31964L0225



Official Journal 056 , 04/04/1964 P. 0878 - 0883
Finnish special edition: Chapter 6 Volume 1 P. 0020
Danish special edition: Series I Chapter 1963-1964 P. 0123
Swedish special edition: Chapter 6 Volume 1 P. 0020
English special edition: Series I Chapter 1963-1964 P. 0131
Greek special edition: Chapter 06 Volume 1 P. 0036
Spanish special edition: Chapter 06 Volume 1 P. 0038
Portuguese special edition Chapter 06 Volume 1 P. 0038


Id-Direttiva Tal-Kunsill

tal-25 ta’ Frar 1964

dwar it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jkunu pprovduti servizzi fir-rigward tar-riassigurazzjoni u tar-retroċessjoni

(64/225/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITÀ EKONOMIKA EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 54(2) u (3) u 63(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Programm Ġenerali għall-abolizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment, [1] u b'mod partikolari t-Titolu IV A tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Programm Ġenerali għall-abolizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, [2] u b'mod partikolari t-Titolu V Ċ tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew [3],

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [4],

Billi l-Programmi Ġenerali jipprovdu li l-fergħat kollha tar-riassigurazzjoni għandhom, mingħajr distinzjoni, ikunu illiberalizzati qabel it-tmiem ta’ l-1963 f'dak li għandu x'jaqsam ma’ kemm id-dritt ta’ stabbiliment u kemm id-dispożizzjoni tas-servizzi;

Billi r-riassigurazzjoni ma sseħħx biss permezz ta’ intrapriżi li jispeċjalizzaw fir-riassigurazzjoni imma ukoll permezz ta’ dawk hekk imsejħa intrapriżi "mħallta", li jittrattaw kemm f'assigurazzjoni diretta u kemm f'riassigurazzjoni u li għandhom għalhekk ikunu koperti b'miżuri meħuda fl-implementazzjoni ta’ din id-Direttiva f'dak li għandu x'jaqsam ma’ dik il-parti tan-negozju tagħhom li hija kkonċernata bir-riassigurazzjoni u bir-retroċessjoni;

Billi, għall-iskopijiet li jkunu applikati miżuri li jikkonċernaw id-dritt ta’ twaqqif u l-libertà li jkunu pprovduti servizzi, il-kumpanniji u l-impriżi għandhom ikunu ttrattati bl-istess mod bħal persuni naturali li jkunu ċittadini ta’ Stati Membri, soġġetti biss għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 58 u, meta neċessarju, għall-kondizzjoni li għandha tkun teżisti rabta reali u kontinwa ma’ l-ekonomija ta’ Stat Membru; billi għalhekk ebda kumpannija jew impriża ma tista tkun meħtieġa, sabiex takkwista l-benefiċċju ta’ dawn il-miżuri, illi twettaq xi kundizzjoni addizzjonali, u b'mod partikolari l-ebda kumpannija jew impriża m'għandha tkun meħtieġa li takkwista xi awtorizzazzjoni speċjali li ma tkunx meħtieġa minn kumpannija jew impriża domestika li tkun tixtieq li twettaq attività ekonomika partikolari; billi, madanakollu, din l-uniformità ta’ trattament m'għandhiex tipprevieni Stat Membru milli jeħtieġ li kumpannija li jkollha kapital ta’ ishma topera fil-pajjiżi tagħhom taħt id-deskrizzjoni li biha hija magħrufa l-liġi ta’ l-Istat Membru li taħtu tkun ikkostitwita, u li tindika l-ammont tal-kapital sottoskritt tagħha fil-karti tan-negozju li hi tuża fl-Istat Membru li jospita;

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

L-Istati Membri għandhom ineħħu, f'dak li jirrigwardja l-persuni u l-kumpanniji jew l-impriżi naturali koperti bit-Titolu I tal-Programmi Ġenerali għall-abolizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jkunu pprovduti servizzi, ir-restrizzjonijiet imsemmija fit-Titolu III ta’ dawk il-Programmi Ġenerali li jaffettwaw id-dritt li jinbdew u li jitwettqu l-attivitajiet speċifikati fl-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva.

L-Artikolu 2

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw:

1. għal attivitajiet ta’ persuni impjegati għal rashom fir-riassigurazzjoni u fir-retroċessjoni li jaqgħu taħt il-Grupp ex 630 fl-Anness I tal-Programm Ġenerali għall-abolizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment;

2. f'każijiet speċjali ta’ persuni, kumpanniji jew impriżi naturali imsemmija fl-Artikolu 1 li jittrattaw kemm f'assigurazzjoni diretta u f'riassigurazzjoni u fir-retroċessjoni ta’ l-attivitajiet tagħhom, għal dik il-parti ta’ l-attivitajiet tagħhom li hi kkonċernata bir-riassigurazzjoni u bir-retroċessjoni.

