10.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 336/3


TRADUZZJONI

FTEHIM

bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni personali marbuta mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali

WERREJ

Preambolu

Artikolu 1:

Għan tal-Ftehim

Artikolu 2:

Definizzjonijiet

Artikolu 3:

Kamp ta' applikazzjoni

Artikolu 4:

Nondiskriminazzjoni

Artikolu 5:

Effett tal-Ftehim

Artikolu 6:

Limitazzjonijiet tal-Għan u tal-Użu

Artikolu 7:

Trasferiment Ulterjuri

Artikolu 8:

Manteniment tal-Kwalità u l-Integrità tal-Informazzjoni

Artikolu 9:

Sigurtà tal-Informazzjoni

Artikolu 10:

Notifika ta' Inċident tas-Sigurtà tal-Informazzjoni

Artikolu 11:

Żamma tar-Rekords

Artikolu 12:

Perijodu taż-Żamma

Artikolu 13:

Kategoriji Speċjali ta' Informazzjoni Personali

Artikolu 14:

Obbligu ta' Rendikont

Artikolu 15:

Deċiżjonijiet Awtomatizzati

Artikolu 16:

Aċċess

Artikolu 17:

Rettifika

Artikolu 18:

Rimedju Amministrattiv

Artikolu 19:

Rimedju Ġudizzjarju

Artikolu 20:

Trasparenza

Artikolu 21:

Sorveljanza Effettiva

Artikolu 22:

Kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet ta' Sorveljanza

Artikolu 23:

Reviżjoni Konġunta

Artikolu 24:

Notifiki

Artikolu 25:

Konsultazzjoni

Artikolu 26:

Sospensjoni

Artikolu 27:

Applikazzjoni Territorjali

Artikolu 28:

Tul taż-Żmien tal-Ftehim

Artikolu 29:

Dħul fis-Seħħ u Terminazzjoni


KONXJI li l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea huma impenjati li jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni tal-informazzjoni personali skambjata fil-kuntest tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien, u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, fosthom it-terroriżmu;

BL-INTENZJONI li jistabbilixxu qafas legali dejjiemi biex jiffaċilitaw l-iskambju ta' informazzjoni, li hija kruċjali biex jiġu prevenuti, investigati, identifikati u prosegwiti reati kriminali, fosthom it-terroriżmu, bħala mezz biex jiddefendu s-soċjetajiet demokratiċi rispettivi u l-valuri komuni tagħhom;

BL-INTENZJONI, b'mod partikolari, li jipprovdu standards ta' protezzjoni għal skambji ta' informazzjoni personali abbażi ta' ftehimiet eżistenti u futuri bejn l-Istati Uniti u l-UE u l-Istati Membri tagħha, fil-qasam tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien, u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, fosthom it-terroriżmu;

FILWAQT LI JAGĦRFU li ċerti ftehimiet li diġà jeżistu bejn il-Partijiet li jikkonċernaw l-ipproċessar tal-informazzjoni personali jistabbilixxu li dawk il-ftehimiet jipprovdu livell adegwat ta' protezzjoni tad-data fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dawk il-ftehimiet, il-Partijiet jaffermaw li dan il-Ftehim m'għandux jiġi mifhum li jibdel, jikkundizzjona, jew jidderoga b'xi mod ieħor minn dawk il-ftehimiet; jinnutaw, iżda, li l-obbligi stabbiliti bl-Artikolu 19 ta' dan il-Ftehim dwar ir-rimedju ġudizzjarju jkunu japplikaw fir-rigward ta' kull trasferiment li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan il-Ftehim, u li dan huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rieżami jew modifika li jistgħu jsiru fil-futur ta' dawn il-ftehimiet skont it-termini tagħhom;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU t-tradizzjonijijet ta' rispett lejn il-privatezza individwali li ilhom jeżistu, inkluż kif rifless fil-Prinċipji dwar il-Privatezza u l-Protezzjoni tad-Data Personali għall-Finijiet tal-Infurzar tal-Liġi elaborati mill-Grupp ta' Kuntatt f'Livell Għoli UE-Stati Uniti dwar l-Iskambju ta' Informazzjoni u l-Protezzjoni tal-Privatezza u d-Data Personali, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u liġijiet applikabbli tal-UE, il-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti u liġijiet applikabbli tal-Istati Uniti, u l-Prinċipji tal-Prassi Ġusta tal-Informazzjoni tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi; u

FILWAQT LI JAGĦRFU l-prinċipji tal-proporzjonalità u n-neċessità, u r-rilevanza u raġonevolezza, kif implimentati mill-Partijiet fl-oqfsa legali rispettivi tagħhom;

L-ISTATI UNITI TAL-AMERIKA U L-UNJONI EWROPEA FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Għan tal-Ftehim

1.   L-għan ta' dan il-Ftehim huwa li jiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-informazzjoni personali u li jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, b'rabta mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, fosthom it-terroriżmu.

2.   Għal dan il-għan, il-Ftehim jistabbilixxi l-qafas għall-protezzjoni tal-informazzjoni personali meta tiġi trasferita bejn l-Istati Uniti, minn naħa, u l-Unjoni Ewropea jew Stat Membru tagħha, min-naħa l-oħra.

