23.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 315/7


RIŻOLUZZJONI (1)

dwar il-kooperazzjoni infrastrutturali bejn l-UE u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant: proġetti konġunti fit-trasport bit-triq, bil-ferrovija u bl-ajru

(2015/C 315/02)

L-ASSEMBLEA PARLAMENTARI EURONEST,

wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Ottubru 2013 dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat: ħidma favur sħubija aktar b’saħħitha. Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rapporti tal-2012,

wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew dwar ir-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u d-dimensjoni tal-Lvant tagħha, kif ukoll dawk dwar ir-Repubblika tal-Armenja, ir-Repubblika tal-Azerbajġan, ir-Repubblika tal-Bjelorussja, il-Ġeorġja, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukraina,

wara li kkunsidrat id-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant (Vilnius, 28-29 ta’ Novembru 2013) – Sħubija tal-Lvant: it-triq li għandna nsegwu,

wara li kkunsidrat il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, bit-titolu ‘L-UE u r-reġjuni ġirien tagħha: Approċċ imġedded għall-kooperazzjoni tat-trasport’ (KUMM(2011)0415) u l-Pjan għat-Trasport tal-Viċinat tal-Unjoni Ewropea tal-Kummissjoni, li jkopri s-settur tal-avjazzjoni, it-trasport marittimu u t-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, it-trasport bit-triq u bil-ferrovija, u l-konnessjonijiet tal-infrastruttura,

wara li kkunsidrat id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Futur tal-kooperazzjoni fit-trasport tas-Sħubija tal-Lvant mill-Ministri responsabbli għat-Trasport tal-Istati Membri tal-UE u tal-pajjiżi Sħab tas-Sħubija tal-Lvant u mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea,

wara li kkunsidrat il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni fit-trasport mar-reġjuni ġirien tal-UE, adottati fit-3116-il laqgħa tal-Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija,

wara li kkunsidrat il-White Paper tal-Kummissjoni Ewropea tal-2011 bit-titolu “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti”,

wara li kkunsidrat il-lista ta’ proġetti ta’ infrastruttura ta’ prijorità fuq in-netwerk tat-trasport reġjonali tas-Sħubija tal-Lvant, approvata fil-laqgħa tal-Ministri tat-Trasport tal-UE u tas-Sħubija tal-Lvant fid-9 ta’ Ottubru 2013 fil-Lussemburgu,

wara li kkunsidrat l-iffirmar tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina, il-Moldova u l-Ġeorġja rispettivament,

wara li kkunsidrat l-effiċjenza tan-navigazzjoni bil-baħar u bix-xmajjar bħala sistemi biex jiġu ttrasportati l-oġġetti, biex ikun hemm konnessjoni bejn in-nies u biex tiġi żviluppata integrazzjoni aħjar tas-suq,

1.

Tenfasizza l-fatt li t-trasport huwa vitali għall-prosperità tal-Ewropa peress li jippermetti li l-oġġetti jiġu distribwiti b’mod effiċjenti u ċ-ċittadini jivvjaġġaw liberament; tfakkar li l-UE hija sieħeb politiku u ekonomiku ewlieni tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant (SL) u li l-kooperazzjoni msaħħa fis-settur tat-trasport tista’ tgħin b’mod sinifikanti lil dawn il-pajjiżi jsiru iżjed b’saħħithom ekonomikament u iżjed stabbli politikament; tindika li ċ-ċittadini u n-negozji fl-UE u fir-reġjuni ġirien huma l-benefiċjarji diretti tal-kooperazzjoni mtejba fit-trasport, li għandha l-għan li tnaqqas il-ħin u r-riżorsi li jintużaw fuq it-trasport tal-oġġetti, is-servizzi u l-passiġġiera, u li l-integrazzjoni eqreb tas-suq tista’ tgħin ukoll biex jinfetħu opportunitajiet ġodda tas-suq għan-negozji kemm fl-UE kif ukoll fir-reġjuni ġirien tagħha;

2.