L-Artikolu 3

L-Artikolu 1 għandu japplika b'mod partikolari għal restrizzjonijiet li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a) f'dak li jirrigwarda il-libertà ta’ stabbiliment:

- fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(1) Versicherungsaufsichtsgesetz tas-6 ta’ Ġunju 1931, l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 106(2), u l-Artikolu 111(2), li permezz tagħhom il-Ministru Federali ta’ l-Affarijiet Ekonomiċi huwa mogħti poteri ta’ diskrezzjoni biex jimponi fuq ċittadini barranin kondizzjonijiet biex jinbdew attivitajiet fl-assigurazzjoni u biex jipprojbixxi lil dawn iċ-ċittadini milli jwettqu dawn l-attivitajiet fit-territorju tar-Repubblika Federali;

(2) Gewerbeordnung, il-paragrafu 12, u l-Liġi tat-30 ta’ Jannar 1937, l-Artikolu 292, li permezz tagħhom il-kumpanniji u l-impriżi huma meħtieġa li jottjenu awtorizzazzjoni minn qabel;

- fir-Renju tal-Belġju

L-Arrêté royal Nru 62 tas-16 ta’ Novembru 1939 u l-Arrêté ministériel tas-17 ta’ Diċembru 1945, li jeħtieġu l-pussess ta’ carte professionelle;

- fir-Repubblika Franċiża

(1) Id-Décret-loi tat-12 ta’ Novembru 1938 u d-Décret tat-2 ta’ Frar 1939, it-tnejn emendati bil-liġi tat-8 ta'Ottubru 1940, li jeħtieġu il-pussess ta’ carte d'identité de commerçant;

(2) It-Tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 2 tal-Liġi tal-15 ta’ Frar 1917, kif emendata u ssupplimentata bid-Décret-loi tat-30 ta'Ottubru 1935, li teħtieġ li tkun miksuba awtorizzazzjoni speċjali;

- fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu

Il-Liġi tat-2 ta’ Ġunju 1962, l-Artikoli 19 u 21 (Mémorial A Nru 31 tad-19 ta’ Ġunju 1962).

(b) f'dak li jirrigwarda l-libertà li jiġu pprovduti servizzi:

- fir-Repubblika Franċiża

Il-Liġi tal-15 ta’ Frar 1917, kif emendata bid-Décret - loi tat-30 ta’ Ottubru 1935, jiġifieri:

(1) It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 1, li jagħti l-poter lill-Ministru tal-Finanzi li jħejji lista ta’ intrapriżi speċifikati, jew ta’ l-intrapriżi ta’ pajjiż speċifikat, li miegħu ma jistax jiġi konkluż kuntratt għal riassigurazzjoni jew għal retroċessjoni ta’ xi riskju fir-rigward ta’ xi persuna, proprjetà jew impenn fi Franza;

(2) l-aħħar paragrafu ta’ l-Artikolu 1, li jipprojbixxi l-aċċettazjoni ta’ riskji ta’ riassigurazzjoni jew ta’ retroċessjoni assigurati minn intrapriżi msemmija f’ (b) (1) hawn fuq;

(3) l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 2, li jeħtieġ li l-isem tal-persuna msemmija f'dak l-Artikolu għandu jkun sottomess lill-Ministru tal-Finanzi għall-approvazzjoni;

- fir-Repubblika Taljana

It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 73 tat-test konsolidat approvat bid-Decreto Nru 449 tat-13 ta’ Frar 1959, li jawtorizza lill-Ministru ta’ l-Industrija u tal-Kummerċ li jipprojbixxi t-trasferiment ta’ riskji ta’ riassigurazzjoni jew ta’ retroċessjoni lil intrapriżi barranin speċifikati li ma jkunux stabbilixxew rappreżentazzjoni legali fit-territorju Taljan.

L-Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva fi żmien sitt xhur min-notifika tagħha u għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan.

L-Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fil-25 ta’ Frar 1964.

Għall-Kunsill

Il-President

H. Fayat

[1] ĠU 2, tal-15.1.1962, p. 36/62.

[2] ĠU 2, tal-15.1.1962, p. 32/62.

[3] ĠU 33, ta’ l-4.3.1963, p. 482/63.

[4] ĠU 56, ta’ l-4.4.1963, p. 882/64.

--------------------------------------------------