10.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 184/3


FTEHIM

bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali, u l-Anness tagħha, u tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/905/ĠAI dwar l-akkreditament tal-fornituri ta' servizzi forensiċi li jwettqu attivitajiet tal-laboratorji

L-UNJONI EWROPEA,

minn naħa waħda, u

Il-PRINĊIPAT TAL-LIECHTENSTEIN,

min-naħa l-oħra,

minn hawn' il quddiem flimkien imsejħa “il-Partijiet Kontraenti”,

FILWAQT LI JIXTIEQU jtejbu l-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein, mingħajr preġudizzju għar-regoli li jipproteġu l-libertà individwali,

FILWAQT LI JQISU li r-relazzjonijiet attwali bejn il-Partijiet Kontraenti, b'mod partikolari l- Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (1) ta' Schengen, juru kooperazzjoni mill-qrib fil-ġlieda kontra l-kriminalità,

FILWAQT LI JINNOTAW l-interess komuni tal-Partijiet Kontraenti li jiżguraw li l-kooperazzjoni tal-pulizija bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein titwettaq b'mod rapidu u effiċjenti kompatibbli mal-prinċipji bażiċi tas-sistemi legali nazzjonali tagħhom, u f'konformità mad-drittijiet u l-prinċipji individwali tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f'Ruma fl-4 ta' Novembru 1950,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2006/960/ĠAI tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-simplifikazzjoni tal-iskambju ta' informazzjoni u intelligence bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (2) diġà tistipula regoli li permezz tagħhom l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein jistgħu jiskambjaw informazzjoni u intelligence eżistenti malajr u b'mod effettiv għall-iskop tat-twettiq ta' investigazzjonijiet kriminali jew operazzjonijiet ta' intelligence kriminali,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li, biex tiġi stimulata l-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-infurzar tal-liġi, huwa ta' importanza fundamentali li informazzjoni preċiża tkun tista' tiġi skambjata malajr u b'mod effiċjenti,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-għan huwa li jiġu introdotti proċeduri għall-promozzjoni ta' mezzi rapidi, effiċjenti u rħas għall-iskambju tad-data, u li, għall-użu konġunt tad-data, jenħtieġ li dawk il-proċeduri jkunu soġġetti għall-obbligu ta' rendikont u jenħtieġ li jinkorporaw garanziji xierqa fir-rigward tal-akkuratezza u s-sigurtà tad-data matul it-trażmissjoni u l-ħżin kif ukoll il-proċeduri għar-reġistrazzjoni tal-iskambju tad-data u r-restrizzjonijiet dwar l-użu tal-informazzjoni skambjata,

FILWAQT LI JISPEĊIFIKAW li dan il-Ftehim għalhekk fih dispożizzjonijiet li huma bbażati fuq id-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAItat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (3) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (4), u l-Anness tagħha, u tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/905/ĠAI tat-30 ta' Novembru 2009 dwar l-akkreditament tal-fornituri ta' servizzi forensiċi li jwettqu attivitajiet tal-laboratorji (5), u li huma mfassla biex itejbu l-iskambju ta' informazzjoni fejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein jagħtu lil xulxin drittijiet ta' aċċess għall-fajls awtomatizzati tagħhom ta' analiżi tad-DNA, sistemi awtomatizzati ta' identifikazzjoni dattiloskopika u data tar-reġistrazzjoni tal-vetturi,

FILWAQT LI JISPEĊIFIKAW li fil-każ ta' data minn fajls ta' analiżi nazzjonali tad-DNA u sistemi awtomatizzati ta' identifikazzjoni dattiloskopika, sistema hit/no hit jenħtieġ li tippermetti lill-Istat li jagħmel it-tfittxija, fit-tieni pass, li jitlob data personali speċifika relatata mill-Istat li jamministra l-fajl u, fejn meħtieġ, jitlob aktar informazzjoni permezz ta' proċeduri ta' assistenza reċiproka, inkluż dawk adottati skont id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2006/960/ĠAI,

