22.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 161/62


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

Nru 275/2015

tat-30 ta' Ottubru 2015

li temenda l-Anness XIII (Trasport) tal-Ftehim ŻEE [2017/1064]

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b'mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta' okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u (KE) Nru 1330/2007 (1) għandu jiddaħħal fil-Ftehim ŻEE.

(2)

Għalhekk, l-Anness XIII tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness XIII tal-Ftehim ŻEE jiġi emendat kif ġej:

1.

It-test tal-punt 66d (ir-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) jinbidel b'dan li ġej:

32010 R 0996: Ir-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni ta' aċċidenti u inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar id-Direttiva 94/56/KE (ĠU L 295, 12.11.2010, p. 35) kif emendat bi:

32014 R 0376: Ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 (ĠU L 122, 24.4.2014, p. 18).

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom, għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, jinqraw bl-adattamenti li ġejjin:

Is-subparagrafu segwenti jiżdied fl-Artikolu 18(5):

“Il-Liechtenstein u l-Iżvizzera għandhom bażi ta' dejta nazzjonali konġunta dwar okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili. Dejta rilevanti li toriġina mil-Liechtenstein se tiġi integrata fir-repożitorju ċentrali flimkien mad-dejta Svizzera.””

2.

Dan li ġej għandu jiddaħħal wara l-punt 66gb (ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1330/2007):

“66gc.

32014 R 0376: Ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta' okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u (KE) Nru 1330/2007 (ĠU L 122, 24.4.2014, p. 18).

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom, għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, jinqraw bl-adattamenti li ġejjin:

Il-Liechtenstein u l-Iżvizzera għandhom bażi ta' dejta nazzjonali konġunta dwar okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili. Dejta rilevanti li toriġina mil-Liechtenstein se tiġi integrata fir-repożitorju ċentrali flimkien mad-dejta Żvizzera. Minħabba l-kooperazzjoni bilaterali mal-Iżvizzera dwar okkorrenzi tal-avjazzjoni ċivili fil-Liechtenstein, il-Liechtenstein se jittrata talbiet li jkun qed jirċievi skont dan ir-Regolament b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Iżvizzera.”

Artikolu 2

It-testi tar-Regolament (UE) Nru 376/2014 bil-lingwa Iżlandiża u b'dik Norveġiża, li jiġu ppubblikati fis-Suppliment taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu awtentiċi.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Novembru 2015, bil-kundizzjoni li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE (*1).

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Ottubru 2015.

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Oda SLETNES


(1)  ĠU L 122, 24.4.2014, p. 18.

(*1)  L-ebda rekwiżiti kostituzzjonali ma huma indikati.