29.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 91/89


DEĊIŻJONI Nru 1/2023 TAL-KUMITAT SPEĊJALIZZAT DWAR IL-KOORDINAZZJONI TAS-SIGURTÀ SOĊJALI STABBILIT MILL-ARTIKOLU 8(1)(P) TAL-FTEHIM DWAR IL-KUMMERĊ U L-KOOPERAZZJONI BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA, MINN NAĦA, U R-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ, MIN-NAĦA L-OĦRA,

tal-10 ta’ Marzu 2023

fir-rigward tal-użu tal-Iskambju Elettroniku ta’ Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali għat-trażmissjoni tad-data bejn l-istituzzjonijiet jew il-korpi ta’ kollegament [2023/698]

IL-KUMITAT SPEĊJALIZZAT DWAR IL-KOORDINAZZJONI TAS-SIGURTÀ SOĊJALI,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (1) (il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”), u b’mod partikolari l-Artikolu SSCI.4(2) tal-Protokoll tiegħu dwar il-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu SSCI.71(4) tal-Protokoll dwar il-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali għall-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni (Protokoll dwar il-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali), għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ dak il-protokoll, ir-Renju Unit jista’ jieħu sehem fl-Iskambju Elettroniku ta’ Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali u jġarrab il-kostijiet relatati.

(2)

Skont l-Artikolu SSCI.4(2) tal-Protokoll dwar il-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali, it-trażmissjoni tad-data bejn l-istituzzjonijiet jew il-korpi ta’ kollegament tal-Istati Membri u tar-Renju Unit tista’, soġġett għall-approvazzjoni tal-Kumitat Speċjalizzat dwar il-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali, titwettaq permezz tal-Iskambju Elettroniku ta’ Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali. Sa fejn il-formoli u d-dokumenti jiġu skambjati permezz tal-Iskambju Elettroniku ta’ Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali, dawn għandhom jirrispettaw ir-regoli applikabbli għall-Iskambju Elettroniku ta’ Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali.

(3)

L-użu tal-Iskambju Elettroniku ta’ Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-Protokoll dwar il-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali jkun ta’ benefiċċju għall-Istati Membri u r-Renju Unit, l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u l-persuni li jiċċaqilqu bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, peress li jiżgura skambju aktar rapidu, preċiż u sigur ta’ informazzjoni dwar is-sigurtà soċjali skont il-Protokoll dwar il-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali. Għalhekk jenħtieġ li l-Kumitat Speċjalizzat dwar il-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali jadotta deċiżjoni biex japprova t-trażmissjoni tad-data permezz tal-Iskambju Elettroniku ta’ Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali.

(4)

Il-Kumitat Speċjalizzat dwar il-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali jinnota li, filwaqt li r-regoli dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali stabbiliti fil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2) huma legalment separati minn dawk stabbiliti fil-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, l-Artikolu 34(2) tal-ftehim preċedenti jipprevedi li r-Renju Unit għandu jieħu sehem fl-Iskambju Elettroniku ta’ Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali (EESSI) u jġarrab il-kostijiet relatati,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-trażmissjoni tad-data bejn l-istituzzjonijiet jew il-korpi ta’ kollegament tal-Istati Membri u tar-Renju Unit għandha titwettaq permezz tal-Iskambju Elettroniku ta’ Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali u oġġettivament ġustifikati.

Artikolu 2

Ir-Renju Unit għandu jġarrab il-kostijiet relatati li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni tiegħu fl-Iskambju Elettroniku ta’ Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali skont l-Artikolu SSCI.71(4) tal-Protokoll dwar il-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell u f’Londra, l-10 ta’ Marzu 2023.

Għall-Kumitat Speċjalizzat dwar il-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali

Il-Kopresidenti

Jordi CURELL GOTOR

Ronan O’CONNOR


(1)  ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10.

(2)  ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.