3.   Dan il-Ftehim fih innifsu ma għandux ikun il-bażi ġuridika għal trasferimenti ta' informazzjoni personali. Bażi ġuridika għal dawn it-trasferimenti għandha dejjem tkun meħtieġa.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim:

(1)

“Informazzjoni personali” tfisser informazzjoni marbuta ma' persuna fiżika identifikata jew identifikabbli. Persuna identifikabbli hija persuna li tista' tiġi identifikata, direttament jew indirettament, permezz ta' referenza għal, b'mod partikolari, numru ta' identifikazzjoni jew fattur jew iktar li huma speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tagħha;

(2)

“Ipproċessar ta' informazzjoni personali” tfisser kwalunkwe operazzjoni jew sett ta' operazzjonijiet li jinvolvu l-ġbir, iż-żamma, l-użu, l-alterazzjoni, l-organizzazzjoni jew l-istrutturar, l-iżvelar jew it-tixrid, jew id-disponiment ta' informazzjoni;

(3)

“Partijiet” tfisser l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika;

(4)

“Stat Membru” tfisser Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;

(5)

“Awtorità Kompetenti” tfisser, għall-Istati Uniti, awtorità tal-infurzar tal-liġi nazzjonali responsabbli għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, fosthom it-terroriżmu, u, għall-Unjoni Ewropea, awtorità tal-Unjoni Ewropea, u awtorità ta' Stat Membru, responsabbli għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, fosthom it-terroriżmu.

Artikolu 3

Kamp ta' Applikazzjoni

1.   Dan il-Ftehim għandu japplika għall-informazzjoni personali trasferita bejn l-Awtoritajiet Kompetenti ta' Parti u l-Awtoritajiet Kompetenti tal-Parti l-oħra, jew inkella dik trasferita skont ftehim konkluż bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea jew l-Istati Membri tagħha, għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, fosthom it-terroriżmu.

2.   Dan il-Ftehim ma jaffettwax, u huwa mingħajr preġudizzju għal, trasferimenti jew forom oħra ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri u tal-Istati Uniti, għajr dawk li jissemmew fl-Artikolu 2(5), li huma responsabbli mis-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali.

Artikolu 4

Nondiskriminazzjoni

Kull Parti għandha timxi mal-obbligi tagħha skont dan il-Ftehim għall-finijiet tal-protezzjoni tal-informazzjoni personali taċ-ċittadini tagħha u taċ-ċittadini tal-Parti l-oħra irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, u mingħajr diskriminazzjoni arbitrarja jew inġustifikabbli.

Artikolu 5

Effett tal-Ftehim

1.   Dan il-Ftehim iżid ma', kif xieraq, iżda ma jiħux post, dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni personali fi ftehimiet internazzjonali bejn il-Partijiet, jew l-Istati Uniti u l-Istati Membri li jindirizzaw kwistjonijiet fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan il-Ftehim.

2.   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jimplimentaw dan il-Ftehim, fosthom, b'mod partikolari, l-obbligi rispettivi tagħhom rigward l-aċċess, ir-rettifikazzjoni u r-rimedju amministrattiv u ġuridiku għall-individwi li huma previsti hawn. Il-protezzjonijiet u r-rimedji stabbiliti f'dan il-Ftehim għandhom jibbenefikaw lill-individwi u l-entitajiet fil-manjiera implimentata fil-liġijiet domestiċi applikabbli ta' kull Parti. Għall-Istati Uniti, l-obbligi tagħha għandhom japplikaw b'manjiera konsistenti mal-prinċipji fundamentali tagħha tal-federaliżmu.

3.   Billi jingħata effett għall-paragrafu 2, l-ipproċessar tal-informazzjoni personali mill-Istati Uniti, jew l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fir-rigward ta' kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan il-Ftehim, għandu jitqies li jkun konformi mal-leġislazzjoni rispettiva tagħhom dwar il-protezzjoni tad-data li tirrestrinġi jew tikkundizzjona trasferimenti internazzjonali tal-informazzjoni personali, u ma tkun meħtieġa l-ebda awtorizzazzjoni ulterjuri skont tali leġislazzjoni.

Artikolu 6

Limitazzjonijiet tal-Għan u tal-Użu

1.   It-trasferiment ta' informazzjoni personali għandu jkun għal għanijiet speċifiċi awtorizzati mill-bażi ġuridika għat-trasferiment kif stipulat fl-Artikolu 1.

2.   L-ipproċessar ulterjuri tal-informazzjoni personali minn Parti m'għandux ikun inkompatibbli mal-għanijiet li għalihom tkun ġiet trasferita. L-ipproċessar kompatibbli jinkludi l-ipproċessar skont it-termini ta' ftehimiet internazzjonali eżistenti u oqfsa internazzjonali miktuba għall-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati serji. Kull ipproċessar ta' informazzjoni personali ta' din ix-xorta minn awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi, regolatorji jew amministrattivi għandu jirrispetta d-dispożizzjonijiet l-oħrajn ta' dan il-Ftehim.

3.   Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-abbiltà tal-Awtorità Kompetenti trasferenti li timponi kundizzjonijiet addizzjonali f'każ speċifiku sa fejn jippermettilha l-qafas legali applikabbli għat-trasferiment. Dawn il-kundizzjonijiet ma għandhomx jinkludu kundizzjonijiet tal-protezzjoni tad-data ġeneriċi, jiġifieri kundizzjonijiet imposti li mhumiex relatati mal-fatti speċifiċi tal-każ. Jekk l-informazzjoni hija soġġetta għal kundizzjonijiet, l-Awtorità Kompetenti riċeventi għandha timxi magħhom. L-Awtorità Kompetenti li tkun qed tipprovdi l-informazzjoni tista' wkoll titlob lir-riċevitur jagħti tagħrif dwar l-użu li jkun sar tal-informazzjoni ttrasferita.