Tqis li jistgħu jinkisbu konnessjonijiet aħjar tat-trasport permezz ta’ infrastruttura tat-trasport imtejba u permezz ta’ integrazzjoni eqreb tas-suq, biex jiġi żgurat l-ivvjaġġar bla xkiel għall-passiġġiera u t-trasport effiċjenti u sigur tal-oġġetti, billi titqies is-sitwazzjoni ġeografika speċifika tal-pajjiżi tas-SL; tittama, f’dan ir-rigward, li jkun hemm rabta viżibbli bejn il-politika dwar it-trasport fil-pajjiżi tas-SL u l-istrateġija Ewropa 2020;

3.

Tissottolinja li integrazzjoni eqreb bejn is-swieq tat-trasport tal-UE u s-Sħab tal-Lvant tagħha tiddependi fuq ir-rieda u t-tħejjija ta’ kull pajjiż f’dan ir-rigward, u hija kundizzjonali fuq il-progress li jagħmlu l-pajjiżi ġirien fl-applikazzjoni tal-istandards li huma ekwivalenti għal dawk tal-UE f’oqsma bħas-sikurezza, is-sigurtà, l-ambjent u kwistjonijiet soċjali; titlob lill-UE tipprovdi l-appoġġ u l-pariri tekniċi meħtieġa kollha, u biex ma tirrikorrix għall-protezzjoniżmu;

4.

Tenfasizza li għad fadal diverġenzi kbar f’termini tal-infrastruttura tat-trasport bejn il-partijiet tal-lvant u tal-punent tal-Ewropa, u dawn jeħtieġ li jiġu indirizzati, u li l-kontinent Ewropew jeħtieġ li jkun iżjed omoġenju f’termini tal-infrastruttura tat-trasport;

5.

Tfakkar li l-konġestjoni hija ta’ tħassib ewlieni, b’mod partikolari fit-trasport bit-triq u bl-ajru; tissottolinja l-ħtieġa li jiġu indirizzati r-restrinġimenti konsiderevoli fit-trasport Ewropew, bil-għan li jintlaħqu t-talbiet taċ-ċittadini għall-ivvjaġġar u l-bżonn tal-ekonomija li tittrasporta l-oġġetti u s-servizzi, filwaqt li jiġu antiċipati r-restrizzjonijiet tar-riżorsi u ambjentali;

6.

Tirrikonoxxi l-adozzjoni tal-linji gwida ġodda tat-TEN-T, li jiffurmaw in-netwerk ewlieni u komprensiv ta’ infrastruttura strateġika Ewropea fil-partijiet tal-lvant u tal-punent tal-Unjoni Ewropea, u għalhekk jiffurmaw iż-Żona Unika Ewropea tat-Trasport; tistieden lill-Kummissjoni Ewropea tirrifletti fuq il-possibbiltà ta’ konnessjoni bejn in-netwerk ewlieni tat-TEN-T u n-netwerk tat-trasport fil-pajjiżi tas-SL;

7.

Tistieden lill-Kummissjoni twettaq u tippubblika, b’mod konġunt mal-gvernijiet tas-Sħab tal-Lvant, studju ta’ valutazzjoni konġunt dwar l-infrastruttura tat-trasport, iċ-ċentri u r-rabtiet ta’ interess reċiproku li jistgħu jistabbilixxu bażi komprensiva għal proġetti konġunti futuri;

8.

Tinnota l-pressjoni tiżdied fuq ir-riżorsi pubbliċi għall-finanzjament tal-infrastruttura; tenfasizza li huwa meħtieġ approċċ ġdid għall-finanzjament u l-ipprezzar, ibbażat fuq sħubiji pubbliċi u privati, li jippermettu lill-komunitajiet lokali jissieħbu ma’ parteċipanti privati interessati u aġenziji tal-gvern, u jagħmlu użu mill-fondi internazzjonali biex joħolqu mezzi ta’ trasport li jkunu ta’ benefiċċju għall-partijiet kollha involuti; tħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE u lill-pajjiżi tas-SL jiskambjaw l-aħjar esperjenzi u jintensifikaw il-kooperazzjoni f’dan il-qasam;

9.

