23.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 315/11


RIŻOLUZZJONI (1)

dwar l-isfidi, l-impenn potenzjali u ġdid fil-kooperazzjoni fl-enerġija effiċjenti u fis-sorsi li jiġġeddu fi ħdan is-Sħubija tal-Lvant

(2015/C 315/03)

L-ASSEMBLEA PARLAMENTARI EURONEST,

wara li kkunsidrat l-Att Kostitwenti tal-Assemblea Parlamentari EURONEST tat-3 ta’ Mejju 2011,

wara li kkunsidrat id-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li sar f’Vilnius fit-28 u d-29 ta’ Novembru 2013,

wara li kkunsidrat il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 ta’ Ottubru 2014 dwar qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030,

wara li kkunsidrat id-deċiżjonijiet tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima li saret f’Varsavja mill-11 sat-22 ta’ Novembru 2013,

wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Frar 2014 dwar qafas għall-politika dwar il-klima u l-enerġija sal-2030 (2),

wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar sfidi u opportunitajiet attwali għall-enerġija rinnovabbli fis-suq intern Ewropew tal-enerġija (3),

wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Marzu 2013 dwar il-“Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050, futur b’enerġija” (4),

wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Ġunju 2012 bit-titolu “Il-kooperazzjoni fil-qasam tal-politika dwar l-enerġija ma’ pajjiżi lil hinn mill-fruntieri tagħna: Approċċ strateġiku għal provvista sikura, sostenibbli u kompetittiva tal-enerġija” (5),

wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima f’Lima li tappella għal mira vinkolanti ta’ effiċjenza enerġetika ta’ 40 % skont il-potenzjal kosteffikaċi ġenerali tat-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija (6),

wara li kkunsidrat il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Lulju 2014 bit-titolu “L-Effiċjenza Enerġetika u l-kontribut tas-sigurtà tal-enerġija u l-Qafas 2030 għall-politika dwar il-klima u l-enerġija” (COM(2014)0520),

wara li kkunsidrat il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Jannar 2014 bit-titolu “Qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija fil-perjodu ta’ bejn l-2020 u l-2030” (COM(2014)0015),

wara li kkunsidrat il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Marzu 2011 bit-titolu “Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050” (COM(2011)0112),

wara li kkunsidrat id-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija,

wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE,

wara li kkunsidrat id-Dokumenti ta’ Strateġija Nazzjonali għall-Enerġija tal-Armenja, l-Azerbajġan, il-Bjelorussja, il-Ġeorġja, il-Moldova u l-Ukraina għall-perjodi sal-2020 u l-2030,

wara li kkunsidrat l-objettivi ewlenin u l-programm ta’ ħidma 2014-2017 tas-Sħubija tal-Lvant: Pjattaforma 3 - Sigurtà tal-enerġija,

wara li kkunsidrat l-istabbiliment tas-Sħubija għall-Ambjent u l-Effiċjenza tal-Enerġija fl-Ewropa tal-Lvant (E5P) fl-2009,

wara li kkunsidrat ir-Rapport Annwali tal-2013 dwar l-attivitajiet tal-Komunità tal-Enerġija lill-Parlament Ewropew u lill-parlamenti nazzjonali u r-Rapport Annwali tal-24 ta’ Settembru 2014 dwar l-attivitajiet tal-Komunità tal-Enerġija fl-2014,

A.

billi d-domanda globali għall-enerġija qed tiżdied kontinwament, b’mod komparabbli ma’ dik tal-popolazzjoni, l-attività tal-bniedem u l-iżvilupp tat-teknoloġija, u din twassal biex tintensifika l-kompetizzjoni globali għar-riżorsi tal-fjuwils fossili, u b’hekk qed titpoġġa f’riskju l-provvista tal-enerġija tal-ifqar ekonomiji;

B.

billi kien hemm tħassib dwar it-tibdil fil-klima, dwar id-domanda dejjem tikber għall-enerġija u l-inċertezzi fis-swieq globali taż-żejt u tal-gass, li jwassal għal riflessjoni kemm min-naħa tal-pajjiżi produtturi kif ukoll minn naħa tal-pajjiżi konsumaturi dwar it-tfassil ta’ strateġiji ta’ benefiċċju reċiproku li jittrasformaw is-setturi tal-enerġija f’setturi ġodda b’emissjonijiet baxxi, tas-sejba ta’ ekwilibrji ġodda fost diversi sorsi tal-enerġija, l-ħarsien ta’ provvista affidabbli u sikura, u l-illimitar tal-konsum tal-enerġija;