4.   Meta l-Istati Uniti, minn naħa, u l-Unjoni Ewropea jew Stat Membru min-naħa l-oħra, jikkonkludu ftehim dwar it-trasferiment ta' informazzjoni personali għajr b'rabta ma' każijiet, investigazzjonijiet jew prosekuzzjonijiet speċifiċi, l-għanijiet speċifikati għala l-informazzjoni tkun qegħda tiġi trasferita u pproċessata għandhom jiġu ppreżentati ulterjorment f'dak il-ftehim.

5.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw skont il-liġijiet rispettivi tagħhom li l-informazzjoni personali tiġi pproċessata b'mod li huwa direttament rilevanti, u mhux eċċessiv jew wiesa' żżejjed, b'rabta mal-għanijiet għall-ipproċessar.

Artikolu 7

Trasferiment Ulterjuri

1.   Meta Awtorità Kompetenti ta' Parti tkun trasferiet informazzjoni personali marbuta ma' każ speċifiku lil Awtorità Kompetenti tal-Parti l-oħra, dik l-informazzjoni tista' tiġi ttrasferita lil Stat li ma jkunx marbut b'dan il-Ftehim jew lil korp internazzjonali biss meta jkun inkiseb il-kunsens minn qabel tal-Awtorità Kompetenti li oriġinarjament tkun bagħtet dik l-informazzjoni.

2.   Meta tkun qed tagħti l-kunsens tagħha għal trasferiment skont il-paragrafu 1, l-Awtorità Kompetenti li oriġinarjament tkun trasferiet l-informazzjoni għandha tqis kif xieraq il-fatturi kollha rilevanti, fosthom kemm ikun serju r-reat, l-iskop li għalih id-data tkun qed tiġi trasferita inizjalment u jekk l-Istat li ma jkunx marbut b'dan il-Ftehim jew il-korp internazzjonali inkwistjoni jiżgurax livell xieraq ta' protezzjoni tal-informazzjoni personali. Din tista' tagħmel it-trasferiment soġġett għal ċerti kundizzjonijiet.

3.   Meta l-Istati Uniti, minn naħa, u l-Unjoni Ewropea jew Stat Membru min-naħa l-oħra, jikkonkludu ftehim dwar it-trasferiment ta' informazzjoni personali għajr b'rabta ma' każijiet, investigazzjonijiet jew prosekuzzjonijiet speċifiċi, it-trasferiment ulterjuri ta' informazzjoni personali jista' jsir biss jekk jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet stipulati fil-ftehim li jagħtu l-ġustifikazzjoni dovuta għat-trasferiment ulterjuri. Dan il-ftehim għandu wkoll jipprovdi għal mekkaniżmi ta' informazzjoni xierqa bejn l-Awtoritajiet Kompetenti.

4.   Xejn f'dan l-Artikolu li għandu jiġi interpretat li jaffettwa xi rekwiżit, obbligu jew prattika skont liema huwa meħtieġ li jrid jinkiseb il-kunsens bil-quddiem tal-Awtorità Kompetenti li oriġinarjament tkun trasferiet l-informazzjoni qabel ma l-informazzjoni tiġi trasferita ulterjorjment lil Stat jew korp marbut b'dan il-Ftehim, sakemm il-livell ta' protezzjoni tad-data f'tali Stat jew korp ma għandux ikun l-bażi biex jiġi miċħud il-kunsens għal, jew jiġu imposti kundizzjonijiet fuq, tali trasferimenti.

Artikolu 8

Manteniment tal-Kwalità u l-Integrità tal-Informazzjoni

Il-Partijiet għandhom jieħdu passi raġonevoli biex jiżguraw li l-informazzjoni personali tiġi miżmuma bl-akkuratezza, rilevanza, aġġornatezza u kompletezza kif ikun meħtieġ u xieraq għall-ipproċessar leġittimu tal-informazzjoni. Għal dan l-għan, l-Awtoritajiet Kompetenti għandhom ikollhom proċeduri fis-seħħ li l-għan tagħhom ikun li jiżguraw il-kwalità u l-integrità tal-informazzjoni personali, fosthom dawn li ġejjin:

(a)

il-miżuri msemmija fl-Artikolu 17;

(b)

meta l-Awtorità Kompetenti trasferenti ssir konxja b'xi dubji sinifikanti fir-rigward tar-rilevanza, l-aġġornatezza, il-kompletezza jew l-akkuratezza ta' tali informazzjoni personali jew ta' valutazzjoni li tkun trasferiet, din għandha, meta jkun fattibbli, tavża lill-Awtorità Kompetenti riċeventi dwar dan;

(c)

meta l-Awtorità Kompetenti riċeventi ssir konxja b'xi dubji sinifikanti fir-rigward tar-rilevanza, l-aġġornatezza, il-kompletezza jew l-akkuratezza tal-informazzjoni personali rċevuta minn awtorità tal-gvern, jew ta' valutazzjoni li tkun saret mill-Awtorità Kompetenti trasferenti tal-akkuratezza tal-informazzjoni jew l-affidabbiltà ta' sors, din għandha, fejn fattibbli, tavża lill-Awtorità Kompetenti trasferenti b'dan.

