-għan li jipproteġu lill-pubbliku, u partikolarment ħaddiema li jużaw dawn is-sustanzi u l-preparazzjonijiet;

Billi d-differenzi bejn id-dispożizzjonijiet nazzjoanli tas-sitt Stati Membri dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta’ sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi jfixklu l-kummerċ ta’ dawn is-sustanzi u l-preparazzjonijiet fil-Komunità u b’hekk direttament jaffettwaw l-istabbiliment u l-iffunzjonar tas-suq komuni;

Billi hu għalhekk meħtieġ li jitneħħew dan l-ixkiel; billi dan jinvolvi l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar;

Billi, invista tax-xogħol ta’ preparazzjoni li għad għandu jitwettaq, l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardjaw il-preparazzjonijiet perikolużi għandhom ikunu ttrattati f’direttivi aktar ’il quddiem; billi għalhekk id-Direttiva preżenti għandha tkun ristretta għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardjaw sustanzi perikolużi;

Billi invista ta’ l-estent ta’dan il-qasam u l-ħafna miżuri dettaljati li huma meħtieġa għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha li jirrigwardjaw sustanzi perikolużi, jidher xieraq li l-ewwel ikunu ttrattati l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardjaw il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta’sustanzi perikolużi u li jittrattaw f’direttivi aktar tard ma l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardjaw l-użu ta’ dawk is-sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi jekk ikun stabbilit li d-differenzi bejn ċerti dispożizzjonijiet jaffettwaw direttament l-istabbiliment jew il-funzjonament tas-suq komuni;

Billi l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li huma stabbiliti b’din id-Direttiva ma jippreġudikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 31 u 32 tat-Trattat;

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

1. Il-qasam ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva huwa l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri rigward:

- il-klassifikazzjoni,

- l-imballaġġ, u

- l-ittikkettjar

ta’ sustanzi perikolużi li huma mqiegħda fis-suq fl-Istati Membri tal-Komunità.

2. Din id-Direttiva ma taffettwax id-dispożizzjonijiet li jirigwardjaw:

(a) prodotti mediċinali, narkotiċi u sustanzi radjuattivi;

(b) it-trasport ta’sustanzi perikolużi bil-ferrovija, bit-triq, bil-passaġġi interni fuq l-ilma, bil-baħar jew bl-ajru;

(ċ) il-munizzjon u oġġetti li jkun fihom materja splussiva fil-forma ta’ affarijiet li jqabbdu jew karburanti tal-vetturi.

3. Din id-Direttiva ma tapplikax għal sustanzi perikolużi esportati lejn pajjiżi terzi.

4. L-Artikoli 5 sa 7 ta’din id-Direttiva ma japplikawx għall-kontenituri għal gassijiet li huma kompressati, likwifikati jew maħlula taħt pressa.

L-Artikolu 2

1. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

(a) "sustanzi" tfisser

elementi kimiċi u l-komposti tagħhom kif iseħħu fl-istat naturali tagħhom jew kif prodotti mill-industrija;

(b) "preparazzjonijiet" tfisser

taħlita jew soluzzjonijiet komposti minn żewġ sustanzi jew aktar.

2. Is-sustanzi u preparazzjonijiet li ġejjin huma "perikolużi" fit-tifsira ta’ din id-Direttiva:

(a) splussivi:

- sustanzi u preparazzjonijiet li jistgħu jesplodu taħt effett ta’ fjamma jew li huma aktar sensittivi għal skossi jew frizzjoni mid-dintrobenżina;

(b) ossidanti:

- sustanzi u preparazzjonijiet li jistgħu jagħtu bidu għal reazzjoni esotermika għolja meta f’kuntatt ma’ sustanzi oħra, partikolarment sustanzi li jieħdu n-nar;

(ċ) faċilment li jieħdu n-nar:

- sustanzi u preparazzjonijiet li jistgħu jsiru jaħarqu u finalment jieħdu n-nar b’kuntatt ma’ l-arja fit-temperatura ambjentali mingħajr xi applikazzjoni ta’enerġija, jew

- sustanzi solidi u preparazzjonijiet li jistgħu malajr jieħdu n-nar wara kuntatt qasir ma’ sorsi ta’ tqabbid u li jkomplu jinħarqu jew jiġu kkunsmati wara t-tneħħija tas-sorsi ta’ tqabbid, jew

- sustanzi u preparazzjonijiet likwidi li jkollhom punt tat-tqabbid taħt il-21 °C, jew

- sustanzi u preparazzjonijiet gassużi li jieħdu n-nar fl-arja ta’ pressjoni normali, jew

- sustanzi u preparazzjonijiet li, f’kuntatt mal-ilma jew mal-arja niedja, jevolvu gassijiet li jieħdu n-nar malajr fi kwantitajiet perikolużi;