C.

billi l-konsum tal-enerġija huwa mistenni li jikber fir-reġjun tal-Ewropa tal-Lvant b’veloċità ogħla mill-medja tal-UE, bħala parti minn tendenza ġenerali li takkumpanja l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjun; billi l-pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant bħalissa jużaw tliet darbiet aktar enerġija mill-medja tal-Istati Membri tal-UE, u l-potenzjal mhux sfruttat tal-effiċjenza enerġetika tagħhom jibqa’ kbir;

D.

billi huwa għalhekk fl-interess ekonomiku, soċjali u ambjentali kemm tal-UE kif ukoll tal-pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant li jitnaqqsu l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju li joriġinaw mill-użu ta’ karburanti fossili, li jiġu żviluppati sorsi tal-enerġija alternattivi u kosteffiċjenti, u li tiżdied l-effiċjenza tal-enerġija;

E.

billi d-djalogu reġjonali dwar il-politika tal-enerġija fis-Sħubija tal-Lvant intensifika f’dawn l-aħħar snin, li jkopri l-konverġenza tas-swieq tal-enerġija, id-diversifikazzjoni tal-provvista u tat-tranżitu tal-enerġija, l-iżvilupp ta’ sorsi sostenibbli tal-enerġija, kif ukoll l-infrastrutturi ta’ interess komuni u reġjonali;

F.

billi l-Konferenza dwar il-Bidla fil-Klima tan-NU li saret f’Varsavja f’Novembru 2013 immarkat pass importanti ‘l quddiem bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim universali ġdid dwar il-klima fl-2015, li jkun ibbażat b’mod partikolari fuq politiki u miżuri biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju minn sistemi tal-enerġija;

G.

billi l-miżuri għall-effiċjenza enerġetika u għall-iffrankar tal-enerġija, flimkien ma’ użu akbar ta’ sorsi rinnovabbli, jikkontribwixxu wkoll għat-tnaqqas ta’ forom multipli ta’ dipendenza fuq l-enerġija, inklużi dawk finanzjarji, teknoloġiċi u d-dipendenza fuq il-fjuwil fis-setturi nukleari u tal-fossili, l-akkwiżizzjoni u s-sjieda ta’ infrastruttura tal-enerġija strateġika, u investimenti f’proġetti tal-enerġija minn partijiet terzi mhux affidabbli f’pajjiżi tal-UE u f’pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant;

H.

billi ż-żieda fis-sehem ta’ sorsi rinnovabbli tista’ twassal għal ekonomizzar sostanzjali, kif jidher fil-kont tal-enerġija esterna tal-UE f’dawn l-aħħar snin (tnaqqis ta’ EUR 30 biljun fl-2012);

I.

billi l-istat degradat tas-settur tal-bini residenzjali, tal-infrastruttura tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni tal-enerġija li ntwiret mill-passat joħloq sfidi serji ħafna għall-effiċjenza tal-enerġija u l-iffrankar tal-enerġija f’ħafna pajjiżi tal-UE u pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant;

J.

billi l-UE adottat qafas għall-politika dwar il-klima u l-enerġija għall-2030, li jistabbilixxi sett ta’ objettivi, jiġifieri, biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra b’40 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990, biex jiżdied is-sehem tal-enerġija rinnovabbli kkunsmat fl-UE għal 27 %, u li tittejjeb l-effiċjenza tal-enerġija b’mill-inqas 27 % meta mqabbla mal-previżjonijiet għall-2030;

K.

billi l-implimentazzjoni sħiħa tal-pakkett attwali kif ukoll tat-tieni pakkett dwar il-klima u l-enerġija u l-leġiżlazzjoni suċċessivi tal-UE fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri kollha tal-UE, u l-istess japplika fir-rigward tal-pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant f’termini ta’ leġiżlazzjoni trasposta; billi n-nuqqas ta’ traspożizzjoni korretta u f’waqtha jista’ jipperikola s-sigurtà ta’ Stati Membri individwali tal-UE jew tal-UE u tal-pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant kollha kemm hi;