Artikolu 9

Sigurtà tal-Informazzjoni

Il-Partijiet għandhom jiżguraw li jkollhom fis-seħħ arranġamenti tekniċi, ta' sigurtà u organizzazzjonali xierqa għall-protezzjoni tal-informazzjoni kontra dan kollu li ġej:

(a)

il-qerda aċċidentali jew illeġittima;

(b)

telf aċċidentali; u

(c)

id-divulgazzjoni, alterazzjoni, aċċess, jew ipproċessar ieħor mingħajr awtorizzazzjoni.

Tali arranġamenti għandhom jinkludu salvagwardji xierqa rigward l-awtorizzazzjoni meħtieġa biex tiġi aċċessata l-informazzjoni personali.

Artikolu 10

Notifika ta' Inċident tas-Sigurtà tal-Informazzjoni

1.   Meta ssir taf b'inċident li jinvolvi t-telf jew il-qerda aċċidentali, jew l-aċċess, divulgazzjoni, jew alterazzjoni mingħajr awtorizzazzjoni ta' informazzjoni personali, li fih ikun hemm riskju sinifikanti ta' ħsara, l-Awtorità Kompetenti riċeventi għandha minnufih tivvaluta l-probabbiltà u l-iskala ta' ħsara lil individwi u lill-integrità tal-programm tal-Awtorità Kompetenti trasferenti, u minnufih tieħu azzjoni xierqa biex timmitiga kwalunkwe ħsara ta' din ix-xorta.

2.   L-azzjoni biex il-ħsara tiġi mmitigata għandha tinkludi notifika lill-Awtorità Kompetenti trasferenti. Madankollu, in-notifika tista':

(a)

tinkludi restrizzjonijiet xierqa fir-rigward tat-trażmissjoni ulterjuri tan-notifika;

(b)

issir iktar tard jew ma ssirx, jekk tali notifika tista' tipperikola s-sigurtà nazzjonali;

(c)

issir iktar tard meta tali notifika tista' tipperikola operazzjonijiet tas-sigurtà pubblika.

3.   L-azzjoni biex tiġi mitigata l-ħsara tista' tinkludi wkoll notifika lill-individwu, meta jkun xieraq skont iċ-ċirkostanzi tal-inċident, sakemm tali notifikazzjoni ma tipperikolax:

(a)

is-sigurtà pubblika jew nazzjonali;

(b)

inkjesti, investigazzjonijiet jew proċedimenti uffiċjali;

(c)

il-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni, jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali;

(d)

id-drittijiet u l-libertajiet ta' ħaddieħor, b'mod partikolari l-protezzjoni tal-vittmi u x-xhud.

4.   L-Awtoritajiet Kompetenti involuti fit-trasferiment tal-informazzjoni jistgħu jikkonsultaw flimkien rigward l-inċident u r-rispons għalih.

Artikolu 11

Żamma tar-Rekords

1.   Il-Partijiet għandhom ikollhom fis-seħħ metodi effettivi biex juru l-leġittimità tal-ipproċessar tal-informazzjoni, li jistgħu jinkludu l-użu ta' logs, kif ukoll forom oħrajn ta' rekords.

2.   L-Awtoritajiet Kompetenti jistgħu jużaw tali logs jew rekords biex iżommu l-operazzjonijiet ordinati tal-bażijiet tad-data jew fajls konċernati, biex jiżguraw l-integrità u s-sigurtà tad-data, u fejn meħtieġ biex isegwu proċeduri ta' backup.

Artikolu 12

Perijodu taż-Żamma

1.   Il-Partijiet għandhom jipprovdu, fl-oqfsa legali applikabbli tagħhom, perijodi taż-żamma speċifiċi għal rekords li jkun fihom informazzjoni personali, li l-iskop tagħhom ikun li jiġi żgurat li l-informazzjoni personali ma tinżammx iktar milli jkun hemm bżonn u jkun xieraq. Dawn il-perijodi ta' retenzjoni għandhom iqisu l-għanijiet tal-ipproċessar, in-natura tad-data u l-awtorità li tkun qiegħda tipproċessaha, l-impatt fuq id-drittijiet u l-interessi rilevanti tal-persuni affettwati, u kunsiderazzjonijiet legali oħrajn.

2.   Meta l-Istati Uniti, minn naħa, u l-Unjoni Ewropea jew Stat Membru min-naħa l-oħra, jikkonkludu ftehim dwar it-trasferiment ta' informazzjoni personali għajr b'rabta ma' każijiet, investigazzjonijiet jew prosekuzzjonijiet speċifiċi, tali ftehim jinkludi dispożizzjoni speċifika li jkun sar qbil reċiproku dwarha rigward il-perijodi taż-żamma.

3.   Il-Partijiet għandhom jipprevedu proċeduri għar-rieżami perijodiku tal-perijodu taż-żamma bl-għan li jiġi determinat jekk ċirkustanzi li jkunu nbiddlu jkunux jeħtieġu modifika ulterjuri tal-perijodu applikabbli.

4.   Il-Partijiet għandhom jippubblikaw dawn il-perijodi taż-żamma jew jagħmluhom disponibbli għall-pubbliku b'mod ieħor.

