29.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 82/9


DEĊIŻJONI Nru 1/2017 TAL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE-ALĠERIJA

tat-13 ta' Marzu 2017

dwar il-qbil rigward il-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Alġerija [2017/603]

IL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE-ALĠERIJA,

Filwaqt li jikkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra,

Billi

(1)

Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”), ġie ffirmat fit-22 ta' April 2002 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2005.

(2)

L-Artikolu 94 tal-Ftehim jagħti s-setgħa lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni li jieħu d-deċiżjonijiet xierqa, għall-finijiet li jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim.

(3)

Skont l-Artikolu 104 tal-Ftehim, il-partijiet għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew speċifika meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-Ftehim u għandhom jagħmlu ħilithom biex jilħqu l-objettivi tagħhom.

(4)

Fil-kuntest tar-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fl-2016 ġiet proposta fażi ġdida ta' djalogu mas-sħab, li jikkontribwixxi għal sens aktar qawwi ta' sjieda miż-żewġ naħat.

(5)

L-UE u l-Alġerija qablu li jikkonsolidaw is-sħubija tagħhom billi japprovaw sett ta' prijoritajiet għall-perijodu 2017-2020 bl-għan li jappoġġaw u jsaħħu r-reżiljenza u l-istabbiltà tal-Alġerija.

(6)

Il-partijiet għall-Ftehim adottaw it-test tal-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE-Alġerija, bl-objettiv li jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Ftehim, b'enfasi fuq il-kooperazzjoni fir-rigward ta' interessi identifikati u kondiviżi bejn is-sħab li tingħatalhom prijorità,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jirrakkomanda li l-partijiet jimplimentaw il-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Alġerija kif indikati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Marzu 2017.

Għall-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Alġerija

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  ĠU L 265, 10.10.2005, p. 2.


ANNESS

PRIJORITAJIET KONDIVIŻI TAS-SĦUBIJA BEJN IR-REPUBBLIKA DEMOKRATIKA TAL-POPLU TAL-ALĠERIJA (L-ALĠERIJA) U L-UNJONI EWROPEA (UE) TAĦT IL-POLITIKA EWROPEA TAL-VIĊINAT RIVEDUTA

Il-qafas ġenerali għall-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Alġerija huwa stabbilit bil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (AA) li ġie ffirmat fl-2002, li daħal fis-seħħ fl-2005 u li jistabbilixxi l-oqsma kollha ta' kooperazzjoni bejn il-partijiet. Mingħajr preġudizzju għal dawn l-oqsma ta' kooperazzjoni, dan id-dokument jistabbilixxi l-prijoritajiet tas-sħubija kif definiti b'mod konġunt bejn l-Alġerija u l-Unjoni Ewropea fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) riveduta għall-perjodu 2016-2020.

Fl-ispirtu tal-prinċipji gwida tal-PEV riveduta u fid-dawl tal-prijoritajiet politiċi taż-żewġ partijiet, l-Alġerija u l-Unjoni Ewropea jimpenjaw li jerġgħu jagħtu spinta lid-djalogu tagħhom u li jaqblu dwar il-linji ewlenin tar-relazzjonijiet tagħhom, biex jispeċifikaw l-objettivi u l-interessi reċiproċi tagħhom u biex jagħtu prijorità lill-assi tal-kooperazzjoni tagħhom. Il-prijoritajiet ta' sħubija dettaljati iktar 'l isfel jindikaw l-oqsma ewlenin għal djalogu msaħħaħ u għal kooperazzjoni amministrattiva u istituzzjonali li hija konkreta kemm jista' jkun bejn l-UE u l-Alġerija, abbażi tal-esperjenzi u l-għarfien rispettivi tagħhom, filwaqt li jirrispettaw l-karatteristiċi speċifiċi u l-indipendenza ta' kull waħda mill-partijiet.

L-ambizzjoni tal-Alġerija u l-UE hija li jiżviluppaw sħubija globali u multidimensjonali rafforzata fl-indirizzar tal-isfidi komuni tas-sigurtà u tal-żvilupp. Il-partijiet jesprimu wkoll ix-xewqa komuni tagħhom li jilħqu dawn il-prijoritajiet fl-oqsma ewlenin fejn ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Alġerija huma destinati li jissaħħu fil-futur. Uħud minn dawn il-prijoritajiet ser ikunu s-suġġett ta' kooperazzjoni teknika u finanzjarja li ser tiġi implimentata fil-qafas tal-ipprogrammar finanzjarju 2018-2020.