FILWAQT LI JQISU li dawk id-dispożizzjonijiet iħaffu konsiderevolment il-proċeduri eżistenti li jippermettu lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u lill-Prinċipat tal-Liechtenstein jsiru jafu jekk Stat ieħor għandux l-informazzjoni li jeħtieġ, u jekk iva, liema Stat,

FILWAQT LI JQISU li t-tqabbil tad-data bejn pajjiż u ieħor ser jiftaħ dimensjoni ġdida fil-ġlieda kontra l-kriminalità u li l-informazzjoni miksuba permezz tat-tqabbil tad-data ser tiftaħ approċċi investigattivi ġodda u għalhekk għandha rwol kruċjali biex tgħin lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji tal-Istati,

FILWAQT LI JQISU li r-regoli huma bbażati fuq il-bażijiet ta' data nazzjonali tal-Istati ta' netwerking,

FILWAQT LI JQISU li soġġett għal ċerti kundizzjonijiet, jenħtieġ li l-Istati jkunu jistgħu jipprovdu data personali u mhux personali sabiex itejbu l-iskambju ta' informazzjoni bil-għan li jiġu evitati reati kriminali u jinżammu l-ordni u s-sigurtà pubblika b'rabta ma' avvenimenti maġġuri b'dimensjoni transkonfinali,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li, minbarra t-titjib tal-iskambju ta' informazzjoni, hemm bżonn li jiġu rregolati forom oħra ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet tal-pulizija, b'mod partikolari permezz ta' operazzjonijiet ta' sigurtà konġunti (eż. pattulji konġunti),

FILWAQT LI JQISU li s-sistema hit/no hit tipprovdi għal struttura ta' tqabbil ta' profili anonimi, fejn, data personali addizzjonali tiġi skambjata biss wara hit, li l-provvista u l-wasla tagħhom tkun irregolata mil-liġi nazzjonali, inkluż ir-regoli dwar l-assistenza legali, u li din l-istruttura tiggarantixxi sistema adegwata ta' protezzjoni tad-data, filwaqt li jkun mifhum li l-forniment ta' data personali lil Stat ieħor jeħtieġ livell adegwat ta' protezzjoni tad-data min-naħa tal-Istat riċeventi,

FILWAQT LI JQISU li jenħtieġ li l-Prinċipat tal-Liechtenstein iħallas l-ispejjeż magħmula mill-awtoritajiet tiegħu b'konnessjoni mal-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li, peress li l-akkreditament tal-fornituri ta' servizzi forensiċi li jwettqu attivitajiet tal-laboratorji huwa pass importanti lejn skambju aktar sikur u effettiv ta' informazzjoni forensika, jenħtieġ li l-Prinċipat tal-Liechtenstein jikkonforma ma' ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/905/ĠAI,

FILWAQT LI JQISU li l-ipproċessar ta' data personali, skont dan il-Ftehim, mill-awtoritajiet tal-Prinċipat tal-Liechtenstein għall-finijiet tal-prevenzjoni, is-sejbien jew l-investigazzjoni tat-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali jenħtieġ li jkun soġġett għal standard ta' protezzjoni ta' data personali skont il-liġi nazzjonali tal-Prinċipat tal-Liechtenstein li tkun konformi mad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (6),

FILWAQT LI JIBBAŻAW RUĦHOM fuq il-fiduċja reċiproka tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein fl-istruttura u l-funzjonament tas-sistemi legali tagħhom,

FILWAQT LI JQISU l-fatt li, skont il-Ftehim bejn il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein li jirreferi għall-kooperazzjoni fil-qafas tas-sistemi ta' informazzjoni Żvizzeri li jirrigwardaw id-data dattiloskopika u l-profili tad-DNA (7), iż-żewġ pajjiżi jikkondividu l-istess bażi ta' data u l-istess sistemi tal-iskambju ta' informazzjoni li jirrigwardaw id-data tad-DNA u d-data dattiloskopika, rispettivament,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li d-dispożizzjonijiet ta' kull ftehim bilaterali u multilaterali jibqgħu applikabbli għall-kwistjonijiet kollha koperti minn dan il-Ftehim,

IDDEĊIDEW LI JIKKONKLUDU DAN IL-FTEHIM:

Artikolu 1

Suġġett u skop

1.   Soġġett għal dan il-Ftehim, l-Artikoli 1 sa 24, l-Artikolu 25(1) u l-Artikoli 26-sa 32 u 34 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali, għandhom ikunu applikabbli fir-relazzjonijiet bilaterali bejn il-Prinċipat tal-Liechtenstein u kull wieħed mill-Istati Membri.