Artikolu 13

Kategoriji Speċjali ta' Informazzjoni Personali

1.   L-ipproċessar ta' informazzjoni li tikxef l-oriġini razzjali jew etnika, fehmiet politiċi jew twemmin reliġjuż jew ieħor, sħubija fi trade union, jew informazzjoni personali li tikkonċerna s-saħħa jew il-ħajja sesswali għandha ssir biss taħt salvagwardji xierqa b'konformità mal-liġi. Salvagwardji xierqa ta' dan it-tip jistgħu jinkludu: ir-restrizzjoni tal-għanijiet li għalihom l-informazzjoni tista' tiġi pproċessata, bħal li jiġi permess li l-ipproċessar isir biss fuq bażi ta' każ b'każ; is-satar, it-tħassir jew l-ibblokkjar tal-informazzjoni wara li jkun ġie effettwat l-għan li għalih tkun ġiet ipproċessata; ir-restrizzjoni tal-persunal li jkun imħolli jaċċessa l-informazzjoni; il-ħtieġa ta' tħarriġ speċjalizzat għall-persunal li jaċċessa l-informazzjoni; il-ħtieġa ta' approvazzjoni superviżorja biex l-informazzjoni tiġi aċċessata; jew miżuri protettivi oħrajn. Dawn is-salvagwardji għandhom iqisu kif xieraq in-natura tal-informazzjoni, is-sensittivitajiet partikolari tal-informazzjoni, u l-għan li għalih l-informazzjoni tiġi pproċessata.

2.   Meta l-Istati Uniti, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea jew Stat Membru fuq in-naħa l-oħra, jikkonkludu ftehim dwar it-trasferiment tal-informazzjoni personali għajr b'rabta ma' każijiet, investigazzjonijiet jew prosekuzzjonijiet speċifiċi, tali ftehim għandu jispeċifika ulterjorment l-istandards u l-kundizzjonijiet taħt liema tali informazzjoni tista' tiġi pproċessata, filwaqt li jitqiesu kif xieraq in-natura tal-informazzjoni u l-għan li għalih tista' tintuża.

Artikolu 14

Obbligu ta' Rendikont

1.   Il-Partijiet għandhom ikollhom stabbiliti miżuri biex jippromwovu l-obbligu ta' rendikont għall-ipproċessar tal-informazzjoni fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan il-Ftehim mill-Awtoritajiet Kompetenti tagħhom, u kull awtorità oħra tagħhom li lilha tkun ġiet trasferita l-informazzjoni personali. Tali miżuri għandhom jinkludu notifika tas-salvagwardji applikabbli għat-trasferimenti tal-informazzjoni personali taħt dan il-Ftehim, u tal-kundizzjonijiet li setgħu ġew imposti mill-Awtorità Kompetenti trasferenti skont l-Artikolu 6(3). Imġiba ħażina serja għandha tiġi indirizzata permezz ta' sanzjonijiet kriminali, ċivili jew amministrattivi xierqa u dissważivi.

2.   Il-miżuri stipulati fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu, kif xieraq, id-diskontinwazzjoni tat-trasferiment ta' informazzjoni personali lil awtoritajiet ta' entitajiet territorjali kostitwenti tal-Partijiet li mhumiex koperti b'dan il-Ftehim li ma pproteġewx l-informazzjoni personali b'mod effettiv, b'kont meħud tal-għan ta' dan il-Ftehim, u b'mod partikolari l-limitazzjonijiet tal-għan u l-użu u d-dispożizzjonijiet dwar it-trasferiment ulterjuri ta' dan il-Ftehim.

3.   Fil-każ li jkun hemm allegazzjonijiet li l-implimentazzjoni ta' dan l-Artiklu ma saritx sew, Parti tista' titlob lill-Parti l-oħra biex tipprovdi l-informazzjoni rilevanti, inkluż, fejn xieraq, rigward il-miżuri meħuda skont dan l-Artikolu.

Artikolu 15

Deċiżjonijiet Awtomatizzati

Deċiżjonijiet li joħolqu azzjonijiet avversi sinifikanti fir-rigward tal-interessi rilevanti tal-individwu ma jistgħux ikunu bbażati biss fuq l-ipproċessar awtomatiku tal-informazzjoni personali mingħajr involviment uman, sakemm dan ma jkunx awtorizzat bil-liġi domestika, u b'salvagwardji xierqa li jinkludu l-possibiltà li jista' jkun hemm intervent uman.

Artikolu 16

Aċċess

1.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw li kull individwu jkun intitolat li jfittex li jkollu aċċess għall-informazzjoni tiegħu u, soġġett għar-restrizzjonijiet elenkati fil-paragrafu 2, li jiksbu. Tali aċċess għandu jiġi mfittex u miksub minn Awtorità Kompetenti f'konformità mal-qafas legali applikabbli tal-Istat li fih ikun qed jiġi mfittex ir-rimedju.

2.   Il-ksib ta' din l-informazzjoni f'każ partikolari jista' jkun soġġett għal restrizzjonijiet partikolari pprovduti mil-liġi domestika, meta wieħed iqis l-interessi leġittimi tal-individwu kkonċernat, sabiex:

(a)

jiġu mħarsa d-drittijiet u l-libertajiet ta' persuni oħrajn, inkluża l-privatezza tagħhom;

(b)

jiġu salvagwardjati s-sigurtà pubblika u nazzjonali;

(c)

tiġi protetta informazzjoni sensittiva tal-infurzar tal-liġi;

(d)

ikun evitat li jiġu mfixkla inkjesti, investigazzjonijiet jew proċedimenti uffiċjali jew legali;

(e)

ikun evitat preġudizzju għall-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali;

(f)

jiġu mħarsa b'mod ieħor interessi li l-leġislazzjoni tipprevedi rigward il-libertà tal-informazzjoni u l-aċċess pubbliku għad-dokumenti.