I.   Djalogu politiku, Governanza, l-Istat tad-dritt u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali

L-UE u l-Alġerija jaqblu li jagħtu importanza speċjali lit-tisħiħ tad-djalogu politiku tagħhom fil-forom kollha tiegħu.

Permezz tar-reviżjoni tal-Kostituzzjoni tagħha fis-7 ta' Frar 2016, l-Alġerija qed tkompli bil-proċess ta' konsolidazzjoni tal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali, tal-istat tad-dritt u tal-istituzzjonijiet demokratiċi u l-prinċipji li jirregolaw l-azzjoni tal-Istat fir-rapporti tagħha maċ-ċittadini. Dan il-proċess jikkorrispondi għad-djalogu bilaterali li nżamm bejn l-UE u l-Alġerija matul dawn l-aħħar 15-il sena u jindika li r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ partijiet huma bbażati fuq ir-rispett reċiproku u r-rikonoxximent ta', u konformità ma', valuri universali u impenji internazzjonali relatati mal-istat tad-dritt u mar-rispett tad-drittijiet fundamentali.

F'dan il-kuntest, l-Alġerija u l-UE jaqblu li jagħtu importanza speċjali lill-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-Kostituzzjoni. F'dan ir-rigward, l-UE biħsiebha tappoġġa lill-Alġerija fl-implimentazzjoni tagħhom, b'mod partikolari fl-oqsma tal-governanza, id-demokrazija parteċipattiva, il-promozzjoni u d-difiża tad-drittijiet fundamentali, inkluż dawk tal-ħaddiema, it-tisħiħ tar-rwol tan-nisa fis-soċjetà, id-deċentralizzazzjoni, it-tisħiħ tas-sistema ġudizzjarja li tinkludi l-amministrazzjoni penitenzjarja, u t-tisħiħ tar-rwol tas-soċjetà ċivili, inkluż permezz tal-użu ta' programmi ta' assistenza teknika.

Tali kooperazzjoni ser tinkludi wkoll appoġġ għall-modernizzazzjoni u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-amministrazzjoni pubblika, monitoraġġ iktar mill-qrib tal-finanzi pubbliċi u tal-amministrazzjoni fiskali, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, kif ukoll il-ġlieda kontra d-delokalizzazzjoni u l-ħasil tal-kapital u tal-finanzjament tat-terroriżmu f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF).

II.   Kooperazzjoni, Żvilupp soċjoekonomiku inklużiv, kummerċ u aċċess għas-suq uniku Ewropew

Fil-kuntest attwali ta' staġnar tal-ekonomika mondjali u t-tnaqqis drastiku fil-prezzijiet tal-idrokarburi, l-Alġerija u l-Unjoni għandhom interess komuni u urġenti li jidentifikaw miżuri ta' governanza ekonomika kemm fis-settur privat kif ukoll fis-settur pubbliku, li għandhom jinkoraġġixxu inizjattivi privati, jagħtu spinta lill-investimenti fil-bażi tal-produzzjoni u, fis-settur pubbliku, li jimmodernizzaw il-ġestjoni finanzjarja u jirrazzjonalizzaw in-nefqa pubblika.

Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn iż-żewġ partijiet jipprovdi qafas adatt għaż-żieda fill-kummerċ u l-investimenti, u l-partijiet għandhom japprofittaw kemm jista' jkun minnu biex b'mod konġunt jegħlbu l-kriżi ekonomika attwali. Barra minn hekk, l-UE u l-Alġerija jaffermaw mill-ġdid ix-xewqa komuni tagħhom li jagħmlu l-aħjar użu possibbli mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni li daħal fis-seħħ fl-2005, f'konformità sħiħa mal-Ftehim u filwaqt li jfittxu bilanċ tal-interessi. l-evalwazzjoni konġunta tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni hija parti minn din id-dinamika.