(d) li jieħdu n-nar:

sustanzi u preparazzjonijiet likwidi li għandhom flashpoint bejn il-21 °C u l-55 °C;

(e) tossiċi:

sustanzi u preparazzjonijiet li, jekk jinġibdu ‘l ġewwa man-nifs jew jittieħdu internament jew jekk jippenetraw fil-ġilda, jistgħu jinvolvu riskji għas-saħħa serji, akuti jew kroniċi u anki l-mewt;

(f) ta’ ħsara:

sustanzi u preparazzjonijiet li, jekk jinġibdu ‘l ġewwa man-nifs jew jittieħdu internament jew jekk jippenetraw il-ġilda, jistgħu jinvolvu riskji għas-saħħa limitati;

(g) korrożivi:

sustanzi u preparazzjonijiet li jistgħu, f’kuntatt ma’ tessut ħaj, jeqirduh;

(h) irritanti:

sustanzi u preparazzjonijiet li m’humiex korrużivi li, permezz ta’ kuntatt immedjat, fit-tul jew repetut mal-ġilda jew mal-membrani mukożi, jistgħu joħloqu l-infjamazzjoni.

L-Artikolu 3

Il-klassifikazzjoni ta’ sustanzi perikolużi skond l-ogħla grad tar-riskju u n-natura speċifika tar-riskji għandha tkun ibbażata fuq il-kategoriji stabbiliti fl-Artikolu 2.

L-Artikolu 4

L-Anness I ta’ din id-Direttiva jagħti lista ta’ sustanzi perikolużi kklassifikati skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3.

L-Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jassiguraw li sustanzi perikolużi ma jistgħux jitqiegħdu fis-suq kemm-il darba s-saħħa u l-impermeabbilità ta’ l-imballaġġ tagħhom tkun tissodisfa l-ħtiġiet li ġejjin, li kull imballaġġ iħares dawn il-ħtiġiet ikun meqjus bħala xieraq:

1. Il-pakketti għandhom ikunu rranġati u magħluqa b’mod li jipprekludi kull telf tal-kontenut; din il-ħtieġa ma tapplikax meta jkunu stabbiliti xi mezzi speċjali ta’siġurtà;

2. Il-materjali li jikkostitwixxu l-imballaġġ u l-għeluq ma għandhomx ikunu li x’aktarx jattakkaw il-kontenut, jew li x’aktarx jiffurmaw komposti mal-kontenut ta’ ħsara jew perikolużi;

3. Il-pakketti u l-għeluq għandhom ikunu b’saħħithom u solidi kullimkien sabiex ikun assigurat li ma jinħallux u li jistgħu jissodisfaw b’mod sigur l-issikkar u l-istrapazz normali tal-ġarr.

L-Artikolu 6

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jassiguraw li sustanzi perikolużi ma jistgħux jitqiegħdu fis-suq kemm-il darba l-ittikkettjar fuq l-imballaġġ tagħhom ikun jissodisfa l-ħtiġiet li ġejjin.

2. Il-pakketti kollha għandhom ikunu mmarkati bi:

- l-isem tas-sustanza,

- l-oriġini tas-sustanza,

- is-simbolu ta’ periklu u l-indikazzjoni ta’ periklu involut fl-użu tas-sustanza,

- ir-referenza għar-riskji speċjali li jfeġġu minn perikli bħal dawn;

(a) l-isem tas-sustanza għandu jkun wieħed mit-termini elenkati fl-Anness I ta’ din id-Direttiva;

(b) l-indikazzjoni ta’ l-oriġini għandha tinkludi l-isem u l-indirizz tal-fabbrikant, id-distributur jew l-importatur;

(ċ) is-simboli u indikazzjonijiet ta’ periklu li ġejjin għandhom jintużaw:

- splussiv: | bomba qiegħda tisplodi (E) |

- ossidanti: | fjamma fuq ċirku (O) |

- fjammabbli ħafna: | fjamma (F) |

- tossiku | ras ta’ mewt u għadam forma ta’ salib (T) |

- ta’ ħsara: | Salib ta’ Sant Andrija (Xn) |

- korrużiv: | is-simbolu li juri l-effett ta’ħsara ta’ xi aċidu (C) |

- irritanti: | Salib ta’ Sant Andrija (Xi) |

Is-simboli għandhom ikunu konformi ma’ dawk fl-Anness II ta’ id-Diretttiva; għandhom ikunu stampati bl-iswed fuq sfond bl-oranġjo fl-isfar.

(d) In-natura tar-riskji speċjali involuti meta jintużaw is-sustanzi għandhom ikunu indikati minn waħda mill-frażi standard jew iktar, b’konformità mar-referenzi li jinstabu fil-lista fl-Anness I, huma stabbiliti fl-Anness III ta’ din id-Direttiva.