L.

billi l-UE fl-2009 adottat id-Direttiva dwar l-enerġija rinnovabbli li tistabbilixxi miri nazzjonali obbligatorji li għandhom jinkisbu permezz tal-promozzjoni tal-użu ta’ enerġija rinnovabbli; billi fl-2012 adottat ukoll direttiva dwar l-effiċjenza enerġetika li taħtha, l-Istati Membri jridu jimplimentaw miżuri vinkolanti għall-iffrankar tal-enerġija, b’mod partikolari obbligi tar-rinnovazzjoni annwali ta’ 3 % tal-bini tal-gvern u għall-kumpaniji tal-enerġija biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija fil-livell tal-konsumatur;

M.

billi l-pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant kienu involuti fl-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ oqfsa legali u ta’ politika għall-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza tal-enerġija, inkluż permezz ta’ relazzjonijiet kuntrattwali ta’ xi wħud minnhom eżistenti fi ħdan it-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija; billi, madankollu, l-isforzi tagħhom huma mxekkla minn monitoraġġ insuffiċjenti u l-kapaċità teknika u min-nuqqas ta’ investiment u strumenti għall-implimentazzjoni tagħhom;

N.

billi fl-2013, l-Armenja, il-Ġeorġja u l-Moldova daħlu fis-Sħubija għall-Ambjent u l-Effiċjenza tal-Enerġija fl-Ewropa tal-Lvant (E5P), li ġiet stabbilita l-ewwel mal-Ukraina u li għandha l-għan li tippromwovi l-effiċjenza tal-enerġija u l-investimenti ambjentali fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant;

O.

billi, għalkemm il-kriżi ekonomika globali kellha impatt negattiv fuq l-investiment għall-iffrankar tal-enerġija u l-enerġiji rinnovabbli, l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali xorta għad għandhom rwol sinifikanti permezz tal-ingranaġġ ta’ fondi nazzjonali u self għal investiment fl-użu sostenibbli tal-enerġija u l-iżvilupp ta’ enerġija rinnovabbli;

P.

billi l-UE u l-pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant għandhom iqisu l-kompetittività ġenerali tal-ekonomiji tagħhom u setturi tal-enerġija, meta jfasslu politiki adegwati biex jimponu obbligi dwar l-effiċjenza enerġetika f’setturi industrijali, l-iżvilupp ta’ enerġija rinovabbli u l-integrazzjoni ta’ dawn f’taħlitiet ta’ enerġija nazzjonali;

Q.

billi l-Ukraina u l-Moldova ngħaqdu fil-Komunità tal-Enerġija fl-2011 u kienu għalhekk obbligati jittrasponu, inter alia, id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-bini fl-użu tal-Enerġija (sat-30 ta’ Settembru 2012), id-Direttiva dwar it-Tikkettar Enerġetiku (sa tmiem l-2011), id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Enerġija (sa tmiem l-2011), u Direttiva dwar l-enerġija minn sorsi rinnovabbli (sa tmiem l-2013); billi l-Ġeorġja qed tinnegozja biex issir membru sħiħ tal-Komunità tal-Enerġija fl-2015;

Il-kisba ta’ progress u ta’ riżultati għall-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija

1.

Taqbel mal-fehma tal-parteċipanti tas-Summit ta’ Vilnius dwar is-Sħubija tal-Lvant dwar l-importanza strateġika u tal-ħtieġa ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib fl-oqsma tal-ambjent u t-tibdil fil-klima bħala prijoritajiet għal azzjoni; tilqa’ l-involviment tal-parteċipanti fis-Summit fl-iżvilupp ta’ ftehim universali ġodda dwar il-klima li għandu jiġi adottat waqt il-Konferenza tan-NU dwar il-Bidla fil-Klima li se ssir fl-2015 f’Pariġi; tenfasizza l-interess komuni fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni bilaterali u multilaterali fi ħdan is-Sħubija tal-Lvant fil-qasam tal-enerġija, sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-politika dwar il-bidla fil-klima;

2.