Fuq l-isfond tal-prezzijiet instabbli tal-idrokarburi, il-Gvern Alġerin għamel mod li d-diversifikazzjoni tal-ekonomija tkun prijorità nazzjonali. Il-miżuri ta' riforma li qed jittieħdu f'dan is-sens joffru opportunità għal kooperazzjoni akbar fl-oqsma li, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, jikkontribwixxu għad-diversifikazzjoni u l-kompetittività tal-ekonomija Alġerina sabiex tiġi żviluppata l-firxa tal-esportazzjonijiet tagħha, b'mod speċjali ta' prodotti oħra għajr l-idrokarburi, għas-suq uniku Ewropew.

Konxji tal-importanza tal-klima kummerċjali biex jiġu attirati investituri ġodda, l-Alġerija u l-UE jimpenjaw ruħhom, matul il-perjodu ta' programmazzjoni tal-kooperazzjoni bilaterali li jmiss, li jiffaċilitaw l-attivitajiet ekonomiċi privati, li jaħdmu flimkien biex itejbu l-klima kummerċjali u dik tal-politika tal-intrapriżi fl-Alġerija sabiex jiffavorixxu l-iżvilupp ta' intrapriżi u l-industriji żgħar u ta' daqs medju (SMEs u SMIs), biex jagħmlu sforzi biex jiżviluppaw sħubija pubblika-privata, inkluż estera, industrijali u teknoloġika, biex jappoġġaw l-implimentazzjoni ta' strateġija tal-impjieg Alġerina integrata u biex isaħħu l-programm ta' djalogu soċjali bilaterali u trilaterali tal-Alġerija. Il-partijiet jaqblu dwar l-importanza tal-appoġġ għall-programm Alġerin għat-tisħiħ tas-sistema bankarja u s-superviżjoni tagħha kif ukoll il-promozzjoni tal-iżvilupp tas-swieq kapitali sabiex jiġi appoġġat l-aċċess għall-finanzjament lill-intrapriżi kollha, b'mod partikolari l-SMEs u l-SMIs kif ukoll start-ups.

Konxji li ż-żgħażagħ huma forzi dinamika għall-iżvilupp tal-entitajiet rispettivi tagħhom u fiċ-ċentru tal-isfidi ekonomiċi, soċjali u kulturali tagħhom, l-UE u l-Alġerija jieħdu l-impenn li jżidu l-isforzi tagħhom biex jappoġġaw u jagħtu spinta lill-enerġiji tagħhom. Il-partijiet jaqblu li jippromwovu, b'mod partikolari permezz tal-programmi u l-istrateġiji tal-UE fil-qasam tal-impiegi, tal-edukazzjoni formali u mhux formali jew tal-formazzjoni professjonali, il-kooperazzjoni tagħhom f'dan il-qasam bil-ħsieb li jappoġġaw l-iżvilupp ekonomiku u r-Riċerka u l-Iżvilupp fl-Alġerija, l-edukazzjoni (mill-preprimarja sal-edukazzjoni għolja, inkluż taħriġ vokazzjonali) fid-dawl tal-Għanjiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG).

L-Alġerija u l-Unjoni Ewropea jieħdu l-impenn li jappoġġaw l-iżvilupp ta' politika kulturali fl-Alġerija li tgħin fl-ixprunar tal-iżvilupp ekonomiku u industrijali u tħeġġeġ skambji ma' operaturi kulturali Ewropej (pereżempju, permezz tal-programm Ewropa Kreattiva).

L-UE u l-Alġerija ser isaħħu d-djalogu tagħhom fil-qasam tal-kummerċ skont il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bil-għan li jappoġġaw skambju bilanċjata ta' kummerċ b'valur miżjud għoli u li jnaqqsu u jeliminaw progressivament ir-restrizzjonijiet fuq kummerċ ta' oġġetti u servizzi.

F'dan ir-rigward, il-partijiet mhumiex ser jintroduċu l-ebda miżura li tista' tkun ta' ostakolu għall-kummerċ, għajr miżuri kompatibbli mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni,. Il-partijiet ser jikkonsolidaw id-djalogu tagħhom dwar strumenti għad-difiża tal-kummerċ u għall-kooperazzjoni industrijali (fil-qafas tal-kooperazzjoni industrijali Ewro-Mediterranja).

