5.3.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 60/21 |
DEĊIŻJONI Nru 1/2011 TAL-KUMITAT TAL-AMBAXXATURI AKP-UE
tas-17 ta’ Frar 2011
dwar l-istatut tal-Ginea Ekwatorjali fir-rigward tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE emendat
(2011/145/UE)
Il-KUMITAT TAL-AMBAXXATURI AKP-UE,
Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-Membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (1), kif emendat l-ewwel darba fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005 (2) (minn hawn ‘il quddiem “il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE”) u kif emendat għat-tieni darba f’Ouagadougou fit-22 ta’ Ġunju 2010 (3) (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE emendat”) u b’mod partikolari l-Artikolu 15(3) u (4) tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1/2005 tal-Kunsill tal-Ministri AKP-KE tat-8 ta’ Marzu 2005 dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill tal-Ministri AKP-KE (4) u b’mod partikolari l-Artikolu 8(3) tiegħu,
Billi:
(1) |
Il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, kif emendat l-ewwel darba, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2008 skont l-Artikolu 93(3) tiegħu. Il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE emendat ġie applikat provviżorjament mill-31 ta’ Ottubru 2010. |
(2) |
Il-Ginea Ekwatorjali li ffirmat il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE fil-25 ta’ Ġunju 2005, iddepożitat strument ta’ ratifika b’riserva - strument li ġie rrifjutat mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha f’ittra tad-19 ta’ Diċembru 2008. Bħala riżultat, skont l-Artikolu 93(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE emendat, ir-ratifika mhijiex valida. |
(3) |
L-Artikolu 94 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE emendat jistipula li kull talba ta’ adeżjoni ta’ Stat għandha tiġi ppreżentata lill-Kunsill tal-Ministri u approvata minnu. |
(4) |
F’Mejju 2010 il-Ginea Ekwatorjali ppreżentat talba ta’ adeżjoni skont l-Artikolu 94 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE kif ukoll talba ta’ status ta’ osservatur, li jippermettilha li tipparteċipa fl-istituzzjonijiet konġunti stabbiliti permezz tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, sakemm tlestiet il-proċedura ta’ adeżjoni. |
(5) |
L-istatus ta’ osservatur ikun validu sat-30 ta’ April 2011. Il-Ginea Ekwatorjali għandha tiddepożita l-Att ta’ Adeżjoni mad-Depożitarji tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE emendat, jiġifieri, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u s-Segretarjat tal-Istati AKP, mhux aktar tard minn dik id-data. |
(6) |
Skont l-Artikolu 15(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, il-Kunsill tal-Ministri ftiehem f’Ouagadougou fil-21 ta’ Ġunju 2010 li jagħti mandat lill-Kumitat ta’ Ammbaxxaturi biex jieħu deċiżjoni f’ismu, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Approvazzjoni ta’ talba għall-adeżjoni u għal status ta’ osservatur
It-talba tal-Ginea Ekwatorjali għall-adeżjoni mal-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-Membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000, kif emendat l-ewwel darba fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005 u kif emendat għat-tieni darba f’Ouagadougou fit-22 ta’ Ġunju 2010 (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE emendat”) huwa b’dan approvat.
Il-Ginea Ekwatorjali għandu jkollha status ta’ osservatur sat-30 ta’ April 2011 taħt il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE emendat.
Il-Ginea Ekwatorjali għandha tiddepożita l-Att ta’ Adeżjoni tagħha mad-Depożitarji tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE emendat, jiġifieri, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u s-Segretarjat tal-Istati AKP, mhux aktar tard minn dik id-data.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Frar 2011.
Għall-Kunsill tal-Ministri AKP-UE mill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE
Il-President
GYÖRKÖS P.
(1) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.
(2) Ftehim li jemenda l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-Membri tal-Grupp ta’ Stati tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku, fuq naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq in-naħa l-oħra, iffirmata f’Kotonuù fit-23 ta’ Ġunju 2000 (ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27).
(3) Ftehim i jemenda għat-tieni darba l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000, kif emendat għall-ewwel darba fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005 (ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3).
(4) ĠU L 95, 14.4.2005, p. 44.