2.   Soġġett għal dan il-Ftehim, l-Artikoli 1 sa 19 u 21 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali, u l-Anness tagħha, minbarra l-punt 1 tal-Kapitolu 4 tagħha, għandhom ikunu applikabbli fir-relazzjonijiet bilaterali bejn il-Prinċipat tal-Liechtenstein u kull wieħed mill-Istati Membri.

3.   Id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Istati Membri skont id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/615/ĠAI u 2008/616/ĠAI għandhom ukoll ikunu applikabbli fir-relazzjonijiet bilaterali tagħhom mal-Prinċipat tal-Liechtenstein.

4.   Soġġett għal dan il-Ftehim, l-Artikoli 1 sa5 u l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/905/ĠAI dwar l-akkreditament tal-fornituri ta' servizzi forensiċi li jwettqu attivitajiet tal-laboratorji għandhom ikunu applikabbli fir-relazzjonijiet bilaterali bejn il-Prinċipat tal-Liechtenstein u kull wieħed mill-Istati Membri.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“Partijiet Kontraenti” tfisser l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein;

(2)

“Stat Membru” tfisser Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;

(3)

“Stat” tfisser Stat Membru jew il-Prinċipat tal-Liechtenstein.

Artikolu 3

Applikazzjoni u interpretazzjoni uniformi

1.   Bil-ħsieb li jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 jiġu applikati u interpretati b'mod kemm jista' jkun uniformi, il-Partijiet Kontraenti għandhom iżommu taħt reviżjoni kostanti l-iżvilupp tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-qrati kompetenti tal-Prinċipat tal-Liechtenstein li tikkonċerna dawk id-dispożizzjonijiet. Għal dan l-għan, għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu li jiżgura l-iskambju reċiproku regolari ta' tali ġurisprudenza.

2.   Il-Prinċipat tal-Liechtenstein għandu jkun intitolat jissottometti noti jew osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea meta kwistjoni tkun ġiet riferita lilha minn qorti jew tribunal ta' Stat Membru għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta' kwalunkwe dispożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1.

Artikolu 4

Soluzzjoni tat-tilwim

Kwalunkwe tilwima bejn il-Prinċipat tal-Liechtenstein u Stat Membru rigward l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim jew ta' kwalunkwe waħda mid-dispożizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 1 kif ukoll tal-emendi tagħhom tista' tiġi riferita minn Parti involuta fit-tilwima għal laqgħa tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri u l-Prinċipat tal-Liechtenstein, bil-ħsieb li din tiġi riżolta rapidament.

Artikolu 5

Emendi

1.   Fejn huwa meħtieġ li jiġu emendati d-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1, l-Unjoni Ewropea għandha tgħarraf lill-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-ewwel okkażjoni possibbli u tiġbor kwalunkwe kumment li jista' jkollu.

2.   Il-Prinċipat tal-Liechtenstein għandu jiġi notifikat mill-Unjoni Ewropea bi kwalunkwe emenda tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 hekk kif tiġi adottata l-emenda.

Il-Prinċipat tal-Liechtenstein għandu jiddeċiedi b'mod indipendenti jekk jaċċettax il-kontenut tal-emenda u jekk jimplimentahx fl-ordinament ġuridiku intern tiegħu. Dik id-deċiżjoni għandha tiġi notifikata lill-Unjoni Ewropea fi żmien tliet xhur tan-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu.