L-UE u l-Alġerija jaqblu wkoll li, fil-qafas tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tagħhom, jistabbilixxu djalogu dwar l-investimenti bl-iskop li jiġi attirat l-investiment barrani (u b'mod partikolari dak Ewropew). L-UE ttenni l-impenn tagħha li tappoġġa l-adeżjoni tal-Alġerija mad-WTO, b'mod partikolari permezz tal-konklużjoni ta' ftehim bilaterali f'dan il-qafas.

Sabiex jappoġġjaw ir-riformi li qed jiġu implimentati progressivament mill-Alġerija (b'mod partikolari għas-sistema bankarja tagħha, l-amministrazzjoni tagħha jew l-armonizzazzjoni tar-regolamenti ma' dawk tal-UE), il-partijiet jiddikjaraw li huma lesti li jikkunsidraw li japprofondixxu r-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom permezz ta' negozjati addizzjonali dwar servizzi jew bil-għan li jiġi konkluż ftehim dwar protezzjoni tal-investiment, meta l-kondizzjonijiet ikunu adatti. Il-partijiet jaqblu li dan il-proċess jista' jkun akkumpanjat mill-organizzazzjoni ta' konferenzi u avvenimenti appoġġati mill-UE sabiex jiġu mobilizzati investituri potenzjali fl-Alġerija.

L-UE tieħu l-impenn li tiżviluppa djalogu msaħħaħ dwar l-implimentazzjoni tal-mudell Alġerin ġdid ta' tkabbir ekonomiku bbażat fuq it-tisħiħ tal-intrapriża, l-inizjattiva u l-intraprenditorija privati, fuq sħubiji pubbliċi-privati, inkluż ma' pajjiżi esteri, u fuq l-ekonomija tal-għarfien. Huwa mudell imfassal biex joħloq ekonomija li hija kompetittiva, diversifikata, endoġena, inklużiva u attraenti għal investituri esteri.

Bil-għan li jiffavorixxu l-ħolqien ta' ekonomija Alġerina diversifikata, l-UE u l-Alġerija identifikaw ukoll setturi oħra ta' kooperazzjoni possibbli permezz ta' appoġġ u l-iskambju tal-aħjar prattiki, informazzjoni u esperjenzi dwar: l-iżvilupp rurali u agrikolu, is-sajd, l-ekonomija marittima, it-turiżmu (partikolarment dak sostenibbli), l-akkwist pubbliku, l-istatistika, l-armonizzazzjoni progressiva tar-regolamenti tekniċi Alġerini ma' dawk tal-UE fil-qasam tal-akkreditazzjoni, tal-evalwazzjoni tal-konformità u tas-sorveljanza tas-suq, l-adozzjoni u l-applikazzjoni tar-Regoli ta' Oriġini Preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji.

L-UE u l-Alġerija jixtiequ jħaffu l-pass tal-kooperazzjoni tagħhom dwar l-armonizzazzjoni tar-regoli Alġerini ma' dawk tal-UE fis-setturi ta' prijorità identifikati mill-partijiet, u dwar l-aġġornament tal-infrastruttura ta' assigurazzjoni tal-kwalità bil-għan li jiġi nnegozjat ftehim dwar il-valutazzjoni tal-konformità u l-aċċettazzjoni ta' prodotti industrijali (ACAA). Din il-ħidma tkun imfassla biex tintegra aħjar l-ekonomija Alġerina mal-katina ta' valur reġjonali u mondjali.

Fl-aħħarnett, il-partijiet jaqblu li jesploraw modi ta' kooperazzjoni sabiex jgħinu biex jiżviluppaw it-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) fl-Alġerija biex jingħata appoġġ għal miżuri li jippromwovu l-kompetittività, il-klima tan-negozju u l-investiment, amministrazzjoni iktar effiċjenti u governanza mtejba tal-intrapriżi tas-settur pubbliku u s-sħubiji pubbliċi-privati għall-iżvilupp tal-SMEs u l-SMIs kif ukoll attivitajiet ta' innovazzjoni.

Iż-żewġ partijiet jaqblu li jwaqqfu l-mekkaniżmi neċessarji għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-servizzi doganali tal-Alġerija, b'mod partikolari fir-rigward tal-iskema Operatur Ekonomiku Awtorizzat, il-falsifikazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni, fost oħrajn dwar il-valur doganali.

B'żieda ma' dan, il-partijiet jikkonsidraw li l-kooperazzjoni fil-qasam tal-istatistika tibqa' importanti, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-armonizzazzjoni progressiva tas-sistemi kontabilistiċi nazzjonali.