Tilqa’ l-progress li rriżulta mis-Summit ta’ Vilnjus, u tistieden lill-parteċipanti fis-summit li se jsir f’Mejju 2015 f’Riga biex jieħdu aktar passi ‘l quddiem fil-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija taħt is-Sħubija tal-Lvant; jiddispjaċiha li, f’każijiet speċifiċi, il-kummerċ bilaterali dwar l-enerġija intuża bħala strument ta’ pressjoni politika mill-Federazzjoni Russa; tenfasizza l-ħtieġa ta’ żvilupp ulterjuri fil-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi sħab tagħha għat-tisħiħ tas-sigurtà reċiproka tal-enerġija u biex tagħmilhom aktar indipendenti u reżiljenti għal pressjoni esterna;

3.

Tenfasizza l-importanza li tingħata prijorità politika għolja biex jinkiseb progress fl-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika sabiex nimxu lejn sistema tal-enerġija b’emissjonijiet baxxi, biex jitnaqqsu r-riskji li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima u biex tiġi promossa enerġija sikura, sostenibbli u għal but ta’ kulħadd għall-benefiċċju tal-ekonomiji u taċ-ċittadini tagħna;

4.

Tenfasizza li l-infrastrutturi eżistenti antiki, “konnessjonijiet nieqsa” u sehem akbar ta’ enerġija rinnovabbli fil-produzzjoni u l-konsum tal-enerġija kollha jindikaw il-ħtieġa għal investiment fuq skala kbira biex tiġi żviluppata infrastruttura adegwata għat-trażmissjoni u l-ħżin tal-elettriku; tistieden lill-UE u lill-pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant issaħħu l-kooperazzjoni reġjonali u jinkoraġġixxu l-modernizzar tal-grids tal-enerġija, permezz, b’mod partikolari, tal-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ “grids intelliġenti” u tal-bini ta’ interkonnessjoni ġdida u ta’ infrastrutturi transkonfinali; tenfasizza li dawn l-investimenti għandhom jiġu kkomplementati b’miżuri għal bidliet fl-imġiba, l-iffrankar tal-enerġija u appoġġ tal-konsumatur b’saħħtu, filwaqt li tenfasizza l-benefiċċji ta’ bidla minn fjuwils fossili għal enerġija li terġa’ tiġġedded, b’mod partikulari fis-settur tat-tisħin; tenfasizza wkoll l-importanza tal-iżvilupp ta’ netwerk backbone tal-Internet sabiex jiġu appoġġati operazzjonijiet tal-grid intelliġenti, kif ukoll l-iżgurar tas-sigurtà ċibernetika tal-infrastrutturi kritiċi;

5.

Tinnota li ċerti sorsi ta’ enerġija rinnovabbli huma intermittenti u tqis, f’dan ir-rigward, li iktar man-netwerks tal-elettriku jinstabu kullimkien, aktar ma jkunu jistgħu jintużaw sorsi ta’ enerġija ġeografikament imbiegħda, u b’hekk ikun jista’ jintlaħaq bilanċ fil-produzzjoni jew fin-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-faċilitajiet tal-enerġija rinnovabbli;

6.

Tenfasizza r-rwol tal-effiċjenza tal-enerġija tal-binjiet u l-importanza li sseħħ rinnovazzjoni tal-bini li mhux effiċjenti f’termini ta’ enerġija fi sħubija mal-UE sabiex tiġi massimizzata l-effiċjenza tal-enerġija tagħhom;

7.

Tqis li l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli għandu jimxi id f’id ma’ appoġġ għal kapaċitajiet ta’ ħżin, u kapaċitajiet ta’ riżerva ta’ enerġija flessibbli, u tenfasizza l-ħtieġa għal miżuri ta’ effiċjenza enerġetika biex tiġi żgurata provvista ta’ elettriku f’perjodi ta’ domanda għolja; tħeġġeġ lill-UE u lill-pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant biex jappoġġaw u jiffaċilitaw it-twaqqif ta’ sħubiji ġodda biex jiżguraw it-trasferiment ta’ teknoloġija fl-oqsma ta’ ġestjoni tad-domanda, tal-grids intelliġenti u tat-teknoloġiji tal-ħżin; titlob għall-kooperazzjoni mtejba bejn l-UE u l-pajjiżi sħab tagħha fi sforz konġunt biex jintlaqgħu l-attakki ta’ kull tip kontra l-infrastrutturi kritiċi;

8.