3.   Jekk il-kontenut tal-emenda jista' jkun vinkolanti fuq il-Prinċipat tal-Liechtenstein biss wara li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kostituzzjonali, il-Prinċipat tal-Liechtenstein għandu jinforma lill-Unjoni Ewropea dwar dan fil-mument tan-notifika tiegħu. Il-Prinċipat tal-Liechtenstein għandu jinforma mingħajr dewmien lill-Unjoni Ewropea bil-kitba meta jkun wettaq ir-rekwiżiti kostituzzjonali kollha. Meta referendum ma jkunx meħtieġ, in-notifika għandha ssir hekk kif jiskadi r-referendum. Jekk huwa meħtieġ referendum, il-Prinċipat tal-Liechtenstein għandu jkollu massimu ta' tmintax-il xahar mid-data ta' notifika mill-Unjoni Ewropea biex jagħmel in-notifika tiegħu. Mid-data stabbilita għad-dħul fis-seħħ tal-emenda għall-Prinċipat tal-Liechtenstein u sakemm dan ikun ta notifika li r-rekwiżiti kostituzzjonali ġew issodisfati, il-Prinċipat tal-Liechtenstein għandu, fejn ikun possibbli, japplika il-kontenut tal-emenda fuq bażi proviżorja.

4.   Jekk il-Prinċipat tal-Liechtenstein ma jaċċettax il-kontenut tal-emenda, dan il-Ftehim għandu jiġi sospiż. Għandha tissejjaħ laqgħa tal-Partijiet Kontraenti biex tiġi eżaminata kull possibbiltà bil-ħsieb li l-Ftehim ikun jista' jibqa' jiffunzjona, inkluż il-possibilità li tiġi rikonoxxuta l-ekwivalenza tal-leġislazzjoni. Is-sospensjoni għandha tintemm hekk kif il-Prinċipat tal-Liechtenstein jinnotifika l-aċċettazzjoni tiegħu tal-kontenut tal-emenda jew jekk il-Partijiet Kontraenti jaqblu li japplikaw mill-ġdid il-Ftehim.

5.   Jekk, wara l-perijodu ta' sospensjoni ta' sitt xhur, il-Partijiet Kontraenti ma jkunux qablu li japplikawh mill-ġdid, dan il-Ftehim għandu jieqaf japplika.

6.   Il-paragrafi 4 u 5 ta' dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw għal emendi relatati mal-Kapitoli 3, 4 jew 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI jew l-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI li fir-rigward tagħhom il-Prinċipat tal-Liechtenstein nnotifika lill-Unjoni Ewropea li ma jaċċettax l-emenda, filwaqt li jiddikjara r-raġunijiet għall-oġġezzjoni tiegħu. F'tali każijiet, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10 ta' dan il-Ftehim, id-dispożizzjonijiet rilevanti fil-verżjoni tagħhom qabel l-emenda għandhom ikomplu jkunu applikabbli fir-relazzjonijiet bilaterali bejn il-Prinċipat tal-Liechtenstein u kull wieħed mill-Istati Membri.

Artikolu 6

Rieżami

Il-Partijiet Kontraenti jaqblu li jwettqu reviżjoni komuni ta' dan il-Ftehim mhux iktar tard minn ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu. Ir-rieżami għandu jindirizza, b'mod partikolari, l-implimentazzjoni prattika, l-interpretazzjoni u l-iżvilupp tal-Ftehim u għandu jinkludi wkoll kwistjonijiet bħall-konsegwenzi tal-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea rigward is-suġġett ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 7

Relazzjoni ma' strumenti oħra

1.   Il-Prinċipat tal-Liechtenstein għandu jkompli japplika kull ftehim jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali dwar kooperazzjoni transkonfinali ma' Stati Membri li jkunu fis-seħħ fid-data li fiha jiġi konkluż dan il-Ftehim sa fejn tali ftehim jew dawn l-arranġamenti ma jkunux inkompatibbli mal-objettivi ta' dan il-Ftehim. Il-Prinċipat tal-Liechtenstein għandu jinnotifika lill-Unjoni Ewropea bi kwalunkwe tali ftehim jew arranġament li ser ikomplu japplikaw.