III.   Sħubija fl-enerġija, l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli

L-UE u l-Alġerija jieħdu l-impenn li jiżviluppaw sħubija strateġika ta' benefiċċju reċiproku fil-qasam tas-sigurtà tal-enerġija. Dwar kwistjonijiet relatati mal-enerġija, l-Alġerija u l-Unjoni Ewropea huma marbuta minn interessi strateġiċi reċiproċi. L-Alġerija ilha minn żmien twil waħda mill-provvedituri tal-gass l-iktar importanti u l-iktar affidabbli tal-UE. L-UE, min-naħa tagħha, tibqa' klijent ewlieni tal-Alġerija.

Fl-għarfien li l-enerġija tibqa' waħda mill-ixprunaturi tal-iżvilupp ekonomiku sostenibbli, l-UE u l-Alġerija jaffermaw mill-ġdid l-interessi strateġiċi kondiviżi tagħhom u jieħdu l-impenn li jikkonsolidaw is-sħubija tagħhom f'dan il-qasam fi ħdan il-qafas tad-Djalogu ta' Livell Għoli stabbilit bejn il-partijiet dwar kummerċ fl-enerġija, il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika. Fid-dawl ta' dan, il-partijiet jieħdu l-impenn li jikkooperaw dwar l-iskambju ta' informazzjoni dwar il-provvista fuq terminu medju u twil u previżjonijiet ta' domanda għall-enerġija, inkluż forom ta' enerġija rinnovabbli. L-UE tibqa' wkoll lesta biex żżid l-appoġġ tagħha għall-implimentazzjoni tal-Programm 2030 tal-Alġerija għall-Enerġija Rinnovabbli u Effiċjenza Enerġetika bil-għan li tagħmel użu sħiħ mill-potenzjal konsiderevoli tal-Alġerija f'dan il-qasam.

L-Alġerija u l-UE jaqblu li jesploraw il-miżuri possibbli għal żieda fl-investiment, it-tisħiħ u l-iżvilupp ta' konnessjonijiet tal-elettriku fl-Ewropa u fil-Mediterran u l-promozzjoni ta' taħriġ u t-trasferiment tat-teknoloġija, innovazzjoni, għarfien u kompetenzi mill-UE għall-Alġerija.

Konxji dwar l-obbligi għall-ġenerazzjonijiet futuri, l-UE u l-Alġerija jieħdu l-impenn li jgħaqqdu din is-sħubija dwar l-enerġija ma' kooperazzjoni msaħħa dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fi u l-adattament għall-klima, bil-għan li l-Ftehim ta' Pariġi u l-kontribuzzjonijiet determinati fuq bażi nazzjonali jiġu implimentati bis-sħiħ. Il-partijiet jieħdu l-impenn li jgħinu fl-integrazzjoni ta' azzjoni dwar it-tibdil fil-klima f'politiki nazzjonali kif ukoll fil-monitoraġġ, rapportar u verifikazzjoni tal-emissjonijiet.

Fil-qasam tal-ambjent, il-partijiet jieħdu l-impenn li jippromwovu ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tagħhom, b'mod partikolari ir-riżorsi tal-ilma, il-governanza tajba, l-integrazzjoni tal-prattiki ambjentali tajba fl-attivitajiet kollha tagħhom, is-sistema tal-valutazzjoni tal-impatt u aċċess imtejjeb għall-informazzjoni. Jieħdu wkoll l-impenn li jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fl-implimentazzjoni tal-impenji internazzjonali tagħhom, b'mod partikolari l-Konvenzjoni ta' Barċellona għall-protezzjoni tal-ambjent marittimu u r-reġjun tax-xatt tal-Mediterran, kif ukoll kooperazzjoni reġjonali dwar it-tindif mit-tniġġis tal-Mediterran.

IV.   Djalogu dwar strateġija u sigurtà

L-UE u l-Alġerija jaqblu li jippromwovu djalogu ta' strateġija u sigurtà fil-konfront tal-isfidi ta' sigurtà komuni u ta' żvilupp.