Tenfasizza l-problemi li jaffettwaw lill-komunitajiet rurali fil-pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant relatati mal-gassifikazzjoni, peress li attwalment dawn il-Komunitajiet għadhom jiddependu fuq riżorsi naturali li ġejjin mill-foresti, li qed iwasslu għal deforestazzjoni massiva u għal degradazzjoni tal-foresti fuq skala li tammonta għal madwar wieħed minn kull ħamsa tal-emissjonijiet ġġenerati mill-bniedem;

9.

Tirrakkomanda li l-UE u l-pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant tagħha jrawmu u jittestjaw netwerks ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli lokali u deċentralizzata, li toħloq sistema tal-enerġija aktar reżiljenti, ibbilanċjata u demokratika, ittejjeb is-sigurtà tal-enerġija, tipprovdi opportunitajiet kummerċjali u tkopri l-bżonnijiet tal-komunitajiet u tas-swieq lokali;

10.

Tistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-imsieħba tagħhom biex iżidu l-kapaċità għat-tfittxija għal kooperazzjoni fl-enerġija alternattiva ma’ investituri privati fl-estrazzjoni ta’ gass tax-shale li huwa organikament rikk, li joħloq vantaġġ qawwi lill-pajjiżi dipendenti mill-importazzjoni tal-enerġija biex ikunu jifilħu aktar pressjoni politika esterna;

11.

Tenfasizza li l-potenzjal tal-iffrankar enerġetiku jikkonċerna s-setturi kollha tal-ekonomija, inklużi l-industrija, l-agrikoltura, il-bini (b’mod partikolari fir-rigward ta’ livelli għoljin ta’ effiċjenza tal-enerġija ta’ bini residenzjali), it-trasport u s-servizzi; temmen li l-progress lejn l-effiċjenza enerġetika għandu jkun ibbażat fuq deċiżjonijiet dwar l-implimentazzjoni effettiva ta’ miżuri ffinanzjati b’mod intelliġenti li jsiru permezz ta’ katina kumplessa ta’ partijiet interessati, li jvarjaw minn dawk li jfasslu l-politika għal produtturi tal-enerġija u l-konsumaturi individwali;

12.

Tenfasizza li l-bidla lejn ekonomija iktar effiċjenti fl-enerġija għandha wkoll taċċellera l-firxa ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi u ttejjeb il-kompetittività tal-industrija, filwaqt li jiġi xprunat it-tkabbir ekonomiku u jinħolqu impjiegi ta’ kwalità għolja f’numru ta’ setturi relatati mal-effiċjenza fl-enerġija;

13.

Tenfasizza li l-politiki dwar l-effiċjenza enerġetika għandhom ikunu bbażati fuq analiżi dettaljata tal-użu tal-enerġija, tas-swieq u tat-teknoloġiji u l-identifikazzjoni ta’ setturi u l-opportunitajiet fejn l-azzjonijiet jistgħu potenzjalment iħallu l-akbar titjib; titlob, f’dan ir-rigward, li l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant isawru l-politiki dwar l-effiċjenza enerġetika, bil-għan, bħala prijorità, tat-tneħħija tal-ostakoli għal investimenti ta’ effiċjenza, l-istabbiliment u l-implimentazzjoni gradwali ta’ standards ta’ prestazzjoni fis-setturi kollha b’użu intensiv tal-enerġija, inkluża l-industrija, iż-żieda tar-rati tat-taxxi fuq il-prodotti u t-tagħmir li huwa l-aktar ineffiċjenti fejn jeżistu alternattivi aktar effiċjenti fejn tidħol l-enerġija, u l-ħolqien ta’ mudelli ta’ finanzjament li huma aċċessibbli għal unitajiet domestiċi privati;

14.

Tenfasizza l-importanza li jiġu kkompletati proġetti distrettwali ta’ tisħin fil-pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant, li jiżguraw li kull proġett ta’ rinnovazzjoni jew ta’ kostruzzjoni huwa żviluppat b’effiċjenza enerġetika bħala prijorità;

Il-ħarsien tal-kundizzjonijiet ta’ qafas xierqa għal żvilupp sostenibbli ta’ enerġija rinnovabbli u l-istimolu tal-effiċjenza tal-enerġija

15.