2.   Il-Prinċipat tal-Liechtenstein jista' jikkonkludi jew idaħħal fis-seħħ kull ftehim jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali addizzjonali dwar kooperazzjoni transkonfinali ma' Stati Membri wara li jkun daħal fis-seħħ dan il-Ftehim sa fejn tali ftehimiet jew arranġamenti jipprevedu li l-objettivi ta' dan il-Ftehim jiġu estiżi jew jitwessgħu. Il-Prinċipat tal-Liechtenstein għandu jinnotifika lill-Unjoni Ewropea bi kwalunkwe ftehim jew arranġament ġdid fi żmien tliet xhur mill-iffirmar jew, fil-każ ta' ftehimiet jew arranġamenti li ġew iffirmati qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, fi żmien tliet xhur mid-dħul fis-seħħ tagħhom.

3.   Dawn il-ftehimiet jew l-arranġamenti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx jaffettwaw ir-relazzjonijiet ma' Stati Membri li mhumiex partijiet għalih.

4.   Dan il-Ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kull ftehim eżistenti dwar l-assistenza legali jew ir-rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi tal-qrati.

Artikolu 8

Notifiki, dikjarazzjonijiet u dħul fis-seħħ

1.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jinnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri meħtieġa biex jesprimu l-kunsens tagħhom li jintrabtu b'dan il-Ftehim.

2.   L-Unjoni Ewropea tista' tesprimi l-kunsens tagħha li tkun marbuta b'dan il-Ftehim anke jekk id-deċiżjonijiet fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali li huma jew li kienu fornuti b'mod konformi mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI għadhom ma ttieħdux fir-rigward tal-Istati Membri kollha.

3.   L-Artikolu 5(1) u (2) għandu japplika fuq bażi proviżorja mid-data tal-iffirmar ta' dan il-Ftehim.

4.   Fir-rigward tal-emendi għad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 adottati wara l-iffirmar ta' dan il-Ftehim iżda qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu, il-perijodu ta' tliet xhur imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) għandu jibda jiddekorri mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim.

5.   Meta jagħti n-notifika tiegħu skont il-paragrafu 1 jew, jekk ikun hekk previst, fi kwalunkwe żmien wara, il-Prinċipat tal-Liechtenstein għandu jagħmel id-dikjarazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(3).

6.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tielet xahar wara l-jum tal-aħħar notifika msemmija fil-paragrafu 1.

7.   Il-forniment mill-Istati Membri u l-Prinċipat tal-Liechtenstein ta' data personali skont dan il-Ftehim ma għandux isir sakemm id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI ikunu ġew implimentati fil-liġi nazzjonali tal-Istati involuti f'tali forniment.

Sabiex jiġi vverifikat jekk dan huwiex il-każ għall-Prinċipat tal-Liechtenstein, għandha ssir żjara ta' evalwazzjoni u prova pilota fir-rigward ta' u taħt kundizzjonijiet u arranġamenti aċċettabbli għall-Prinċipat tal-Liechtenstein, simili għal dawk konklużi fir-rigward tal-Istati Membri skont il-Kapitolu 4 tal-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI.

Abbażi ta' rapport ta' evalwazzjoni ġenerali u billi jiġu segwiti l-istess passi bħal dawk użati għat-tnedija ta' skambju awtomatizzat ta' data fl-Istati Membri, il-Kunsill għandu jiddetermina d-data/i li minnhom data personali tista' tiġi pprovduta mill-Istati Membri lill-Prinċipat tal-Liechtenstein skont dan il-Ftehim.

8.   Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandhom jiġu implimentati u applikati mill-Prinċipat tal-Liechtenstein. Il-Prinċipat tal-Liechtenstein għandu jikkomunika lill-Kummissjoni Ewropea t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin adottati fil-qasam kopert minn dik id-Direttiva.

9.   L-Artikoli 1 sa 24, l-Artikolu 25(1) u l-Artikolu 26 sa 32 u 34 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/905/ĠAI għandhom jiġu implimentati u applikati mill-Prinċipat tal-Liechtenstein. Il-Prinċipat tal-Liechtenstein għandu jikkomunika lill-Kummissjoni Ewropea t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin adottati fil-qasam kopert minn dik id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill.