3.   Spejjeż eċċessivi m'għandhomx jiġu imposti fuq l-individwu bħala kundizzjoni biex jaċċessa l-informazzjoni personali tiegħu.

4.   Individwu huwa intitolat li jawtorizza, jekk il-liġi domestika applikabbli tippermetti, lil awtorità ta' sorveljanza jew rappreżentant ieħor jitlob l-aċċess f'ismu.

5.   Jekk l-aċċess jiġi miċħud jew ristrett, l-Awtorità Kompetenti rikjesta, mingħajr dewmien żejjed, tagħti lill-individwu jew lir-rappreżentant debitament awtorizzat tiegħu kif stipulat fil-paragrafu 4, ir-raġunijiet għaċ-ċaħda jew ir-restrizzjoni tal-aċċess.

Artikolu 17

Rettifika

1.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw li kull individwu jkun intitulat li jfittex korrezzjoni jew rettifika tal-informazzjoni personali tiegħu li jasserixxi li hija impreċiża jew li tkun ma tkunx ġiet ipproċessata tajjeb. Il-korrezzjoni jew ir-rettifika tista' tinkludi supplementazzjoni, tħassira, imblukkar jew miżuri jew metodi oħrajn biex jiġu indirizzati impreċiżjonijiet jew proċessar li ma sarx tajjeb. Tali korrezzjoni jew rettifika għandha tiġi mfittxa u miksuba minn Awtorità Kompetenti f'konformità mal-qafas legali applikabbli tal-Istat li fih ikun qed jiġi mfittex ir-rimedju.

2.   Meta l-Awtorità Kompetenti riċeventi tikkonkludi, wara:

(a)

talba skont il-paragrafu 1;

(b)

notifika mill-fornitur; jew

(c)

l-investigazzjonijiet jew l-inkjesti tagħha;

li informazzjoni li tkun irċeviet taħt dan il-Ftehim tkun impreċiża jew ma ġietx ipproċessata tajjeb, għandha tieħu miżuri ta' supplementazzjoni, tħassir, imblukkar jew metodi oħrajn ta' korrezzjoni jew rettifika, kif xieraq.

3.   Individwu huwa intitolat li jawtorizza, jekk il-liġi domestika applikabbli tippermetti, lil awtorità ta' sorveljanza jew rappreżentant ieħor ifittex li ssir korrezzjoni jew rettifika f'ismu.

4.   Jekk il-korrezzjoni jew ir-rettifika tiġi miċħuda jew ristretta, l-Awtorità Kompetenti rikjesta, mingħajr dewmien żejjed, tagħti lill-individwu jew lir-rappreżentant debitament awtorizzat tiegħu kif stipulat fil-paragrafu 3, risposta li tkun tinkludi l-bażi għaċ-ċaħda jew ir-restrizzjoni tal-korrezzjoni jew rettifika.

Artikolu 18

Rimedju Amministrattiv

1.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw li kwalunkwe individwu jkun intitolat ifittex rimedju amministrattiv meta jaħseb li t-talba tiegħu għall-aċċess skont l-Artikolu 16 jew ir-rettifika ta' informazzjoni impreċiża jew ipproċessar li ma sarx tajjeb skont l-Artikolu 17 tkun ġiet miċħuda b'mod li mhux xieraq. Tali rimedju għandu jiġi mfittex u miksub minn Awtorità Kompetenti f'konformità mal-qafas legali applikabbli tal-Istat li fih ikun qed jiġi mfittex ir-rimedju.

2.   Individwu huwa intitolat li jawtorizza, jekk il-liġi domestika applikabbli tippermetti, lil awtorità ta' sorveljanza jew rappreżentant ieħor ifittex rimedju amministrattiv f'ismu.

3.   L-Awtorità Kompetenti li mingħandha jiġi mfittex ir-rimedju għandha tagħmel l-inkjesti u l-verifiki xierqa u mingħajr dewmien żejjed u għandha twieġeb bil-miktub, inkluż permezz ta' mezzi elettroniċi, bir-riżultat, inkluża l-azzjoni ameljorattiva jew korrettiva meħuda, fejn applikabbli. L-avviż formali tal-proċedura biex jiġi mfittex kwalunkwe rimedju amministrattiv ulterjuri għandu jkun kif previst fl-Artikolu 20.

Artikolu 19

Rimedju Ġudizzjarju

1.   Il-Partijiet għandhom jipprovdu fl-oqfsa legali applikabbli tagħhom li, soġġett għal kwalunkwe rekwiżiti li l-ewwel għandu jiġi eżawrit ir-rimedju amministrattiv, kull ċittadin ta' Parti huwa intitolat li jfittex stħarriġ ġudizzjarju fir-rigward ta':

(a)

ċaħda min-naħa ta' Awtorità Kompetenti għall-aċċess għal rekords li jkun fihom informazzjoni personali tiegħu;

(b)

ċaħda min-naħa ta' Awtorità Kompetenti biex issir emenda tar-rekords li jkun fihom informazzjoni personali tiegħu; u

(c)

id-divulgazzjoni illeġittima ta' tali informazzjoni li tkun saret volontarjament jew intenzjonalment, li għandha tinkludi l-possibiltà ta' kumpens għad-danni.

