31.10.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 291/19


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

Nru 64/2013

tat-3 ta’ Mejju 2013

li temenda l-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni) tal-Ftehim ŻEE

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 788/2012 tal-31 ta’ Awwissu 2012 dwar programm multiannwali tal-Unjoni kkoordinat u ta’ kontroll għall-2013, l-2014 u l-2015 biex tiġi żgurata konformità mal-livelli massimi ta’ residwi ta’ pestiċidi fi u fuq ikel li joriġina mill-pjanti u mill-annimali u biex jivvaluta l-esponiment tal-konsumatur għalihom (1) għandu jiġi integrat fil-Ftehim ŻEE.

(2)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 788/2012 li jirrevoka r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1274/2011 (2) li huwa integrat fil-Ftehim ŻEE u li konsegwentement għandu jiġi rrevokat skont il-Ftehim ŻEE.

(3)

Din id-Deċiżjoni tikkonċerna l-leġiżlazzjoni li tolqot l-oġġetti tal-ikel. Il-leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-oġġetti tal-ikel ma tapplikax għal-Liechtenstein sakemm l-applikazzjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kummerċ fi prodotti agrikoli tkun estiża għal-Liechtenstein, kif speċifikat fl-introduzzjoni għall-Kapitolu XII tal-Anness II tal-Ftehim ŻEE. Għaldaqstant, din id-Deċiżjoni m’għandhiex tapplika għal-Liechtenstein.

(4)

L-Anness II tal-Ftehim ŻEE għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kapitolu XII tal-Anness II għall-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat kif ġej:

1.

It-test tal-punt 68 (Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1274/2011) jitħassar.

2.

Dan li ġej jiddaħħal wara l-punt 73 (ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1048/2012):

“74.

32012 R 0788: Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 788/2012 tal-31 ta’ Awwissu 2012 dwar programm multiannwali tal-Unjoni kkoordinat u ta’ kontroll għall-2013, l-2014 u l-2015 biex tiġi żgurata konformità mal-livelli massimi ta’ residwi ta’ pestiċidi fi u fuq ikel li joriġina mill-pjanti u mill-annimali u biex jivvaluta l-esponiment tal-konsumatur għalihom (ĠU L 235, 1.9.2012, p. 8).

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom, għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, jinqraw bl-adattamenti li ġejjin:

(a)

Dan li ġej jiżdied fl-Artikolu 1:

‘L-Islanda tista’, għas-snin 2013, 2014 u 2015, tkompli tieħu kampjuni u tagħmel analiżi għall-istess 61 pestiċida mmonitorjati fil-prodotti tal-ikel fis-suq tagħha fl-2012.’

(b)

Dan li ġej jiżdied fil-punt 5 tal-Anness II:

‘IS

12 (*)

15 (**)

Nru

12 (*)

15 (**)’ ”.

Artikolu 2

It-testi tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 788/2012 bil-lingwa Islandiża u b’dik Norveġiża, li għandhom jiġu ppubblikati fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ ma’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ikunu awtentiċi.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-4 ta' Mejju 2013, sakemm in-notifiki kollha taħt l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE jkunu saru (*).

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fis-Sezzjoni taż-ŻEE u fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Mejju 2013.

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Gianluca GRIPPA


(1)  ĠU L 235, 1.9.2012, p. 8.

(2)  ĠU L 325, 8.12.2011, p. 24.

(*)  L-ebda rekwiżiti kostituzzjonali ma huma indikati.