1.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 1/1


Avviż dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq dwar proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata u tal-Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u l-Komunità Ewropea tal Enerġija Atomika dwar l-Użu Sikur u Paċifiku tal-Enerġija Nukleari

L-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra, innotifikaw it-tlestija tal-proċeduri meħtieġa għall-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra (il-''Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni''), tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq dwar proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata (il-''Ftehim dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni'') u tal-Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u l-Komunità Ewropea tal Enerġija Atomika dwar l-Użu Sikur u Paċifiku tal-Enerġija Nukleari (il-''Ftehim dwar l-Enerġija Nukleari''), f'konformità mal-Artikolu FINPROV.11(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, l-Artikolu 19(2) tal-Ftehim dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni u l-Iskambju ta' Ittri relatat mal-Ftehim dwar l-Enerġija Nukleari.

Konsegwentement, dawk il-Ftehimiet japplikaw proviżorjament mill-1 ta' Jannar 2021:

bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni;

bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, fir-rigward tal-Ftehim dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni; u

bejn il-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika dwar l-Użu Sikur u Paċifiku tal-Enerġija Nukleari.

Kif previst fl-Artikolu FINPROV.9 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, l-Artikolu 21 tal-Ftehim dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni u l-Artikolu 25 tal-Ftehim dwar l-Użu Sikur u Paċifiku tal-Enerġija Nukleari, il-verżjonijiet ta' dawk il-Ftehimiet bil-Bulgaru, il-Kroat, iċ-Ċek, id-Daniż, in-Netherlandiż, l-Ingliż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ungeriż, l-Irlandiż, it-Taljan, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol u l-Iżvediż ser ikunu soġġetti għar-reviżjoni finali mill-ġuristi lingwisti fix-xhur li ġejjin. It-testi awtentiċi u definittivi li jirriżultaw minn tali reviżjoni mill-ġuristi lingwisti jissostitwixxu ab initio l-verżjonijiet iffirmati tal-Ftehimiet.