3. Jekk l-imballaġġ ikun akkumpanjat b’parir dwar il-prekawzjonijiet tas-saħħa li jirrigwardaw l-użu tas-sustanzi, il-kliem ta’ dan għandu, bi qbil mar-referenzi li jinsabu fil-lista fl-Anness I, ikunu meħuda mill-Anness IV ta’ din id-Direttiva.

L-Artikolu 7

1. Meta l-partikolaritajiet meħtieġa bl-Artikolu 6 jidhru fuq it-tikketta, it-tikketta għandha titpoġġa fuq wieħed jew iktar mill-uċuħ tal-pakkett sabiex tkun tista’ tinqara orizzontalment meta l-pakkett ikun imqiegħed normalment. Il-qisien tat-tikketta ma għandhomx ikunu anqas minn dawk ta’ karta standard A 8 (52 x 74 mm), imma ma hemm l-ebda obbligazzjoni li teċċedi dawk tal-karta A 5 standard (148 x 210 mm). Kull simbolu għandu jkopri minn ta’ l-anqas wieħed minn għaxra tal-parti tal-wiċċ tat-tikketta. Il-wiċċ sħiħ tat-tikketta għandu jeħel ma’ l-imballaġġ immedjat tas-sustanza.

2. Tikketta mhix meħtieġa meta l-partikolari huma stampati ċari fuq l-imballaġġ normali kif speċifikat fil-paragrafu 1.

3. Il-partikolaritajiet fuq l-imballaġġ jew fuq it-tikketta għandhom ikunu stampati f’karattri kjarament leġġibli u li ma jitħassrux sabiex ikun assigurat li s-simboli u indikazzjonijiet ta’ periklu u r-referenza għar-riskji speċjali jkunu suffiċjentament prominenti.

4. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu t-tqegħid ta’ sustanzi perikolużi fis-suq fit-territorju tagħhom suġġetti għall-użu tal-lingwa jew il-lingwi nazzjonali dwar l-ittikkettjar ta’ dawn is-sustanzi.

5. L-obbligazzjonijiet tal-paragrafi 1 sa 4 li jirrigwardaw l-ittikkettjar għandhom ikunu meqjusa bħala sodisfaċenti meta l-kontenitur li jkun mibgħut ikollu tikketta li tkun konformi mal-ħtiġiet tad-dispaċċ u meta din it-tikketta turi s-simbolu xieraq stabbilit fl-Artikolu 6(2) (ċ). Din id-deroga ma tapplikax għal kontenituri li jinsabu ġewwa kontenituri oħrajn.

L-Artikolu 8

L-Istati Membri jistgħu:

(a) jippermettu li l-ittikkettjar meħtieġ mill-Artikolu 6 ikun imwaħħal b’xi manjiera xierqa oħra fuq imballaġġ żgħir wisq biex jippermetti l-ittikkettjar bi qbil ma’ l-Artikolu 7(1) jew (2);

(b) bħala deroga mill-Artikoli 6 u 7, jippermettu li l-imballaġġ ta’ sustanzi perikolużi li la huma splussivi u l-anqas tossiċi ma jkunx ittikkettjat, jew ikun ittikkettjat b’xi mod ieħor jekk huma jkollhom kwantitajiet hekk żgħar li ma jkun hemm l-ebda periklu għall-ħaddiema jew oħrajn.

L-Artikolu 9

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-liġijiet, bir-regolamenti u bid-dispożizzjonijiet amministrattivi kollha li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

L-Artikolu 10

L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva u għandhom japplikawhom sa mill-1 ta’ Jannar 1970 l-aktar tard.

Huma għandhom jinfurmaw minnufuh lill-Kummissjoni b’dan.

L-Artikolu 11

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-27 ta’ Ġunju 1967.

Għall-Kunsill

Il-President

R. Van Elslande

[1] ĠU C 209,tal-11.12.1965, p. 3133/65.

[2] ĠU C 11,ta’ l-20.1.1966,p. 143/66

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

Ara Id-Direttiva tal-Kummissjoni ĠU L 225, tal-21.8.2001, p. 1.

--------------------------------------------------

L-ANNESSI II, III U IV

Ara Id-Direttiva tal-Kummissjoni ĠU L 225 tal-21.8.2001, p. 1.

--------------------------------------------------

L-ANNESSI III

Ara Id-Direttiva tal-Kummissjoni ĠU L 225 tal-21.8.2001, p. 1.

--------------------------------------------------

L-ANNESSI IV

Ara Id-Direttiva tal-Kummissjoni ĠU L 225 tal-21.8.2001, p. 1.

--------------------------------------------------