2.   Tali stħarriġ ġudizzjarju għandu jiġi mfittex u miksub b'konformità mal-qafas legali applikabbli tal-Istat li fih ikun qed jiġi mfittex ir-rimedju.

3.   Il-Paragrafi 1 u 2 huma mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe stħarriġ ġudizzjarju ieħor disponibbli fir-rigward tal-ipproċessar tal-informazzjoni personali ta' individwu skont il-liġi tal-Istat li fih ikun qed jintalab rimedju.

4.   Fil-każ li jkun hemm sospensjoni jew terminazzjoni tal-Ftehim, l-Artikoli 26(2) jew 29(3) ma għandhomx joħolqu bażi għal rimedju ġudizzjarju li ma jkunx għadu disponibbli taħt il-liġi tal-Parti kkonċernata.

Artikolu 20

Trasparenza

1.   Il-Partijiet għandhom javżaw lil individwu rigward l-informazzjoni personali tiegħu, liema avviż jista' jsir mill-Awtoritajiet Kompetenti permezz tal-pubblikazzjoni ta' avviżi ġenerali jew permezz ta' avviż formali, f'forma u fi żmien previsti mil-liġi applikabbli lill-awtorità li tkun qed tagħmel l-avviż, fir-rigward ta':

(a)

l-għanijiet tal-ipproċessar ta' tali informazzjoni minn dik l-awtorità;

(b)

l-għanijiet li għalihom l-informazzjoni tista' tiġi kondiviża ma' awtoritajiet oħrajn;

(c)

liġijiet jew regoli li taħthom isir tali pproċessar;

(d)

partijiet terzi li lilhom tiġi divulgata tali informazzjoni; u

(e)

aċċess, korrezzjoni jew rettifika, u rimedju disponibbli.

2.   Tali rekwiżit għal avviż huwa soġġett għar-restrizzjonijiet raġonevoli skont il-liġi domestika fir-rigward tal-materji stipulati fl-Artikolu 16(2) minn (a) sa (f).

Artikolu 21

Sorveljanza Effettiva

1.   Il-Partijiet għandhom ikollhom stabbilita awtorità pubblika ta' sorveljanza waħda jew iktar li:

(a)

teżerċita funzjonijiet u setgħat ta' sorveljanza independenti, inkluż l-istħarriġ, l-investigazzjoni u l-intervenzjoni, fejn xieraq, u fuq l-inizjattiva tagħha;

(b)

ikollha s-setgħa li taċċetta u li tieħu azzjoni dwar ilmenti li jkunu saru minn individwi b'rabta mal-miżuri li jimplimentaw dan il-Ftehim; u

(c)

ikollhom is-setgħa li jirreferu ksur tal-liġi marbut ma' dan il-Ftehim għall-prosekuzzjoni jew azzjoni dixxiplinarja, meta jkun xieraq.

2.   L-Unjoni Ewropea għandha tipprovdi għas-sorveljanza skont dan l-Artikolu permezz tal-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data tagħha u tal-Istati Membri.

3.   L-Istati Uniti għandhom jipprovdu għas-sorveljanza skont dan l-Artikolu kumulattivament permezz ta' iktar minn awtorità waħda, li jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn, spetturi ġenerali, kapi uffiċjali tal-privatezza, uffiċċji tar-responsabbiltà tal-gvern, bordijiet ta' sorveljanza tal-privatezza u l-libertajiet ċivili, u korpijiet ta' sorveljanza tal-privatezza jew il-libertajiet ċivili eżekuttivi u leġislattivi applikabbli oħrajn.

Artikolu 22

Kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet ta' Sorveljanza

1.   Il-konsultazzjonijiet bejn l-awtoritajiet li jwettqu s-sorveljanza skont l-Artikolu 21 għandhom iseħħu kif xieraq fir-rispett tal-qadi tal-funzjonijiet marbutin ma' dan il-ftehim, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 16, 17, u 18.

2.   Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu punti ta' kuntatt nazzjonali li se jassistu fl-identifikazzjoni tal-awtorità ta' sorveljanza li jkollha tiġi indirizzata f'każ partikolari.

Artikolu 23

Reviżjoni Konġunta

1.   Il-Partijiet għandhom iwettqu reviżjonijiet konġunti tal-politiki u l-proċeduri li jimplimentaw dan il-Ftehim u tal-effettività tagħhom. Fir-reviżjonijiet konġunti għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-implimentazzjoni effettiva tal-protezzjonijiet skont l-Artikolu 14 dwar l-obbligu ta' rendikont, l-Artikolu 16 dwar l-aċċess, l-Artikolu 17 dwar ir-rettifika, l-Artikolu 18 dwar ir-rimedju amministrattiv, u l-Artikolu 19 dwar ir-rimedju ġudizzjarju.

2.   L-ewwel reviżjoni konġunta għandha ssir mhux iktar tard minn tliet snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, u wara ssir fuq bażi regolari. Il-Partijiet għandhom flimkien jiddeterminaw minn qabel il-modalitajiet u t-termini ta' dan u għandhom jikkomunikaw lil xulxin il-kompożizzjoni tad-delegazzjonijiet rispettivi tagħhom, li jinkludu rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi ta' sorveljanza msemmija fl-Artikolu 21 dwar is-sorveljanza effettiva, u ta' awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-ġustizzja. Is-sejbiet tar-reviżjoni konġunta jkunu disponibbli għall-pubbliku.