Għal bosta snin, l-Alġerija ilha tagħti kontribut ewlieni biex trawwem il-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà fir-reġjun, b'mod partikolari fis-Saħel, billi tipproteġi l-fruntieri tagħha u tieħu sehem attiv fid-diplomazija bħala pajjiż ġirien: appoġġat il-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali tal-Libja u medjazzjoni internazzjonali fil-Mali, li wassal għal ftehim ta' paċi u rikonċiljazzjoni nazzjonali li issa irid jiġi implimentat.

Fid-dawl tar-rwol reġjonali li għandhom, l-Alġerija u l-UE jaqblu li jsaħħu d-djalogu sabiex jiżviluppaw is-sħubija għall-paċi u s-sigurtà, inkluż fi ħdan fora internazzjonali u reġjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti u l-Unjoni Afrikana jew fi ħdan il-qafas ta' djalogi eżistenti bejn l-UE u fora bħal-Lega tal-Istati Għarab, Ewropa-Afrika, id-Djalogu 5 + 5, l-Unjoni għall-Mediterran, il-Fondazzjoni Anna Lindh u l-Forum Globali Kontra t-Terroriżmu. Jieħdu wkoll l-impenn li jisfruttaw opportunitajiet għal kooperazzjoni trilaterali li tippermettilhom li jfasslu azzjonijiet konġunti biex jiżviluppaw u jsaħħu l-kapaċità li jirreżistu u jiġġieldu t-theddid ta' terroriżmu u jindirizzaw il-konnessjonijiet tiegħu mal-kriminalità organizzata, b'mod partikolari t-traffikar ta' droga.

L-UE u l-Alġerija jaqblu li jikkonsultaw mill-qrib dwar kwistjonijiet reġjonali u internazzjonali ta' interess komuni bil-għan li jikkontribwixxu għar-riżoluzzjoni politika ta' kriżijiet u għall-paċi u s-sigurtà fir-reġjun.

Fl-isforzi konġunti u sostnuti tagħhom biex jipprevjenu u jiġġieldu t-terroriżmu, ir-radikalizzazzjoni fil-forom kollha tagħha, il-kriminalità organizzata, it-traffikar ta' droga u traffikar ta' bnedmin, il-partijiet jieħdu l-impenn li jiżviluppaw id-djalogu tagħhom u jżidu l-kooperazzjoni tagħhom fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, b'mod partikolari fi ħdan il-Forum Globali Kontra t-Terroriżmu, u l-kriminalità organizzata transnazzjonali. Din il-kooperazzjoni ser tkopri wkoll il-ġestjoni ta' riskji kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari (CBRN), il-monitoraġġ ta' trasferiment leċitu ta' armi u l-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' armi, inkluż armi ħfief.

Il-partijiet jaqblu li jippromwovu l-iskambju ta' esperjenza u għarfien, b'mod partikolari fil-qasam taċ-ċiberkriminalità, biex isaħħu l-kapaċitajiet tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni Afrikana għall-Kooperazzjoni tal-Pulizija (AFRIPOL), biex jikkollegaw dan tal-aħħar mal-Europol u l-aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ tal-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) u biex jappoġġaw iċ-Ċentru Afrikan għar-Riċerka u l-Istudju dwar it-Terroriżmu (ACSRT).

L-UE u l-Alġerija jaqblu li jimplimentaw bis-sħiħ l-arranġament amministrattiv li reċentement iffirmaw biex jipprevjenu, jħejju għal u jirrispondu għad-diżastri, kemm naturali u ta' oriġini umana, u li jirrispondu għal riskji teknoloġiċi u ekoloġiċi, b'mod partikolari billi jżommu u jsaħħu l-kapaċitajiet tagħhom ta' allarm bikri, sorveljanza, prevenzjoni, tħejjija u ġestjoni permezz ta' kooperazzjoni bejn il-korpi inkarigati mill-protezzjoni ċivili.

Il-partijiet jaqblu li jibdew jikkooperaw fuq it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-forza tas-servizzi doganali u tal-fruntiera Alġerini.

V.   Dimensjoni umana, Migrazzjoni u Mobbiltà

L-UE u l-Alġerija jieħdu l-impenn li jagħtu l-importanza meħtieġa għat-tisħiħ tad-dimensjoni umana fir-relazzjonijiet bilaterali tagħhom u jaqblu li l-migrazzjoni u l-mobbiltà huma fiċ-ċentru ta' din id-dimensjoni. Jaqblu li jikkooperaw fil-promozzjoni ta' djalogu kulturali u interreliġjuż fir-rispett ta' dak li huwa distint u differenti għal kull parti u għall-ġlieda kontra l-emerġenza tal-estremiżmu.