Tappoġġja l-objettivi ta’ żieda fl-għarfien pubbliku tal-enerġija rinnovabbli fil-pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant, u tirrikonoxxi li fil-preżent, il-Komunità tan-negozju f’dawk il-pajjiżi m’għandhiex tagħrif dwar il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-mezzi ta’ parteċipazzjoni fi proġetti ta’ investiment; tenfasizza r-rwol ta’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali fil-mobilizzazzjoni ta’ fondi nazzjonali u self għal investiment fl-użu ta’ enerġija sostenibbli u l-iżvilupp ta’ enerġija rinnovabbli;

16.

Tappoġġja l-objettivi tal-programm ta’ ħidma tal-Pjattaforma tas-Sħubija tal-Lvant dwar is-Sigurtà tal-Enerġija għall-2014-2017, u b’mod partikolari dak ta’ kooperazzjoni msaħħa fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-effiċjenza fl-enerġija u l-enerġija rinnovabbli u l-promozzjoni tal-investimenti;

17.

Tenfasizza li l-oqfsa regolatorji għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza tal-enerġija huma ta’ importanza kbira minħabba li deċiżjonijiet ta’ investiment f’dawn l-oqsma huma l-aktar milquta minn awtorizzazzjonijiet amministrattivi; tirrakkomanda li l-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant jiżguraw it-trasparenza, il-konsistenza u l-kontinwità fit-tfassil ta’ oqfsa ġuridiċi, finanzjarji u regolatorji sabiex tissaħħaħ il-fiduċja tal-investituri u jinqasam l-għarfien regolatorju u l-aħjar prattiki; tenfasizza li l-Kummissjoni għandha tkun viġilanti u tiżgura li l-investimenti fl-enerġija u d-deċiżjonijiet politiċi f’kwalunkwe mill-Istati Membri tal-UE ma jdgħajfux is-sigurtà tal-enerġija fi Stati Membri oħra jew f’pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant;

18.

Tistieden lill-Kummissjoni tirrevedi d-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika sabiex jiġu estiżi l-iskemi ta’ obbligu tal-effiċjenza enerġetika lil hinn mill-2020 u tipproponi d-direttiva riveduta b’miri għall-2030 għal adozzjoni finali mill-Komunità tal-Enerġija;

19.

Tappoġġa l-approssimazzjoni tal-pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant mal-leġiżlazzjoni tal-UE u l-istandards rilevanti għall-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza tal-enerġija, speċjalment fil-qafas tal-Komunità tal-Enerġija, u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji nazzjonali u pjanijiet ta’ azzjoni relatati; tenfasizza, f’dan ir-rigward, l-importanza tal-leġiżlazzjoni li twessa’ l-aċċess għal swieq nazzjonali tal-enerġija rinnovabbli għall-investituri barranin u jiġi ffaċilitat il-kummerċ tal-enerġija fost il-partijiet nazzjonali u lokali; tenfasizza li l-investituri domestiċi u barranin għandhom igawdu minn trattament ugwali fir-rigward tal-aċċess għal swieq tal-enerġija rinnovabbli; tistenna proposti leġiżlattivi għat-tkomplija tat-tkabbir ta’ sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu u l-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli lil hinn mill-2020; tilqa’ l-fatt li l-pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant li adottaw programmi nazzjonali tal-effiċjenza fl-enerġija ffissaw miri kwantifikati, rigward, b’mod partikolari, t-tnaqqis tal-intensità tal-enerġija, t-tnaqqis tal-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju u t-telf tas-sħana fis-settur tal-akkomodazzjoni; tenfasizza li l-miri għall-effiċjenza enerġetika ma ntlaħqux u għandhom jiġu riveduti perjodikament u għandhom jiġu stabbiliti strateġiji ġodda sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi sħab;

20.

Hija tal-fehma li huma meħtieġa sistemi aktar koerenti ta’ appoġġ għall-enerġija rinnovabbli sabiex tinbena l-kapaċità rinnovabbli b’mod effiċjenti, b’mod partikolari għal teknoloġiji innovattivi fis-setturi tax-xemx, tar-riħ u tal-bijomassa, iżda li dawn m’għandhomx jagħtu lok għal sussidji eċċessivi u għandhom jitneħħew b’mod gradwali hekk kif it-teknoloġiji huma maturi;

21.