10.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Prinċipat tal-Liechtenstein ma għandhomx japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI sakemm dan ma jkunx implimenta u applika l-miżuri msemmija fil-paragrafi 8 u 9ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 9

Adeżjoni ta' Stati Membri ġodda mal-Unjoni Ewropea

L-adeżjoni ta' Stati Membri ġodda mal-Unjoni Ewropea għandha toħloq drittijiet u obbligi taħt dan il-Ftehim bejn dawk l-Istati Membri ġodda u l-Prinċipat tal-Liechtenstein.

Artikolu 10

Terminazzjoni

1.   Dan il-Ftehim jista' jiġi terminat fi kwalunkwe mument minn waħda mill-Partijiet Kontraenti permezz tad-depożitu ta' notifika tat-terminazzjoni lill-Parti Kontraenti l-oħra.

2.   It-terminazzjoni ta' dan il-Ftehim skont il-paragrafu 1 għandha tieħu effett sitt xhur wara d-depożitu tan-notifika tat-terminazzjoni.

Dan il-Ftehim għandu jitfassal b'mod duplikat bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bil-Kroat, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bl-Olandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol, bit-Taljan, bl-Ungeriż u bl-Iżvediż, u t-testi kollha huma ugwalment awtentiċi.

Съставено в Брюксел на двадесет и седми юни две хиляди и деветнадесета година.

Hecho en Bruselas, el veintisiete de junio de dos mil diecinueve.

V Bruselu dne dvacátého sedmého června dva tisíce devatenáct.

Udfærdiget i Bruxelles den syvogtyvende juni to tusind og nitten.

Geschehen zu Brüssel am siebenundzwanzigsten Juni zweitausendneunzehn.

Kahe tuhande üheksateistkümnenda aasta juunikuu kahekümne seitsmendal päeval Brüsselis.

Έγινε στις Βρυξέλλες, στις είκοσι εφτά Ιουνίου δύο χιλιάδες δεκαεννέα.

Done at Brussels on the twenty-seventh day of June in the year two thousand and nineteen.

Fait à Bruxelles, le vingt-sept juin deux mille dix-neuf.

Sastavljeno u Bruxellesu dvadeset sedmog lipnja godine dvije tisuće devetnaeste.

Fatto a Bruxelles, addì ventisette giugno duemiladiciannove.

Briselē, divi tūkstoši deviņpadsmitā gada divdesmit septītajā jūnijā.

Priimta du tūkstančiai devynioliktų metų birželio dvidešimt septintą dieną Briuselyje.

Kelt Brüsszelben, a kétezer-tizenkilencedik év június havának huszonhetedik napján.

Magħmul fi Brussell, fis-sebgħa u għoxrin jum ta' Ġunju fis-sena elfejn u dsatax.

Gedaan te Brussel, zevenentwintig juni tweeduizend negentien.

Sporządzono w Brukseli dnia dwudziestego siódmego czerwca roku dwa tysiące dziewiętnastego.

Feito em Bruxelas, em vinte e sete de junho de dois mil e dezanove.

Întocmit la Bruxelles la douăzeci și șapte iunie două mii nouăsprezece.

V Bruseli dvadsiateho siedmeho júna dvetisícdevätnásť.

V Bruslju, dne sedemindvajsetega junija leta dva tisoč devetnajst.

Tehty Brysselissä kahdentenakymmenentenäseitsemäntenä päivänä kesäkuuta vuonna kaksituhattayhdeksäntoista.

Som skedde i Bryssel den tjugosjunde juni år tjugohundranitton.

