29.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 81/16


DEĊIŻJONI Nru 1/2011 TAL-KUMITAT KONĠUNT UE–SVIZZERA STABBILIT FIL-FTEHIM BEJN IL-KOMUNITÀ EWROPEA U L-KONFEDERAZZJONI SVIZZERA FIL-QASAM AWDJOVIŻIV, LI JISTABBILIXXI T-TERMINI U L-KUNDIZZJONIJIET GĦALL-PARTEĊIPAZZJONI TAL-KONFEDERAZZJONI SVIZZERA FIL-PROGRAMM TAL-KOMUNITÀ MEDIA 2007

tal-21 ta’ Jannar 2011

dwar l-aġġornar tal-Artikolu 1 tal-Anness I għall-Ftehim

(2011/193/UE)

IL-KUMITAT KONĠUNT,

Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera fil-qasam awdjoviżiv, li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fil-programm tal-Komunità MEDIA 2007 (1) minn issa ’l quddiem imsejjaħ ‘il-Ftehim’, u l-Att Finali għall-Ftehim (2), li t-tnejn kienu ffirmati fi Brussell fil-11 ta’ Ottubru 2007.

Billi:

(1)

Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2010.

(2)

Wara d-dħul fis-seħħ fid-19 ta’ Diċembru 2007 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE (3) kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2007/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) kif ikkodifikata (Id-Direttiva dwar is-Servizzi Awdjoviżivi tal-Midja) , lil-Partijiet Kontraenti jidhrilhom xieraq li għandhom jaġġornaw ir-referenzi għal dik id-Direttiva skont dan, kif stipulat fl-Att Finali għall-Ftehim fid-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Partijiet Kontraenti dwar l-adattament tal-Ftehim għad-Direttiva ġdida tal-Komunità, u għandhom ukoll jaġġornaw l-Artikolu 1 tal-Anness I għall-Ftehim f’konformità wkoll mal-Artikolu 8(7) tal-Ftehim,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-Artikolu 1 tal-Anness I għall-Ftehim għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Libertà ta’ riċezzjoni u ritrażmissjoni tax-xandir

1.   L-Isvizzera għandha tiżgura l-libertà ta’ riċezzjoni u ritrażmissjoni tax-xandir fit-territorju tagħha rigward ix-xandiriet televiżivi fil-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru tal-Unjoni, kif determinat skont id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stipulati mil-liġi, mir-regolamenti jew mill-azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri dwar il-provvediment ta’ servizzi awdjoviżivi tal-midja (*), (minn issa ’l quddiem imsejħa “Id-Direttiva dwar is-Servizzi Awdjoviżivi tal-Midja”), skont il-proċeduri li ġejjin:

L-Isvizzera għandha żżomm id-dritt li

(a)

tissospendi r-ritrażmissjoni tax-xandir minn organizzazzjoni ta’ xandir televiżiv, taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru tal-Unjoni, li b’mod ċar, serju u gravi kisret ir-regoli dwar il-ħarsien tal-minuri u tad-dinjità umana stipulati fl-Artikoli 27(1) jew (2) u/jew fl-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar is-Servizzi Awdjoviżivi tal-Midja;

(b)

titlob lix-xandara fil-ġurisdizzjoni tagħha biex jikkonformaw ma’ regoli iktar dettaljati u stretti fl-oqsma kkoordinati mid-Direttiva dwar is-Servizzi Awdjoviżivi tal-Midja, sakemm dawn ir-regoli jkunu proporzjonati u mhux diskriminatorji.

2.   F’każijiet meta l-Isvizzera:

(a)

tkun eżerċitat il-libertà tagħha skont il-paragrafu 1(b) li tadotta regoli aktar dettaljati jew aktar stretti ta’ interess pubbliku ġenerali; kif ukoll

(b)

tqis li xandar taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru tal-Unjoni jipprovdi xandira televiżiva li hija kompletament jew fil-biċċa l-kbira tagħha diretta lejn it-territorju tagħha;

hija tkun tista’ tikkuntattja lill-Istat Membru li jkollu l-ġurisdizzjoni bil-ħsieb li tinkiseb soluzzjoni reċiprokament sodisfaċenti għal kwalunkwe problema kaġunata. Meta tasal talba ġġustifikata mill-Isvizzera, l-Istat Membru li jkollu l-ġurisdizzjoni għandu jitlob lix-xandar biex jikkonforma mar-regoli ta’ interess pubbliku ġenerali inkwistjoni. Fi żmien xahrejn, l-Istat Membru li jkollu l-ġurisdizzjoni għandu jgħarraf lill-Isvizzera bir-riżultati miksuba wara din it-talba. Kemm l-Isvizzera u kemm l-Istat Membru jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tistieden lill-partijiet konċernati għal laqgħa ad-hoc mal-Kummissjoni fil-marġinu tal-Kumitat ta’ Kuntatt biex ikun eżaminat il-każ.

3.   Meta l-Isvizzera tqis;

(a)

li r-riżultati miksuba permezz tal-applikazzjoni tal-paragrafu 2 mhumiex sodisfaċenti; kif ukoll

(b)

li x-xandar inkwistjoni stabbilixxa lilu nnifsu fl-Istat Membru li jkollu ġurisdizzjoni sabiex jevita r-regoli aktar stretti, fl-oqsma koordinati mid-Direttiva dwar is-Servizzi Awdjoviżivi tal-Midja, li jkunu applikabbli għalih li kieku kien stabbilit fl-Isvizzera;

hija tista’ tadotta miżuri xierqa kontra x-xandar konċernat.

Miżuri bħal dawn għandhom ikunu oġġettivament meħtieġa, applikati b’mod mhux diskriminatorju u jkunu proporzjonati mal-objettivi li huma jfittxu li jwettqu.

4.   L-Isvizzera tista’ tieħu miżuri skont il-paragrafu l(a) jew il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu fil-każ biss li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

hija tkun innotifikat lill-Kumitat Konġunt u lill-Istat Membru li fih huwa stabbilit ix-xandar dwar l-intenzjoni tagħha li tieħu miżuri bħal dawn filwaqt li tissostanzja r-raġunijiet li fuqhom tkun qed tibbaża l-evalwazzjoni tagħha; kif ukoll

(b)

il-Kumitat Konġunt ikun iddeċieda li l-miżuri huma proporzjonati u mhux diskriminatorji, u b’mod partikolari li l-evalwazzjonijiet li jkunu saru mill-Isvizzera skont il-paragrafi 2 u 3 jkunu sostanzjati b’mod korrett.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Jannar 2011.

Għall-Kumitat Konġunt

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-UE

Jean-Eric DE COCKBORNE

Il-Kap tad-Delegazzjoni Svizzera

J.-F. JAUSLIN


(1)  ĠU L 303, 21.11.2007, p. 11.

(2)  ĠU L 303, 21.11.2007, p. 20.

(3)  ĠU L 298, 17.10.1989, p. 23.

(4)  ĠU L 332, 18.12.2007, p. 27.