Tenfasizza r-rwol li s-settur tat-trasport jista’ jkollu fit-tnaqqis tal-emissjonijiet permezz tal-integrazzjoni tal-miri tal-enerġija rinnovabbli fil-programmi ta’ ħidma tat-trasport pubbliku;

22.

Tħeġġeġ lill-UE u lill-pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant biex jistabbilixxu mudelli ta’ finanzjament ġodda biex tiżdied l-enerġija rinnovabbli u l-iffrankar tal-enerġija li jiddependu anqas fuq finanzjament pubbliku u aktar fuq finanzjament privat;

23.

Titlob li jsiru studji ta’ valutazzjoni speċifiċi għall-pajjiż fuq il-konsum tal-enerġija sabiex tistabbilixxi strateġija biex jiġu ottimizzati investimenti li jżidu l-effiċjenza u jnaqqsu l-ispejjeż u d-dipendenza fuq l-importazzjonijiet fuq medda twila ta’ żmien; Tħeġġeġ aktar investiment privat u pubbliku fir-rinnovazzjoni ta’ bini residenzjali ineffiċjenti fl-użu tal-enerġija fl-UE u fil-pajjiżi sħab tagħha;

24.

Tfakkar fir-rakomandazzjoni tagħha li l-Istati Membri tal-UE u s-sħab Ewropej tal-Lvant jiffaċilitaw l-istabbiliment ta’ trattament preferenzjali għall-kummerċ fl-enerġija ġġenerata minn sorsi rinnovabbli, jiġifieri taħt mekkaniżmi u kundizzjonijiet ipprovduti mid-Direttiva 2009/28/KE;

25.

Tilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li, fi ħdan il-qafas tad-direttiva dwar is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (RES) trasposta, l-Ukraina kważi rduppjat is-sehem ta’ RES fil-konsum finali tagħha, minn 2,99 % fl-2012 għal 3,96 % fl-2013;

L-inkoraġġiment ta’ approċċi komuni għat-tfassil tal-politika u tat-tisħiħ ta’ kooperazzjoni multilaterali f’enerġiji rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika fi ħdan is-Sħubija tal-Lvant

26.

Tenfasizza li, filwaqt li l-għanijiet tal-politika tal-enerġija ġew stabbiliti u kkoordinati fil-livell tal-UE, l-Istati Membri tal-UE jridu jagħżlu strateġiji xierqa skont l-istruttura ta’ swieq nazzjonali tagħhom tal-enerġija; tirrakkomanda li l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant jimpenjaw ruħhom f’aktar skambji u kooperazzjoni fir-riċerka u t-tfassil tal-politika fir-rigward tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija, b’mod parallel mal-indirizzar tal-problema tal-faqar fl-enerġija, b’enfasi speċjali fuq l-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx u vulnerabbli li waħedhom ma jistgħux jaffordjaw li jinvestu fl-effiċjenza tal-enerġija u proġetti ta’ modernizzar u li jkunu l-aktar affettwati b’żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, jipprovdu informazzjoni u mekkaniżmi ta’ finanzjament imfassla apposta sabiex dawn ikunu jistgħu inaqqsu l-użu tal-enerġija, jiddiversifikaw is-sorsi tal-enerġija u jibnu l-awtonomija tal-enerġija fuq il-livell tal-unità domestika;

27.

Tenfasizza l-interess li jiġi żviluppat suq tal-enerġija miftuħ u integrat bejn l-UE u s-sħab Ewropej tal-Lvant tagħha, li jista’ jagħti spinta lill-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli billi jiġu pprovduti aktar opportunitajiet għall-kummerċ u l-investiment; tirrakkomanda li l-UE u l-pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant jimpenjaw ruħhom sabiex jiżviluppaw il-kummerċ reġjonali tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-qafas ta’ ftehimiet ġodda;

28.

Tilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tfassal linji gwida għan-negozju tal-enerġija rinnovabbli fil-livell Ewropew, u tirrakkomanda li jitqies bis-sħiħ il-potenzjal kummerċjali tal-UE ma’ pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant;

29.