3.   Meta l-Partijiet jew l-Istati Uniti u Stat Membru ikunu kkonkludew ftehim ieħor li s-suġġett tiegħu jkun ukoll fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan il-Ftehim, li jipprovdi għal reviżjonijiet konġunti, dawn ir-reviżjonijiet konġunti ma jiġux idduplikati u, sa fejn ikun rilevanti, is-sejbiet tagħhom jiffurmaw parti mis-sejbiet tar-reviżjoni konġunta ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 24

Notifiki

1.   L-Istati Uniti għandhom jinnotifikaw lill-Unjoni Ewropea dwar kull deżinjazzjoni li ssir mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti b'rabta mal-Artikolu 19, u kull modifika għaliha.

2.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu sforzi raġonevoli biex jinnotifikaw lil xulxin rigward il-mogħdija ta' liġi ta' kull liġi jew l-adozzjoni ta' regolamenti li jaffettwaw materjalment l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim, fejn dan ikun fattibbli, qabel ma jsiru effettivi.

Artikolu 25

Konsultazzjoni

Kull tilwima li tinbet mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandha tagħti bidu għal konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni reċiprokament aċċettabbli.

Artikolu 26

Sospensjoni

1.   Fil-każ li jkun hemm ksur materjali ta' dan il-Ftehim, kwalunkwe Parti tista' tissospendi dan il-Ftehim kollu kemm hu jew parzjalment permezz ta' notifika bil-miktub lill-Parti l-oħra permezz ta' mezzi diplomatiċi. Tali notifika bil-miktub ma għandhiex issir qabel ma l-Partijiet ikunu ħadu sehem f'perijodu raġonevoli ta' konsultazzjoni mingħajr ma tkun instabet soluzzjoni, u s-sospensjoni għandha ssir effettiva għoxrin jum mid-data tal-wasla ta' tali notifika. Tali sospensjoni tista' titneħħa mill-Parti li tkun għamlet is-sospensjoni permezz ta' notifika bil-miktub lill-Parti l-oħra. Is-sospensjoni għandha titneħħa immedjatament malli tasal tali notifika.

2.   Minkejja kwalunkwe sospensjoni ta' dan il-Ftehim, id-data personali li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan il-Ftehim u li tkun ġiet trasferita qabel is-sospensjoni tiegħu għandha tkompli tiġi pproċessata b'konformità ma' dan il-Ftehim.

Artikolu 27

Applikazzjoni Territorjali

1.   Dan il-Ftehim għandu japplika biss għad-Danimarka, ir-Renju Unit, jew l-Irlanda, jekk il-Kummissjoni Ewropea tinnotifika lill-Istati Uniti bil-miktub li d-Danimarka, ir-Renju Unit jew l-Irlanda jkunu għażlu li dan il-Ftehim japplika għall-Istat tagħhom.

2.   Jekk il-Kummissjoni Ewropea tinnotifika lill-Istati Uniti qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim li dan se japplika għad-Danimarka, ir-Renju Unit, jew l-Irlanda, dan il-Ftehim għandu japplika għal dawk l-Istati mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim.

3.   Jekk il-Kummissjoni Ewropea tinnotifika lill-Istati Uniti wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim li dan se japplika għad-Danimarka, għar-Renju Unit, jew għall-Irlanda, dan il-Ftehim għandu japplika għal tali Stat fl-ewwel ġurnata tax-xahar wara li tkun waslet n-notifika mill-Istati Uniti.

Artikolu 28

Tul taż-Żmien tal-Ftehim

Dan il-Ftehim huwa konkluż għal tul taż-żmien mingħajr limitu.

Artikolu 29

Dħul fis-seħħ u Terminazzjoni

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu skambjaw in-notifiki li jindikaw illi jkunu temmew il-proċeduri interni tagħhom għad-dħul fis-seħħ.

2.   Kull Parti tista' tittermina dan il-Ftehim permezz ta' notifika bil-miktub lill-Parti l-oħra permezz ta' mezzi diplomatiċi. Tali terminazzjoni għandha tidħol fis-seħħ tletin jum mid-data tal-wasla ta' tali notifika.

3.   Minkejja kwalunkwe terminazzjoni ta' dan il-Ftehim, informazzjoni personali li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan il-Ftehim u li tkun ġiet trasferita qabel it-terminazzjoni tiegħu għandha tkompli tiġi pproċessata b'konformità ma' dan il-Ftehim.

B'XHIEDA TA' DAN il-plenipotenzjarji sottoskritti ffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul f'Amsterdam illum it-tieni jum ta' Ġunju fis-sena elfejn u sittax, f'żewġ kopji oriġinali, bil-lingwa Ingliża. Skont l-liġi tal-UE, dan il-Ftehim għandu jinkiteb ukoll mill-UE fil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Kroata, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Taljana, Ungeriża u Żvediża. Dawn il-verżjonijiet lingwistiċi addizzjonali jistgħu jiġu awtentikati permezz ta' skambju ta' noti diplomatiċi bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea. F'każ li jkun hemm diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi awtentiċi, għandha tipprevali l-lingwa Ingliża.

Għall-Unjoni Ewropea

Għall-Istati Uniti tal-Amerika