Tirrikonoxxi l-importanza ta’ iżjed titjib fl-ambjent tal-investiment fil-pajjiżi tas-SL sabiex jiġu attirati l-investimenti mill-Istati Membri tal-UE fis-setturi tat-trasport bit-triq, bil-ferrovija, marittimu u bl-ajru li jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ infrastruttura rispettiva, l-integrazzjoni tal-pajjiżi tas-SL u tal-Istati Membri tal-UE, l-adozzjoni tal-istandards tal-UE u l-iżvilupp tal-kapaċità fil-pajjiżi tas-SL;

10.

Tistieden lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tas-Sħab tal-Lvant jinkludu l-prinċipju tal-iffaċilitar tat-trasport fi ftehimiet kummerċjali futuri;

11.

Tissottolinja li r-riformi fis-settur tat-trasport fil-pajjiżi tas-SL għandhom jiżguraw approssimazzjoni ikbar għall-istandards tat-trasport tal-UE; tqis li n-negozjati dwar il-ftehimiet tas-servizzi bl-ajru bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL għandhom jiġu konklużi ma’ dawk il-pajjiżi li bdewhom, u, f’dan ir-rigward, tittama għal bidu bikri ta’ negozjati simili mal-bqija tal-pajjiżi tas-SL; temmen li s-sikurezza u s-sigurtà marittima għandhom jittejbu permezz ta’ riforma fil-politika, li l-bnadar għandhom jittejbu skont il-Memorandum ta’ Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port, u li l-pajjiżi sħab għandhom ikunu kapaċi juru esperjenza mtejba fis-sikurezza fit-toroq u li qed jieħdu passi konkreti biex itejbu l-interoperabbiltà ferrovjarja mal-UE; tqis li r-rabtiet fit-trasport mal-UE għandhom jitjiebu permezz ta’ ippjanar aħjar tan-netwerks u xogħol fuq proġetti ta’ infrastruttura ta’ prijorità li jgħinu l-konnessjoni tal-pajjiżi sħab man-netwerk tat-trasport Trans-Ewropew; tħeġġeġ lill-pajjiżi sħab jirriabilitaw it-toroq eżistenti u jibnu oħrajn ġodda;

12.

Tieħu nota tal-eżistenza ta’ fruntiera magħluqa fit-territorju tas-Sħubija tal-Lvant, kif ukoll tad-diffikultajiet fil-komunikazzjoni għal dawk il-pajjiżi li m’għandhomx aċċess dirett għall-ibħra, u tistieden, f’dan ir-rigward, lill-UE biex tikkontribwixxi għal modi iżjed miftuħa u aċċessibbli ta’ komunikazzjoni permezz tal-implimentazzjoni ta’ proġetti tanġibbli;

13.

Tenfasizza li l-Ajru Uniku Ewropew, li attwalment jinsab taħt kostruzzjoni, għandu jiġi estiż ukoll biex jinkludi lill-ġirien tal-UE – ir-rikonoxximent tad-dritt tal-UE u tal-prinċipju ta’ “indikazzjoni mill-UE” huwa prekundizzjoni minima għal dan; tindika li l-Ajru Uniku Ewropew għandu l-għan li jtejjeb is-sikurezza u jnaqqas id-dewmien, l-ispejjeż u l-emissjonijiet u li bħala parti mill-approċċ gradwali għall-istabbiliment ta’ Ajru Uniku Ewropew, il-pajjiżi ġirien tal-UE għandhom ir-rieda li jiffurmaw jew jgħaqqdu blokki ta’ spazju tal-ajru funzjonali (FABs) mal-Istati Membri tal-UE; tistieden lill-pajjiżi tas-SL jikkontribwixxu għall-operazzjoni bla xkiel tal-komunikazzjonijiet tal-ajru kemm bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL, kif ukoll fi ħdan it-territorju tas-Sħubija tal-Lvant;

14.

Tfakkar li t-trasport bit-triq għandu rwol ewlieni fil-flussi kummerċjali ma’ dawk il-pajjiżi tas-SL li magħhom l-UE taqsam fruntiera fuq l-art; tindika, madankollu, li l-proċeduri amministrattivi ineffiċjenti fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera jibqgħu ostakolu għall-fluss effiċjenti tal-oġġetti bejn l-UE u l-ġirien tagħha fil-lvant, u bħala medja, 40 % tal-ħin tat-trasport totali jintilef fil-fruntiera minħabba diskrepanzi fil-proċeduri amministrattivi; tenfasizza li l-faċilitazzjoni tal-proċeduri fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera hija għalhekk ta’ importanza ewlenija biex tistimola l-kummerċ billi jitnaqqsu l-ħin u l-ispejjeż u li l-kondiviżjoni tal-esperjenzi ta’ riformi ta’ suċċess f’dan il-qasam ikunu ta’ benefiċċju għall-pajjiżi tas-SL;

15.

Tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-mortalità minħabba l-korrimenti tat-traffiku tat-triq hija konsiderevolment ogħla fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tas-SL mill-medja fl-UE, u għalhekk il-livell baxx ta’ sikurezza fit-toroq fil-pajjiżi tas-SL huwa kwistjoni ta’ tħassib dirett għall-UE; tenfasizza li t-titjib fis-sikurezza fit-toroq permezz ta’ taħriġ, kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, sensibilizzazzjoni u l-promozzjoni ta’ infrastruttura tat-toroq iżjed sikura, inkluż parkeġġ sigur, jikkostitwixxi prijorità għall-kooperazzjoni u l-għajnuna finanzjarja tal-UE mar-reġjuni ġirien; tinkoraġġixxi lill-Kummissjoni Ewropea tinvestiga l-possibbiltà li testendi s-servizzi tas-sistemi tat-trasport komuni, intelliġenti fl-UE kollha għall-pajjiżi tas-SL;

16.

Bi pjaċir tinnota li diversi pajjiżi tas-SL esprimew interess f’aċċess miżjud għas-suq tat-toroq mal-UE u tqis li l-UE għandha teżerċita l-kompetenza esterna tagħha f’dan il-qasam bil-ħsieb ta’ iżjed integrazzjoni tas-suq ma’ dawn il-pajjiżi; tistieden, f’dan ir-rigward, lill-Kummissjoni biex timmonitorja mill-qrib il-pajjiżi sħab biex tkun ċerta li dawn jimplimentaw u japplikaw l-istandards rilevanti ta’ sikurezza, sigurtà, ambjentali u soċjali, u biex tiżgura li l-Istati Membri ma jirrikorrux għal miżuri protezzjonisti; tqis li l-għan ewlieni ta’ din l-inizjattiva għandu jkun li gradwalment jitneħħew ir-restrizzjonijiet kwantitattivi bi skambju mal-implimentazzjoni ta’ standards li jiggarantixxu l-kwalità tas-servizzi tat-trasport bit-triq bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL, li huwa kunċett mhux inkluż fir-reġimi bilaterali attwali;

17.

Tenfasizza li sistemi ta’ tariffi miftuħa, ġusti, mhux diskriminatorji, trasparenti u effiċjenti għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja tul il-kurituri bejn l-UE, il-ġirien tal-lvant tagħha, il-Lvant Nofsani u l-Asja huma meħtieġa biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tat-traffiku tal-merkanzija bil-ferrovija (inkluż ir-riabilitazzjoni tal-linji ferrovjarji eżistenti u l-kostruzzjoni ta’ oħrajn ġodda u iżjed effiċjenti); tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni reġjonali dwar din il-kwistjoni u tinnota b’dispjaċir li l-barrieri fiżiċi għat-tkabbir tal-kummerċ u l-merkanzija jinkludu wkoll in-nuqqas ta’ sistemi ferrovjarji interoperabbli, nuqqas ta’ teknoloġija u materjal fuq ir-roti f’kundizzjoni ħażina; tindika li l-effiċjenza fit-trasport tal-passiġġiera bil-ferrovija tista’ tiżdied permezz ta’ kooperazzjoni aħjar fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera, mingħajr ma tkun teħtieġ investimenti konsiderevoli fl-infrastruttura;

18.

Tinkoraġġixxi l-promozzjoni ta’ vetturi b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u infrastruttura ta’ fjuwil alternattiv sabiex jonqos il-konsum tal-fjuwil fossili u b’hekk jonqos l-impatt tat-trasport fuq l-ambjent;

19.