Tilqa’ l-appoġġ li l-programm INOGATE, inkluż l-Inizjattiva ta’ Ffrankar tal-Enerġija fis-settur tal-bini (ESIB) pprovda lill-pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant; temmen l-programm INOGATE għandu jiġi mplimentat fil-futur, f’format aktar speċifika għal kull pajjiż imsieħeb, abbażi ta’ ftehimiet kuntrattwali u l-impenji li jsiru bidliet fil-politika;

30.

Tfaħħar ir-riżultati tal-inizjattiva tal-UE tal-“Patt tas-Sindki”, li jgħaqqad flimkien kunsilli lokali fi sforz biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju permezz ta’ azzjonijiet dwar l-effiċjenza fl-enerġija u l-enerġija rinnovabbli; tistieden lill-UE ssaħħaħ din l-inizjattiva u tirrakkomandaha lil aktar muniċipalitajiet, b’mod partikolari f’pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant; tirrakkomanda li l-inizjattiva għandha tinkludi l-implimentazzjoni ta’ sforzi ulterjuri għall-promozzjoni tal-prinċipji tal-effiċjenza fl-enerġija u l-bidla fil-mentalitajiet tal-konsumaturi, b’mod partikolari, permezz ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni;

31.

Tirrikonoxxi l-valur tas-Sħubija għall-Ambjent u l-Effiċjenza tal-Enerġija fl-Ewropa tal-Lvant (E5P), bħala fond minn bosta donaturi amministrat mill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp li l-għan tiegħu huwa li jiffaċilita l-investimenti fl-effiċjenza enerġetika u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju f’pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant; tilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni li ttieħdet mill-Armenja, il-Ġeorġja u l-Moldova biex jingħaqdu fl-attivitajiet tal-Fond E5P, kemm bħala kontributuri kif ukoll bħala riċevituri, f’Ottubru 2013, filwaqt li nnotat li l-Fond E5P ħadem b’suċċess fl-Ukraina mill-2009; tħeġġeġ lill-Azerbajġan u lill-Bjelorussja biex isiru wkoll pajjiżi Membri tal-E5P u biex jingħaqdu mal-komunità donatriċi tiegħu, u b’hekk jippermetti li jiġu intensifikati l-isforzi tagħhom biex itejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija;

32.

Tistieden lill-UE biex tagħmel użu aħjar mill-Faċilità ta’ Investiment tal-Viċinat u tikkofinanzja investimenti f’miżuri ta’ effiċjenza enerġetika u proġetti RES, abbażi, inter alia, l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni ta’ proġetti għall-effiċjenza enerġetika taħt il-Qafas ta’ Investiment tal-Balkani tal-Punent;

33.

Tenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata edukazzjoni fl-oqsma akkademiċi rilevanti għall-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, bħala vetturi importanti għall-innovazzjoni; tirrakkomanda li l-UE tiżviluppa programmi ta’ appoġġ taħt l-Istrument Ewropew tal-Viċinat għall-2014-2020, li jippermettu lill-universitajiet u l-iskejjel tal-inġinerija fl-UE u fil-pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant biex jiżviluppaw kooperazzjoni aktar mill-qrib u skambji ta’ studenti tal-Ph.D u bil-lawrja fil-qasam tal-inġinerija tal-enerġija u tal-ekonomija;

34.

Tilqa’ l-prijoritajiet tal-UE dwar il-Programm Enerġija Intelliġenti - Ewropa, u l-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (Orizzont 2020); titlob lill-UE biex tiftaħ il-Programm Enerġija Intelliġenti - Ewropa tagħha fil-pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant u biex tieħu miżuri biex tiffaċilita l-parteċipazzjoni tagħhom, bil-għan li jiġu skambjati l-aħjar prattiki, jiġu żviluppati teknoloġiji ġodda u titrawwem l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza;

35.

Tagħti istruzzjonijiet lill-Ko-Presidenti tagħha biex jibagħtu din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni, il-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, il-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE u l-sħab Ewropej tal-Lvant.


(1)  Adottata s-17 ta’ Marzu 2015 f’Jerevan, l-Armenja.

(2)  Testi adottati, P7_TA(2014)0094.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2013)0201.

(4)  Testi adottati, P7_TA(2013)0088.

(5)  Testi adottati, P7_TA(2012)0238.

(6)  Testi adottati, P8_TA(2014)0063.