За Европейския съюз

Рог la Unión Europea

Za Evropskou unii

For Den Europæiske Union

Für die Europäische Union

Euroopa Liidu nimel

Για την Ευρωπαϊκή Ένωση

For the European Union

Pour l'Union européenne

Za Europsku uniju

Per l'Unione europea

Eiropas Savienības vārdā –

Europos Sąjungos vardu

Az Európai Unió részéről

Għall-Unjoni Ewropea

Voor de Europese Unie

W imieniu Unii Europejskiej

Pela União Europeia

Pentru Uniunea Europeană

Za Európsku úniu

Za Evropsko unijo

Euroopan unionin puolesta

För Europeiska unionen

Image 1

За Княжество Лихтенщайн

Por el Principado de Liechtenstein

Za Lichtenštejnské knížectví

For Fyrstendømmet Liechtenstein

Für das Fürstentum Liechtenstein

Liechtensteini Vürstiriigi nimel

Για το Πριγκιπάτο του Λιχτενστάιν

For the Principality of Liechtenstein

Pour la Principauté de Liechtenstein

Za Kneževinu Lihtenštajn

Per il Principato del Liechtenstein

Lihtenšteinas Firstistes vārdā –

Lichtenšteino Kunigaikštystės vardu

A Liechtensteini Hercegség részéről

Għall-Prinċipat tal-Liechtenstein

Voor het Vorstendom Liechtenstein

W imieniu Księstwa Liechtensteinu

Pelo Principado do Listenstaine

Pentru Principatul Liechtenstein

Za Lichtenštajnské kniežatstvo

Za Kneževino Lihtenštajn

Liechtensteinin ruhtinaskunnan puolesta

För Furstendömet Liechtenstein


(1)  ĠU UE L 160, 18.6.2011, p. 3.

(2)  ĠU UE L 386, 29.12.2006, p. 89.

(3)  ĠU UE L 210, 6.8.2008, p. 1.

(4)  ĠU UE L 210, 6.8.2008, p. 12.

(5)  ĠU UE L 322, 9.12.2009, p. 14.

(6)  ĠU UE L 119, 4.5.2016, p. 89.

(7)  Ġabra uffiċjali tal-Leichtenstein LGBI. 2006 Nr. 75; Ġabra klassifikata tal-Liechtenstein LR 0.369.101.2


Dikjarazzjoni tal-Partijiet Kontraenti fl-okkażjoni tal-iffirmar tal-Ftehim

L-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein, Partijiet Kontraenti tal-Ftehim dwar l-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali, u l-Anness tagħha, u tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/905/ĠAI dwar l-akkreditament tal-fornituri ta' servizzi forensiċi li jwettqu attivitajiet tal-laboratorji (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”),

 

niddikjara:

 

L-implimentazzjoni tal-iskambju ta' data dwar ir-reġistrazzjoni tad-DNA, tal-marki tas-swaba' u tal-vetturi skont il-Ftehim ser teħtieġ li l-Prinċipat tal-Liechtenstein jistabbilixxi konnessjonijiet bilaterali għal kull waħda minn dawn il-kategoriji ta' data ma' kull wieħed mill-Istati Membri.

 

Biex dan jiġi ffaċilitat, il-Prinċipat tal-Liechtenstein jingħata d-dokumenti disponibbli kollha, software speċifiku u lista ta' kuntatti utli. Il-Prinċipat tal-Liechtenstein jista' jibbenefika minn sħubija informali mal-Istati Membri li diġà implimentaw tali skambji, bil-ħsieb li jikkondividu esperjenzi miksubin u hekk jiksbu assistenza prattika u teknika. Il-modalitajiet ta' sħubiji bħal dawn huma suġġetti għal ftehim dirett bejn l-Istati Membri kkonċernati.

 

L-esperti tal-Liechtenstein jistgħu f'kull mument jidħlu f'kuntatt mal-Presidenza tal-Kunsill, il-Kummissjoni Ewropea jew ma' esperti rikonoxxuti fl-oqsma li dwarhom huma jixtiequ jiksbu informazzjoni, kjarifika jew tip ieħor ta' assistenza. Bl-istess mod, il-Kummissjoni, kull meta bi tħejjija għal proposti jew komunikazzjonijiet, tikkuntattja lir-rappreżentanti tal-Istati Membri, tagħmel użu mill-opportunità li tikkuntattja wkoll lir-rappreżentanti tal-Prinċipat tal-Liechtenstein.

 

L-esperti tal-Liechtenstein jistgħu jiġu mistiedna jattendu laqgħat li fihom l-esperti tal-Istati Membri jiddiskutu fil-Kunsill l-aspetti tekniċi li huma direttament rilevanti għall-applikazzjoni korretta u l-iżvilupp tal-kontenut tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill imsemmijin hawn fuq.