Tenfasizza li r-riformi li jfittxu li jġibu s-settur ferrovjarju tal-pajjiżi tas-SL eqreb lejn l-istandards tal-UE (ta’ sikurezza, sigurtà, ambjentali, soċjali u ta’ interoperabbiltà) għandhom ikomplu, għaliex dan ikun ta’ benefiċċju mhux biss għall-passiġġiera u t-trasport tal-merkanzija, imma jattira wkoll iżjed investiment fis-settur ferrovjarju; tindika li d-domanda għolja għall-modernizzazzjoni tal-materjal fuq ir-roti fil-pajjiżi ġirien toħloq opportunitajiet tas-suq ġodda għall-kumpaniji tal-UE; tenfasizza li r-riformi msemmija hawn fuq huma wkoll prekundizzjoni għal kwalunkwe ftuħ tas-suq fil-futur;

20.

Tħeġġeġ lill-UE tassisti fil-kisba tal-konformità permezz tal-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar l-iżvilupp ta’ programmi ta’ sigurtà nazzjonali fl-avjazzjoni ċivili u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fl-implimentazzjoni u l-kontroll tal-kwalità tal-miżuri tas-sigurtà fl-avjazzjoni; tenfasizza li l-istandards internazzjonali fis-sigurtà tal-avjazzjoni stabbiliti mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) għandhom jiġu implimentati bis-sħiħ, u tindika li l-konverġenza regolatorja fir-reġjun, lil hinn mill-istandards internazzjonali, tista’ tiġi ffaċilitata b’titjib fl-għarfien u bl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tas-sigurtà fl-avjazzjoni tal-Konferenza Ewropea tal-Avjazzjoni Ċivili (ECAC) u l-prinċipji stabbiliti fil-leġiżlazzjoni primarja tal-UE;

21.

Tindika li l-pajjiżi tas-SL għandhom ikunu wkoll il-benefiċjarji futuri taħt il-Programm ta’ Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR), li għandu l-għan li jimmodernizza l-infrastruttura tal-kontroll tat-traffiku bl-ajru fl-Ewropa, u li tkun milqugħa ħafna l-għajnuna ikbar mill-UE lill-pajjiżi tas-SL li jkunu qed ifittxu biex jimmodernizzaw is-sistemi tagħhom tal-ġestjoni tat-traffiku bl-ajru;

22.

Tappoġġja iżjed approssimazzjoni regolatorja u l-kisba tal-konformità fl-oqsma kollha tat-trasport, l-iżvilupp istituzzjonali tal-aġenziji tal-gvern responsabbli għall-iżvilupp tas-setturi tat-trasport bit-triq, bil-ferrovija, marittimi u bl-ajru fil-pajjiżi tas-SL, u l-adozzjoni ta’ standards konsegwenti, permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki tal-UE, l-assistenza teknika, u l-organizzazzjoni ta’ tours ta’ studju, workshops u forums;

23.

Tappoġġja l-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ infrastruttura tat-trasport tul in-netwerk tat-trasport tas-Sħubija tal-Lvant permezz ta’ programmi u strumenti eżistenti tal-UE li jtejbu l-konnessjonijiet man-netwerk ewlieni tat-TEN-T, u anke t-tlestija tal-proġetti li għaddejjin li jgħaqqdu l-pajjiżi tas-SL man-netwerks tat-trasport tal-UE;

24.

Tqis li huwa meħtieġ għall-Ukraina, il-Moldova u l-Ġeorġja, bħala firmatarji tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni, li jirċievu appoġġ adegwat mill-UE fl-iżvilupp tas-setturi tat-triq, il-ferrovija, l-ajru u l-baħar;

25.

Tissottolinja li t-trasport bil-baħar u l-passaġġi navigabbli jirrappreżentaw element fundamentali għall-iżvilupp tal-kummerċ, għall-iffaċilitar tal-moviment tal-passiġġieri u għal interkonnessjoni aħjar bejn is-sistemi tat-trasport, wara li jitqiesu l-karatteristiċi ġeografiċi speċifiċi tal-pajjiżi tas-SL;

26.

Tagħti struzzjonijiet lill-Ko-Presidenti tagħha biex jgħaddu din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tas-Sħubija tal-Lvant.


(1)  Adottata s-17 ta' Marzu 2015 f'Jerevan, l-Armenja.