18.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 287/13


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI UE-ĠORDAN

tat-3 ta’ Ottubru 2012

dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-PEV UE-Ġordan

IL-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI UE/ĠORDAN,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”), u b’mod partikolari l-Artikolu 91 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 91 tal-Ftehim jagħti s-setgħa lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Ġordan li jagħmel rakkomandazzjonijiet adatti għall-finijiet tal-ksib tal-għanijiet tal-Ftehim.

(2)

L-Artikolu 101 tal-Ftehim jipprevedi li l-Partijiet għall-Ftehim jieħdu kull miżura ġenerali jew speċifika meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-Ftehim u jaraw li l-għanijiet stipulati fih jinkisbu.

(3)

Il-Partijiet għall-Ftehim qablu fuq it-test tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) UE-Ġordan (“il-Pjan ta’ Azzjoni tal-PEV”).

(4)

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-PEV ser jappoġġja l-implimentazzjoni tal-Ftehim permezz tal-elaborazzjoni u l-qbil bejn il-Partijiet dwar passi konkreti li jipprovdu gwida prattika għal din l-implimentazzjoni.

(5)

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-PEV iservi l-għan doppju li jistipula passi konkreti biex il-Partijiet jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-Ftehim, u li jipprovdi qafas usa’ għal aktar tisħiħ tar-relazzjonijiet UE-Ġordan biex dawn jinvolvu miżura sinifikanti ta’ integrazzjoni ekonomika u kooperazzjoni politika aktar profonda, skont l-għanijiet ġenerali tal-Ftehim,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Artikolu Uniku

Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jirrakkomanda li l-Partijiet jimplimentaw il-Pjan ta’ Azzjoni tal-PEV (2), safejn din l-implimentazzjoni tiġi diretta lejn il-ksib tal-għanijiet tal-Ftehim.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Ottubru 2012.

Għall-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Ġordan

Il-President

C. ASHTON


(1)  ĠU L 129, 15.5.2002, p. 3.

(2)  Ara d-dokument 3302/12 fuq: http://register.consilium.europa.eu