Konxji kif inhuma li l-flussi migratorji bejn l-UE u l-Alġerija jirrappreżentaw mhux biss opportunità sostanzjali għall-iżvilupp uman, kulturali, ekonomiku, soċjali u xjentifiku iżda wkoll sfida jekk dawn ma jiġux ikkontrollati kif xieraq, b'mod partikolari fil-kuntest reġjonali attwali, l-UE u l-Alġerija jaqblu, abbażi tal-approċċ globali, bilanċjat u miftiehem fis-summit ta' Valletta dwar il-migrazzjoni, li jkollhom djalogi regolari fil-livelli l-aktar xierqa li jkopru t-temi kollha relatati mal-mobbiltà, il-migrazzjoni u d-dritt għall-ażil.

F'dan il-kuntest, l-UE u l-Alġerija jieħdu l-impenn li jeżaminaw liema miżuri jistgħu jieħdu biex progressivament itejjbu l-kundizzjonijiet ta' moviment taċ-ċittadini tagħhom u li jirriammettu, b'kont dovut għad-drittijiet tal-bniedem, dawk li l-istatus residenzjali tagħhom huwa illegali skont il-proċeduri fis-seħħ.

L-UE u l-Alġerija jipproponu wkoll li jibdew jikkooperaw fuq il-ġestjoni tal-migrazzjoni u, f'konformità mal-istandards nazzjonali fis-seħħ, id-drittijiet tal-ħaddiema migranti, u dwar l-iżvilupp ta' miżuri, b'mod speċjali għal persuni vulnerabbli, biex jipprevjenu l-migrazzjoni irregolari billi jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin ta' dan il-fenomenu fir-reġjuni b'pressjoni migratorja għolja.

L-UE ser tappoġġa l-isforzi tal-Alġerija biex tiġġestixxi l-flussi migratorji. Iż-żewġ partijiet jieħdu wkoll l-impenn li jaħdmu flimkien bil-għan li jimmaniġġaw il-migrazzjoni regolari u l-mobbiltà tal-individwi billi jsaħħu d-djalogu tagħhom u l-kooperazzjoni fuq materji konsulari, dwar il-faċilitazzjoni tal-proċeduri tal-ħruġ tal-viżi, dwar kontroll fil-fruntieri, il-ġlieda kontra l-frodi tad-dokumenti u l-kuntrabandu tal-migranti kif ukoll isegwu politika ta' ritorn u integrazzjoni sostenibbli tal-migranti irregolari, bil-għan li titjieb is-sistema ta' protezzjoni internazzjonali u l-ażil.

Iż-żewġ partijiet jaqblu li jkollhom skambju f'livell xieraq dwar ir-riammissjoni b'mod parallel ma' skambju dwar l-iffaċilitar tal-viżi b'konsiderazzjoni għall-eżistenza ta' ftehimiet bilaterali f'dawn is-setturi ma' ċerti Stati Membri tal-UE.

L-UE ser tkompli tipproteġi d-drittijiet taċ-ċittadini Alġerini stabbiliti fl-UE bi sħiħ u ser teżamina miżuri biex ir-rwol u l-kontribuzzjoni tagħhom tissaħħaħ b'mod ulterjuri għall-iżvilupp tal-Alġerija.

Iż-żewġ partijiet jaqblu li jsaħħu iktar il-kooperazzjoni tagħhom fil-qafas tad-Djalogu bejn u l-Afrika l-UE, inkluż fuq bażi trilaterali rigward it-totalità tal-kwistjonijiet marbuta mal-migrazzjoni u l-mobbiltà li l-UE u l-Alġerija jieħdu l-impenn li jiżviluppaw.

Fil-kuntest tas-summit ta' Valletta dwar il-migrazzjoni, il-ħolqien ta' Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza għall-Afrika, li jinkludi dimensjoni dedikata għall-Afrika ta' Fuq, kif ukoll ta' inizjattivi oħra bħall-Pjan ta' Investiment Estern Ewropew, jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-proġetti ta' migrazzjoni u mobbiltà maqbula miż-żewġ partijiet.